26.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/1


REGOLAMENT (UE) 2021/836 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Mejju 2021

li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 196 u l-punt (a) tal-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva (4),

Billi:

(1)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (il-“Mekkaniżmu tal-Unjoni”), li huwa rregolat bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili biex itejjeb ir-rispons tal-Unjoni għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem.

(2)

Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem hija f’idejn l-Istati Membri, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, u b’mod partikolari rescEU, jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jagħmel dan billi jsaħħaħ ir-rispons kollettiv tal-Unjoni għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem permezz tal-istabbiliment ta’ riżerva ta’ kapaċitajiet li tikkomplementa l-kapaċitajiet eżistenti tal-Istati Membri, meta l-kapaċitajiet disponibbli fil-livell nazzjonali ma jkunux suffiċjenti, b’hekk tippermetti tħejjija u rispons aktar effettivi, u billi jsaħħaħ il-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri. Huma meħtieġa approprjazzjonijiet finanzjarji adegwati sabiex il-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu stabbiliti, stazzjonati u operati u sabiex ir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili tkun tista’ tkompli tiġi żviluppata u jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn għotjiet ta’ adattament u l-operazzjoni ta’ kapaċitajiet impenjati għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili.

(3)

L-esperjenza bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mħejjija aħjar biex jirrispondu għal emerġenzi fuq skala kbira li jolqtu lil diversi Stati Membri fl-istess ħin, u li l-qafas legali eżistenti dwar is-saħħa u l-protezzjoni u l-protezzjoni ċivili jenħtieġ li jissaħħaħ. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat ukoll kif il-konsegwenzi tad-diżastri fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, is-soċjetà u l-ekonomija jistgħu jkunu ta’ kobor devastanti. Matul il-pandemija tal-COVID-19, abbażi tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, l-Unjoni setgħet tadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jespandu l-kapaċitajiet tar-rescEU biex jinkludu l-ħażna ta’ kontromiżuri mediċi li jinkludu vaċċini u trattamenti terapewtiċi, u ta’ tagħmir mediku għall-kura intensiva, tagħmir protettiv personali u provvisti tal-laboratorji, għall-finijiet ta’ tħejjija u rispons għal theddida transfruntiera serja għas-saħħa. Sabiex tissaħħaħ l-effikaċja rigward azzjonijiet ta’ tħejjija u ta’ rispons, dispożizzjonijiet ġodda li jsaħħu l-qafas legali attwali, inkluż billi jippermettu lill-Kummissjoni tixtri direttament, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, il-kapaċitajiet meħtieġa tar-rescEU, jistgħu jnaqqsu aktar il-ħin tal-istazzjonament fil-futur. Huwa importanti wkoll li l-operazzjonijiet tar-rescEU jkunu kkoordinati tajjeb mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili.

(4)

Il-Membri tal-Kunsill Ewropew fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom tas-26 ta’ Marzu 2020 u l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2020 dwar azzjoni kkoordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (6), stiednu lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal sistema aktar ambizzjuża u estensiva tas-sistema tal-ġestjoni tal-kriżijiet fl-Unjoni.

(5)

It-tibdil fil-klima qed iwassal għal żieda fil-frekwenza, l-intensità u l-kumplessità tad-diżastri naturali fl-Unjoni u madwar id-dinja, u għaldaqstant hemm bżonn ta’ livell għoli ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi. Id-diżastri naturali, bħal pereżempju n-nirien fil-foresti, jistgħu jwasslu għat-telf tal-ħajjiet, tal-għajxien u tal-bijodiversità, jikkawżaw ir-rilaxx ta’ ammonti kbar ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u jikkawżaw tnaqqis fil-kapaċità ta’ assorbiment tal-karbonju tal-pjaneta, li b’hekk ikompli jaggrava t-tibdil fil-klima. Huwa għalhekk essenzjali li l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija u r-rispons għalihom jiġu msaħħa, u li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni jinkludi kapaċitajiet suffiċjenti, inkluż matul il-perjodu tranżizzjonali tar-rescEU, biex tittieħed azzjoni meta jseħħu nirien fil-foresti u diżastri naturali oħra relatati mal-klima.

(6)

L-Unjoni tibqa’ impenjata favur protezzjoni ċivili sensittiva għall-ġeneru, inkluż l-indirizzar ta’ vulnerabbiltajiet speċifiċi, u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneru li jinqalgħu matul id-diżastri u immedjatament wara, inkluż l-appoġġ provdut lill-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru.

(7)

Abbażi tal-prinċipji ta’ solidarjetà u kopertura universali ta’ servizzi tas-saħħa ta’ kwalità u r-rwol ċentrali tal-Unjoni fl-aċċelerazzjoni tal-progress fir-rigward tal-isfidi globali tas-saħħa, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċità ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons, anke fir-rigward ta’ emerġenzi mediċi.

(8)

L-Istati Membri huma, fir-rispett sħiħ tal-istrutturi nazzjonali tagħhom, mħeġġa jiżguraw li persuni tal-ewwel rispons ikunu mgħammra u mħejjija b’mod adegwat biex jirrispondu għad-diżastri.

(9)

Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rispons għad-diżastri, il-proċessi amministrattivi jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, fejn ikun possibbli, sabiex ikun żgurat intervent rapidu.

(10)

Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni sabiex ikun hemm tħejjija aħjar fil-konfront ta’ diżastri li jkollhom impatt fuq diversi Stati Membri fil-futur. It-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jikkomplementa l-politiki u l-fondi tal-Unjoni u jenħtieġ li ma jieħux post l-integrazzjoni tar-reżiljenza għad-diżastri f’dawk il-politiki u l-fondi.

(11)

Id-data dwar it-telf ikkawżat mid-diżastri hija kruċjali għal valutazzjoni robusta tar-riskji, l-iżvilupp ta’ xenarji għal diżastri potenzjali bbażati fuq l-evidenza u l-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi ta’ ġestjoni tar-riskji. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jaħdmu fuq it-titjib tal-ġbir tad-data dwar it-telf ikkawżat mid-diżastri, f’konformità mal-impenji meħuda diġà fl-ambitu ta’ ftehimiet internazzjonali, bħall-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030, il-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (7) u l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli.

(12)

Biex ittejjeb ir-reżiljenza u l-ippjanar għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri, jenħtieġ li l-Unjoni tissokta tappoġġja l-investiment fil-prevenzjoni tad-diżastri b’mod transfruntier u f’bosta setturi, u approċċi komprensivi ta’ ġestjoni tar-riskji li jirfdu l-prevenzjoni u t-tħejjija, b’kunsiderazzjoni ta’ approċċ ta’ perikli multipli, approċċ imsejjes fuq ekosistema u l-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet xjentifiċi rilevanti, l-operaturi ekonomiċi ewlenin, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw fil-post, mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni stabbiliti tal-Unjoni u l-kompetenza tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li taħdem id f’id mal-Istati Membri biex tiddefinixxi u tiżviluppa għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, bħala linja bażi komuni mhux vinkolanti li tappoġġja l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u tħejjija fiċ-ċirkostanzi ta’ diżastri b’impatt kbir li jikkawżaw jew huma kapaċi jikkawżaw effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi (jiġifieri effetti fuq diversi pajjiżi, irrispettivament minn jekk għandhomx fruntiera bejniethom jew le). L-għanijiet ta’ reżiljenza għad-diżastri tal-Unjoni jenħtieġ li jqisu l-konsegwenzi soċjali immedjati tad-diżastri u l-ħtieġa li jiġu żgurati li l-funzjonijiet kritiċi tas-soċjetà jiġu ppreservati.

(13)

Valutazzjonijiet regolari tar-riskji u analiżijiet regolari ta’ xenarji ta’ diżastri fil-livell nazzjonali u, fejn ikun xieraq, fil-livell subnazzjonali, huma kruċjali biex jiġu identifikati l-lakuni fil-prevenzjoni u t-tħejjija u tiġi msaħħa r-reżiljenza, inkluż bl-użu ta’ fondi tal-Unjoni. Tali valutazzjonijiet tar-riskji u analiżijiet ta’ xenarji ta’ diżastri jenħtieġ li jiffokaw fuq ir-riskji li huma speċifiċi għar-reġjun ikkonċernat u jenħtieġ li, fejn ikun rilevanti, ikopru l-kooperazzjoni transfruntiera.

(14)

Meta jiġu żviluppati l-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ tħejjija jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-konsegwenzi tad-diżastri fuq gruppi vulnerabbli.

(15)

Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri huwa ta’ importanza kbira, u fejn hu xieraq, il-kapaċitajiet tagħhom huwa inklużi fl-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, bil-għan li jiġu minimizzati s-sovrapożizzjonijiet u titrawwem l-interoperabbiltà. Teżisti wkoll għalhekk, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni kontinwa transfruntiera fil-livelli lokali u reġjonali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati sistemi komuni ta’ twissija għal intervent rapidu qabel l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Bl-istess mod, u b’kunsiderazzjoni għall-istrutturi nazzjonali, huwa importanti li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li tiġi pprovduta għajnuna għat-taħriġ tekniku lill-komunitajiet lokali biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom tal-ewwel rispons fejn ikun xieraq. Huwa importanti wkoll li l-pubbliku jinżamm infurmat dwar il-miżuri ta’ rispons inizjali.

(16)

Jenħtieġ li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni jkompli jagħmel l-aħjar użu mis-sinerġiji mal-qafas tal-Unjoni dwar ir-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi.

(17)

Bħala ċentru tal-operazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni li jiffunzjona 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, bil-kapaċità li jsegwi u jappoġġja operazzjoni f’diversi tipi ta’ emerġenzi f’ħin reali, kemm ġewwa l-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha, jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) jissaħħaħ aktar. Dan jenħtieġ li jinkludi koordinazzjoni msaħħa tal-ERCC mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili tal-Istati Membri, kif ukoll ma’ korpi rilevanti oħra tal-Unjoni. Il-ħidma tal-ERCC hija appoġġjata minn għarfien xjentifiku espert, fosthom dak tal-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

(18)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jagħmel użu mill-infrastrutturi spazjali tal-Unjoni bħall-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus), Galileo, is-Sistema ta’ Għarfien ta’ Sitwazzjonijiet u GOVSATCOM, li jipprovdu għodod importanti ta’ rispons għal emerġenzi interni u esterni fil-livell tal-Unjoni. Is-Sistemi ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi ta’ Copernicus jagħtu appoġġ lill-ERCC fid-diversi fażijiet ta’ emerġenza, mit-twissija bikrija u l-prevenzjoni sar-rispons għad-diżastri u l-irkupru minnhom. Il-GOVSATCOM isservi biex tipprovdi kapaċità ta’ komunikazzjoni bis-satellita sikura mfassla b’mod speċifiku għall-ħtiġijiet tal-utenti governattivi fil-ġestjoni tal-emerġenzi. Galileo hija l-ewwel infrastruttura globali ta’ navigazzjoni u ta’ pożizzjonament bis-satellita ddisinjata għal skopijiet ċivili fl-Ewropa u madwar id-dinja, u tista’ tintuża f’oqsma oħra bħall-ġestjoni tal-emerġenzi, fosthom fl-attivitajiet ta’ twissija bikrija. Is-servizzi rilevanti ta’ Galileo jinkludu servizz ta’ emerġenza li jxandar, permezz tal-emissjoni ta’ sinjali, twissijiet dwar diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem f’żoni partikolari. Meta jitqies il-potenzjal tiegħu li jsalva l-ħajjiet u jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ emerġenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jużaw il-Galileo. Meta jiddeċiedu li jużawh sabiex jivvalidaw is-sistema, Stati Membri jenħtieġ li jidentifikaw l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti biex jużaw il-Galileo u javżaw il-Kummissjoni dwar dawk l-awtoritajiet.

(19)

Matul il-pandemija tal-COVID-19, in-nuqqas ta’ biżżejjed riżorsi loġistiċi u tat-trasport ġie identifikat bħala ostaklu ewlieni fir-rigward tal-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu jew jirċievu l-għajnuna. Għalhekk, ir-riżorsi loġistiċi u tat-trasport jenħtieġ li jiġu definiti bħala kapaċitajiet tar-rescEU. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tkun tista’ tiddefinixxi r-riżorsi tat-trasport u loġistiċi bħala kapaċitajiet tar-rescEU u biex tkun tista’, tikri, tikseb b’lokazzjoni jew b’xi mod ieħor tikkuntratta tali kapaċitajiet sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-oqsma tat-trasport u l-loġistika. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Barra minn hekk, biex ikollha l-kapaċità operazzjonali tirreaġixxi malajr għal diżastru fuq skala kbira li jikkawża jew li jista’ jikkawża effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi jew għal avveniment bi probabbiltà baxxa u b’impatt kbir, jenħtieġ li l-Unjoni jkollha wkoll, f’każijiet ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, u b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, permezz tal-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament skont il-proċedura ta’ urġenza, il-possibbiltà li tixtri, tikri, tikseb b’lokazzjoni jew b’xi mod ieħor tikkuntratta l-mezzi materjali u s-servizzi ta’ appoġġ meħtieġa definiti bħala kapaċitajiet tar-rescEU, fejn dawk il-mezzi u s-servizzi ma jkunux jistgħu jkunu magħmula disponibbli b’mod immedjat mill-Istati Membri. Dan jippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi mingħajr dewmien għal emerġenzi li jista’ jkollhom impatt kbir fuq ħajjet in-nies, fuq is-saħħa, l-ambjent, il-proprjetà u l-wirt kulturali, u li jaffettwaw lil diversi Stati Membri fl-istess waqt. Mezzi materjali bħal dawn jeskludu l-moduli, it-timijiet u l-kategoriji ta’ esperti, u huma maħsuba biex jgħinu lill-Istati Membri li jsibu ruħhom f’diffikultà minħabba diżastri.

(20)

Sabiex tagħmel l-aħjar użu mill-esperjenza miksuba s’issa b’networks loġistiċi fdati ġestiti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti fl-Unjoni, bħall-Imħażen tar-Rispons Umanitarju tan-NU, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra tali networks meta tixtri, tikseb b’lokazzjoni jew b’xi mod ieħor tikkuntratta l-kapaċitajiet tar-rescEU. L-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu involuti u kkonsultati kif jixraq fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-Mekkaniżmu tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Huwa partikolarment importanti li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jiġu kkonsultati fejn ikun xieraq fir-rigward tad-definizzjoni, il-ġestjoni u d-distribuzzjoni tal-kapaċitajiet dedikati għar-rispons għal emerġenzi mediċi.

(21)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw għal skopijiet nazzjonali l-kapaċitajiet tar-rescEU li jinxtraw, jinkrew, jinkisbu b’lokazzjoni jew inkella jiġu kkuntrattati mill-Istati Membri, iżda dan meta ma jkunux qed jintużaw jew ikunu meħtieġa għal operazzjoni ta’ rispons permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

(22)

L-Unjoni għandha l-interess li tirreaġixxi f’pajjiżi terzi, fejn meħtieġ. Filwaqt li primarjament stabbilit għall-użu bħala xibka ta’ sikurezza fl-Unjoni, f’każijiet iġġustifikati kif xieraq u b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji umanitarji, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu stazzjonati l-kapaċitajiet tar-rescEU barra mill-Unjoni. Jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar l-istazzjonament ssir f’konformità mad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar id-deċiżjonijiet tat-tħejjija għall-użu tal-kapaċitajiet tar-rescEU.

(23)

Jenħtieġ li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni jiżgura li hemm distribuzzjoni ġeografika adegwata tar-riżervi, inkluż fir-rigward ta’ kontromiżuri mediċi essenzjali u tagħmir protettiv personali, b’mod partikolari dawk li jirrispondu għal diżastri ta’ probabbiltà baxxa b’impatt qawwi, f’sinerġija ma’, u b’mod li jikkomplementa, il-Programm l-UE għas-Saħħa stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 (10), l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u politiki, programmi u fondi oħra tal-Unjoni, u jikkomplementa l-kumulazzjoni ta’ riżerva nazzjonali fil-livell tal-Unjoni fejn ikun meħtieġ.

(24)

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza ewlenija li l-għarfien rilevanti jiġi miġbur flimkien u kondiviż b’mod sistematiku fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Dik is-sejba u l-esperjenza miksuba s’issa fil-proċess tal-iżvilupp tan-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili jindikaw li r-rwol tiegħu bħala unità tal-ipproċessar fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi rfinat aktar.

(25)

Huwa essenzjali li l-Unjoni tingħata r-riżorsi loġistiċi u tat-trasport meħtieġa biex tkun tista’ tirreaġixxi għal kwalunkwe tip ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza ġewwa l-Unjoni u lil hinn minnha. Huwa fundamentali li jiġu żgurati t-trasport u l-konsenja tal-assistenza u l-għajnuna ġewwa l-Unjoni, iżda wkoll lejn pajjiżi li jinsabu barra mill-Unjoni u minn pajjiżi li jinsabu barra mill-Unjoni. Għaldaqstant, il-pajjiżi milquta jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu assistenza li tkun tikkonsisti biss f’riżorsi loġistiċi u tat-trasport.

(26)

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-ammont primarju ta’ referenza skont it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (12) maħsub biex ikopri n-nefqa tal-programm sal-aħħar tal-perjodu baġitarju 2014-2020. Dak il-pakkett finanzjarju jenħtieġ li jiġi aġġornat mill-1 ta’ Jannar 2021, id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (13), biex tirrifletti ċ-ċifri ġodda pprovduti f’dak ir-Regolament.

(27)

F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (14) li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u fil-limiti tar-riżorsi allokati fih, il-miżuri ta’ rkupru u reżiljenza li jitwettqu skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jenħtieġ li jindirizzaw l-impatt bla preċedent tal-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu, b’mod partikolari, miżuri biex jiżdied il-livell ta’ tħejjija tal-Unjoni u biex jippermettu rispons rapidu u effettiv tal-Unjoni f’każ ta’ emerġenzi kbar, inklużi miżuri bħall-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ provvisti u tagħmir mediku essenzjali u l-akkwist tal-infrastrutturi meħtieġa għal rispons rapidu. Dawn ir-riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jintużaw b’tali mod li jiżgura l-konformità mal-iskadenzi previsti fir-Regolament (UE) 2020/2094.

(28)

B’riflessjoni tal-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi, u l-impenn favur l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, jenħtieġ li l-azzjonijiet fl-ambitu tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE jikkontribwixxu għall-ksib ta’ mira ġenerali ta’ mill-inqas 30 % tal-ammont totali tan-nefqiet mill-baġit tal-Unjoni u l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru li jappoġġjaw objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni ta’ 7,5 % tal-baġit li jirrifletti n-nefqa fuq il-bijodiversità fl-2024 u 10 % fl-2026 u fl-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrapożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk tal-bijodiversità.

(29)

Meta jitqies li l-istazzjonament ta’ kapaċitajiet tar-rescEU għall-operazzjonijiet ta’ rispons fil-kuntest tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jagħti valur miżjud sinifikanti tal-Unjoni għaliex jiżgura r-rispons effettiv u rapidu għal persuni f’emerġenza, jenħtieġ li obbligi ulterjuri b’rabta mal-viżibbiltà jiġu stabbiliti sabiex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini u lill-midja tal-Unjoni, u wkoll biex tingħata prominenza lill-Unjoni. L-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jirċievu gwida dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni għal interventi speċifiċi, biex jiġi żgurat li r-rwol tal-Unjoni jiġi ppubbliċizzat kif jixraq.

(30)

Filwaqt li titqies l-esperjenza operazzjonali reċenti, sabiex ikompli jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni u b’mod partikolari biex jiġi simplifikat il-proċess ta’ implimentazzjoni rapida tar-rescEU, l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet kollha tar-rescEU jenħtieġ li jiġu ffinanzjati għalkollox mill-baġit tal-Unjoni.

(31)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ biex anki jagħtu assistenza barra l-Unjoni, ir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili jenħtieġ li tissaħħaħ aktar bil-kofinanzjament tal-ispejjeż operatorji tal-kapaċitajiet impenjati fl-istess livell, irrispettivament minn jekk jiġu stazzjonati fl-Unjoni jew barra mill-Unjoni.

(32)

Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà fl-appoġġ lill-Istati Membri b’riżorsi loġistiċi u tat-trasport, b’mod partikolari f’diżastri fuq skala kbira, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi ffinanzjat għalkollox mill-baġit tal-Unjoni, it-trasport, fi ħdan l-Unjoni jew lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi, ta’ merkanzija, mezzi loġistiċi u servizzi mħejjija għall-użu bħala kapaċitajiet tar-rescEU.

(33)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdi wkoll assistenza għat-trasport meħtieġa f’diżastri ambjentali permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u skont mad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(34)

Biex tiżdied il-flessibbiltà u biex il-baġit jiġi implimentat bl-aħjar mod possibbli, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi l-ġestjoni indiretta bħala metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit, biex tintuża meta dan ikun iġġustifikat min-natura u l-kontenut tal-azzjoni kkonċernata.

(35)

F’konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (ir-“Regolament Finanzjarju”), tista’ ssir għotja għal azzjoni li tkun diġà nbdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li l-azzjoni tinbeda qabel l-iffirmar tal-ftehim tal-għotja. Madankollu, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli, ħlief f’każijiet eċċezzjonali iġġustifikati kif xieraq. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi previst fid-deċiżjoni ta’ finanzjament, għal perijodu limitat ta’ żmien fil-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, u biss fil-każijiet iġġustifikati kif xieraq, l-ispejjeż imġarrba fir-rigward ta’ azzjonijiet appoġġati skont id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE li jkunu diġà bdew jiġu kkunsidrati eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk ikunu ġġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għotja.

(36)

Fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE l-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali li jindikaw l-allokazzjonijiet ippjanati biex tippromwovi l-prevedibbiltà u l-effettività fit-tul. Dan jenħtieġ li jgħin lill-Unjoni tkun aktar flessibbli fl-eżekuzzjoni tal-baġit u b’hekk issaħħaħ l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ tħejjija. Barra minn hekk, l-allokazzjonijiet futuri proġettati jenħtieġ li jiġu ppreżentati u diskussi fuq bażi annwali fil-kumitat li jassisti lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(37)

Il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni skont ir-Regolament Finanzjarju.

(38)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE japplikaw għad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-proċedura biex jiġi stabbilit il-baġit u biex dan jiġi implimentat permezz ta’ għotjiet, tal-akkwist, ta’ premjijiet u tal-implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki tar-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(39)

Filwaqt li l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ tħejjija huma essenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni meta tħabbat wiċċha ma’ diżastri naturali u dawk kkawżati mill-bniedem, huwa fin-natura tad-diżastri li l-okkorrenza, meta u d-daqs tagħhom huma imprevedibbli. Kif ħareġ fid-dieher fil-kriżi riċenti tal-COVID-19, ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġi żgurat rispons xieraq jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn sena għal oħra u jenħtieġ li jkunu disponibbli minnufih. Għalhekk, ir-rikonċiljazzjoni tal-prinċipji baġitarji tal-prevedibbiltà man-neċessità ta’ rispons rapidu għal ħtiġijiet ġodda tfisser li l-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi ta’ ħidma trid tiġi adattata. Għaldaqstant, ikun xieraq li jiġi awtorizzat ir-riport tal-approprjazzjonijiet li ma jintużawx, b’limitu għas-sena ta’ wara u biss f’każ ta’ azzjonijiet ta’ rispons, flimkien mar-riport ta’ approprjazzjonijiet awtorizzati skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju.

(40)

B’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (18), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (19) u (UE) 2017/1939 (20), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, fosthom miżuri marbuta mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l- investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, fosthom il-frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). B’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mingħand l-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi mingħand l-Unjoni tagħti d-drittijiet ekwivalenti. Għal din ir-raġuni, il-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u territorji u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u kwalunkwe kuntratt jew ftehim li jirriżulta mill-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE jenħtieġ li jkun fihom dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-UPPE u lill-OLAF li jwettqu awditi, kontrolli fil-post u spezzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u li jiżguraw li kull terza persuna involuta fl-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(41)

Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-koperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (22), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont dan il-ftehim. Il-pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw ukoll fuq il-bażi ta’ strumenti legali oħra. Fid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE jenħtieġ li tiddaħħal dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi lill-pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet meħtieġa u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-OLAF u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.

(42)

Matul il-pandemija tal-COVID-19, sabiex ikun hemm kapaċitajiet tar-rescEU li jiffunzjonaw u biex il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jirreaġixxi b’mod effettiv għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, tqiegħdu għad-dispożizzjoni approprjazzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-finanzjament ta’ azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Huwa importanti li l-Unjoni tingħata l-flessibbiltà meħtieġa biex tkun tista’ tirreaġixxi b’mod effettiv għan-natura imprevedibbli tad-diżastri, filwaqt li fl-istess ħin iżżomm ċerta prevedibbiltà fit-twettiq tal-objettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Huwa importanti li jinkiseb il-bilanċ neċessarju fit-twettiq ta’ dawk l-objettivi. Sabiex jiġu aġġornati l-perċentwali stabbiliti fl-Anness I skont il-prijoritajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni rivedut, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (23). B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri u l-esperti tagħhom ikollhom b’mod sistematiku aċċess għal-laqgħat tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni li jkunu involuti fit-tħejjija ta’ atti delegati.

(43)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tiġi emendata kif meħtieġ.

(44)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’mod retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafi (2) u (3) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“2.   Il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandha primarjament tkopri l-persuni, imma wkoll l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, kontra kull tip ta’ diżastru naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, inklużi l-konsegwenzi ta’ atti terroristiċi u ta’ diżastri teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali, tniġġis tal-baħar, instabbiltà idroġeoloġika u emerġenzi akuti tas-saħħa, li jseħħu ġewwa jew barra l-Unjoni. Fil-każ tal-konsegwenzi ta’ atti terroristiċi jew diżastri radjoloġiċi, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jista’ jkopri biss l-azzjonijiet ta’ tħejjija u ta’ rispons.

3.   Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandu jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni prattiċi, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri li jħarsu l-persuni, l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, fit-territorju tagħhom kontra diżastri u li jipprovdu kapaċitajiet suffiċjenti lis-sistemi tagħhom ta’ ġestjoni tad-diżastri biex jippermettulhom jipprevjenu, u jlaħħqu b’mod adegwat u konsistenti ma’ diżastri ta’ natura u skala li jistgħu raġonevolment jistennew u jħejju għalihom.”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

li jiġi ffaċilitat rispons rapidu u effiċjenti f’każ ta’ diżastri jew diżastri imminenti, inkluż billi jittieħdu miżuri biex jittaffew il-konsegwenzi immedjati tad-diżastri u billi l-Istati Membri jiġu mħeġġa jaħdmu biex jeliminaw l-ostakoli burokratiċi;”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

progress fit-titjib tal-livell ta’ tħejjija għal diżastri: li jitkejjel permezz tal-kwantità ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni inklużi fir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili fir-rigward tal-għanijiet tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 11, l-għadd ta’ moduli li jiġu rreġistrati fis-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni ta’ Emerġenza (CECIS) u l-għadd ta’ kapaċitajiet tar-rescEU li jiġu stabbiliti biex tingħata assistenza f’sitwazzjonijiet gravi;”;

(3)

fl-Artikolu 4, jiddaħħal il-punt li ġej:

“4a.   ‘għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri’ tfisser objettivi mhux vinkolanti stabbiliti fil-qasam tal-protezzjoni ċivili biex jappoġġjaw azzjonijiet ta’ prevenzjoni u tħejjija għall-finijiet tat-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex jaffrontaw l-effetti ta’ diżastru li jikkawża jew jista’ jikkawża effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi;”;

(4)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

tistabbilixxi u taġġorna regolarment mappa u ħarsa ġenerali transsettorjali tar-riskji ta’ diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, inklużi riskji ta’ diżastri li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw effetti multinazzjonali transkonfinali, li tista’ tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni, billi tieħu approċċ koerenti fl-oqsma ta’ politika differenti li jistgħu jindirizzaw jew jolqtu l-prevenzjoni tad-diżastri u billi tqis kif xieraq l-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima;”;

(b)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

tirrapporta perjodikament, skont l-iskadenzi stabbiliti fil-punt (d) tal-Artikolu 6(1), lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 6;”;

(5)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1, huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

jiżviluppaw aktar u jirfinaw l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskji tad-diżastri fil-livell nazzjonali jew is-subnazzjonali adatt, inkluż fir-rigward tal-kollaborazzjoni transfruntiera, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri msemmija fil-paragrafu 5 meta jkunu ġew stabbiliti, u r-riskji relatati ma’ diżastri li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi;”;

(ii)

il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(d)

iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sommarju tal-elementi rilevanti tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), b’enfasi fuq ir-riskji ewlenin. Għal riskji ewlenin li għandhom impatti transfruntiera u riskji relatati ma’ diżastri li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi, kif ukoll, fejn xieraq, għal riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt qawwi, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu miżuri prijoritarji ta’ prevenzjoni u tħejjija. Is-sommarju għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2020 u darba kull tliet snin wara dik id-data, kif ukoll kull meta jkun hemm bidliet importanti;

(e)

jipparteċipaw, fuq bażi volontarja, f’evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ġestjoni tar-riskji;

(f)

f’konformità mal-impenji internazzjonali, itejbu l-ġbir ta’ data dwar it-telf mid-diżastri fil-livell nazzjonali jew fil-livell sottonazzjonali xieraq biex jiġu żgurat l-immudellar ta’ xenarji bbażat fuq l-evidenza kif inhu msemmi fl-Artikolu 10(1) u l-identifikazzjoni ta’ lakuni fil-kapaċitajiet ta’ rispons għad-diżastri.”;

(b)

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi u tiżviluppa l-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, u tadotta rakkomandazzjonijiet biex tiddefinixxihom bħala linja bażi komuni mhux vinkolanti biex tappoġġja azzjonijiet ta’ prevenzjoni u tħejjija fil-każ ta’ diżastri li jikkawżaw jew huma kapaċi jikkawżaw effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi. Dawk l-għanijiet għandhom ikunu bbażati fuq xenarji attwali u li jħarsu lejn il-futur, fosthom l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-riskji ta’ diżastri, data fuq avvenimenti tal-imgħoddi u analiżi tal-impatt transsettorjali, b’attenzjoni partikolari mogħtija lil gruppi vulnerabbli. Meta tiżviluppa l-għanijiet ta’ reżiljenza għad-diżastri tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tqis id-diżastri rikorrenti li jolqtu lill-Istati Membri u tissuġġerixxi li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi, inklużi kwalunkwe miżuri li għandhom jiġu implimentati bl-użu ta’ fondi tal-Unjoni, biex isaħħu r-reżiljenza għal tali diżastri.”;

(6)

L-Artikoli 7 u 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza

1.   Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) huwa b’dan stabbilit. L-ERCC għandu jiżgura kapaċità operazzjonali għal 24 siegħa kuljum u sebat (7) ijiem fil-ġimgħa, u għandu jservi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-kisba tal-objettivi tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

B’mod partikolari l-ERCC għandu jikkoordina, jimmonitorja u jappoġġja r-rispons għall-emerġenzi fil-livell tal-Unjoni f’ħin reali. L-ERCC għandu jaħdem f’kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili u mal-korpi rilevanti tal-Unjoni biex jippromwovi approċċ trans-settorjali għall-ġestjoni tad-diżastri.

2.   L-ERCC għandu jkollu aċċess għal kapaċitajiet operazzjonali, analitiċi, ta’ monitoraġġ, ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u ta’ komunikazzjoni biex jindirizza firxa wiesgħa ta’ emerġenzi fl-Unjoni u barra minnha.

Artikolu 8

Azzjonijiet ta’ tħejjija ġenerali tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq l-azzjonijiet ta’ tħejjija li ġejjin:

(a)

tiġġestixxi l-ERCC;

(b)

tiġġestixxi CECIS biex tippermetti l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-ERCC u l-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri;

(c)

taħdem mal-Istati Membri:

(i)

biex tiżviluppa sistemi ta’ detezzjoni u ta’ twissija bikrija transnazzjonali ta’ interess għall-Unjoni sabiex jittaffew l-effetti immedjati tad-diżastri;

(ii)

biex tintegra aħjar is-sistemi eżistenti ta’ detezzjoni u ta’ twissija bikrija transnazzjonali bbażati fuq approċċ ta’ perikli multipli, bil-ħsieb li tnaqqas iż-żmien meħtieġ għar-rispons għad-diżastri;

(iii)

biex iżżomm u tkompli tiżviluppa għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta’ analiżi;

(iv)

biex timmonitorja d-diżastri u, fejn rilevanti, l-impatti tat-tibdil fil-klima, u tagħti pariri bbażati fuq l-għarfien xjentifiku tiegħu;

(v)

biex tittraduċi l-informazzjoni xjentifika f’informazzjoni operazzjonali;

(vi)

biex toħloq, iżżomm u tiżviluppa sħubiji xjentifiċi Ewropej li jkopru l-perikli naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, li sussegwentement jenħtieġ li jippromwovu l-konnessjoni bejn is-sistemi nazzjonali ta’ twissija bikrija u ta’ twissija u l-konnessjoni ta’ tali sistemi mal-ERCC u s-CECIS;

(vii)

biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali b’mandat ta’ għarfien xjentifiku, teknoloġiji u għarfien espert innovattivi meta l-Istati Membri u tali organizzazzjonijiet jiżviluppaw aktar is-sistemi ta’ twissija bikrija tagħhom, inkluż permezz tan-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili msemmija fl-Artikolu 13;

(d)

tistabbilixxi u tiġġestixxi l-kapaċità biex jiġu mobilizzati u mibgħuta timijiet ta’ esperti li jkunu responsabbli sabiex:

(i)

jivvalutaw il-ħtiġijiet li jistgħu possibbilment jiġu ttrattati bil-Mekkaniżmu tal-Unjoni fl-Istat Membru jew pajjiż terz li jitlob għal għajnuna,

(ii)

jiffaċilitaw, fejn jkun meħtieġ, il-koordinazzjoni tal-għajnuna fil-post b’rispons għad-diżastri u jżommu kuntatti mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru jew pajjiż terz li jitlob għal għajnuna, u

(iii)

jappoġġjaw lill-Istat Membru jew pajjiż terz li jagħmel it-talba b’kompetenza esperta dwar azzjonijiet ta’ prevenzjoni, tħejjija jew reazzjoni;

(e)

tistabbilixxi u żżomm il-kapaċità li tipprovdi appoġġ loġistiku lit-timijiet ta’ esperti msemmija fil-punt (d);

(f)

tiżviluppa u żżomm network ta’ esperti mħarrġa tal-Istati Membri, li jistgħu jkunu disponibbli f’qasir żmien biex jgħinu lill-ERCC fil-monitoraġġ tal-informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni;

(g)

tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-pożizzjonament minn qabel tal-kapaċitajiet ta’ rispons għad-diżastri tal-Istati Membri ġewwa l-Unjoni;

(h)

tappoġġja l-isforzi għat-titjib tal-interoperabbiltà tal-moduli u kapaċitajiet oħra ta’ rispons, billi tikkunsidra l-aħjar prattiki fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell internazzjonali;

(i)

tieħu, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha, l-azzjonijiet meħtieġa biex tiffaċilita l-appoġġ tal-nazzjon ospitanti, inkluż l-iżvilupp u l-aġġornament, flimkien mal-Istati Membri, ta’ linji gwida dwar l-appoġġ tan-nazzjon ospitanti, abbażi tal-esperjenza operazzjonali;

(j)

tappoġġja l-ħolqien ta’ programmi ta’ valutazzjoni volontarja bejn il-pari għall-istrateġiji ta’ tħejjija tal-Istati Membri, ibbażati fuq kriterji predefiniti, li jippermettu li jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet biex jissaħħaħ il-livell ta’ tħejjija tal-Unjoni;

(k)

f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu azzjoni addizzjonali meħtieġa ta’ tħejjija komplementari u ta’ appoġġ, sabiex jinkiseb l-objettiv speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1); u

(l)

tappoġġa lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta’ diżastri li jseħħu fit-territorji tagħhom billi tipprovdi l-possibbiltà li jintużaw sħubiji xjentifiċi Ewropej għal analiżijiet xjentifiċi mmirati. L-analiżijiet li jirriżultaw jistgħu jiġu kondiviżi permezz ta’ CECIS, bi qbil mal-Istati Membri milquta.

2.   Fuq it-talba ta’ Stat Membru, pajjiż terz jew in-Nazzjonijiet Uniti jew l-aġenziji tagħha, il-Kummissjoni tista’ tistazzjona tim ta’ esperti fil-post biex jipprovdi konsulenza dwar miżuri ta’ tħejjija.”;

(7)

Fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10.   Meta s-servizzi ta’ emerġenza jingħataw minn Galileo, Copernicus, GovSatCom, jew komponenti oħra tal-Programm Spazjali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jużahom.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża s-servizzi ta’ emerġenza li ngħataw minn Galileo msemmija fl-ewwel subparagrafu, huwa għandu jidentifika u jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali li jkunu awtorizzati jużaw dawk is-servizzi ta’ emerġenza.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).”;"

(8)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Bini ta’ xenarji u ppjanar tal-ġestjoni tad-diżastri

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu id f’id biex itejbu l-ippjanar transsettorjali tal-ġestjoni tar-riskji tad-diżastri fil-livell tal-Unjoni, kemm għal diżastri naturali kif ukoll għal dawk ikkawżati mill-bniedem li jikkawżaw jew huma kapaċi jikkawżaw effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi, fosthom l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. Dak l-ippjanar għandu jinkludi l-bini ta’ xenarji fil-livell tal-Unjoni għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri, filwaqt li titqies il-ħidma mwettqa fir-rigward tal-għanijiet tal-Unjoni għar-reżiljenza għad-diżastri kif imsemmija fl-Artikolu 6(5) u l-ħidma tan-Network tal-Unjoni għall-Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili kif imsemmi fl-Artikolu 13, u abbażi ta’:

(i)

il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1),

(ii)

il-ħarsa ġenerali lejn ir-riskji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1),

(iii)

il-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ġestjoni tar-riskji tal-Istati Membri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1),

(iv)

id-data disponibbli dwar it-telf marbuta mad-diżastri msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 6(1),

(v)

l-iskambju volontarju ta’ informazzjoni eżistenti dwar l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskji tad-diżastri fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali xieraq,

(vi)

l-immappjar tal-assi, u

(vii)

l-iżvilupp ta’ pjanijiet għall-istazzjonament tal-kapaċitajiet ta’ rispons.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jippromwovu sinerġiji bejn iffinanzjar għal għajnuna għall-protezzjoni ċivili u għajnuna umanitarja pprovduti mill-Unjoni u l-Istati Membri fl-ippjanar ta’ operazzjonijiet ta’ rispons għal kriżijiet umanitarji barra l-Unjoni.”;

(9)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Fuq il-bażi tar-riskji identifikati, il-kapaċitajiet ġenerali u l-lakuni u kwalunkwe bini ta’ xenarji eżistenti kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi t-tipi u tispeċifika l-għadd ta’ kapaċitajiet ta’ rispons ewlenin meħtieġa għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (‘l-għanijiet tal-kapaċità’). Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tagħmel monitoraġġ tal-progress lejn l-għanijiet tal-kapaċità stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u tidentifika lakuni potenzjalment sinifikanti fil-kapaċità ta’ rispons fir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili. Fejn ikunu ġew identifikati tali lakuni, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kapaċitajiet meħtieġa jkunux disponibbli għall-Istati Membri barra r-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jindirizzaw lakuni sinjifikanti fil-kapaċità ta’ rispons fir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili. Hija tista’ tappoġġja lill-Istati Membri f’dan ir-rigward b’konformità mal-Artikolu 20 u l-punt (i) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 21(2).”;

(10)

fl-Artikolu 12, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi fiex jikkonsistu l-kapaċitajiet tar-rescEU, abbażi inter alia ta’ kwalunkwe bini ta’ xenarji eżistenti kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), b’kunsiderazzjoni tar-riskji identifikati u emerġenti u tal-kapaċitajiet u l-lakuni kumplessivi fil-livell tal-Unjoni, partikolarment fl-oqsma tat-tifi tan-nar tal-foresti mill-ajru, tal-inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, rispons mediku ta’ emerġenza, kif ukoll trasport u loġistika. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(2). Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment l-informazzjoni dwar it-tip u l-għadd ta’ kapaċitajiet tar-rescEU u tagħmel din l-informazzjoni direttament disponibbli lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jinxtraw, mikrija, miksuba b’lokazzjoni jew inkella kkuntrattati mill-Istati Membri.

3a.   Il-kapaċitajiet ta’ rescEU, kif definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(2), jistgħu jinkrew, jinkisbu b’lokazzjoni jew jiġu kkuntrattati b’xi mod ieħor mill-Kummissjoni sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-qasam tat-trasport u l-loġistika.

3b.   F’każijiet ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni tista’ takkwista, tikri, tikseb b’lokazzjoni jew inkella tikkuntratta kapaċitajiet iddeterminati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 33(3). Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom:

(i)

jiddeterminaw it-tip u l-kwantità meħtieġa ta’ mezzi materjali u kwalunkwe servizzi ta’ appoġġ meħtieġa, diġà definiti bħala kapaċitajiet ta’ rescEU; and/or

(ii)

jiddefinixxu mezzi materjali addizzjonali u kwalunkwe servizzi ta’ appoġġ meħtieġa bħala kapaċitajiet ta’ rescEU u jiddeterminaw it-tip u l-kwantità meħtieġa ta’ dawn il-kapaċitajiet.

3c.   Ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni għandhom japplikaw meta l-kapaċitajiet ta’ rescEU jinxtraw, jinkrew, jinkisbu b’lokazzjoni jew inkella kkuntrattati mill-Kummissjoni. Meta l-kapaċitajiet ta’ rescEU jinxtraw, jinkrew, jinkisbu b’lokazzjoni jew inkella kkuntrattati mill-Istati Membri, ikunu jistgħu jiġu konċessi għotjiet diretti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti. Il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat Membru li jkun jixtieq jista’ jinvolvi ruħu fi proċedura ta’ akkwist konġunt li ssir skont l-Artikolu 165 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (*2) (ir-’Regolament Finanzjarju’) bil-għan li jinxtraw kapaċitajiet ta’ rescEU.

Il-kapaċitajiet ta’ rescEU għandhom jiġu ospitati fl-Istati Membri li jixtru, jikru, jiksbu b’lokazzjoni jew inkella jikkuntrattaw dawk il-kapaċitajiet.

(*2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(11)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (in-Network) li jaggrega, jipproċessa u jxerred l-għarfien u l-informazzjoni rilevanti lill-Mekkaniżmu tal-Unjoni bbażat fuq l-approċċ ta’ perikli multipli u jinkludi l-atturi rilevanti tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri, iċ-ċentri ta’ eċċellenza, l-universitajiet u r-riċerkaturi.

Il-Kummissjoni, permezz tan-Network, għandha tqis b’mod xieraq l-għarfien espert disponibbli fl-Istati Membri, fil-livell tal-Unjoni, fil-livell tal-organizzazzjonijiet u l-entitajiet internazzjonali oħra, fil-livell tal-pajjiżi terzi u fil-livell tal-organizzazzjonijiet attivi fuq il-post.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu parteċipazzjoni b’bilanċ bejn il-ġeneri fl-istabbiliment u l-funzjonament tan-Network.

Il-Kummissjoni, permezz tan-Network, għandha tappoġġja l-koerenza tal-proċessi tal-ippjanar u tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi tiffaċilita l-iskambju kontinwu ta’ għarfien u informazzjoni li jinvolvi l-oqsma kollha ta’ attività fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, permezz tan-Network, inter alia għandha:

(a)

tistabbilixxi u tmexxi programm ta’ taħriġ u eżerċizzji għall-persunal tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri dwar prevenzjoni tad-diżastri, u t-tħejjija u r-rispons għalihom. Il-programm għandu jinkoraġġixxi u jiffoka fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri, inkluż fir-rigward ta’ diżastri li joriġinaw mit-tibdil fil-klima, u jinkludi korsijiet konġunti u sistema għall-iskambju ta’ għarfien espert fil-qasam tal-ġestjoni tad-diżastri, inkluż skambji ta’ professjonisti u voluntiera b’esperjenza flimkien mas-sekondar ta’ esperti mill-Istati Membri.

Il-programm ta’ taħriġ u eżerċizzji għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni, il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà tal-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikoli 9, 11 u 12, u li jtejjeb il-kompetenza tal-esperti kif imsemmi fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 8(1);

(b)

tistabbilixxi u tmexxi programm ta’ tagħlimiet misluta mill-azzjonijiet tal-protezzjoni ċivili mwettqa fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, li jinkludi aspetti miċ-ċiklu sħiħ tal-ġestjoni tad-diżastri, sabiex jipprovdi bażi wiesgħa għall-proċessi tat-tagħlim u l-iżvilupp tal-għarfien. Il-programm għandu jinkludi:

(i)

monitoraġġ, analiżi u evalwazzjoni tal-azzjonijiet kollha rilevanti tal-protezzjoni ċivili fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(ii)

promozzjoni tal-implimentazzjoni tat-tagħlimiet meħuda sabiex jinkiseb pedament ibbażat fuq l-esperjenza għall-iżvilupp ta’ attivitajiet fiċ-ċiklu ta’ ġestjoni tad-diżastri; u

(iii)

żvilupp ta’ metodi u għodod għall-ġbir, l-analiżi, il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tat-tagħlimiet meħuda.

Dak il-programm għandu jinkludi wkoll, fejn xieraq, it-tagħlimiet meħuda mill-interventi barra l-Unjoni fir-rigward tal-isfruttar tal-konnessjonijiet u s-sinerġiji bejn l-għajnuna pprovduta fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u r-rispons umanitarju;

(c)

tistimola r-riċerka u l-innovazzjoni, u tinkoraġġixxi l-introduzzjoni u l-użu ta’ approċċi jew teknoloġiji ġodda rilevanti jew it-tnejn għall-fini tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(d)

tistabbilixxi u tamministra pjattaforma online li sservi n-Network biex tappoġġja u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kompiti differenti msemmija fil-punti (a), (b) u (c).

2.   Meta twettaq il-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod partikolari l-bżonnijiet u l-interessi tal-Istati Membri li jiffaċċjaw riskji ta’ diżastri ta’ dan it-tip, kif ukoll tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-patrimonju kulturali.

3.   Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar it-taħriġ, u tippromwovi l-kondiviżjoni ta’ għarfien u esperjenza, bejn in-Network u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi, b’mod partikolari biex tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-impenji internazzjonali, b’mod partikolari dawk fil-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030.”;

(12)

fl-Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-każ ta’ diżastru ġewwa l-Unjoni, jew ta’ diżastru imminenti, li jikkawża jew jista’ jikkawża effetti transkonfinali f’bosta pajjiżi jew li jaffettwa jew li jista’ jaffettwa Stati Membri oħra, l-Istat Membru fejn iseħħ jew x’aktarx iseħħ id-diżastru għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-Istati Membri potenzjalment affettwati u, meta l-effetti jkunu potenzjalment sinifikanti, lill-Kummissjoni.”;

(13)

Fl-Artikolu 15(3), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

tiġbor u tanalizza informazzjoni validata dwar is-sitwazzjoni, flimkien mal-Istat Membru milqut, bil-għan li tiġġenera għarfien komuni tas-sitwazzjoni u r-rispons għaliha, u xxerrdu dik l-informazzjoni direttament fost l-Istati Membri;”;

(14)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafi 1 u 2 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni tista’ tagħżel, taħtar u tibgħat tim ta’ esperti magħmul minn esperti pprovduti mill-Istati Membri:

(a)

fuq talba għal għarfien espert fil-prevenzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(2);

(b)

fuq talba għal għarfien espert fit-tħejjija f’konformità mal-Artikolu 8(2);

(c)

fil-każ ta’ diżastru ġewwa l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 15(5);

(d)

fil-każ ta’ diżastru barra l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 16(3).

Fit-tim jistgħu jiġu integrati esperti mill-Kummissjoni u minn servizzi oħra tal-Unjoni sabiex jappoġġjaw lit-tim u jiffaċilitaw il-kuntatti mal-ERCC. Fit-tim jistgħu jiġu integrati esperti mibgħuta mill-aġenziji tan-NU jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra sabiex isaħħu l-kooperazzjoni u jiffaċilitaw valutazzjonijiet konġunti.

Fejn l-effikaċja operazzjonali tkun tirrikjedih, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tista’ tiffaċilita l-involviment ta’ esperti addizzjonali, permezz tal-istazzjonament tagħhom, u appoġġ tekniku u xjentifiku, u ssejjaħ għarfien xjentifiku speċjalist espert kif ukoll għarfien espert settorjali u f’emerġenzi mediċi.

2.   Il-proċedura għall-għażla u għall-ħatra ta’ esperti għandha tkun kif ġej:

(a)

l-Istati Membri għandhom jaħtru esperti, li jkun fir-responsabbiltà tagħhom, li jkunu jistgħu jiġu stazzjonati bħala membri ta’ timijiet ta’ esperti;

(b)

il-Kummissjoni għandha tagħżel l-esperti u l-mexxej għal dawk it-timijiet abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, inkluż il-livell tat-taħriġ dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni mwettaq, l-esperjenza preċedenti ta’ missjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni u ħidma oħra internazzjonali ta’ sokkors; L-għażla għandha tkun ibbażata wkoll fuq kriterji oħra, inklużi l-ħiliet lingwistiċi, biex ikun żgurat li t-tim fl-intier tiegħu jkollu l-ħiliet meħtieġa għas-sitwazzjoni speċifika;

(c)

il-Kummissjoni għandha taħtar esperti u mexxejja tat-tim għall-missjoni bi qbil mal-Istat Membru li jinnominahom.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar appoġġ espert addizzjonali li jingħata b’konformità mal-paragrafu 1.”;

(15)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Trasport u tagħmir

1.   Fil-każ ta’ diżastru, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, l-Kummissjoni tista’ tappoġġja lill-Istati Membri fil-kisba ta’ aċċess għal tagħmir jew riżorsi loġistiċi u tat-trasport billi:

(a)

tipprovdi u tikkondividi informazzjoni dwar it-tagħmir u dwar ir-riżorsi loġistiċi u tat-trasport li jistgħu jsiru disponibbli mill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-ġbir flimkien ta’ tali tagħmir jew riżorsi loġistiċi u tat-trasport;

(b)

tiżviluppa materjal kartografiku għall-istazzjonar u l-mobilizzazzjoni rapidi tar-riżorsi, speċjalment fid-dawl tal-partikolaritajiet tar-reġjuni transfruntiera għall-fini ta’ riskji transkonfinali f’bosta pajjiżi;

(c)

l-assistenza lill-Istati Membri biex jidentifikaw, riżorsi loġistiċi u tat-trasport li jistgħu jkunu disponibbli minn sorsi oħra, inkluż mis-suq kummerċjali, u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal tali riżorsi; jew

(d)

tgħin lill-Istati Membri biex jidentifikaw tagħmir li jista’ jkun disponibbli minn sorsi oħrajn, inkluż is-suq kummerċjali.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tikkomplementa r-riżorsi loġistiċi u tat-trasport ipprovduti mill-Istati Membri billi tipprovdi r-riżorsi addizzjonali tat-trasport meħtieġa biex jiġi żgurat rispons rapidu għad-diżastri.

3.   L-assistenza mitluba minn Stat Membru jew minn pajjiż terz tista’ tikkonsisti biss minn riżorsi loġistiċi u tat-trasport sabiex tirrispondi għal diżastri bi provvisti ta’ sokkors jew tagħmir akkwistat f’pajjiż terz mill-Istat Membru rikjedenti jew mill-pajjiż terz.”;

(16)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 1 263 000 000 fi prezzijiet attwali.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Approprjazzjonijiet li jirriżultaw mir-rimborż magħmul mill-benefiċjarji għal azzjonijiet ta’ rispons għad-diżastri għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat fis-sens tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-allokazzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafi 1 u 1a ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 19a tista’ tkopri wkoll spejjeż marbuta mal-attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u għall-ksib tal-objettivi tiegħu.

Tali nefqa tista’, b’mod partikolari, tkopri studji, laqgħat ta’ esperti, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn huma relatati mal-objettivi ġenerali tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, spejjeż marbuta man-networks tal-IT li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża l-interkonnessjoni tagħhom ma’ sistemi eżistenti jew futuri mfassla biex jippromwovu skambju ta’ data transsettorjali u tagħmir relatat, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha tal-għajnuna teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-programm.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 19a(1) għandu jiġi allokat, għall-perjodu 2021-2027, skont il-perċentwali u l-prinċipji stabbiliti fl-Anness I.”;

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-ripartizzjoni mniżżla fl-Anness I fid-dawl tal-eżitu tal-evalwazzjoni imsemmija fl-Artikolu 34(3).”;

(f)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Fejn meħtieġ, għal rispons għal diżastri minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jew fid-dawl ta’ avvenimenti mhux mistennija li jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-baġit jew l-istabbiliment tal-kapaċitajiet ta’ rescEU, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-Anness I fi ħdan l-allokazzjonijiet baġitarji disponibbli u f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 31.”;

(17)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

Riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru

1.   Il-miżuri msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE)  2020/2094 (*3) għandhom jiġu implimentati skont din id-Deċiżjoni permezz tan-nefqa ta’ ammont ta’ mhux aktar minn EUR 2 056 480 000 fi prezzijiet attwali kif imsemmi fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament fil-prezzijiet tal-2018, soġġetti għall-Artikoli 3(3), (4), (7) u (9) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkostitwixxi dħul estern assenjat kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094.

3.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu eliġibbli għal assistenza finanzjarja f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u għandhom jiġu implimentati b’rispett sħiħ tal-objettivi tar-Regolament (UE) 2020/2094.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ta’ azzjonijiet favur pajjiżi terzi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-assistenza finanzjarja msemmija f’dan l-Artikolu tista’ tingħata lil pajjiż terz biss meta din l-assistenza tiġi implimentata b’rispett sħiħ tal-objettivi tar-Regolament (UE) 2020/2094, irrispettivament minn jekk dan il-pajjiż terz jipparteċipax jew le fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

(*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġja l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).”;"

(18)

L-Artikolu 20a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20a

Viżibbiltà u għotjiet

1.   Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll il-benefiċjarji tal-għajnuna mogħtija, għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-midja u lill-pubbliku.

Kwalunkwe finanzjament jew assistenza pprovduti fi ħdan din id-Deċiżjoni għandhom jingħataw viżibbiltà xierqa skont il-gwida speċifika maħruġa mill-Kummissjoni għal interventi speċifiċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjoni pubblika għal operazzjonijiet iffinanzjati taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni:

(a)

tinkludi referenzi xierqa għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(b)

tipprovdi mmarkar viżiv fuq il-kapaċitajiet iffinanzjati jew kofinanzjati mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(c)

twettaq azzjonijiet bl-emblema tal-Unjoni;

(d)

tikkomunika b’mod proattiv id-dettalji tal-appoġġ tal-Unjoni lill-midja nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħhom stess; u

(e)

tappoġġja l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet.

Meta l-kapaċitajiet ta’ RescEU jintużaw għal finijiet nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 12(5), l-Istati Membri għandhom, permezz tal-istess mezzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-kapaċitajiet u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni użat biex jinkisbu dawk il-kapaċitajiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati ma’ din id-Deċiżjoni, mal-azzjonijiet meħuda skont din id-Deċiżjoni u mar-riżultati miksuba, u tappoġġja lill-Istati Membri fl-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni tagħhom. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għal din id-Deċiżjoni għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3(1).

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti midalji sabiex tirrikonoxxi u tonora impenji u kontributi straordinarji dejjiema lill-Mekkaniżmu tal-Unjoni.”;

(19)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

l-iżvilupp tal-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskji tad-diżastri, kif imsemmi fl-Artikolu 10.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-assistenza finanzjarja għall-azzjoni msemmija fil-punt (j) tal-paragrafu 1 għandha tkopri l-ispejjeż meħtieġa biex ikunu żgurati d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tal-kapaċitajiet tar-rescEU permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni f’konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-kategoriji tal-ispejjeż eliġibbli meħtieġa biex jiżguraw id-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tal-kapaċitajiet ta’ rescEU għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness Ia.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 30 biex jiġi emendat l-Anness Ia fir-rigward tal-kategoriji ta’ spejjeż eliġibbli.

3a.   L-assistenza finanzjarja msemmija f’dan l-Artikolu tista’ tiġi implimentata permezz ta’ programmi ta’ ħidma pluriennali. Għal azzjonijiet li jestendu lil hinn minn sena waħda, l-impenji baġitarji jistgħu jinqasmu f’pagamenti annwali.”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 4;

(20)

fl-Artikolu 22, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

fl-eventwalità ta’ diżastru, l-appoġġ lill-Istati Membri fil-kisba ta’ aċċess għal tagħmir u riżorsi loġistiċi u tat-trasport kif speċifikat fl-Artikolu 23; u”;

(21)

l-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Azzjonijiet eliġibbli marbuta mat-tagħmir u l-operazzjonijiet

1.   L-azzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja sabiex jippermettu l-aċċess għat-tagħmir u r-riżorsi loġistiċi u tat-trasport skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni:

(a)

l-għoti u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar tagħmir u dwar riżorsi loġistiċi u tat-trasport li l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli, bil-ħsieb tal-faċilitazzjoni tal-akkomunament ta’ tali tagħmir jew riżorsi loġistiċi u tat-trasport;

(b)

l-assistenza lill-Istati Membri biex jidentifikaw ir-riżorsi loġistiċi u tat-trasport li jistgħu jkunu disponibbli minn sorsi oħra, inkluż mis-suq kummerċjali, u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal tali riżorsi;

(c)

għajnuna lill-Istati Membri biex jidentifikaw it-tagħmir li jista’ jkun disponibbli minn sorsi oħra, inkluż mis-suq kummerċjali;

(d)

il-finanzjament tar-riżorsi loġistiċi u tat-trasport meħtieġa biex jiżguraw rispons rapidu għad-diżastri. Tali azzjonijiet għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju fil-każ biss li jintlaħqu l-kriterji li ġejjin:

(i)

tkun saret talba għall-għajnuna skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 15 u 16;

(ii)

ir-riżorsi addizzjonali tat-trasport ikunu meħtieġa sabiex tkun żgurata l-effikaċja tar-rispons għad-diżastri permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(iii)

l-għajnuna tkun tikkorrispondi mal-ħtiġijiet identifikati mill-ERCC u tingħata skont ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-ERCC dwar speċifikazzjonijiet tekniċi, kwalità, ħin u modalitajiet għall-għoti;

(iv)

l-għajnuna tkun ġiet aċċettata mill-pajjiż li jagħmel it-talba, direttament jew permezz tan-Nazzjonijiet Uniti jew l-aġenziji tagħha, jew organizzazzjoni internazzjonali rilevanti, permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni; u

(v)

l-għajnuna tkun tikkomplementa, għal diżastri f’pajjiżi terzi, kwalunkwe rispons umanitarju globali tal-Unjoni.

1a.   L-ammont ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni għat-trasport ta’ kapaċitajiet li mhumiex impenjati minn qabel fir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili u stazzjonati fil-każ ta’ diżastru jew ta’ diżastru imminenti fl-Unjoni jew barra minnha u għal kull appoġġ ta’ trasport meħtieġ bħala reazzjoni għad-diżastri ma għandux jaqbeż il-75 % tal-ispiża totali eliġibbli.

2.   L-ammont ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal kapaċitajiet impenjati minn qabel fir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili ma għandux jaqbeż il-75 % tal-ispejjeż tal-operat tal-kapaċitajiet, inkluż it-trasport, fil-każ ta’ diżastru jew ta’ diżastru imminenti fl-Unjoni jew barra minnha.

4.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għar-riżorsi loġistiċi u tat-trasport tista’ tkopri massimu ta’ 100 % tal-ispejjeż totali eliġibbli deskritti fil-punti minn (a) sa (d), jekk dan ikun meħtieġ biex ir-riżerva ta’ assistenza tal-Istati Membri tkun effettiva fil-livell operazzjonali u jekk l-ispejjeż jirrigwardaw waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-kiri għal żmien qasir tal-kapaċità ta’ ħżin biex tinħażen temporanjament l-għajnuna mill-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-trasport koordinat tagħha;

(b)

it-trasport mill-Istat Membru li jkun qiegħed joffri l-assistenza lill-Istat Membru li jkun qiegħed jiffaċilita t-trasport koordinat tiegħu;

(c)

l-imballaġġ mill-ġdid tal-assistenza tal-Istati Membri biex isir użu massimu mill-kapaċitajiet ta’ trasport disponibbli jew biex jiġu sodisfatti rekwiżiti operazzjonali speċifiċi; jew

(d)

it-trasport lokali, it-tranżitu u l-ħżin tal-għajnuna f’konsorzju bil-ħsieb li jiġi żgurat l-għoti kkoordinat fid-destinazzjoni finali fil-pajjiż li jitlob l-għajnuna.

4a.   Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU jintużaw għal finijiet nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 12(5), l-ispejjeż kollha, fosthom l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija, għandhom ikunu koperti mill-Istat Membru li juża l-kapaċitajiet.

4b.   Fil-każ ta’ stazzjonar tal-kapaċitajiet tar-rescEU permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 75 % tal-ispejjeż operazzjonali.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 100 % tal-ispejjeż operazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU meħtieġa għal diżastri ta’ probabbiltà baxxa b’impatt qawwi, meta dawk il-kapaċitajiet jiġu stazzjonati permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

4c.   Għall-istazzjonar barra l-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 12(10), l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 100 % tal-ispejjeż operazzjonali.

4d.   Meta l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni msemmija f’dan l-Artikolu ma tkoprix 100 % tal-ispejjeż, l-ammont li jifdal għandu jiġġarrab minn min jitlob l-assistenza, sakemm ma jkunx intlaħaq qbil mod ieħor mal-Istat Membru li jkun offra l-assistenza jew l-Istat Membru li jospita l-kapaċitajiet tar-rescEU.

4e.   Għall-istazzjonar tal-kapaċitajiet tar-rescEU, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista’ tkopri 100 % ta’ kwalunkwe spiża diretta meħtieġa għat-trasport ta’ merkanzija, mezzi u servizzi loġistiċi, fl-Unjoni u lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi.

5.   F’każ ta’ konsorzju tal-operazzjonijiet tat-trasport li jinvolvi diversi Stati Membri, Stat Membru jista’ jieħu r-riedni biex jitlob appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-operazzjoni kollha.

6.   Meta Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni biex tikkuntratta servizzi ta’ trasport, il-Kummissjoni għandha titlob rimborż parzjali tal-ispejjeż skont ir-rati ta’ ffinanzjar stabbiliti fil-paragrafi 1a, 2 u 4.

6a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1a u 2, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għat-trasport tal-assistenza, meħtieġ f’diżastri ambjentali li fihom japplika l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jista’ jkopri massimu ta’ 100 % tal-ispejjeż totali eliġibbli. Għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għat-trasport ta’ assistenza jintalab mill-Istat Membru affettwat jew li jassisti abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet ġġustifikata kif xieraq;

(b)

l-Istat Membru affettwat jew li jassisti jieħu, kif adatt, il-passi kollha meħtieġa biex jitlob u jikseb kumpens minn min iniġġes, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli kollha;

(c)

malli jirċievi kumpens mingħand min iniġġes, l-Istat Membru affettwat jew li jassisti għandu, kif adatt, jirrimborża lill-Unjoni minnufih.

Fil-każ ta’ diżastru ambjentali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu li ma jaffettwax Stat Membru, l-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) għandhom jitwettqu mill-Istat Membru li jassisti.

7.   L-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għar-riżorsi loġistiċi u tat-trasport taħt dan l-Artikolu: l-ispejjeż kollha relatati maċ-ċaqliq ta’ riżorsi loġistiċi u tat-trasport, inklużi l-ispejjeż ta’ kull servizz, tariffa, spiża loġistika u ta’ maniġġar, fjuwil u spejjeż possibbli għal akkomodazzjoni kif ukoll spejjeż indiretti oħra bħal taxxi, dazji ġenerali u spejjeż għat-tranżitu.

8.   L-ispejjeż tat-trasport jistgħu jikkonsistu fi spejjeż għal kull unità, ammonti sħaħ jew rati fissi stabbiliti għal kull kategorija ta’ spiża.”;

(22)

l-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

Tipi ta’ intervent finanzjarju u proċeduri ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni f’ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju jew, fejn iġġustifikat min-natura u l-kontenut tal-azzjoni kkonċernata, f’ġestjoni indiretta mal-korpi msemmija fil-punt (c)(ii), (iv), (v) u (vi) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-appoġġ finanzjarju skont din id-Deċiżjoni jista’ jieħu kwalunkwe forma stabbilita fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari l-forma ta’ għotjiet, akkwist jew kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji.

4.   F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, filwaqt li jitqies id-dewmien tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, fil-każijiet iġġustifikati kif xieraq speċifikati fid-deċiżjoni ta’ finanzjament u għal perijodu limitat, l-ispejjeż imġarrba fir-rigward ta’ azzjonijiet appoġġjati fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk ikunu ġġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

5.   Sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(2). Il-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali għandhom jistabbilixxu l-objettivi segwiti, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva ta’ żmien ta’ implimentazzjoni. Fir-rigward tal-assistenza finanzjarja msemmija fl-Artikolu 28(2), il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jiddeskrivu l-azzjonijiet previsti għall-pajjiżi msemmija fihom.

L-ebda programm ta’ ħidma annwali jew pluriennali ma għandu jkun meħtieġ għal azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-rispons f’każ ta’ diżastru stabbiliti fil-Kapitolu IV, li ma jistgħux jiġu previsti minn qabel.

6.   Għall-finijiet ta’ trasparenza u prevedibbiltà, l-eżekuzzjoni baġitarja u l-allokazzjonijiet futuri proġettati għandhom jiġu ppreżentati u diskussi fuq bażi annwali fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat.

7.   Flimkien mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament, li ma jkunux intużaw sa tmiem is-sena finanzjarja li għaliha kienu ddaħħlu fil-baġit annwali għandhom awtomatikament jiġu riportati u jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara. L-approprjazzjonijiet riportati għandhom jintużaw biss għall-azzjonijiet ta’ rispons. L-approprjazzjonijiet riportati għandhom ikunu l-ewwel approprjazzjonijiet li jintużaw fis-sena finanzjarja ta’ wara.”

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 185, 26.5.2021, p. 1).”;"

(23)

l-Artikolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, tali drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”"

(24)

L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19(6) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2027.”

(b)

jitħassar il-paragrafu 3;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 19(6) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;

(d)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 19(6) jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dan l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(25)

Fl-Artikolu 32(1), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-organizzazzjoni tal-appoġġ għar-riżorsi tat-trasport u l-loġistika, kif previst fl-Artikoli 18 u 23;”;

(26)

Fl-Artikolu 33, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu”;

(27)

Fl-Artikolu 34, il-paragrafi (2) u (3) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet u l-progress li jkun sar taħt l-Artikolu 6(5) u l-Artikoli 11 u 12. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar progress li jkun sar lejn l-għanijiet tal-Unjoni ta’ reżiljenza għad-diżastri, l-għanijiet tal-kapaċità u d-diskrepanzi li jkun fadal kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), b’kont meħud tal-istabbiliment tal-kapaċitajiet tar-rescEU f’konformità mal-Artikolu 12. Ir-rapport għandu jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi baġitarji u dawk tal-ispejjeż relatati ma’ kapaċitajiet ta’ rispons, u valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ żvilupp ulterjuri ta’ dawk il-kapaċitajiet.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2023 u kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tippreżenta komunikazzjoni dwar l-effikaċja, il-kosteffiċjenza u l-implimentazzjoni kontinwa ta’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 6(4), il-kapaċitajiet tar-rescEU u l-livell ta’ koordinazzjoni u sinerġiji miksuba ma’ politiki, programmi u fondi oħra tal-Unjoni, inkluż emerġenzi mediċi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Din il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata, fejn adatt, minn proposti għall-emendar ta’ din id-Deċiżjoni.”;

(28)

L-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 1313/2013 huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(29)

it-titolu tal-Anness Ia huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kategoriji ta’ spejjeż eliġibbli kif imsemmija fl-Artikolu 21(3)”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 385, 13.11.2020, p. 1.

(2)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 66.

(3)  ĠU C 440, 18.12.2020, p. 150.

(4)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2021.

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(6)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (“il-Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021-2027 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(12)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġja l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).

(15)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(22)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(23)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

Perċentwali għall-allokazzjoni tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 19(1a) u tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 19a għall-perjodu mill-2021 sal-2027

Prevenzjoni: 5 % +/- 4 punti perċentwali

Tħejjija: 85 % +/- 10 punti perċentwali

Rispons: 10 % +/- 9 punti perċentwali

Prinċipji

Meta tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, il-mira tal-Unjoni, li tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi ġenerali u għall-ambizzjoni tal-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni, għandha titqies kif dovut sal-punt permess mill-imprevedibbiltà u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tat-tħejjija u r-rispons għad-diżastri.

”.