6.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/26


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/556

tal-31 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529 u (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorur tas-sodju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 23(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1529 (2) approva s-sustanza attiva klorur tas-sodju bħala sustanza bażika u inkludiha fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3). Il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq Rapport Tekniku pprovdut mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u fuq Rapport ta’ Rieżami (4)stabbilit mill-Kummissjoni.

(2)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorur tas-sodju, kif stipulat fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, kienet ristretta għall-użu bħala funġiċida u insettiċida.

(3)

F’Novembru 2017, segwit minn aġġornament f’Awwissu 2018 u f’Lulju 2020, l-organizzazzjoni Collectif Anti-baccharis ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 li titlob l-estensjoni tal-użu tal-klorur tas-sodju bħala erbiċida.

(4)

Il-Kummissjoni talbet l-assistenza xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). Ir-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni kien li n-natura tas-sustanza u l-firxa tat-talba ma kinux jiġġustifikaw valutazzjoni xjentifika ġdida mill-Awtorità. Il-Kummissjoni ħejjiet rapport ta’ rieżami aġġornat, filwaqt li qieset ir-rapport tekniku preċedenti tal-Awtorità (5) u l-informazzjoni pprovduta mill-applikant.

(5)

Fil-25 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ rieżami aġġornat u l-abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(6)

L-applikant ingħata l-possibbiltà li jressaq kummenti dwar ir-rapport ta’ rieżami aġġornat.

(7)

Jidher li l-klorur tas-sodju jista’ jkun mistenni li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fir-rigward tal-użu bħala erbiċida kif spjegat fir-rapport ta’ reviżjoni aġġornat. Għalhekk, l-użu tal-klorur tas-sodju bħala erbiċida għandu jkun permess. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li qed jiġi permess użu ġdid tal-klorur tas-sodju, u li huwa aċċettabbli li jibqgħu jiġu permessi użi oħra possibbli tal-klorur tas-sodju kif imsemmi fir-rapport ta’ rieżami aġġornat għall-klorur tas-sodju, jixraq li tiġi rtirata r-restrizzjoni attwali għall-użu tas-sustanza bħala funġiċida u insettiċida biss.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jinżammu ċerti kundizzjonijiet għall-użu tas-sustanza attiva.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529 u (UE) Nru 540/2011 jiġu emendati skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1529 tas-7 ta’ Settembru 2017 li japprova s-sustanza bażika klorur tas-sodju skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 232, 8.9.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(4)  Final Review report for the basic substance sodium chloride finalised in the Standing Committee on Plants, Animals, Food and Feed at its meeting on 20 July 2017 and amended on 25 January 2021 in view of the approval of sodium chloride as basic substance in accordance with Regulation (EC) No 1107/2009; SANTE/10383/2017– rev.2.

(5)  EFSA (European Food Safety Authority), 2017.Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for (sea) salt (sodium chloride) for use in plant protection as fungicide and insecticide. EFSA supporting publication 2017:EN-1172. 56pp.doi:10.2903/sp.efsa.2017.EN-1172.


ANNESS I

Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529, l-entrata mogħtija fil-ħames kolonna msejħa “Dispożizzjonijiet speċifiċi” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-klorur tas-sodju għandu jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-klorur tas-sodju (SANTE/10383/2017) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-entrata mogħtija fis-sitt kolonna msejħa “Dispożizzjonijiet speċifiċi” fir-ringiela numru 16, għall-klorur tas-sodju, hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-klorur tas-sodju għandu jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-klorur tas-sodju (SANTE/10383/2017) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”