12.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/1


REGOLAMENT (UE) 2021/167 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 654/2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas leġiżlattiv komuni għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-ambitu ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi. Waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet hija relatata mal-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim stabbiliti mill-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization) u permezz ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali. Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 jippermetti li l-Unjoni tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali wara li jiġu konklużi l-proċedimenti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 ma jittrattax sitwazzjonijiet fejn l-Unjoni għandha dritt ta’ azzjoni b’reazzjoni għal miżura miżmuma minn pajjiż terz iżda r-riżoluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ aġġudikazzjoni tkun imblukkata jew inkella mhux disponibbli għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-pajjiż terz li jkun adotta l-miżura.

(3)

Il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO ma setax jimla l-pożizzjonijiet vakanti pendenti fil-Korp tal-Appell tad-WTO (il-‘Korp tal-Appell tad-WTO’). Il-Korp tal-Appell tad-WTO ma jistax jibqa’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu mill-mument meta jkun fadal inqas minn tliet Membri tal-Korp tal-Appell tad-WTO. Sa meta dik is-sitwazzjoni tiġi riżolta u sabiex jiġu ppreservati l-prinċipji u l-karatteristiċi essenzjali tas-sistema tad-WTO għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim u d-drittijiet proċedurali tal-Unjoni f’tilwim li jkun għaddej u dak futur, l-Unjoni fittxet li tilħaq ftehim dwar arranġamenti interim għall-arbitraġġ ta’ appell skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim tad-WTO dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (il-“Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim”). Dak l-approċċ kien approvat mill-Kunsill fis-27 ta’ Mejju 2019, fil-15 ta’ Lulju 2019 u fil-15 ta’ April 2020 u appoġġat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-kriżi tal-Korp tal-Appell tad-WTO. Jekk Membru tad-WTO jirrifjuta li jidħol f’tali arranġament, u jippreżenta appell quddiem Korp tal-Appell tad-WTO li ma jkunx qed jiffunzjona, ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim tiġi effettivament imblukkata.

(4)

Sitwazzjoni simili taf tirriżulta fl-ambitu ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, fejn pajjiż terz ma jikkooperax bil-mod meħtieġ biex ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim tiffunzjona, pereżempju billi jonqos milli jaħtar arbitru u fejn ma jkun ipprovdut l-ebda mekkaniżmu biex jiġi żgurat il-funzjonament tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim f’tali sitwazzjoni.

(5)

Jekk ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim tiġi imblukkata, l-Unjoni ma tistax tinforza l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 jiġi estiż sabiex ikopri tali sitwazzjonijiet.

(6)

Għal dak il-għan, l-Unjoni jenħtieġ li tkun tista’ rapidament tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra fl-ambitu ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, jekk ir-rikors effettiv għal riżoluzzjoni vinkolanti ta’ tilwim ma jkunx possibbli minħabba li l-pajjiż terz ma jikkooperax biex isir possibbli tali rikors.

(7)

Huwa wkoll xieraq li jiġi stabbilit li meta jittieħdu miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ ma’ pajjiż terz, jenħtieġ li tali miżuri ma jeċċedux il-livell ta’ tħassir jew indeboliment tal-interessi kummerċjali tal-Unjoni kkawżat mill-miżuri ta’ dak il-pajjiż terz, f’konformità mal-obbligi tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali.

(8)

Il-miżuri li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament jirrigwardaw speċifikament il-kummerċ internazzjonali sa fejn ikunu intiżi essenzjalment li jirregolaw dan il-kummerċ u jkollhom effetti diretti u immedjati fuqu u, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (3).

(9)

Is-servizzi u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom sehem importanti u li qiegħed jikber fil-kummerċ dinji u huma koperti minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali tal-Unjoni. Għalhekk, il-miżuri fl-oqsma tal-kummerċ fis-servizzi u l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri tal-politika kummerċjali disponibbli għall-Unjoni biex ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 isir aktar konsistenti u effettiv.

(10)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura l-applikazzjoni koerenti tal-mekkaniżmu ta’ infurzar f’tilwim kummerċjali relatat ma’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali. Il-mekkaniżmu ta’ infurzar tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-Unjoni jifforma parti integrali mill-politika kummerċjali tal-Unjoni u dan ir-Regolament ikun japplika għas-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra u l-adozzjoni ta’ miżuri b’reazzjoni għal ksur ta’ dawk il-kapitoli, jekk u sa fejn tali miżuri jkunu permessi u jkunu ġġustifikati miċ-ċirkostanzi.

(11)

Il-klawsola ta’ rieżami tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 jenħtieġ li tkopri wkoll l-applikazzjoni tal-emendi li dan ir-Regolament jintroduċi f’dak ir-Regolament.

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 654/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

jiġu riekwilibrati l-konċessjonijiet jew obbligi oħra fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, meta t-trattament mogħti lill-oġġetti jew lis-servizzi mill-Unjoni jinbidel b’mod li jaffettwa l-interessi tal-Unjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

“konċessjonijiet jew obbligi oħra” tfisser konċessjonijiet tariffarji jew obbligi jew benefiċċji oħra fil-qasam tal-kummerċ fl-oġġetti jew fis-servizzi, jew li jikkonċernaw l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li l-Unjoni tkun impenjat ruħha li tapplika fil-kummerċ tagħha ma’ pajjiżi terzi bis-saħħa ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali li għalihom hija tkun parti;”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

wara ċ-ċirkolazzjoni ta’ rapport tal-panel tad-WTO li jikkonferma, b’mod sħiħ jew parzjali, it-talbiet imressqa mill-Unjoni, jekk ma jkunx jista’ jiġi konkluż appell taħt l-Artikolu 17 tal-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim u jekk il-pajjiż terz ma jkunx qabel li jsir arbitraġġ ta’ appell interim taħt l-Artikolu 25 tal-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ba)

f’tilwim kummerċjali relatat ma’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, jekk l-aġġudikazzjoni ma tkunx possibbli minħabba li l-pajjiż terz ma jkunx qed jieħu l-passi li jkunu meħtieġa biex tkun tista’ tiffunzjona proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, inkluż jekk ikun qed idewwem il-proċedimenti indebitament bl-effett li dan jammonta għal nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-proċess;”;

(c)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

f’każijiet ta’ modifika tal-konċessjonijiet jew tal-impenji minn membru tad-WTO taħt l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 jew l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), fejn ma jkun ġie miftiehem l-ebda aġġustament ta’ kumpens u, fir-rigward tas-servizzi, l-aġġustamenti ta’ kumpens ma jsirux f’konformità mal-konklużjonijiet tal-arbitraġġ skont l-Artikolu XXI tal-GATS.”;

(4)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ba)

fejn jittieħdu miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ ma’ pajjiż terz f’sitwazzjonijiet fl-ambitu tal-punt (aa) jew (ba) tal-Artikolu 3, il-livell ta’ tali miżuri m’għandux jeċċedi l-livell ta’ tħassir jew indeboliment tal-interessi kummerċjali tal-Unjoni kkawżat mill-miżuri ta’ dak il-pajjiż terz;”;

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

fejn konċessjonijiet jew impenji jkunu modifikati jew irtirati fil-kummerċ ma’ pajjiż terz b’konnessjoni mal-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u l-Ftehim relatat (*1), jew mal-Artikolu XXI tal-GATS u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni relatati, dawn għandhom ikunu sostanzjalment ekwivalenti għall-konċessjonijiet jew l-impenji modifikati jew irtirati minn dak il-pajjiż terz, skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u l-Ftehim relatat jew fl-Artikolu XXI tal-GATS u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni relatati.;

(*1)  Ftehim ‘Interpretazzjoni u Applikazzjoni tal-Artikolu XXVIII’.”"

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ba)

is-sospensjoni tal-obbligi rigward il-kummerċ fis-servizzi u l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fis-servizzi;

(bb)

is-sospensjoni tal-obbligi fir-rigward tal-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ mogħtija minn istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni u validi fl-Unjoni kollha, u l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-protezzjoni ta’ tali drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew l-isfruttament kummerċjali tagħhom, fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li jkunu ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat;”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.

Meta tkun qed tagħżel il-miżuri li għandhom jiġu adottati skont il-punt (ba) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra l-miżuri skont il-ġerarkija tal-passi li ġejja:

(a)

miżuri relatati mal-kummerċ fis-servizzi li jeħtieġu awtorizzazzjoni b’validità fl-Unjoni kollha u li tkun ibbażata fuq leġiżlazzjoni sekondarja, jew, fejn ma jkunux disponibbli tali miżuri,

(b)

miżuri relatati ma’ servizzi oħra f’oqsma fejn teżisti leġiżlazzjoni estensiva tal-Unjoni, jew, fejn ma jkunux disponibbli tali miżuri,

(c)

miżuri li l-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettaq skont l-Artikolu 9(1a), kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1b), wera li ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-proċess tal-amministrazzjoni tar-regolamenti nazzjonali rilevanti.

1b.

Il-miżuri adottati skont il-punti (ba) u (bb) tal-paragrafu 1 għandhom:

(a)

ikunu soġġetti għal eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 9(1a);

(b)

jiġu aġġustati, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1) fejn, wara rieżami mwettaq skont l-Artikolu 9(1a), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri mhumiex effettivi biżżejjed jew jimponu piż mhux raġonevoli fuq il-proċess tal-amministrazzjoni tar-regolamenti nazzjonali rilevanti. Tali rieżami mill-Kummissjoni għandu l-ewwel isir sitt xhur wara d-data tal-applikazzjoni tal-miżuri u f’intervalli ta’ tnax-il xahar minn hemm ’il quddiem;

(c)

ikunu soġġetti għal rapport ta’ evalwazzjoni, sitt xhur wara t-terminazzjoni tagħhom u abbażi, inter alia, tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati, li għandu jeżamina l-effettività u l-operat tagħhom, u jasal għal konklużjonijiet possibbli għal miżuri futuri.”;

(6)

fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.

Fir-rigward tal-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, it-terminu “ċittadini” għandu jinftiehem fl-istess sens kif użat fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ.”;

(7)

fl-Artikolu 7, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

f’każijiet ta’ rtirar jew modifika tal-konċessjonijiet jew l-impenji minn membru tad-WTO taħt l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 jew l-Artikolu XXI tal-GATS, meta l-pajjiż terz ikkonċernat jagħti kumpens adegwat u proporzjonat lill-Unjoni wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 4(1).”;

(8)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Il-Kummissjoni għandha tfittex tikseb informazzjoni u fehmiet dwar l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni f’setturi speċifiċi ta’ oġġetti jew servizzi, jew fir-rigward ta’ aspetti speċifiċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, permezz ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni pubbliċi adatti oħra, fejn tindika l-perjodu li fih għandu jiġi ppreżentat il-kontribut. Il-Kummissjoni għandha tqis il-kontribut li tkun irċeviet.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.

Meta l-Kummissjoni tipprevedi miżuri skont il-punt (ba) jew (bb) tal-Artikolu 5(1), hija għandha tinforma u tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija, affettwati minn miżuri possibbli tal-politika kummerċjali u lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri involuti fil-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-oqsma affettwati. Mingħajr ma ddewwem bla bżonn l-adozzjoni ta’ tali miżuri, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tfittex tikseb informazzjoni dwar:

(a)

l-impatt ta’ tali miżuri fuq fornituri ta’ servizzi ta’ pajjiżi terzi jew detenturi ta’ drittijiet li jkunu ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat u fuq kompetituri, utenti jew konsumaturi fl-Unjoni ta’ tali servizzi jew detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

l-interazzjoni ta’ tali miżuri mar-regolamenti rilevanti tal-Istati Membri;

(c)

il-piż amministrattiv li jista’ jinħoloq minn tali miżuri.

Il-Kummissjoni għandha tqis bl-akbar reqqa l-informazzjoni miġbura matul tali konsultazzjonijiet.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi tal-miżuri previsti lill-Istati Membri meta tkun qed tipproponi l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 8.”;

(9)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 10

Rieżami

1.

Mal-ewwel opportunità possibbli wara t-13 ta’ Frar 2021, iżda mhux aktar tard minn sena wara dik id-data, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-miżuri ta’ politika kummerċjali li jistgħu jiġu adottati, kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu, u għandha tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.

Meta taġixxi skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami bl-għan li tipprevedi fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament miżuri addizzjonali ta’ politika kummerċjali li jissospendu konċessjonijiet jew obbligi oħra fil-qasam tal-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-13 ta’ Frar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Frar 2021.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50).

(3)  L-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2017, ECLI:EU:C:2017:376, il-paragrafu 36.