1.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/18


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/101

tal-25 ta’ Jannar 2021

li jistabbilixxi l-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1369/2013

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, u b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu u tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 mehmuż miegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-Protokoll Nru 4 dwar l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (1) (“il-Protokoll Nru 4”) mehmuż mal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea (2) (“l-Att tal-Adeżjoni”), il-Litwanja ħadet l-impenn li tagħlaq l-Unità 1 u l-Unità 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina sal-31 ta’ Diċembru 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2009 rispettivament, u li wara tiddekommissjona dawn l-unitajiet.

(2)

B’konformità mal-obbligi tagħha skont l-Att tal-Adeżjoni, u bl-assistenza tal-Unjoni, il-Litwanja għalqet iż-żewġ unitajiet fl-iskadenzi rispettivi u għamlet progress sinifikanti lejn id-dekummissjonar tagħhom. Hija neċessarja ħidma ulterjuri sabiex ikompli jitnaqqas il-livell ta’ periklu radjoloġiku. Abbażi tal-istimi disponibbli, jenħtieġu riżorsi finanzjarji addizzjonali għal dan l-għan wara l-2020.

(3)

L-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli. Id-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina jenħtieġ li jsir b’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar is-sikurezza nukleari, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom (3), u l-ġestjoni tal-iskart, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom (4). Skont l-Artikoli 4 (1) u 7 (1) tad-Direttiva 2011/70/Euratom, ir-responsabbiltà aħħarija għall-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv iġġenerat għadha f’idejn l-Istati Membri.

(4)

L-għeluq prematur u d-dekummissjonar sussegwenti tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina, b’żewġ unitajiet tar-reatturi tat-tip RBMK ta’ 1 500 MW, li ntirtu mill-Unjoni Sovjetika, kienu ta’ natura mingħajr preċedent u rrappreżentaw għal-Litwanja piż finanzjarju eċċezzjonali mhux proporzjonat mad-daqs u mas-saħħa ekonomika tal-pajjiż. Il-Protokoll Nru 4 jiddikjara li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni b’appoġġ tal-isforzi tal-Litwanja biex tiddekkommissjona u tindirizza l-konsegwenzi tal-għeluq u tad-dekommissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina għandha titkompla bla xkiel u tiġi estiża lil hinn mill-2006 għall-perijodu tal-Perspettivi Finanzjarji li jmiss.

(5)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (il-“Programm”), li ser jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja fit-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (5) għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(6)

Jenħtieġ li l-Programm jiġi stabbilit għal perijodu ta’ seba’ snin biex id-durata tiegħu tiġi allinjata ma’ dik tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (6).

(7)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (ir-“Regolament Finanzjarju”) japplika għall-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni.

(8)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (9), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u (UE) 2017/1939 (11), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett,u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(9)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura tal-għajnuna mill-Istat li jistgħu jitwettqu fil-ġejjieni skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(10)

Il-finanzjament skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonċentra fuq attivitajiet li jimplimentaw l-għanijiet ta’ sikurezza tad-dekummissjonar.

(11)

Il-Programm jenħtieġ li jinvolvi wkoll il-ħolqien tal-għarfien u l-qsim tal-esperjenza. L-għarfien u l-esperjenza miksuba u t-tagħlimiet mittieħda taħt il-Programm fir-rigward tal-proċess ta’ dekummissjonar nukleari jenħtieġ li jinxterdu fl-Unjoni, b’koordinazzjoni u sinerġija mal-programmi rilevanti l-oħra tal-Unjoni għall-attivitajiet ta’ dekummissjonar fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fl-installazzjonijiet nukleari tal-Kummissjoni fis-siti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), peress li tali miżuri jġibu l-akbar valur miżjud tal-UE u jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent. Il-kamp ta’ applikazzjoni, il-proċedura u l-aspetti ekonomiċi tal-kooperazzjoni jenħtieġ li jkunu ddettaljati fil-programm ta’ ħidma pluriennali u jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal ftehimiet reċiproċi bejn l-Istati Membri u/jew mal-Kummissjoni.

(12)

Jenħtieġ li l-JRC jiffaċilita d-disseminazzjoni tal-għarfien fost il-partijiet ikkonċernati differenti tal-Unjoni b’mod koordinat (pereżempju billi jwettaq analiżi tas-suq, rieżamijiet u valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-għarfien fl-Unjoni, jidentifika direzzjonijiet potenzjali għall-kooperazzjoni, partijiet ikkonċernati interessati u sferi li fihom l-għarfien maħluq fl-implimentazzjoni tal-Programm iġib l-akbar valur miżjud, u jiżviluppa formati għall-qsim tal-għarfien. Id-disseminazzjoni tal-għarfien maħluq jenħtieġ li jiġi ffinanzjat mill-JRC. Kwalunkwe Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jibda l-iżvilupp ta’ rabtiet u skambji għad-disseminazzjoni tal-għarfien.

(13)

Jenħtieġ li d-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina jitwettaq billi jintuża l-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli u b’kunsiderazzjoni xierqa tan-natura u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tal-installazzjonijiet li jridu jiġu dekummissjonati, sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u l-ogħla livell ta’ effiċjenza possibbli, u b’hekk jittieħed kont tal-aħjar prattiki internazzjonali.

(14)

Jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ u kontroll effettivi tal-evoluzzjoni tal-proċess ta’ dekummissjonar mil-Litwanja u mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat l-ogħla valur miżjud tal-UE tal-finanzjament allokat skont dan ir-Regolament, għalkemm ir-responsabbiltà aħħarija għad-dekummissjonar hija tal-Litwanja. Dan jinkludi l-kejl effettiv tal-progress u tal-prestazzjoni, kif ukoll il-promulgazzjoni tal-miżuri korrettivi, meta jkunu meħtieġa. Għal dan il-għan, kumitat b’funzjonijiet ta’ monitoraġġ u informazzjoni jenħtieġ li jiġi stabbilit u kopresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u tal-Litwanja.

(15)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13), jenħtieġ li l-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, u r-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fil-prattika.

(16)

Jenħtieġ li jkun possibbli ssir reviżjoni tal-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati għall-Programm, kif ukoll tal-perijodu ta’ programmazzjoni abbażi tar-riżultati tar-rapport tal-evalwazzjoni interim.

(17)

L-attivitajiet kofinanzjati skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu identifikati fi ħdan il-konfini definiti mill-pjan ta’ dekummissjonar ippreżentat mil-Litwanja skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1369/2013 (14). Dak il-pjan jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm, kif ukoll l-istat aħħari tad-dekummissjonar u d-data tal-għeluq. Ikopri wkoll l-attivitajiet tad-dekummissjonar, l-iskeda assoċjata magħhom, il-kostijiet u r-riżorsi umani meħtieġa. Fejn rilevanti, jenħtieġ li l-Litwanja tissottometti l-verżjonijiet aġġornati tal-pjan ta’ dekummissjonar lill-Kummissjoni biex din tqishom waqt it-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma.

(18)

Jenħtieġ li l-attivitajiet taħt il-Programm jitwettqu bl-isforz finanzjarju konġunt tal-Unjoni u tal-Litwanja. Jenħtieġ li jiġi stabbilit livell limitu ta’ kofinanzjament tal-Unjoni b’konformità mal-prattika ta’ kofinanzjament stabbilita taħt il-programmi predeċessuri. Filwaqt li jitqiesu l-prattika ta’ programmi kumparabbli tal-Unjoni u l-ekonomija msaħħa tal-Litwanja, mill-bidu tal-Programm sat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li r-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni tkun 86 % tal-kostijiet eliġibbli. Il-finanzjament li jifdal jenħtieġ li jkun provdut mil-Litwanja u minn sorsi oħra għajr il-baġit tal-Unjoni, bħal istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi oħrajn.

(19)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1369/2013 jitħassar.

(20)

Tqies kif xieraq ir-rapport Speċjali Nru 22/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Programmi ta’ għajnuna tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Litwanja, fil-Bulgarija u s-Slovakkja: seħħ xi progress mill-2011 ’il hawn, iżda sfidi kruċjali huma mistennija fil-ġejjieni”, ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u t-tweġiba mill-Kummissjoni.

(21)

Ittieħdet nota tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2019 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (il-programm Ignalina); u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1369/2013.

(22)

Il-Programm jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm nazzjonali Litwan għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv stabbilita skont id-Direttiva 2011/70/Euratom.

(23)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(24)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE ser japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet, u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll ir-reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(25)

Il-metodi ta’ implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-attivitajiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari, tal-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta’ konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta’ ammonti f’daqqa, rati fissi u spejjeż unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma’ spejjeż kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar nukleari tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (“il-Programm”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

2.   Huwa jistipula l-objettivi tal-Programm, il-baġit tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-metodi ta’ implimentazzjoni u l-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“dekummissjonar” tfisser il-miżuri amministrattivi u tekniċi f’konformità mal-liġi nazzjonali li jippermettu t-tneħħija tal-verifiki regolatorji kollha, jew ta’ wħud minnhom, minn faċilità nukleari u li għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni fit-tul tal-pubbliku u tal-ambjent, inkluż it-tnaqqis tal-livelli ta’ residwi ta’ radjonuklidi fil-materjali u fis-sit tal-faċilità nukleari;

(2)

“pjan ta’ dekummissjonar” tfisser dokument li fih informazzjoni dettaljata dwar id-dekummissjonar propost u li jkopri dan li ġej: l-istrateġija ta’ dekummissjonar magħżula; l-iskeda, it-tip u s-sekwenza tal-attivitajiet ta’ dekummissjonar; l-istrateġija tal-ġestjoni tal-iskart applikata, inkluż ir-rilaxx; l-istat aħħari propost; il-ħżin u r-rimi tal-iskart mid-dekummissjonar; il-perijodu ta’ żmien speċifikat għad-dekummissjonar; l-istimi tal-ispejjeż għat-tlestija tad-dekummissjonar; u l-objettivi, ir-riżultati mistennija, l-istadji importanti, id-dati ta’ mira, kif ukoll l-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin korrispondenti, inkluż, fejn xieraq, l-indikaturi bbażati fuq il-valur gwadanjat. Il-pjan ta’ dekummissjonar jitħejja mid-detentur tal-liċenzja tal-faċilità nukleari u huwa rifless fil-programmi ta’ ħidma pluriennali tal-Programm.

Artikolu 3

Objettivi tal-Programm

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jassisti lil-Litwanja fl-implimentazzjoni tad-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina, b’enfasi speċifika fuq il-ġestjoni tal-isfidi ta’ sikurezza f’dan ir-rigward, filwaqt li jinħoloq għarfien fir-rigward tal-proċess ta’ dekummissjonar nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ dekummissjonar.

2.   L-objettiv speċifiku tal-Programm huwa li jwettaq iż-żarmar u d-dekontaminazzjoni tat-tagħmir u x-xaftijiet tar-reatturi tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina skont il-pjan ta’ dekummissjonar, inkluż il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ dekummissjonar, u li jkompli l-ġestjoni sikura tad-dekummissjonar u tal-iskart li ntiret.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-objettivi speċifiċi tal-Programm tinsab fl-Anness I. Il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 132).

Artikolu 4

Baġit tal-Programm

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 552 000 000 bi prezzijiet attwali.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkopri spejjeż, lil hinn mill-attivitajiet deskritti fl-Anness I, relatati ma’ assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, inkluż sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu dokumentati.

3.   L-impenji baġitarji għall-attivitajiet li jkunu ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.

Artikolu 5

Disseminazzjoni tal-għarfien

1.   L-għarfien maħluq fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Programm għandu jiġi disseminat fil-livell tal-Unjoni.

2.   L-attivitajiet għat-twettiq tal-attività msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm għad-dekummissjonar u għall-ġestjoni tal-iskart tal-JRC, kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/100 (16). Il-JRC għandu jikkoordina l-istrutturar u d-disseminazzjoni tal-għarfien lill-Istati Membri.

3.   Il-proċess tad-disseminazzjoni tal-għarfien għandu jiġi inkluż u definit fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 9.

Artikolu 6

Metodi ta’ implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat taħt il-ġestjoni diretta b’konformità mar-Regolament Finanzjarju jew taħt il-ġestjoni indiretta flimkien mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-finanzjament tal-Unjoni skont il-Programm jista’ jiġi pprovdut fi kwalunkwe forma stipulata fir-Regolament Finanzjarju.

KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 7

Attivitajiet eliġibbli

Huma biss l-attivitajiet li jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni.

Artikolu 8

Rati ta’ kofinanzjament

Għandu jsir kull sforz biex titkompla l-prattika ta’ kofinanzjament stabbilita fil-qafas tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u l-assistenza pprovduta matul il-programmi finanzjarji pluriennali preċedenti għall-isforzi ta’ dekummissjonar tal-Litwanja, kif ukoll biex jiġi attirat kofinanzjament minn sorsi oħra kif ikun adatt.

Ir-rata massima ġenerali ta’ kofinanzjament tal-Unjoni applikabbli skont il-Programm għandha tkun ta’ 86 %. Il-finanzjament li jifdal għandu jkun provdut mil-Litwanja u minn sorsi oħra għajr il-baġit tal-Unjoni. L-attivitajiet meħtieġa għad-disseminazzjoni tal-għarfien imsemmija fl-Artikolu 5 għandhom jiġu ffinanzjati mill-Unjoni b’rata ta’ 100 %.

KAPITOLU III

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 9

Programm ta’ ħidma

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz ta’ programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

2.   Il-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrifletti l-pjan ta’ dekummissjonar li għandu jservi bħala linja ta’ riferiment għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm.

3.   Il-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jispeċifika l-istat attwali, l-objettivi, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi tal-prestazzjoni relatati u l-iskeda ta’ żmien għall-użu ta’ fondi u għandu jiddefinixxi d-dettalji għad-disseminazzjoni tal-għarfien.

Artikolu 10

Rappurtar u monitoraġġ

1.   L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 huma stipulati fl-Anness II.

2.   Is-sistema tar-rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-Programm jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin. Għal dan il-għan, rekwiżiti ta’ rappurtar proporzjonati għall-ispejjeż globali u r-riskji relatati tal-Programm għandhom jiġu imposti fuq riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.

3.   Fi tmiem kull sena, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma mwettqa fis-snin preċedenti, inkluż ir-rata ta’ attivitajiet li jirriżultaw minn sejħiet għall-offerti, u għandha tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 11

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’waqthom biex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

2.   L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1(1). L-evalwazzjoni interim għandha tindirizza wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni għall-modifika tal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 9.

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn ħames snin wara t-tmiem tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1(1), evalwazzjoni finali tal-Programm għandha titwettaq mill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 12

Awditi

L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni nazzjonali u tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inkluż persuni jew entitajiet minbarra dawk inkarigati mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija globali skont it-tifsira tal-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat jekk, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat hekk jiddeċiedi jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu dan.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 14

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-midja u l-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Programm, lil attivitajiet imwettqa skont dan il-Programm u għar-riżultati miksuba.

3.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 15

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1369/2013 huwa mħassar.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-attivitajiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 1369/2013, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-attivitajiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1369/2013.

3.   Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2) sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ attivitajiet mhux kompletati sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 944.

(2)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).

(5)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(13)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1369/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programm ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Litwanja, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1990/2006 (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 7).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/100 tal-25 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi programm finanzjarju speċifiku għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013 (ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Deskrizzjoni dettaljata tal-objettivi tal-Programm

1.

L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jassisti lil-Litwanja fl-implimentazzjoni tad-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta’ Ignalina, b’enfasi speċifika fuq il-ġestjoni tal-isfidi ta’ sikurezza fir-rigward tiegħu. Wara li tlestiet it-tneħħija tal-assemblaġġi tal-fjuwil użat mill-bini tar-reatturi, l-isfidi ta’ sikurezza ewlenin li jmiss li jridu jiġu indirizzati fil-Programm huma ż-żarmar tal-partijiet ċentrali tar-reatturi u l-ġestjoni sikura kontinwa tad-dekummissjonar u tal-iskart li ntiret.

2.

Fil-perijodu ta’ finanzjament li jibda mill-2021, il-Programm ser jassisti attivitajiet inklużi fil-pjan ta’ dekummissjonar imressaq mil-Litwanja skont ir-Regolament (UE) Nru 1369/2013, b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

iż-żarmar u d-dekontaminazzjoni taż-żoni ta’ fuq u tal-qiegħ tax-xaftijiet tar-reatturi u t-tagħmir f’konformità mal-pjan ta’ dekummissjonar. Il-progress li jsir fir-rigward ta’ dan l-objettiv għandu jitkejjel skont il-kwantità u t-tip ta’ materjal imneħħi kif ukoll permezz tal-valur gwadanjat;

(b)

id-disinn għaż-żarmar u d-dekontaminazzjoni taż-żoni ċentrali tax-xaftijiet tar-reatturi (il-qalba tal-grafit). Il-progress li jsir fir-rigward ta’ dan l-objettiv għandu jitkejjel permezz tal-valur iggwadanjat. Dan l-għan għandu jinkiseb qabel l-2027, meta ser jinħarġu l-awtorizzazzjonijiet rilevanti biex jitwettqu ż-żarmar u d-dekontaminazzjoni attwali li huma skedati li jsiru wara l-2027;

(c)

il-ġestjoni sikura tad-dekummissjonar u tal-skart li ntiret sal-ħżin temporanju jew sar-rimi (skont il-kategoriji tal-iskart), inkluża t-tlestija tal-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart fejn meħtieġa. Dan l-għan għandu jintlaħaq f’konformità mal-pjan ta’ dekummissjonar. Il-progress li jsir fuq dan l-objettiv għandu jitkejjel skont il-kwantità u t-tip ta’ skart maħżun jew mormi b’mod sikur, kif ukoll permezz tal-valur gwadanjat;

(d)

l-implimentazzjoni tal-programm ta’ twaqqigħ tal-bini. Il-progress li jsir fuq dan l-objettiv għandu jitkejjel mill-kwantità ta’ bini mwaqqa’ kif ukoll permezz tal-valur gwadanjat;

(e)

il-kisba tal-liċenzja tad-dekummissjonar ladarba l-Unità 1 u l-Unità 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina jitneħħielhom il-fjuwil;

(f)

it-tnaqqis tar-riskji radjoloġiċi. Il-progress li sar fir-rigward ta’ dan l-objettiv għandu jitkejjel permezz tal-valutazzjonijiet ta’ sikurezza tal-attivitajiet u tal-faċilità, li jidentifikaw modi li bihom jistgħu jseħħu esponimenti potenzjali u li jistmaw il-probabbiltajiet u d-daqs ta’ esponimenti potenzjali.

3.

Il-pjan ta’ dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina stabbilixxa l-istruttura tat-tqassim tal-ħidma tal-Programm (l-Istruttura Ġerarkika tad-Dekompożizzjoni tal-Attività u tal-Proġetti marbuta mad-Dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina). L-ewwel livell ta’ dik l-istruttura hu magħmul minn dawn is-sitt punti:

(a)

P.0 “Organizzazzjoni tal-attività tal-intrapriża”;

(b)

P.1 “Tħejjija għad-dekummissjonar”;

(c)

P.2 “Żarmar/twaqqigħ tal-faċilità u r-restawr tas-sit”;

(d)

P.3 “Ġestjoni ta’ Fjuwil Nukleari Użat”;

(e)

P.4 “Ġestjoni tal-Iskart”;

(f)

P.5 “Programm post-operazzjoni”.

Il-punt p. 0 “Organizzazzjoni tal-attività tal-intrapriża” jkopri l-ġestjoni tal-intrapriża, il-garanzija tas-sorveljanza u tal-kwalità, il-monitoraġġ tar-radjazzjoni u ekoloġiku, is-sigurtà fiżika, konsulenza tal-inġinerija u appoġġ legali għall-attivitajiet tal-intrapriża u komunikazzjoni pubblika.

Il-punt p. 1 “Tħejjija għad-dekummissjonar” ikopri l-għoti ta’ kundizzjonijiet preliminari għad-dekummissjonar (bħall-inventarju tat-tagħmir u l-karatterizzazzjoni radjoloġika), il-modifika tal-infrastruttura, l-installazzjoni tat-tagħmir u l-kostruzzjoni tal-faċilitajiet, l-iżolament tas-sistemi u tat-tagħmir, u d-dekontaminazzjoni tas-sistemi, tat-tagħmir u tal-faċilitajiet tal-proċess.

Il-punt p. 2 “Żarmar/twaqqigħ tal-faċilità u r-restawr tas-sit” ikopri ż-żarmar tar-reatturi, iż-żarmar u tas-sistemi/tagħmir tal-proċess u l-pretrattament tal-iskart, it-twaqqigħ tal-faċilitajiet, u r-restawr tas-sit.

Il-punt p. 3 “Ġestjoni ta’ Fjuwil Nukleari Użat” ikopri l-ġestjoni u l-ħżin ta’ fjuwil nukleari użat.

Il-punt p. 4 “Ġestjoni tal-Iskart” ikopri l-kundizzjonament tat-trattament, il-ħżin u r-rimi ta’ skart radjuattiv baxx ħafna, baxx u ta’ livell intermedju, li jirriżulta mill-attivitajiet operazzjonali u ta’ dekummissjonar.

Il-punt p. 5 “Programm post-operazzjoni” jkopri l-operazzjoni u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet, ir-riżorsi tal-enerġija, il-provvista tal-ilma, id-drenaġġ u l-purifikazzjoni tal-ilma.

4.

L-isfidi ta’ sikurezza ewlenin għall-perijodu ta’ finanzjament mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 huma indirizzati permezz tal-attivitajiet skont il-punti p. 1, p. 2 u p. 4. B’mod partikolari, iż-żarmar tal-qlub tar-reatturi huwa kopert bil-punt p. 2. Sfidi inqas importanti huma ttrattati skont il-punt p. 3, filwaqt li l-punti p. 0 u p. 5 ikopru l-attivitajiet ta’ appoġġ għad-dekummissjonar.

5.

Għaldaqstant, meta tkun qed tħejji l-programm ta’ ħidma pluriennali, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Litwanja ser tikkunsidra t-tqassim tal-ammonti disponibbli skont il-prijoritajiet identifikati fit-Tabella 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8.

Tabella 1

#

Punt

Prijorità

P.0

Organizzazzjoni ta’ attività tal-intrapriża

II

P.1

Tħejjija għad-dekummissjonar

I

P.2

Żarmar/twaqqigħ tal-faċilità u r-restawr tas-sit

I

P.3

Ġestjoni ta’ Fjuwil Nukleari Użat

II

P.4

Ġestjoni tal-iskart

I

P.5

Programm post-operazzjoni

III

6.

L-għarfien u l-esperjenza miksuba u t-tagħlimiet li ttieħdu fir-rigward tal-proċess ta’ dekummissjonar għandhom jiġu disseminati fost il-partijiet ikkonċernati tal-Unjoni, biex b’hekk jissaħħaħ il-valur miżjud tal-UE tal-Programm. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu:

l-iżvilupp ta’ rabtiet u skambji fost il-partijiet ikkonċernati tal-Unjoni, inkluż dawk mibdija mill-Istati Membri;

id-dokumentazzjoni tal-għarfien espliċitu u d-disponibbiltà ta’ dan l-għarfien permezz ta’ trasferimenti multilaterali ta’ għarfien dwar kwistjonijiet ta’ governanza tad-dekummissjonar u tal-ġestjoni tal-iskart, l-aħjar prattiki maniġerjali, u l-isfidi teknoloġiċi u l-proċessi ta’ dekummissjonar kemm fil-livell operazzjonali kif ukoll dak organizzazzjonali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati sinerġiji potenzjali tal-UE.

Dawn l-attivitajiet huma ffinanzjati mill-Unjoni b’rata ta’ 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Il-progress li sar fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet għandu jiġi rrappurtat mill-JRC u mkejjel abbażi tal-indikaturi speċifikati fil-programm ta’ ħidma pluriennali tiegħu.

7.

Ir-rimi tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv f’repożitorju ġeoloġiku fond u t-tħejjija tagħhom huwa eskluż mill-pakkett finanzjarju kif definit fl-Artikolu 4(1).


ANNESS II

Indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

(1)

Ġestjoni tal-iskart radjuattiv:

il-kwantità u t-tip ta’ skart maħżun jew mormi b’mod sikur b’objettivi annwali skont it-tip, li jissodisfaw l-istadji importanti tal-Programm;

(2)

Żarmar u dekontaminazzjoni:

il-kwantità ta’ materjali mneħħija b’objettivi annwali skont it-tip, li jissodisfaw l-istadji importanti tal-Programm.