1.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/876

tal-31 ta’ Mejju 2021

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni u tar-rapporti ta’ reviżjoni għall-użi ta’ sustanzi fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki u fit-tiswija ta’ oġġetti u prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 340/2008

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 74(1) u 132 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 56(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna elenkati fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament. L-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, f’ċerti każijiet, tikkostitwixxi piż amministrattiv sinifikanti għall-impriżi. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014“Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi” (2), il-Kummissjoni ħabbret li kienet qed tikkunsidra li tissimplifika l-proċess ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti każijiet speċifiċi. Is-simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-użu kontinwu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki ġiet identifikata bħala waħda mill-azzjonijiet fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2018“Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta’ ċerti elementi” (3).

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015“L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” (4) tispjega li l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti permezz ta’ tiswija tgħin biex tiġi evitata l-ħela. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2016 dwar dak il-pjan ta’ azzjoni (5) jistiednu lill-Kummissjoni tinvestiga liema inizjattivi jistgħu jittieħdu fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi estiża l-ħajja tal-prodotti, b’mod partikolari billi tiġi promossa d-disponibbiltà tal-ispare parts.

(3)

Sabiex tiġi evitata l-obsolexxenza prematura ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi (6) li ma għadhomx jiġu prodotti wara d-dati tat-terminazzjoni msemmija fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-ispare parts kif ukoll is-sustanzi u t-taħlitiet li huma meħtieġa għat-tiswija ta’ tali oġġetti jew prodotti kumplessi jeħtieġ li jkomplu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw. Jekk sustanza elenkata fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tkun intużat biex jiġu prodotti tali oġġetti jew prodotti kumplessi u, jekk wara d-data tat-terminazzjoni, l-ispare part ma tkunx tista’ tiġi prodotta jew il-prodott ma jkunx jista’ jissewwa mingħajr l-użu ta’ dik is-sustanza, ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u tar-rapport ta’ reviżjoni ta’ awtorizzazzjoni għal użi bħal dawn jenħtieġ li jiġu ċċarati sabiex jiġu ssimplifikati tali applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

(4)

Fir-rigward tal-analiżi tal-alternattivi msemmija fl-Artikolu 62(4)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-għoti ta’ ġustifikazzjoni li turi li l-oġġett jew il-prodott kumpless ma għadux jiġi prodott wara d-data tat-terminazzjoni, li ma jistax jiffunzjona kif maħsub mingħajr l-ispare part u li dik l-ispare part ma tistax tiġi prodotta mingħajr is-sustanza, jew li l-oġġett jew il-prodott kumpless ma jistax jissewwa ħlief bl-użu tas-sustanza, jenħtieġ li jitqies biżżejjed biex tintlaħaq konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ alternattivi xierqa. Peress li l-użu tas-sustanza fil-produzzjoni ta’ dawn l-ispare parts jew fit-tiswija ta’ tali oġġetti jew prodotti kumplessi se jonqos gradwalment minħabba li l-użu maħsub tagħha huwa għal prodott li ma għadux jiġi prodott, filwaqt li l-kostijiet tas-sostituzzjoni għar-riċerka u l-iżvilupp, l-ittestjar, il-kwalifikazzjoni u l-industrijalizzazzjoni ta’ alternattivi possibbli għal użi bħal dawn x’aktarx li jkunu għoljin fid-dawl tax-xejra mistennija ta’ tnaqqis, tali dispożizzjoni titqies ġustifikata.

(5)

Bl-istess mod, il-ġustifikazzjoni li turi li l-oġġett jew il-prodott kumpless ma għadux jiġi prodott wara d-data tat-terminazzjoni, li ma jistax jiffunzjona kif maħsub mingħajr l-ispare part u li dik l-ispare part ma tistax tiġi prodotta mingħajr is-sustanza, jew li l-oġġett jew il-prodott kumpless ma jistax jissewwa ħlief bl-użu tas-sustanza, jenħtieġ li titqies suffiċjenti sabiex jintwerew il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-użu tas-sustanza fl-analiżi soċjoekonomika msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 62(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ spare parts jew l-impossibbiltà li jissewwew oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti mingħajr dik is-sustanza jwassal għall-obsolexxenza prematura ta’ dawk l-oġġetti jew prodotti kumplessi qabel it-tmiem tal-użu tul il-ħajja tagħhom u għalhekk għar-rimi prematur tagħhom, li x’aktarx jikkawża spejjeż kbar għall-operaturi, il-konsumaturi jew is-soċjetà. Barra minn hekk, l-għadd ta’ użi u l-kwantitajiet tas-sustanza użati għal tali spare parts huma mistennija li jonqsu, u dan iwassal għal impatt dejjem iżgħar fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent assoċjat mal-esponiment għas-sustanza użata jew mal-emissjonijiet tagħha. Għalhekk huwa xieraq li l-kontenut tal-analiżi soċjoekonomika msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 62(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi pprovdut mill-applikant f’forma konċiża. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjoni tar-riskju li jirriżulta mill-użu tas-sustanza għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u għall-ħtieġa li l-applikant juri li l-benefiċċji soċjoekonomiċi huma akbar minn dak ir-riskju.

(6)

Il-kjarifika tal-kontenut tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-użu ta’ sustanza fil-produzzjoni ta’ spare parts għat-tiswija jew fit-tiswija ta’ oġġetti u prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti għandha tirriżulta fi tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni f’dawk il-każijiet speċifiċi. Il-ħlasijiet imposti għal tali applikazzjonijiet jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-ammont ta’ xogħol mistenni għall-Aġenzija f’każijiet bħal dawn u, b’hekk, ikunu inqas meta mqabbla mal-ħlas impost għall-applikazzjonijiet għal użi oħra. Għall-istess raġunijiet, l-ispejjeż applikabbli għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija għal dawk l-użi jenħtieġ li jitnaqqsu bl-istess proporzjon.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 (7) jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jimplimenta l-Artikoli 61(1), 62(4)(e) u 62(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni u tar-rapporti ta’ reviżjoni għal kwalunkwe wieħed mill-użi li ġejjin ta’ sustanza, waħedha jew f’taħlita, elenkata fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament

(a)

il-produzzjoni ta’ spare parts bħala oġġetti jew bħala prodotti kumplessi għat-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi, li l-produzzjoni tagħhom waqfet jew se tkun waqfet qabel id-data tat-terminazzjoni għal dik is-sustanza speċifikata fl-Anness XIV, fejn dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew prodotti kumplessi u dawn ma jistgħux jiffunzjonaw kif maħsub mingħajr dik l-ispare part u l-ispare part ma tistax tiġi prodotta mingħajr dik is-sustanza (“produzzjoni ta’ spare parts antiki”);

(b)

it-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi, li l-produzzjoni tagħhom waqfet jew se tkun waqfet qabel id-data tat-terminazzjoni għal dik is-sustanza speċifikata fl-Anness XIV, fejn dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew prodotti kumplessi u dawn ma jistgħux jissewwew ħlief bl-użu ta’ dik is-sustanza (“tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti”).

Artikolu 2

1.   Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għall-użu ta’ sustanza fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki jew fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti għandha titqies li tikkonforma mal-punt (e) tal-Artikolu 62(4) ta’ dak ir-Regolament meta tinkludi dan li ġej:

a)

deskrizzjoni u analiżi tal-funzjoni tas-sustanza, u

b)

ġustifikazzjoni li turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, skont ma jkun il-każ, ġew issodisfati.

2.   Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għall-użu ta’ sustanza fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki jew fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti għandha titqies li tikkonforma mal-punt (a) tal-Artikolu 62(5) ta’ dak ir-Regolament meta tinkludi dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni konċiża tal-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent f’konformità mal-informazzjoni pprovduta fir-rapport dwar is-sikurezza kimika;

(b)

deskrizzjoni konċiża tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-użu li għalih saret l-applikazzjoni, inkluża ġustifikazzjoni li turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, skont ma jkun il-każ, ġew issodisfati;

(c)

konklużjoni bbażata fuq tqabbil tar-riskji u tal-benefiċċji tal-użu tas-sustanza li għalih saret l-applikazzjoni, kif deskritt fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu.

3.   Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tiġi ppreżentata għall-użu ta’ sustanza fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki jew fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, flimkien ma’ kwalunkwe kontribuzzjoni minn parti terza dwar alternattivi possibbli ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għandhom ikunu biżżejjed għall-fini tal-valutazzjoni tal-fatturi soċjoekonomiċi u tal-idoneità tal-alternattivi assoċjati mal-użu tas-sustanza.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għal rapporti ta’ reviżjoni ppreżentati skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar awtorizzazzjoni mogħtija għall-użu ta’ sustanza fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki jew fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti.

5.   Sal-5 ta’ Lulju 2021 l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku formati speċifiċi għall-analiżi tal-alternattivi u għall-analiżi soċjoekonomika li għandhom jintużaw fl-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-użi ta’ sustanzi fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki jew fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti kif ukoll f’rapporti ta’ reviżjoni dwar awtorizzazzjoni mogħtija għal użi bħal dawn, ippreżentati f’konformità ma’ dan ir-Regolament, li jirriflettu l-elementi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 340/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 8(2), is-subparagrafu li ġej jiżdied wara r-raba’ subparagrafu:

“L-Aġenzija għandha timponi ħlas imnaqqas kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness VI ta’ dan ir-Regolament għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-użi ta’ sustanzi fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki għat-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti kif deskritt fil-punt (a) tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/876 (*1)u fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti kif deskritt fil-punt (b) tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament, ippreżentati f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/876 tal-31 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni u tar-rapporti ta’ reviżjoni għall-użi ta’ sustanzi fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki u fit-tiswija ta’ oġġetti u prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 340/2008 (ĠU 192).”."

(2)

Fl-Artikolu 9(2), is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara r-raba’ subparagrafu:

“L-Aġenzija għandha timponi spiża mnaqqsa kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness VII ta’ dan ir-Regolament għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-użi ta’ sustanzi fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki għat-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti kif deskritt fil-punt (a) tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/876 u fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti kif deskritt fil-punt (b) tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament, ippreżentati f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni”.

(3)

L-Annessi VI u VII huma sostitwiti bit-test stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  COM(2014) 368 final.

(3)  COM(2018) 116 final.

(4)  COM(2015) 614 final.

(5)  L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari — Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2016, ST 10518 2016 INIT.

(6)  “Prodotti kumplessi” kif deskritti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2015, Fédération des entreprises du commerce et de la distribution (FCD) et Fédération des magasins de bricolage et de l’aménagement de la maison (FMB), C-106/14, ECLI:EU:C:2015:576, il-paragrafi 48-54.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas-16 ta’ April 2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 107, 17.4.2008, p. 6).


ANNESS

“ANNESS VI

Ħlasijiet għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

1.   

Ħlasijiet għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni

Tabella 1

Ħlasijiet standard

Ħlas bażi

EUR 54 100

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 10 820

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 48 690

Tabella 2

Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi medji

Ħlas bażi

EUR 40 575

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 8 115

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 36 518

Tabella 3

Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi żgħar

Ħlas bażi

EUR 24 345

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 4 869

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 21 911

Tabella 4

Ħlasijiet imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Ħlas bażi

EUR 5 410

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 1 082

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 4 869

2.   

Ħlasijiet għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-użi ta’ sustanzi fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki jew fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti kif imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 8(2)

Tabella 1

Ħlasijiet standard

Ħlas bażi

EUR 27 050

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 5 410

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 24 345

Tabella 2

Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi medji

Ħlas bażi

EUR 20 287

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 4 057

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 18 259

Tabella 3

Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi żgħar

Ħlas bażi

EUR 12 172

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 2 434

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 10 955

Tabella 4

Ħlasijiet imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Ħlas bażi

EUR 2 705

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 541

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 2 434

ANNESS VII

Spejjeż għar-reviżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

1.   

Spejjeż għar-reviżjoni ta’ awtorizzazzjoni

Tabella 1

Spejjeż standard

Spiża bażi

EUR 54 100

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 10 820

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 48 690

Tabella 2

Spejjeż imnaqqsa għall-intrapriżi medji

Spiża bażi

EUR 40 575

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 8 115

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 36 518

Tabella 3

Spejjeż imnaqqsa għall-intrapriżi żgħar

Spiża bażi

EUR 24 345

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 4 869

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 21 911

Tabella 4

Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Spiża bażi

EUR 5 410

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 1 082

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 4 869

2.   

Spejjeż għar-reviżjoni ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għall-użi ta’ sustanzi fil-produzzjoni ta’ spare parts antiki jew fit-tiswija ta’ oġġetti jew prodotti kumplessi li ma għadhomx jiġu prodotti kif imsemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 9(2)

Tabella 1

Spejjeż standard

Spiża bażi

EUR 27 050

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 5 410

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 24 345

Tabella 2

Spejjeż imnaqqsa għall-intrapriżi medji

Spiża bażi

EUR 20 287

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 4 057

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 18 259

Tabella 3

Spejjeż imnaqqsa għall-intrapriżi żgħar

Spiża bażi

EUR 12 172

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 2 434

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 10 955

Tabella 4

Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Spiża bażi

EUR 2 705

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 541

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 2 434