25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/36


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/519

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 dwar l-ittestjar għat-Trichinella fis-solipedi u d-deroga tar-Renju Unit mill-ittestjar għat-Trichinella fil-majjali domestiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u għall-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsubin għall-konsum mill-bniedem.

(2)

It-Trichinella hija parassita li tista’ tkun preżenti fil-laħam ta’ speċijiet suxxettibbli bħall-ħnieżer u ż-żwiemel, u lill-bnedmin tikkawżalhom mard li jiġi mill-ikel meta jikkunsmaw laħam infettat. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 (2) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam, inklużi l-kundizzjonijiet għad-deroga mill-ittestjar għat-Trichinella mad-dħul tal-laħam tal-majjali domestiċi fl-Unjoni.

(3)

Fis-6 ta’ Ġunju 2013, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottat opinjoni xjentifika dwar il-perikli għas-saħħa tal-bniedem li jridu jkunu koperti mill-ispezzjoni tal-laħam (is-solipedi) (3). Dik l-opinjoni tirrakkomanda bħala prijorità għolja l-kontroll tat-Trichinella fis-solipedi kollha (mhux biss fiż-żwiemel iżda wkoll fil-ħmir u fil-bgħula). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (4), għalhekk jistabbilixxi l-ittestjar mandatorju għat-Trichinella fil-karkassi tas-solipedi kollha. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jistabbilixxi l-ittestjar mandatorju fiż-żwiemel u speċijiet suxxettibbli oħrajn. Għal raġunijiet ta’ konsistenza u biex tiġi evitata l-ambigwità, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jirreferi wkoll għas-solipedi minflok għaż-żwiemel.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (5) jawtorizza d-dħul fl-Unjoni tal-laħam tal-ħnieżer domestiċi mir-Renju Unit. Dak ir-Regolament jelenka lir-Renju Unit biex japplika d-deroga mill-ittestjar għat-Trichinella fil-karkassi u fil-laħam ta’ majjali domestiċi mhux miftuma b’età ta’ inqas minn ħames ġimgħat f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (6) iħassar ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 b’effett mill-21 ta’ April 2021. Fid-dawl ta’ dak it-tħassir, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1478 (7) iżid l-Anness VII fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 b’effett mill-21 ta’ April 2021, li jelenka l-pajjiżi terzi li japplikaw id-derogi mill-ittestjar għat-Trichinella msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375.

(6)

Fit-12 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit pprovda informazzjoni li d-data storika dwar l-ittestjar kontinwu mwettaq fuq popolazzjoni ta’ majjali domestiċi maqtula tipprovdi mill-inqas 95 % assigurazzjoni li l-prevalenza tat-Trichinella ma taqbiżx il-wieħed għal kull miljun f’dik il-popolazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375. Barra minn hekk, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li japplika d-deroga mill-ittestjar għat-Trichinella fil-karkassi u fil-laħam ta’ majjali domestiċi meta l-annimali jkunu ġejjin minn razzett uffiċjalment rikonoxxut li japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni f’konformità mal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Renju Unit ikun elenkat fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

(8)

L-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirrifletti l-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni mir-Renju Unit.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jiġi emendat skont dan.

(10)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa mħassar b’effett mill-21 ta’ April 2021 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1478 iżid l-Anness VII fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 b’effett minn dik id-data, jenħtieġ li l-elenkar tar-Renju Unit f’dak l-Anness japplika mill-istess data.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-karkassi tas-solipedi, taċ-ċingjali u ta’ speċijiet oħrajn ta’ annimali mrobbija jew selvaġġi suxxettibbli għall-infestazzjoni bit-Trichinella għandu jittieħed kampjun tagħhom b’mod sistematiku f’biċċeriji jew fi stabbilimenti li jgħaddu minnhom l-annimali kkaċċjati bħala parti mill-eżami tal-awtopsja.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Waqt l-istennija għar-riżultati tal-eżami tat-Trichinella u sakemm tibqa’ ggarantita t-traċċabilità sħiħa mill-operatur tan-negozju tal-ikel, il-karkassi ta’ majjali u solipedi domestiċi jistgħu jitqattgħu f’massimu ta’ sitt partijiet f’biċċerija jew f’impjant tat-tqattigħ fl-istess bini.”;

(2)

fl-Anness III, il-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-laħam tas-solipedi, il-laħam tat-tjur selvaġġ u laħam ieħor li jista’ jkun fih parassiti tat-Trichinella għandu jkun eżaminat f’konformità ma’ wieħed mill-metodi ta’ diġestjoni speċifikati fil-Kapitolu I jew II tal-Anness I, bil-bidliet li ġejjin:

(a)

kampjuni li jiżnu mill-anqas 10 g jittieħdu mill-muskolu tal-ilsien jew tax-xedaq tas-solipedi u mis-sieq ta’ quddiem, l-ilsien jew id-dijaframma taċ-ċingjali;

(b)

fil-każ tas-solipedi, fejn ma hemmx dawn il-muskoli, għandu jittieħed kampjun akbar mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għal-parti mmuskulata. Il-muskolu għandu jkun nadif minn tessut li jgħaqqad u xaħam;”;

(3)

fl-Anness IV, il-punt(b) ta’ Kapitolu II huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

L-għadd ta’ testijiet u r-riżultati tal-ittestjar għat-Trichinella fil-majjali domestiċi, fiċ-ċingjali, fis-solipedi, fit-tjur u fi kwalunkwe annimal ieħor suxxettibbli għandu jiġi sottomess b’konformità mal-Anness IV tad-Direttiva 2003/99/KE. Id-data dwar il-majjali domestiċi għandha, tal-inqas, tipprovdi informazzjoni speċifika relatata ma’:

(i)

testijiet fuq annimali mrobbija taħt kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni;

(ii)

testijiet fuq ħnieżer nisa għat-tnissil, fuq ċingjali u fuq ħnieżer għat-tismin.”;

(4)

L-Anness VII huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS VII

Pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li japplikaw id-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2)

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Pajjiż terz jew reġjuni tiegħu

Kummenti

GB

Ir-Renju Unit  (*1)

Applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 3(2) u (3)

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(4) għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament f’kull Stat Membru.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 tal-10 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 212, 11.8.2015, p. 7).

(3)  EFSA Journal 2013;11(6):3263.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1478 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 fir-rigward tal-kampjunar, il- metodu ta’ skoperta ta’ referenza u l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fir-rigward tal-kontroll għat-Trichinella (ĠU L 338, 15.10.2020, p. 7).

(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq..