9.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 203/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/923

tal-25 ta’ Marzu 2021

li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġu definiti r-responsabbiltà maniġerjali, il-funzjonijiet ta’ kontroll, unità tan-negozju materjali u impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tal-unità tan-negozju rilevanti, u li jistabbilixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-membri tal-persunal jew kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet li b’mod komparabbli huwa materjali daqs dak tal-membri tal-persunal jew tal-kategoriji ta’ persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3) ta’ dik id-Direttiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 94(2) tagħha,

Billi:

(1)

Mhux biss l-attivitajiet professjonali tal-membri tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3), il-punti (a), (b) u (c) tad-Direttiva 2013/36/UE jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni, iżda wkoll l-attivitajiet professjonali ta’ membri tal-persunal oħrajn. Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn tali membri tal-persunal ikollhom responsabbiltajiet maniġerjali għall-unitajiet tan-negozju materjali jew għall-funzjonijiet ta’ kontroll minħabba li jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet strateġiċi jew deċiżjonijiet oħrajn fundamentali li għandhom impatt fuq l-attivitajiet tan-negozju jew fuq il-qafas ta’ kontroll applikat. Tali funzjonijiet ta’ kontroll jinkludu, tipikament, il-ġestjoni tar-riskju, il-verifika tal-konformità u l-awditjar intern. Ir-riskji meħuda mill-unitajiet tan-negozju materjali u l-mod li bih dawn l-unitajiet jiġu ġestiti huma l-aktar fatturi importanti għall-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni.

(2)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji biex jiġu identifikati l-membri tal-persunal, apparti l-membri tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3), il-punti (a), (b) u (c) tad-Direttiva 2013/36/UE, li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Dawn il-kriterji għandhom iqisu l-awtorità u r-responsabbiltajiet ta’ tali membri tal-persunal, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, l-organizzazzjoni interna tal-istituzzjoni, u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-istituzzjoni kkonċernata. Dawk il-kriterji għandhom ukoll jippermettu lill-istituzzjonijiet jistabbilixxu inċentivi kif suppost fil-politiki ta’ rimunerazzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-membri tal-persunal ikkonċernati jaġixxu b’mod prudenti fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Fl-aħħar nett, dawk il-kriterji għandhom jirriflettu l-livell tar-riskju tal-attivitajiet differenti fl-ambitu tal-istituzzjonijiet.

(3)

Xi membri tal-persunal huma responsabbli mill-għoti ta’ appoġġ intern li huwa kruċjali għall-operat tal-attivitajiet ta’ negozju ta’ istituzzjoni. L-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom jista’ jkollhom ukoll impatt materjal fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni, għaliex l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom jaf jesponu lill-istituzzjoni għal riskji operazzjonali materjali u għal riskji oħra.

(4)

Tipikament, wieħed jidħol f’riskju tal-kreditu u riskju tas-suq sabiex jiġi ġġenerat operat. Skont l-ammonti u r-riskji involuti, tali attivitajiet ta’ negozju jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li jintużaw kriterji bbażati fuq limiti ta’ awtorità biex jiġu identifikati l-membri tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni. Dawk il-kriterji għandhom jiġu kkalkulati minn tal-anqas kull sena abbażi ta’ ċifri ta’ kapital u approċċi użati għal skopijiet regolatorji. Madankollu, għandu jiġi applikat livell limitu de minimis għal riskji ta’ kreditu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni proporzjonata tal-kriterji f’istituzzjonijiet żgħar.

(5)

Il-kriterji biex jiġu identifikati l-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni jenħtieġ ukoll iqisu li għal xi istituzzjonijiet, ir-rekwiżiti relatati mal-portafoll tan-negozjar jistgħu jiġu rinunzjati skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u li f’dak ir-Regolament il-limiti huma stabbiliti b’modi differenti fil-każ ta’ istituzzjonijiet li jużaw approċċi differenti biex jikkalkolaw ir-rekwiżiti tal-kapital.

(6)

Kriterji kwalitattivi xierqa jenħtieġ li jiżguraw li l-membri tal-persunal jiġu identifikati bħala li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni fil-każijiet li fihom ikunu responsabbli għal gruppi tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Dan jinkludi sitwazzjonijiet li fihom l-attivitajiet tal-membri individwali tal-persunal taħt il-ġestjoni tagħhom ma jkollhomx b’mod individwali impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni iżda l-iskala globali tal-attivitajiet tagħhom jista’ jkollha tali impatt.

(7)

Ir-rimunerazzjoni totali tal-membri tal-persunal tipikament tiddependi fuq il-kontribut li l-persunal jagħti għall-kisba b’suċċess tal-objettivi tal-operat tal-istituzzjoni. Għaldaqstant dik ir-rimunerazzjoni tiddependi fuq ir-responsabbiltajiet, il-kompiti, l-abbiltajiet u l-ħiliet tal-membri tal-persunal, kif ukoll fuq il-prestazzjoni tal-membri tal-persunal u tal-istituzzjoni. Fil-każijiet li fihom membru tal-persunal jingħata rimunerazzjoni totali li taqbeż ċertu livell limitu, huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li tali rimunerazzjoni hija marbuta mal-kontribut tal-membru tal-persunal għall-objettivi tal-operat tal-istituzzjoni u għalhekk, għall-impatt tal-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Għalhekk huwa xieraq li jintużaw il-kriterji kwantitattivi relatati mar-rimunerazzjoni totali ta’ membru tal-persunal, kemm f’termini assoluti kif ukoll b’rabta ma’ membri oħra tal-persunal fl-istess istituzzjoni, biex jiġi determinat jekk l-attivitajiet professjonali ta’ tali membru tal-persunal jistax ikollu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(8)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli limitu ċari u xierqa biex jiġi identifikat il-persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Għandu jkun mistenni li l-istituzzjonijiet japplikaw il-kriterji kwantitattivi f’waqthom. Il-kriterji kwantitattivi jenħtieġ li jimxu skont l-iżviluppi fir-rimunerazzjoni biex ikunu realistiċi. Metodu wieħed biex tali żviluppi jiġu segwiti huwa li dawk il-kriterji jkunu bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali mogħtija fis-sena ta’ prestazzjoni preċedenti, li tinkludi r-rimunerazzjoni fissa mħallsa għal dik is-sena ta’ prestazzjoni, u r-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija f’dik is-sena ta’ prestazzjoni. It-tieni metodu biex tali żviluppi jiġu segwiti huwa li dawk il-kriterji jkunu bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali mogħtija għas-sena ta’ prestazzjoni preċedenti, li tinkludi r-rimunerazzjoni fissa mħallsa għal dik is-sena ta’ prestazzjoni u r-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija fis-sena ta’ prestazzjoni attwali għas-sena finanzjarja preċedenti. It-tieni metodu jipprevedi allinjament aħjar tal-proċess ta’ identifikazzjoni mar-rimunerazzjoni effettiva mogħtija għal perjodu ta’ prestazzjoni, iżda jista’ jiġi applikat biss meta jkun għadu possibbli li jsir kalkolu f’waqtu għall-applikazzjoni tal-kriterji kwantitattivi. Fil-każijiet li fihom tali kalkolu ma jkunx aktar possibbli, jenħtieġ li jintuża l-ewwel metodu. Kemm skont l-ewwel metodu kif ukoll skont it-tieni, ir-rimunerazzjoni varjabbli tista’ tinkludi ammonti li jingħataw abbażi ta’ perjodi ta’ prestazzjoni li jkunu itwal minn sena, skont il-kriterji tal-prestazzjoni użati mill-istituzzjoni.

(9)

L-Artikolu 92(3) tad-Direttiva 2013/36/UE jistabbilixxi livell limitu kwantitattiv ta’ EUR 500 000 flimkien mar-rimunerazzjoni medja mogħtija lill-membri tal-korp ta’ ġestjoni tal-istituzzjoni u l-maniġment superjuri għall-identifikazzjoni tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ unità tan-negozju materjali. Ir-rimunerazzjoni li tkun aktar minn dak il-livell limitu kwantitattiv jew li tammonta għal waħda mill-ogħla remunerazzjonijiet fl-istituzzjoni tistabbilixxi għalhekk preżunzjoni qawwija li l-attivitajiet tal-persunal li jirċievu tali rimunerazzjoni għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, u li f’dak il-każ, jenħtieġ li jiġi applikat aktar skrutinju superviżorju biex jiġi stabbilit jekk l-attivitajiet professjonali ta’ tali membri tal-persunal għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(10)

Jenħtieġ li l-membri tal-persunal ma jkunux soġġetti għall-Artikolu 94 tad-Direttiva 2013/36/UE li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet jistabbilixxu fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi addizzjonali li l-attivitajiet ta’ tali membri tal-persunal fil-fatt ma jkollhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, filwaqt li jqisu r-riskji kollha li l-istituzzjoni hija jew tista’ tkun esposta għalihom. Biex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk il-kriterji oġġettivi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti japprovaw l-esklużjoni tal-membri tal-persunal li jaqilgħu l-aktar, li jiġu identifikati skont il-kriterji kwantitattivi. Għall-membri tal-persunal li jingħataw aktar minn EUR 1 000 000 (persuni li jaqilgħu pagi għoljin), jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) qabel japprovaw l-esklużjonijiet, sabiex l-EBA tkun tista’ tivvaluta l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawk il-kriterji.

(11)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-awdituri jkunu jistgħu jwettqu rieżami tal-valutazzjonijiet imwettqa mill-istituzzjonijiet biex jidentifikaw lill-persunal tagħhom li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tagħhom, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet iżommu rekord tal-valutazzjonijiet li jkunu saru u tar-riżultati tagħhom, inklużi tal-persunal li jkun ġie identifikat skont kriterji bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali tiegħu iżda li l-attivitajiet professjonali tiegħu jiġu vvalutati bħala li ma għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(12)

Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 (3) jitħassar. Jenħtieġ li madankollu d-ditti tal-investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jġarrbux kostijiet mhux ġustifikati meta jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 604/2014 jibqa’ japplika għal tali ditti sas-26 ta’ Ġunju 2021, data sa meta l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw il-miżuri biex jikkonformaw mad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(13)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-EBA lill-Kummissjoni.

(14)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“responsabbiltà maniġerjali” tfisser sitwazzjoni, li fiha membru tal-persunal:

(a)

imexxi unità tan-negozju jew funzjoni ta’ kontroll u jagħti kont dirett lill-korp maniġerjali fl-intier tiegħu jew lil membru ta’ korp maniġerjali jew lill-maniġment superjuri;

(b)

imexxi waħda mill-funzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(a);

(c)

imexxi unità tan-negozju subordinata, jew funzjoni ta’ kontroll subordinata f’istituzzjoni kbira kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (146) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jwieġeb għal membru tal-persunal li għandu r-responsabbiltajiet kif imsemmi fil-punt (a).

(2)

“funzjoni ta’ kontroll” tfisser funzjoni li hija indipendenti mill-unitajiet tan-negozju li tikkontrolla u li hija responsabbli li tipprovdi valutazzjoni oġġettiva tar-riskji tal-istituzzjoni, twettaq rieżami tagħhom jew tirrapporta dwarhom, inklużi l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju, il-funzjoni tal-verifika tal-konformità u l-funzjoni tal-awditjar intern, iżda mhux limitata għalihom biss.

(3)

“unità tan-negozju materjali” tfisser unità operatorja kif definita fl-Artikolu 142(1), il-punt (3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li tissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji segwenti:

(a)

tkun allokata kapital intern ta’ minn tal-anqas 2 % tal-kapital intern tal-istituzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2013/36/UE, jew inkella tkun ġiet ivvalutata mill-istituzzjoni bħala li għandha impatt materjali fuq il-kapital intern tal-istituzzjoni;

(b)

tkun linja ta’ negozju ewlenija kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (36) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 2

Applikazzjoni tal-kriterji

1.   Fil-każijiet li fihom dan ir-Regolament jiġi applikat fuq bażi individwali f’konformità mal-Artikolu 109(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, għandha tiġi vvalutata l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-Regolament skont il-profil tar-riskju individwali tal-istituzzjoni.

2.   Fil-każijiet li fihom dan ir-Regolament jiġi applikat fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata f’konformità mal-Artikolu 109, il-paragrafi minn 2 sa 6 tad-Direttiva 2013/36/UE, il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi vvalutata fil-konfront tal-profil tar-riskju tal-istituzzjoni prinċipali, tal-kumpanija holding finanzjarja jew tal-kumpanija holding finanzjarja mħallta rilevanti fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata.

3.   Fil-każijiet li fihom l-Artikolu 6(1), il-punt (a) jiġi applikat fuq bażi individwali, għandha titqies ir-rimunerazzjoni mogħtija mill-istituzzjoni. Fil-każijiet li fihom l-Artikolu 6(1), il-punt (a) jiġi applikat fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata, l-istituzzjoni tal-konsolidazzjoni għandha tqis ir-rimunerazzjoni mogħtija minn kwalunkwe entità li taqa’ fl-ambitu tal-konsolidazzjoni.

4.   L-Artikolu 6(1), il-punt (b) għandu japplika biss fuq bażi individwali.

Artikolu 3

Kriterji biex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet professjonali tal-membri tal-persunal għandhomx impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tal-unità tan-negozju materjali rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 94(2), il-punt (b) tad-Direttiva 2013/36/UE

L-istituzzjonijiet għandhom japplikaw fl-ambitu tal-politiki tagħhom dwar ir-rimunerazzjoni l-kriterji kollha li ġejjin biex jiddeterminaw jekk l-attivitajiet professjonali tal-membri tal-persunal għandhomx impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju ta’ unità tan-negozju materjali:

(a)

il-profil tar-riskju tal-unità tan-negozju materjali;

(b)

id-distribuzzjoni tal-kapital intern biex ikopri n-natura u l-livell tar-riskji, kif imsemmi fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

il-limiti tar-riskju tal-unità tan-negozju materjali;

(d)

l-indikaturi tar-riskju u tal-prestazzjoni użati mill-istituzzjoni biex tidentifika r-riskji tal-unità tan-negozju materjali u twettaq ġestjoni u monitoraġġ tagħhom f’konformità mal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(e)

il-kriterji tal-prestazzjoni rilevanti stabbiliti mill-istituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 94(1), il-punti (a) u (b) tad-Direttiva 2013/36/UE;

(f)

il-kompiti u l-awtoritajiet tal-membri tal-persunal jew il-kategoriji tal-persunal fl-unità tan-negozju materjali kkonċernata.

Artikolu 4

Membri tal-persunal jew kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet li b’mod komparabbli huwa materjali daqs dak tal-persunal imsemmi fl-Artikolu 92(3) tad-Direttiva 2013/36/UE

L-istituzzjonijiet għandhom jidentifikaw il-membri tal-persunal jew il-kategoriji tal-persunal bħala li għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni li b’mod komparabbli huwa materjali daqs dak tal-membri tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, fil-każijiet li fihom dawk il-membri tal-persunal jew il-kategoriji ta’ persunal jissodisfaw kwalunkwe wieħed mill-kriterji stipulati fl-Artikoli 5 jew 6 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Kriterji kwalitattivi

Minbarra l-membri tal-persunal identifikati skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 92(3), il-punti (a), (b) u (c) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-membri tal-persunal għandhom jitqiesu li jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni fil-każijiet li fihom ikun issodisfat kriterju wieħed jew aktar minn dawn il-kriterji kwalitattivi li ġejjin:

(a)

il-membru tal-persunal ikollu responsabbiltà maniġerjali għal:

(i)

l-affarijiet legali;

(ii)

ir-robustezza tal-politiki u l-proċeduri kontabilistiċi;

(iii)

il-finanzi, inklużi t-tassazzjoni u l-ibbaġitjar;

(iv)

it-twettiq tal-analiżi ekonomika;

(v)

il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(vi)

ir-riżorsi umani;

(vii)

l-iżvilupp jew l-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni;

(viii)

it-teknoloġija tal-informazzjoni;

(ix)

is-sigurtà tal-informazzjoni;

(x)

il-ġestjoni tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni ta’ funzjonijiet kritiċi jew importanti kif imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (7);

(b)

il-membru tal-persunal ikollu responsabbiltajiet maniġerjali għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ riskju stabbiliti fl-Artikoli 79 sa 87 tad-Direttiva 2013/36/UE, jew ikun membru li jivvota ta’ kumitat responsabbli għall-ġestjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ riskju stabbiliti f’dawn l-Artikoli;

(c)

fir-rigward tal-iskoperturi għar-riskju ta’ kreditu ta’ ammont nominali għal kull tranżazzjoni, li tirrappreżenta 0,5 % tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-istituzzjoni u li tkun mill-inqas EUR 5 miljun, il-membru tal-persunal ikun jissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

il-membru tal-persunal ikollu l-awtorità li jieħu deċiżjoni dwar tali skoperturi tar-riskju tal-kreditu, japprovaha jew jagħmel użu ta’ veto fuqha;

(ii)

il-membru tal-persunal ikun membru bil-vot ta’ kumitat li jkollu l-awtorità jieħu d-deċiżjonijiet kif imsemmi fil-punt (i) ta’ dan il-punt (c);

(d)

b’rabta ma’ istituzzjoni li għaliha ma tapplikax id-deroga għal negozji żgħar fil-portafoll tan-negozjar stipulata fl-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-membru tal-persunal ikun jissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

il-membru tal-persunal ikollu l-awtorità li jieħu deċiżjoni, japprovaha jew jagħmel użu ta’ veto fuqha, dwar tranżazzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar li b’mod aggregat jirrappreżentaw wieħed mil-livelli limitu li ġejjin:

fil-każijiet li fihom jintuża l-approċċ standardizzat, rekwiżit ta’ fondi proprji għal riskji tas-suq li jirrappreżentaw 0,5 % jew aktar tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-istituzzjoni;

fil-każijiet li fihom ikun approvat approċċ intern ibbażat fuq mudell għal finijiet regolatorji, 5 % jew aktar tal-limitu intern tal-valur fir-riskju tal-istituzzjoni għal skoperturi fuq il-portafoll tan-negozjar fid-99 perċentil (intervall ta’ kunfidenza fuq naħa waħda);

(ii)

il-membru tal-persunal ikun membru li jivvota ta’ kumitat li jkollu l-awtorità jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt (i) ta’ dan il-punt;

(e)

il-membru tal-persunal ikun imexxi grupp ta’ membri tal-persunal li jkollhom awtoritajiet individwali li jinvolvu lill-istituzzjoni fi tranżazzjonijiet, u tiġi ssodisfata waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

is-somma ta’ dawk l-awtoritajiet tkun daqs jew taqbeż u l-livell limitu stabbilit fil-punt (c)(i) jew fil-punt (d)(i), l-ewwel inċiż;

(ii)

fil-każijiet li fihom ikun approvat approċċ intern ibbażat fuq mudell għal finijiet regolatorji, dawk l-awtoritajiet ikunu jammontaw għal 5 % jew aktar tal-limitu intern tal-valur fir-riskju tal-istituzzjoni għal skoperturi fuq il-portafoll tan-negozjar fid-99 perċentil (intervall ta’ kunfidenza fuq naħa waħda); fil-każijiet li fihom l-istituzzjoni ma tikkalkulax valur fir-riskju fil-livell ta’ dak il-membru tal-persunal, jingħaddu l-limiti tal-valur fir-riskju tal-persunal taħt il-maniġment ta’ dan il-membru tal-persunal;

(f)

il-membru tal-persunal ikun jissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda, jew it-tqegħid ta’ veto fuqha:

(i)

il-membru tal-persunal ikollu awtorità jieħu tali deċiżjonijiet;

(ii)

il-membru tal-persunal ikun membru bil-vot ta’ kumitat li jkollu l-awtorità jieħu deċiżjonijiet bħal dawn.

Artikolu 6

Kriterji kwantitattivi

1.   Minbarra l-membri tal-persunal identifikati skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 92(3), il-punti (a) u (b) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-membri tal-persunal għandhom jitqiesu li jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni fil-każijiet li fihom ikun issodisfat kwalunkwe wieħed minn dawn il-kriterji kwantitattivi li ġejjin:

(a)

il-membri tal-persunal, inklużi l-membri tal-persunal kif imsemmija fl-Artikolu 92(3), il-punt (c) tad-Direttiva 2013/36/UE, ikunu ngħataw fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha, rimunerazzjoni totali li tkun tammonta għal EUR 750 000 jew aktar;

(b)

fil-każijiet li fihom l-istituzzjoni jkollha aktar minn 1 000 membru tal-persunal, il-membri tal-persunal ikunu jaqgħu fiż-0,3 % tal-persunal, aġġustat għan-numru sħiħ ogħla li jmiss, li jkun, fl-ambitu tal-istituzzjoni, ingħata l-ogħla rimunerazzjoni totali fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha fuq bażi individwali.

2.   Il-kriterji stipulati fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw fil-każijiet li fihom l-istituzzjoni tiddetermina li l-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal ma għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni minħabba li l-membru tal-persunal, jew il-kategorija ta’ persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, ikunu jissodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-membru tal-persunal jew il-kategoriji tal-persunal iwettqu biss attivitajiet professjonali u jkollhom awtoritajiet f’unità tan-negozju li ma tkunx unità tan-negozju materjali;

(b)

l-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal jew tal-kategorija ta’ persunal ma jkollhom l-ebda impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju ta’ unità tan-negozju materjali b’kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3.

3.   L-applikazzjoni tal-paragrafu 2 minn istituzzjoni għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali ta’ dik l-istituzzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha minn qabel fil-każijiet biss li fihom l-istituzzjoni tkun tista’ turi li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tkun issodisfata.

4.   Fil-każijiet li fihom il-membru tal-persunal ikun ingħata rimunerazzjoni totali ta’ EUR 1 000 000 jew aktar fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha, l-awtorità kompetenti għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha minn qabel skont il-paragrafu 3 f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni biss. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-EBA qabel ma tagħti l-approvazzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali membru tal-persunal.

L-eżistenza ta’ ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni għandha tintwera mill-istituzzjoni u vvalutata mill-awtorità kompetenti. Ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni għandhom ikunu sitwazzjonijiet mhux tas-soltu u rari ħafna jew differenti ferm minn dawk tas-soltu. Iċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni għandhom ikunu relatati mal-membru tal-persunal.

Artikolu 7

Kalkolu tar-rimunerazzjoni totali medja tal-membri tal-korp maniġerjali u tal-maniġment superjuri u tar-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija

1.   Ir-rimunerazzjoni totali medja tal-membri kollha tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri għandha tiġi kkalkulata billi jitqies it-total tar-rimunerazzjoni fissa u varjabbli tal-membri kollha tal-korp maniġerjali fil-funzjoni maniġerjali u l-funzjoni superviżorja tiegħu kif ukoll tal-persunal li jappartjeni għall-maniġment superjuri kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (9) tad-Direttiva 2013/36/UE.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-rimunerazzjoni varjabbli li tkun ingħatat iżda tkun għadha ma tħallsitx għandha titqies abbażi tal-valur tagħha fid-data tal-għoti mingħajr ma titqies l-applikazzjoni tar-rata ta’ skont msemmija fl-Artikolu 94(1), il-punt (g)(iii) tad-Direttiva 2013/36/UE jew it-tnaqqis fil-pagamenti, permezz ta’ arranġamenti tal-clawback, malus jew mod ieħor.

3.   L-ammonti kollha tar-rimunerazzjoni varjabbli u fissa għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi gross u fuq bażi ekwivalenti għall-full-time.

4.   Il-politiki tar-rimunerazzjoni tal-istituzzjoni għandhom jistabbilixxu s-sena ta’ referenza għar-rimunerazzjoni varjabbli meqjusa minnhom meta jikkalkulaw ir-rimunerazzjoni totali. Dik is-sena ta’ referenza għandha tkun jew is-sena li tippreċedi s-sena finanzjarja li fiha tingħata r-rimunerazzjoni varjabbli jew inkella s-sena li tippreċedi s-sena finanzjarja li għaliha tingħata r-rimunerazzjoni varjabbli.

Artikolu 8

Tħassir tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 604/2014

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 604/2014 tħassar. Dak ir-Regolament ta’ Delega, madankollu, għandu jkompli japplika għad-ditti tal-investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (2), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 sas-26 ta’ Ġunju 2021.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 tal-4 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni (ĠU L 167, 6.6.2014, p. 30).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).