30.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/41


REGOLAMENT (UE) 2021/1232.TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Lulju 2021

dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), flimkien mal-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi regoli li jiżguraw id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-iskambji tad-data fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Dik id-Direttiva tittratta b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tikkumplimentah (4).

(2)

Id-Direttiva 2002/58/KE tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament. Sal-21 ta’ Diċembru 2020 kienet tapplika d-definizzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stipulata fl-Artikolu 2, punt (c), tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F’dik id-data, id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ħassret id-Direttiva 2002/21/KE. Id-definizzjoni ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tinkludi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (7), ta’ dik id-Direttiva. Għaldaqstant, is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet personali indipendenti min-numri, li jinkludu, pereżempju, il-vuċi fuq Protokoll tal-Internet, is-servizzi tal-messaġġi u dawk bil-webmail, għalhekk inġiebu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE fil-21 ta’ Diċembru 2020.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). L-Artikolu 7 tal-Karta jipproteġi d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha, li jinkludi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. L-Artikolu 8 tal-Karta fih id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

(4)

L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal (“UNCRC”) u l-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedu li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja. L-Artikolu 3(2) UNCRC u l-Artikolu 24(1) tal-Karta jevokaw ukoll id-dritt tat-tfal għal tali protezzjoni u l-kura kif inhu meħtieġ għall-benesseri tagħhom.

(5)

Il-protezzjoni tat-tfal, kemm offline u kif ukoll online, hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni. L-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-drittijiet tat-tfal li jiġu protetti minn kull forma ta’ vjolenza, abbuż, negliġenza, maltrattament jew sfruttament, inkluż l-abbuż sesswali, kif previst mill-UNCRC u mill-Karta. Id-diġitalizzazzjoni ġabet magħha ħafna benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija, iżda ġabet magħha wkoll sfidi, li jinkludu żieda fl-abbuż sesswali tat-tfal online. Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni bit-titlu “Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal” (“l-Istrateġija”). L-Istrateġija għandha l-għan li tipprovdi rispons effettiv, fil-livell tal-Unjoni, għar-reat tal-abbuż sesswali tat-tfal.

(6)

F’konformità mad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), dan ir-Regolament ma jirregolax il-politiki tal-Istati Membri rigward attivitajiet sesswali konsenswali li fihom jistgħu jkunu involuti t-tfal u li jistgħu jitqiesu bħala l-iskoperta normali tas-sesswalità fil-kors tal-iżvilupp uman, filwaqt li jittieħed kont tat-tradizzjonijiet kulturali u legali differenti u ta’ forom ġodda ta’ kif jiġu stabbiliti u mantnuti relazzjonijiet fost it-tfal u l-adolexxenti, inkluż permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

(7)

Xi fornituri ta ċerti servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (“fornituri”), bħas-servizzi tal-messaġġi u bil-webmail, diġà jużaw teknoloġiji speċifiċi fuq bażi volontarja, biex jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u jirrapportawh lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal„ billi jiskennjaw jew il-kontenut, bħall-immaġnijiet u t-test, jew id-data dwar it-traffiku tal-komunikazzjonijiet bl-użu, f’xi każijiet, ta’ data storika. It-teknoloġija użata għal dawk l-attivitajiet tista’ tkun teknoloġija tal-“hashing” għall-immaġnijiet u vidjows u klassifikaturi u intelliġenza artifiċjali għall-analiżi tat-test jew tad-data dwar it-traffiku. Meta tintuża teknoloġija tal-“hashing”, il-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online huwa rrapportat meta jirriżulta hit pożittiv, li jfisser tqabbil li jirriżulta minn paragun bejn immaġni jew vidjow u firma diġitali mhux rikonvertibbli u unika (“hash”) minn bażi tad-data mantnuta minn organizzazzjoni li taġixxi fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li jkun fiha materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online vverifikat. Dawk il-fornituri jirreferu għall-hotlines nazzjonali għar-rapportar ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u għal organizzazzjonijiet, li jinsabu kemm fl-Unjoni u kif ukoll f’pajjiżi terzi, li l-iskop tagħhom huwa li jidentifikaw lit-tfal, inaqqsu l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-abbuż sesswali, u li jipprevjenu l-vittimizzazzjoni tat-tfal. Organizzazzjonijiet bħal dawn jista’ jkun li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679. Kollettivament, attivitajiet volontarji bħal dawn għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tal-identifikazzjoni u s-salvataġġ tal-vittmi, li d-drittijiet fundamentali tagħhom għad-dinjità tal-bniedem u għall-integrità fiżika u mentali jkunu nkisru serjament. Attivitajiet volontarji bħal dawn huma importanti wkoll biex inaqqsu t-tixrid ulterjuri ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u biex jikkontribwixxu wkoll għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delinkwenti u għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

(8)

Minkejja l-objettiv leġittimu tagħhom, attivitajiet volontarji mill-fornituri biex jiġi individwat l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar jikkostitwixxu interferenza fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali tal-utenti kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (“utenti”). Kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, ma tistax tiġi ġġustifikata sempliċement minħabba li l-fornituri kienu qed jużaw ċerti teknoloġiji fi żmien fejn servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri ma kinux jaqgħu fi ħdan id-definizzjoni ta’ “servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”. Tali limitazzjonijiet huma possibbli biss taħt ċerti kundizzjonijiet. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, u għandhom jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet għall-ħajja privata u tal-familja u għall-protezzjoni tad-data personali u, soġġetti għall-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom ikunu meħtieġa u jilħqu ġenwinament l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. Fejn tali limitazzjonijiet jinvolvu b’mod permanenti l-monitoraġġ u l-analiżi ġenerali u indiskriminati tal-komunikazzjonijiet tal-utenti kollha, dawn jinterferixxu mad-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

(9)

Sal-20 ta’ Diċembru 2020, l-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri permezz ta’ miżuri volontarji għall-iskop tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom kien irregolat unikament mir-Regolament (UE) 2016/679. Id-Direttiva (UE) 2018/1972, li kellha tiġi trasposta sal-20 ta’ Diċembru 2020, daħħlet lill-fornituri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE. Sabiex ikomplu jużaw tali miżuri volontarji wara l-20 ta’ Diċembru 2020, il-fornituri jenħtieġ li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2016/679 se jkompli japplika għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq permezz ta’ tali miżuri volontarji.

(10)

Id-Direttiva 2002/58/KE ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-ipproċessar tad-data personali mill-fornituri b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għall-iskop tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom. Madankollu, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti, fost l-oħrajn, fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-Direttiva, li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku, għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali marbuta mal-abbuż sesswali tat-tfal. Fin-nuqqas ta’ tali miżuri leġiżlattivi nazzjonali, u sakemm jiġi adottat qafas legali ġdid aktar fit-tul biex jiġi indirizzat l-abbuż sesswali tat-tfal fil-livell tal-Unjoni, il-fornituri ma jistgħux jibqgħu jiddependu mir-Regolament (UE) 2016/679 biex ikomplu jużaw miżuri volontarji biex jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq servizzi oħrajn u jirrapportawh u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom lil hinn mill-21 ta’ Diċembru 2020. Dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-ipproċessar tad-data personali minn fornituri għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom, iżda jipprevedi deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE. Dan ir-Regolament jistabbilixxi salvagwardji addizzjonali li jridu jiġu rrispettati mill-fornituri jekk jixtiequ jiddependu minnu.

(11)

L-ipproċessar tad-data għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar ta’ immaġnijiet u vidjows permezz ta’ mezzi tekniċi speċifiċi li jippermettu l-identifikazzjoni jew l-awtentikazzjoni unika ta’ persuna fiżika jitqies li hu pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali.

(12)

Għaldaqstant, dan ir-Regolament jipprevedi deroga temporanja mill-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, li jipproteġu l-konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku. L-użu volontarju mill-fornituri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra sal-punt meħtieġ għall-identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista minn dan ir-Regolament sakemm tali użu jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, u għalhekk huwa soġġett għas-salvagwardji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679.

(13)

Id-Direttiva 2002/58/KE ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha adottaw miżuri leġiżlattivi f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-data tat-traffiku kif stabbilit f’dik id-Direttiva 2002/58/KE, u l-adozzjoni ta’ tali miżuri tinvolvi riskju sinifikanti ta’ frammentazzjoni li x’aktarx taffettwa s-suq intern b’mod negattiv. Konsegwentement dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE

(14)

Billi d-data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jinvolvu lill-persuni fiżiċi tikkwalifika normalment bħala data personali, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE, li jipprovdi bażi ġuridika speċifika għall-adozzjoni ta’ regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u mill-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, u regoli relatati mal-moviment liberu ta’ din id-data.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi minn fornituri għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom sal-estent li dak l-ipproċessar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista minn dan ir-Regolament.

(16)

It-tipi ta’ teknoloġiji użati għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu l-inqas intrużivi possibbli għall-privatezza f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Jenħtieġ li dawk it-teknoloġiji ma jintużawx għall-iffiltrar u l-iskennjar sistematiċi ta’ test f’komunikazzjonijiet għajr biss biex jiġu identifikati xejriet li jindikaw elementi konkreti possibbli ta’ suspett ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, u jeħtieġ li ma ikunux jistgħu jiddeduċu s-sustanza tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet. Fil-każ ta’ teknoloġija użata għall-identifikazzjoni ta’ solleċitazzjoni tat-tfal, tali raġunijiet konkreti ta’ suspett jenħtieġ li jkunu bbażati fuq fatturi ta’ riskju identifikati b’mod oġġettiv bħad-differenza fl-età u l-involviment probabbli ta’ xi tifel jew tifla fil-komunikazzjoni skennjata.

(17)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri u mekkaniżmi ta’ rimedju xierqa biex jiġi żgurat li l-individwi jkunu jistgħu jressqu lmenti ma’ fornituri. Tali proċeduri u mekkaniżmi huma, b’mod partikolari, rilevanti fejn il-kontenut li ma jikkostitwixxix abbuż sesswali tat-tfal online jkun tneħħa jew ġie rrapportat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lil xi organizzazzjoni li taġixxi fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.

(18)

Sabiex jiġu żgurati l-akkuratezza u l-affidabbiltà kemm jista’ jkun, it-teknoloġija użata għall-finijet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fl-industrija, jenħtieġ li tkun tali li tillimita n-numri u l-proporzjon tal-iżbalji (“pożittivi foloz”) sal-limitu massimu possibbli u, fejn meħtieġ, li tirrettifika mingħajr dewmien kwalunkwe żball bħal dawn li jistgħu jseħħu xorta waħda.

(19)

Id-data dwar il-kontenut u d-data dwar it-traffiku pproċessata, u d-data personali ġġenerata fit-twettiq tal-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament, u l-perjodu li matulu d-data tiġi sussegwentement maħżuna f’każ tal-identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali suspettat tat-tfal online, jenħtieġ li jibqgħu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jitwettqu dawk l-attivitajiet. Kwalunkwe data jenħtieġ li titħassar minnufih u b’mod permanenti hekk kif ma tibqx strettament meħtieġa għal wieħed mill-għanijiet speċifikati f’dan ir-Regolament, inkluż fejn ma jiġi identifikat l-ebda abbuż sesswali tat-tfal suspettat online, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tal-identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali suspettat tat-tfal online. Din jenħtieġ li ssir mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tinħażen id-data dwar il-kontenut u d-data dwar it-traffiku rilevanti f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwa l-applikazzjoni tal-ebda obbligu legali skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali li tiġi ppreservata d-data li tapplika għall-fornitur.

(20)

Dan ir-Regolament ma jżommx lill-fornitur li jkun rrapportaabbuż sesswali tat-tfal online lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi milli jitolbu lil dawk l-awtoritajiet jirrikonoxxu riċevuta tar-rapport.

(21)

Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa skont id-deroga previsti minn dan ir-Regolament, il-fornituri jenħtieġ li sat-3 ta’ Frar 2022, u minn hemm ’il quddiem sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, jippubblikaw u jissottomettu rapporti lill-awtorità superviżorja kompetenti deżinjata skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (“awtorità superviżorja”) u lill-Kummissjoni. Tali rapporti jenħtieġ li jkopru,l-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż it-tip u l-volumi tad-data pproċessata, il-motiv speċifiku li jiġi invokat għall-ipproċessar tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-motiv li jiġi invokat għat-trasferimenti tad-data personali barra mill-Unjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, fejn ikun applikabbli, l-għadd ta’ każijiet identifikati ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u s-solleċitazzjoni tat-tfal, l-għadd ta’ każijiet li fihom utent ikun ressaq ilment mal-mekkaniżmu ta’ rimedju intern jew fittex rimedju ġudizzjarju u l-eżitu ta’ tali ilmenti u proċedimenti ġudizzjarji, in-numri u l-proporzjonijiet tal-iżbalji (pożittivi foloz) tat-teknoloġiji differenti użati, il-miżuri applikati biex jiġu limitati r-rata ta’ żball u r-rata ta’ żball miksuba, il-politika taż-żamma u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data applikati skont ir-Regolament (UE) 2016/679, u l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li magħhom tkun ġiet kondiviża d-data skont dan ir-Regolament.

(22)

Sabiex tappoġġja lill-awtoritajiet superviżorji bil-kompiti tagħhom, il-Kummissjoni jenħtieġ li titlob lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data joħroġ linji gwida dwar il-konformità tal-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga stabbilita f’dan ir-Regolament mar-Regolament (UE) 2016/679. Meta l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw jekk teknoloġija stabbilita jew ġdida li trid tintuża hijiex f’konformità mal-aktar teknoloġija avvanzata fl-industrija, l-inqas waħda li hi intrużiva fil-privatezza u li topera fuq bażi legali adegwata skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Dawk il-linji gwida jenħtieġ li, b’mod partikolari, jassistu lill-awtoritajiet superviżorji fl-għoti ta’ pariri fil-qafas tal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel stabbilita f’dak ir-Regolament.

(23)

Dan ir-Regolament jirrestrinġi d-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u jidderoga mid-deċiżjoni meħuda fid-Direttiva (UE) 2018/1972 biex is-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jiġu soġġetti għall-istess regoli li japplikaw għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi l-oħrajn kollha fir-rigward tal-privatezza, għall-iskop uniku li jiġi identifikat l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq dawk is-servizzi u r-rapportar tiegħu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u jitneħħa l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online minn dawk is-servizzi. Għaldaqstant, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi limitat għal tliet snin mid-data tal-applikazzjoni tiegħu, biex jitħalla biżżejjed żmien biex jiġi adottat qafas legali ġdid fit-tul. Fejn il-qafas legali fit-tul jiġi adottat u jidħol fis-seħħ qabel dik id-data, jenħtieġ li dak il-qafas legali fit-tul iħassar dan ir-Regolament.

(24)

Fir-rigward tal-attivitajiet l-oħra kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE, il-fornituri jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-obbligi speċifiċi stabbiliti f’dik id-Direttiva, u konsegwentement għas-setgħat ta’ monitoraġġ u dawk investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont dik id-Direttiva.

(25)

Il-kriptaġġ minn tarf sa tarf huwa għodda importanti biex tiġi ggarantita s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tal-utenti, inklużi dawk tat-tfal. Kwalunkwe dgħajfien tal-kriptaġġ tista’ potenzjalment tiġi abbużata minn partijiet terzi malizzjużi. Għalhekk, jenħtieġ li l-ebda ħaġa f’dan ir-Regolament ma tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi jew iddgħajjef il-kriptaġġ minn tarf sa tarf.

(26)

Id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, huwa dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Għalhekk huwa wkoll prerekwiżit għal komunikazzjonijiet siguri bejn il-vittmi ta’ abbuż sesswali tat-tfal u adult fdat jew organizzazzjonijiet attivi fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal kif u għal komunikazzjonijiet bejn il-vittmi u l-avukati tagħhom.

(27)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza professjonali skont il-liġi nazzjonali, bħar-regoli dwar il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet professjonali, bejn it-tobba u l-pazjenti tagħhom, bejn il-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom, jew bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, b’mod partikolari peress li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża bħala parti essenzjali mid-dritt għal proċess ġust. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar ir-reġistri tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-organizzazzjonijiet li joffru konsulenza lill-individwi li jinsabu f’diffikultà.

(28)

Il-fornituri jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li jirrapportawlhom abbuż sesswali potenzjali tat-tfal online skont dan ir-Regolament. Filwaqt li hija r-responsabbiltà unika tal-fornituri li jaġixxu bħala kontrolluri li jivvalutaw ma’ liema parti terza jistgħu jikkondividu d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza rigward it-trasferiment ta’ każijiet potenzjali ta’ abbuż sesswali tat-tfal online billi tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal ikkomunikata lilha. Dik il-lista pubblika jenħtieġ li tkun faċilment aċċessibbli. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-fornituri jużaw dik il-lista biex jidentifikaw organizzazzjonijiet rilevanti fil-ġlieda globali kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online. Dik il-lista jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-fornituri li jaġixxu bħala kontrolluri skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jwettqu kwalunkwe trasferiment ta’ data personali barra mill-Unjoni skont il-Kapitolu V ta’ dak ir-Regolament u l-obbligu tagħhom li jissodisfaw l-obbligi kollha skont il-Kapitolu IV ta’ dak ir-Regolament.

(29)

L-istatistika li trid tiġi provduta mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament tikkostitwixxi indikaturi importanti għall-evalwazzjoni tal-politika, inkluż tal-miżuri leġiżlattivi. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi rikonoxxut l-impatt tal-vittimizzazzjoni sekondarja li hija inerenti fil-kondiviżjoni ta’ immaġni u vidjows tal-vittmi ta’ abbuż sesswali tat-tfal li jista’ jkun li ilhom jiċċirkolaw għal snin sħaħ u li mhuwiex rifless bis-sħiħ f’tali statistika.

(30)

F’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jiġu pprovduti r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom tali riżorsi suffiċjenti għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament.

(31)

Meta fornitur ikun wettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u jkun ikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji fir-rigward ta’ teknoloġija f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dak il-fornitur jenħtieġ li ma jkunx obbligat skont dan ir-Regolament li jwettaq valutazzjoni addizzjonali tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jew konsultazzjoni dment li l-awtoritajiet superviżorji jkunu indikaw li l-ipproċessar tad-data minn dik it-teknoloġija ma jirriżultax f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi jew li jkunu ttieħdu miżuri mill-kontrollur biex tali riskju jittaffa.

(32)

L-utenti jenħtieġ li jkollhom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv meta d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru b’riżultat tal-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali tat-tfal online fuq servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri u r-rapportar tiegħu u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online minn dawk is-servizzi, pereżempju fejn il-kontenut jew l-identità ta’ utent jkunu ġew irrapportati lil xi organizzazzjoni li taġixxi fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal jew lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew fejn il-kontenut ta’ utent ikun tneħħa jew il-kont ta’ utent ikun ġie mblukkat jew ikun ġie sospiż servizz offrut lilu.

(33)

F’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE u l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, l-ipproċessar tad-data personali u data oħra jenħtieġ li jkun limitat għal data dwar il-kontenut u data relatata dwar it-traffiku, sa fejn ikun strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-Regolament.

(34)

Id-deroga prevista minn dan ir-Regolament jenħtieġ li testendi għall-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, li huma applikabbli għall-ipproċessar ta’ data kemm personali kif ukoll mhux personali pproċessata fil-kuntest tal-forniment ta’ servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri.

(35)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li tinħoloq deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE mingħajr ma tinħoloq frammentazzjoni fis-suq intern. Barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali probabbilment ma jkunux jistgħu jiġu adottati fil-ħin mill-Istati Membri kollha. Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan. Huwa jintroduċi deroga temporanja u strettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, b’serje ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-kisba tal-għan stabbilit.

(36)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Novembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji u strettament limitati li jidderogaw mill-applikazzjoni ta’ ċerti obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2002/58/KE, bl-objettiv uniku li jippermetti lill-fornituri ta’ ċerti servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (“fornituri”) jużaw, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, it-teknoloġiji speċifiċi għall-ipproċessar tad-data personali u data oħra sal-punt strettament meħtieġ biex jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u jirrappurtawh u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-iskennjar ta’ komunikazzjonijiet bl-awdjo.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri” jfisser servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(2)

“materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online” tfisser:

(a)

pedopornografija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (c), tad-Direttiva 2011/93/UE;

(b)

prestazzjoni pornografika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (e), tad-Direttiva 2011/93/UE;

(3)

“solleċitazzjoni tat-tfal” tfisser kwalunkwe mġiba intenzjonali li tikkostitwixxi reat skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/93/UE;

(4)

“abbuż sesswali tat-tfal online” tfisser “materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online” u solleċitazzjoni tat-tfal.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga

1.   L-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE m’għandhomx japplikaw għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet li jinvolvu l-ipproċessar minn fornituri ta’ data personali u data oħra b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri sakemm:

(a)

l-ipproċessar ikun:

(i)

strettament meħtieġ għall-użu ta’ teknoloġija speċifika għall-iskop uniku li jiġi identifikat u jitneħħa l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u li dan jiġi rrapportat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u li tiġi identifikata s-solleċitazzjoni tat-tfal u din tiġi rrapportata lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal;

(ii)

proporzjonat u limitat għal teknoloġiji li jintużaw mill-fornituri għall-iskop stabbilit fil-punt (i):

(iii)

limitat għal data dwar il-kontenut u data relatata dwar it-traffiku li hija strettament meħtieġa għall-iskop stabbilit fil-punt (i);

(iv)

limitat għal dak li hu strettament meħtieġ għall-iskop stabbilit fil-punt (i);

(b)

it-teknoloġiji użati għall-iskop stabbilit fil-punt (a)(i) ta’ dan il-paragrafu huma f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fl-industrija u huma l-inqas intrużivi possibbli għall-privatezza, inkluż fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data bid-disinn u b’mod awtomatiku kif stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, sal-punt li jintużaw biex jiskennjaw komunikazzjonijiet li fihom test, ma jkunux kapaċi jiddeduċu s-sustanza tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet iżda jistgħu jidentifikaw biss xejriet li jindikaw il-possibbiltà ta’ abbuż sesswali tat-tfal online;

(c)

fir-rigward ta’ kwalunkwe teknoloġija speċifika użata għall-iskopstabbilit fil-punt (a)(i) ta’ dan il-paragrafu, ikunu twettqu valutazzjoni minn qabel tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2016/679 u proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament;

(d)

fir-rigward ta’ teknoloġija ġdida, jiġifieri teknoloġija użata għall-iskop tal-identifikazzjoni ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online li ma tkunx intużat minn xi fornitur fir-rigward ta’ servizzi pprovduti lill-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (“utenti”) fl-Unjoni qabel it-2 ta’ Awwissu 2021, u fir-rigward tat-teknoloġija użata għall-iskop tal-identifikazzjoni ta’ solleċitazzjoni possibbli tat-tfal, il-fornitur jirrapporta lura lill-awtorità kompetenti dwar il-miżuri meħuda biex juri l-konformità mal-parir bil-miktub maħruġ f’konformità mal-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 mill-awtorità superviżorja kompetenti ddeżinjata skont il-Kapitolu VI, it-Taqsima 1, ta’ dan ir-Regolament (“awtorità superviżorja”) matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel;

(e)

it-teknoloġiji użati jkunu affidabbli biżżejjed fis-sens li jillimitaw kemm jista’ jkun ir-rata tal-iżbalji fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ kontenut li jirrappreżenta l-abbuż sesswali tat-tfal online u, fejn iseħħu tali żbalji okkażjonali, il-konsegwenzi tagħhom jiġu rettifikati mingħajr dewmien;

(f)

it-teknoloġiji użati għall-identifikazzjoni tax-xejriet tas-solleċitazzjoni possibbli tat-tfal tkun limitata għall-użu tal-indikaturi ewlenin rilevanti u fatturi ta’ riskju identifikati b’mod oġġettiv bħad-differenza fl-età u l-involviment probabbli ta’ xi tifel jew tifla fil-komunikazzjoni skennjata, mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rieżami uman.

(g)

il-fonituri:

(i)

ikunu stabbilixxew proċeduri interni biex jipprevjenu l-abbuż tal-aċċess mhux awtorizzat għal, u t-trasferimenti mhux awtorizzati ta’, data personali u data oħra;

(ii)

jiżguraw is-sorveljanza mill-bniedem tal-ipproċessar tad-data personali u data oħra u, fejn meħtieġ, l-intervent tal-bniedem f’tali pproċessar, bl-użu ta’ teknoloġiji li jaqgħu taħt dan ir-Regolament;

(iii)

jiżguraw li materjal li ma jkunx ġie identifikat preċedentement bħala materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online jew ta’ solleċitazzjoni tat-tfal, ma jiġix irrappurtat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal mingħajr il-konferma minn qabel mill-bniedem;

(iv)

ikunu stabbilixxew proċeduri xierqa u mekkaniżmi ta’ rimedju biex jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jressqu lmenti magħhom fi żmien raġonevoli bil-għan li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom;

(v)

jinfurmaw lill-utenti b’mod ċar, prominenti u komprensibbli dwar il-fatt li invokaw, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, id-deroga legali mill-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tal-utenti għall-iskop uniku stabbilit fil-punt (a)(i) ta’ dan il-paragrafu, il-loġika wara l-miżuri li ħadu taħt id-deroga u l-impatt fuq il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tal-utenti, inkluża l-possibbiltà li d-data personali tiġi kondiviża mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal;

(vi)

jinfurmaw lill-utenti dwar dan li ġej, fejn il-kontneut tagħhom ikun tneħħa jew il-kont tagħhom ikun ġie mblukkat jew servizz offrut lilhom ikun ġie sospiż:

(1)

il-perkorsi għal tfittix ta’ rimedju mingħandhom;

(2)

il-possibbiltà li jressqu ilment quddiem awtorità superviżorja; u

(3)

id-dritt għal rimedju ġudizzjarju;

(vii)

sat-3 ta’ Frar 2022, u minn hemm ’il quddiem sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, jippubblikaw u jissottomettu lill-awtorità superviżorja kompetenti u lill-Kummissjoni rapport tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, inkluż dwar:

(1)

it-tip u l-volumi tad-data pproċessata;

(2)

ir-raġuni speċifika invokata għall-ipproċessar skont ir-Regolament (UE) 2016/679;

(3)

ir-raġuni invokata għat-trasferimenti tad-data personali barra mill-Unjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, fejn ikun applikabbli;

(4)

l-għadd ta’ każijiet identifikati ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u s-solleċitazzjoni tat-tfal online;

(5)

l-għadd ta’ każijiet li fihom utent ikun ressaq ilment lill-mekkaniżmu ta’ rimedju intern jew lil xi awtorità ġudizzjarja u l-eżitu ta’ dawk l-ilmenti;

(6)

in-numri u l-proporzjonijiet tal-iżbalji (pożittivi foloz) tat-teknoloġiji differenti użati;

(7)

il-miżuri applikati biex jiġu limitati r-rata ta’ żball u r-rata ta’ żball miksuba;

(8)

il-politika taż-żamma u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data applikati skont ir-Regolament (UE) 2016/679;

(9)

l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li magħhom tkun ġiet kondiviża d-data skont dan ir-Regolament;

(h)

fejn ikun ġie identifikat abbuż sesswali tat-tfal online suspettat, id-data dwar il-kontenut u d-data relatata dwar it-traffiku pproċessata għall-fini stabbilit fil-punt (a)(i)„ u d-data personali ġġenerata permezz ta’ tali pproċessar jinħażnu b’mod sigur, unikament għall-finijiet ta’:

(i)

rapportar, mingħajr dewmien, tal-abbuż sesswali tat-tfal online suspettat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti u lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal;

(ii)

imblukkar tal-kont tal-utent ikkonċernat, jew sospensjoni jew terminazzjoni tal-forniment tas-servizz lill-utent ikkonċernat;

(iii)

ħolqien ta’ firma diġitali unika, mhux konvertibbli mill-ġdid (“hash”) ta’ data identifikata b’mod affidabbli bħala materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online;

(iv)

għoti ta’ possibilità lill-utent ikkonċernat li jfittex rimedju mill-fornitur jew ifittex rieżami amministrattiv jew rimedji ġudizzjarji dwar kwistjonijiet relatati mal-abbuż sesswali tat-tfal online suspettat; jew

(v)

għoti ta’ tweġiba għal talbiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji f’konformità mal-liġi applikabbli biex jipprovdulhom id-data meħtieġa għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali kif stipulat fid-Direttiva 2011/93/UE;

(i)

id-data ma tinħażinx għal aktar minn kemm ikun strettament meħtieġ għall-iskop rilevanti stabbilit fil-punt (h) u, fi kwalunkwe każ, għal mhux aktar minn 12-il xahar mid-data tal-identifikazzjoni tal-abbuż sesswali suspettat tat-tfal online;

(j)

kull każ ta’ suspett raġunat u vverifikat ta’ abbuż sesswali tat-tfal online jiġi rrapportat mingħajr dewmien lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-infurzar tal-liġi jew lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.

2.   Sat-3 ta’ April 2022, il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punt (c), ma għandhiex tapplika għall-fornituri li:

(a)

kienu qed jużaw teknoloġija speċifika qabel it-2 ta’ Awwissu 2021 għal-iskop stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a)(i), mingħajr ma kienu kkompletaw proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel fir-rigward ta’ dik it-teknoloġija;

(b)

jibdew proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, qabel it-3 ta’ Settembru 2021; u;

(c)

jikkooperaw kif xieraq mal-awtorità superviżorja kompetenti b’rabta ma l-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel msemmija fil-punt (b).

3.   Sat-3 ta’ April 2022, il-kundizzjoni stabbilita fil--paragrafu 1, il-punt (d), ma għandhiex tapplika għall-fornituri li:

(a)

kienu qed jużaw xi teknoloġija kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (d), qabel it-2 ta’ Awwissu 2021 mingħajr ma kienu kkompletawproċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel fir-rigward ta’ dik it-teknoloġija;

(b)

jibdew proċedura kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (d), qabel it-3 ta’ Settembru 2021; u

(c)

jikkooperaw kif xieraq mal-awtorità superviżorja kompetenti b’rabta mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d).

Artikolu 4

Linji gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Sat-3 ta’ Settembru 2021, u skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jippubblika linji gwida sabiex jassisti lill-awtoritajiet superviżorji fil-valutazzjoni ta’ jekk l-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għal teknoloġiji eżistenti u ġodda użati għall-iskop stabbilit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(i), ta’ dan ir-Regolament, jikkonformax mar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 5

Rimedji ġudizzjarji effettivi

F’konformità mal-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58/KE, l-utenti għandu jkollhom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huma jqisu li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali u data oħra għall-iskop stabbilit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(i) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Awtoritajiet superviżorji

L-awtoritajiet superviżorji maħtura skont il-Kapitolu VI, Taqsima 1, tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jimmonitorjaw l-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-kompetenzi u s-setgħat tagħhom skont dak il-Kapitolu.

Artikolu 7

Lista pubblika tal-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal

1.   Sat-3 ta’ Settembru 2021, il-fornituri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni lista tal-ismijiet ta’ organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li lilhom jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal online taħt dan ir-Regolament. Il-fornituri għandhom jikkomunikaw kwalunkwe bidla f’dik il-lista lill-Kummissjonifuq bażi regolari.

2.   Sat-3 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-ismijiet ta’ organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal ikkomunikati lilha skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha żżomm dik il-lista pubblika aġġornata.

Artikolu 8

Statistika

1.   Sat-3 ta’ Awwissu 2022, u fuq bażi annwali minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti bl-istatistika dwar dan li ġej:

(a)

l-għadd totali ta’ rapporti ta’ abbuż sesswali tat-tfal online identifikat li ġew sottomessi mill-fornituri u l-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-infurzar tal-liġi, li jagħmlu distinzjoni, fejn taliinformazzjoni tkun disponibbli, bejn l-għadd assolut ta’ każijiet u dawk il-każijiet irrapportati diversi drabi u t-tip ta’ fornitur li fuq is-servizz tiegħu ikun ġie identifikat l-abbuż sesswali tat-tfal online;

(b)

l-għadd ta’ tfal identifikati permezz ta’ azzjonijiet previsti fl-Artikolu 3, iddifferenzjat mill-ġeneru;

(c)

l-għadd ta’ awturi ta’ reat ikkundannati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tqisha meta tkun qed tħejji r-rapport ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 9.

Artikolu 9

Rapport ta’ implimentazzjoni

1.   Abbażi tar-rapporti sottomessi skont l-Artikolu 3(1)(e), il-punt (g)(vii), u l-istatistika pprovduta skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha, sat-3 ta’ Awwissu 2023, tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tissottomettih u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Fir-rapport ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari:

(a)

il-kundizzjonijiet kollha għall-ipproċessar tad-data personali u ta’ data oħra stabbilita fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(ii), u l-punti (b), (c) u (d);

(b)

il-proporzjonalità tad-deroga prevista minn dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni tal-istatistika sottomessa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8;

(c)

l-iżviluppi fil-progress teknoloġiku fir-rigward tal-attivitajiet koperti b’dan ir-Regolament, u l-punt sa fejn dawn l-iżviluppi jtejbu l-akkuratezza u jnaqqsu l-għadd u l-proporzjon tal-iżbalji (pożittivi foloz).

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sat-3 ta’ Awwissu 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 63.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2021.

(3)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(7)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).