24.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1018

tat-22 ta’ Ġunju 2021

li jemenda l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ indikaturi ta’ importanza sistemika globali, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1030/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 434a tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 441 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedi li l-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) jiddivulgaw, fuq bażi annwali, il-valuri tal-indikaturi użati għad-determinazzjoni tal-punteġġ tagħhom skont il-metodoloġija tal-identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1030/2014 (3), li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 441(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jistabbilixxi l-formati u d-dati uniformi għad-divulgazzjoni tal-valuri użati għall-identifikazzjoni tal-G-SIIs. L-Artikolu 441(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(2)

L-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE jistabbilixxi l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-G-SIIs. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014 (5) jispeċifika l-metodoloġija għal dik l-identifikazzjoni u jiddefinixxi s-subkategoriji tal-G-SIIs. Ir-Regolament ta’ Delega Nru 1222/2014 ġie emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/539 (6) biex jitqiesu l-istandards internazzjonali riveduti dwar l-identifikazzjoni tal-G-SIIs kif adottati mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) f’Lulju 2018 (7). Dawk l-istandards internazzjonali riveduti, u b’mod partikolari r-rekwiżit li jintuża format uniformi għall-informazzjoni dwar il-valuri tal-indikaturi użati għad-determinazzjoni tal-punteġġ tal-G-SIIs imsemmija fl-Artikolu 441 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li jiġu riflessi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 (8).

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 jiġi emendat skont dan.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2019/876 introduċa wkoll l-Artikolu 434a fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika formati uniformi ta’ divulgazzjoni għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu vvalutati l-profili tar-riskju tal-istituzzjonijiet u l-grad ta’ konformità tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet Wieħed sa Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 ġie adottat abbażi ta’ dak l-Artikolu 434a jintroduċi rekwiżiti ġodda minflok dawk stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1030/2014. Għalhekk jixraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1030/2014 jitħassar.

(5)

Sabiex jiġi żgurat trasferiment bla xkiel mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1030/2014 għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637, id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun l-istess bħad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 li hija t-28 ta’ Ġunju 2021. Għall-istess raġuni, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandha tkun l-istess bħall-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, qabel id-data tal-applikazzjoni li hija t-28 ta’ Ġunju 2021.

(6)

Il-BCBS ippubblika l-Qafas ta’ Basel ikkonsolidat f’Diċembru 2019, inklużi r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni aġġornati tal-Pilastru 3 (9), li fil-biċċa l-kbira ġew introdotti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 permezz tar-Regolament (UE) 2019/876. Sabiex jiġu implimentati dawk l-emendi, ġie stabbilit qafas ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru 3 konsistenti u komplut permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637. Għalhekk, meta l-G-SIIs jiddivulgaw l-informazzjoni dwar il-valuri tal-indikaturi użati għad-determinazzjoni tal-punteġġ tagħhom, jenħtieġ li jużaw rapport tal-Pilastru 3 konsistenti ma’ dan ir-Regolament.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(8)

L-Awtorità Bankarja Ewropea għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej:

“Artikolu 6a

Divulgazzjoni tal-indikaturi ta’ importanza sistemika globali

1.   Il-G-SIIs għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni dwar il-valuri tal-indikaturi użati għad-determinazzjoni tal-punteġġ tagħhom imsemmi fl-Artikolu 441 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi jużaw il-format ta’ divulgazzjoni uniformi msemmi fl-Artikolu 434a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li għandu jintuża għall-ġbir tal-valuri tal-indikatur mill-awtoritajiet rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe data anċillari u entrati ta’ memorandum miġbura f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

2.   Il-G-SIIs għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rapport tagħhom tal-Pilastru 3 ta’ tmiem is-sena. Il-G-SIIs għandhom jiddivulgaw mill-ġdid l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fl-ewwel rapport tal-Pilastru 3 tagħhom wara s-sottomissjoni finali tal-valuri tal-indikaturi lill-awtoritajiet rilevanti, meta ċ-ċifri sottomessi jkunu differenti miċ-ċifri divulgati fir-rapport tal-Pilastru 3 ta’ tmiem is-sena.”

Artikolu 2

Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1030/2014

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1030/2014 huwa mħassar.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176 27.6.2013 p. 338).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1030/2014 tad-29 ta’ Settembru 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-formats uniformi u d-data għad-divulgazzjoni tal-valuri użati sabiex jiġu identifikati istituzzjonijiet sistemikament importanti globali skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 30.9.2014, p. 14).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rapportar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014 tat-8 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta’ subkategoriji ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 27).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/539 tal-11 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1222/2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta’ subkategoriji ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (ĠU L 108, 29.3.2021, p. 10).

(7)  Il-Qafas ta’ Basel - SCO40: Banek globali sistemikament importanti.

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 tal-15 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-divulgazzjonijiet pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-informazzjoni msemmija fit-Titoli II u III tal-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1423/2013, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1555, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/200 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2295 (ĠU L 136, 21.4.2021, p. 1).

(9)  Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, “DIS Disclosure requirements”, Diċembru 2019.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).