2.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 71/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/371

tat-2 ta’ Marzu 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998.

(2)

Fit-18 ta' Jannar 2021, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tikkundanna d-detenzjoni tal-politiku tal-oppożizzjoni Russu Alexei Navalny mar-ritorn tiegħu f'Moska fis-17 ta' Jannar 2021 u tappella għall-ħelsien immedjat tiegħu.

(3)

Fit-22 ta' Frar 2021, il-Kunsill Affarijiet Barranin qabel li jipproċedi bil-ħidma dwar miżuri restrittivi futuri b'rispons għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

(4)

F'dan il-kuntest, u minħabba il-kontinwità u s-serjetà tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, jenħtieġ li erba' persuni jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2020/1998.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/1998 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.


ANNESS

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi li tinsab fit-taqsima A (Persuni fiżiċi) fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2020/1998:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni ta' ortografija Russa)

Ismijiet (Ortografija Russa)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“1.

Alexander (Alexandr) Petrovich KALASHNIKOV

Aлександр Петрович КАЛАШНИКОВ

Pożizzjoni(jiet): Direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN)

Data tat-twelid: 27.1.1964

Post tat-twelid: Tatarsk, Reġjun/Oblast ta' Novosibirsk, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Alexander Kalashnikov ilu d-direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN) mit-8 ta' Ottubru 2019. F'dik il-pożizzjoni, huwa jissorvelja l-attivitajiet kollha tal-FSIN. Fil-kapaċità tiegħu bħala direttur tal-FSIN, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti u detenzjonijiet arbitrarji.

Fil-każ ta' Alexei Navalny, waqt li s-Sur Navalny kien qed jirkupra fil-Ġermanja (Settembru 2020-Jannar 2021) - wara li kien ġie avvelenat b'aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok, fit-28 ta' Diċembru 2020, il-FSIN ordna li b'mod immedjat jippreżenta ruħu quddiem uffiċjal tal-probation jew, jekk jonqos milli jagħmel dan, jiffaċċja sentenza ta’ ħabs talli jkun kiser il-kondizzjonijiet ta’ sentenza sospiża fuq kundanna għal frodi. Dik il-kundanna għal frodi nstabet li kienet arbitrarja u inġusta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2018. Fis-17 ta' Jannar 2021, fuq ordnijiet ta' Alexander Kalashnikov, uffiċjali tal-FSIN arrestaw lil Alexei Navalny mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta' Moska. L-arrest ta' Alexei Navalny huwa bbażat fuq deċiżjoni tal-qorti tal-belt ta' Khimki, li min-naħa tagħha nħarġet fuq talba tal-FSIN. Lejn l-aħħar ta’ Dicembru 2020, il-FSIN kien diġà talab li qorti tissostitwixxi s-sentenza sospiża ta’ Alexei Navalny b’terminu ta’ ħabs. Fis-17 ta’ Frar 2021, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa tirrilaxxa lil Alexei Navalny

it-2 ta’ Marzu 2021

2.

Alexander (Alexandr) Ivanovich BASTRYKIN

Алексaндр Ивaнович БАСТРЫКИН

Pożizzjoni(jiet): President tal-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa

Data tat-twelid: 27.8.1953

Post tat-twelid: Pskov, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Alexander Bastrykin ilu jservi bħala President tal-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa (il-“Kumitat”) minn Jannar 2011 (u bħala aġent president minn Ottubru sa Diċembru 2010). F'dik il-pożizzjoni, huwa jissorvelja l-attivitajiet kollha tal-Kumitat. Uffiċjalment, il-Kumitat huwa ppresedut mill-President Russu. Fil-kapaċità tiegħu, Alexander Bastrykin, bħala president tal-Kumitat, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti u detenzjonijiet arbitrarji.

Alexander Bastrykin huwa responsabbli għall-kampanji mifruxa u sistematiċi ta' repressjoni tal-Kumitat kontra l-oppożizzjoni Russa li jimmiraw u jinvestigaw il-membri tagħha. Fid-29 ta' Diċembru 2020, il-Kumitat nieda investigazzjoni dwar il-mexxej tal-oppożizzjoni Alexei Navalny, fejn ġie akkużat bi frodi fuq skala kbira. Alexei Navalny u oħrajn ippubblikaw artikli dwar is-sjieda ta' Alexander Bastrykin tad-ditta tal-proprjetà immobbli Ċeka LAW Bohemia fis-snin 2000.

it-2 ta’ Marzu 2021

3.

Igor Viktorovich KRASNOV

Игорь Викторович КРАСНОВ

Pożizzjoni(jiet): Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa

Data tat-twelid: 24.12.1975

Post tat-twelid: Arkhangelsk, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Igor Krasnov ilu Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa mit-22 ta' Jannar 2020 u qabel kien il-Viċi President tal-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prosekutur Ġenerali, huwa jissorvelja l-Uffiċċji tal-Prosekutur fil-Federazzjoni Russa, l-Uffiċċji tal-Prosekutur Speċjali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari. Fil-kapaċità tiegħu bħala Prosekutur Ġenerali, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-detenzjonijiet arbitrarji ta’ nies li pprotestaw f’dimostrazzjonijiet, u għar-repressjoni mifruxa u sistematika tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni.

Qabel il-protesti tat-23 ta' Jannar 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali wissa li l-parteċipanti kienu ser jitqiesu responsabbli. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali talab li s-Servizz Federali għas-Superviżjoni fl-Isfera tal-Komunikazzjonijiet, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Massa (Roskomnadzor) jirrestrinġi l-aċċess għas-siti web u l-kontijiet tan-network soċjali tal-oppożizzjoni li kien fihom informazzjoni dwar l-avvenimenti ppjanati tas-sostenituri ta' Alexei Navalny. Fid-29 ta' Jannar 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali għal darb'oħra talab li r-Roskomnadzor jirrestrinġi l-aċċess għas-siti web u l-kontijiet tan-network soċjali tal-oppożizzjoni, din id-darba qabel il-protesti favur Navalny fit-30 u l-31 ta' Jannar 2021. Intbagħtu twissijiet lill-kumpanniji tal-internet (Facebook, TikTok, Twitter, Google, Mail.ru Group). L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ħabbar ukoll li dawk li kienu ser jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet kienu ser jiffaċċjaw prosekuzzjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali appoġġa t-talba tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu (FSIN) sabiex is-sentenza sospiża imposta fuq Alexei Navalny f’każ allegat ta’ frodi tiġi konvertita sentenza ta’ ħabs. Minkejja li l-kundanna tiegħu f’dak il-każ instabet arbitrarja u inġusta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2018, Alexei Navalny ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta’ Moska fis-17 ta’ Jannar 2021.

it-2 ta’ Marzu 2021

4.

Viktor Vasilievich (Vasilyevich) ZOLOTOV

Виктор Васильевич ЗОЛОТОВ

Pożizzjoni(jiet): Direttur tas-Servizz Federali tat-Truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia)

Data tat-twelid: 27.1.1954

Post tat-twelid: Sasovo, SFSR Russa (issa l-Federazzjoni Russa)

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Viktor Zolotov ilu Direttur tas-Servizz Federali tat-Truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia) mill-5 ta' April 2016 u għalhekk huwa Kap Kmandant tat-Truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll Kmandant tal-OMON – Unita Mobbli bi Skop Speċjali integrata fir-Rosgvardia. F'dik il-pożizzjoni, huwa jissorvelja l-attivitajiet kollha tat-truppi tar-Rosgvardia u tal-OMON. Fil-kapaċità tiegħu bħala Direttur tar-Rosgvardia, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inklużi arresti u detenzjonijiet arbitrarji u r-repressjoni mifruxa u sistematika tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, b'mod partikolari bit-trażżin vjolenti ta' protesti u dimostrazzjonijiet.

Ir-Rosgvardia ntużat biex trażżan id-dimostrazzjonijiet favur Navalny tat-23 ta' Jannar 2021 u bosta uffiċjali tal-OMON u tal-Gwardja Nazzjonali ġew irrappurtati li użaw brutalità u vjolenza kontra d-dimostranti. Għexieren ta' ġurnalisti spiċċaw fil-mira ta' aggressjoni mill-forzi tas-sigurtà, inkluża l-korrispondent ta' Meduza, Kristina Safronova, li sfat aggredita minn uffiċjal tal-OMON, u l-ġurnalista ta' Novaya Gazeta Yelizaveta Kirpanova, li laqtet daqqa ta' lembuba fuq rasha, li darrbitha. Il-forzi tas-sigurtà żammew maqbuda arbitrarjament aktar minn 300 minorenni.

it-2 ta’ Marzu 2021”