18.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/133


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/980

tas-17 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (1), u partikolarment l-Artikolu 17(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-impriżi li r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru stabbilit f’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 hija obbligatorja.

(2)

Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661, l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni jridu jipprovdu n-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) lill-Kummissjoni għall-iskopijiet biex jiġu rreġistrati fir-reġistru, jekk applikabbli. L-impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni li jkunu ħatru rappreżentant uniku skont it-tifsira tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, iridu jipprovdu dik l-informazzjoni biss fir-rigward tar-rappreżentant uniku tagħhom. Ir-rappreżentant uniku jista’ jinħatar bħala tali permezz ta’ aktar minn impriża waħda stabbilita barra mill-Unjoni. Għalhekk, in-numru EORI ta’ tali rappreżentant uniku, ma jkunx neċessarjament jikkorrispondi ma’ impriża waħda barra mill-Unjoni.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, ir-reġistru huwa aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż l-awtoritajiet tad-dwana, għal raġunijiet ta’ informazzjoni.

(4)

Meta jinfurzaw ir-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 517/2014, l-awtoritajiet tad-dwana jridu jkunu jistgħu jidentifikaw l-impriżi li jqiegħdu l-idrofluworokarburi fis-suq f’konformità ma’ dak ir-Regolament permezz tan-numri EORI tagħhom. Partikolarment, dan jista’ jiffaċilita wkoll il-kontrolli mill-awtoritajiet tad-dwana meta dawn jużaw għodod diġitali. L-identifikazzjoni tal-impriża kkonċernata tista’ tinkiseb jekk in-numru EORI ta’ dik l-impriża jkun disponibbli fir-reġistru. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni li ħatru rappreżentant uniku, jintalbu jipprovdu n-numru EORI tagħhom infushom. Jenħtieġ li r-rekwiżit biex dawn l-impriżi jipprovdu n-numru EORI tar-rappreżentant uniku tagħhom jitneħħa peress li huwa superfluwu.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilita skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3, il-paragrafu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/661 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, il-punti (d) u (i), iżda fir-rigward tar-rappreżentant uniku minflok tal-impriża;”

(2)

jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g)

in-numru EORI tal-impriża, jekk applikabbli.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661 tal-25 ta’ April 2019 li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tar-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ idrofluworokarburi (ĠU L 112, 26.4.2019, p. 11).