27.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/15


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/74

tas-26 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 dwar il-miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) u l-Artikolu 52 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1191 (3) daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2020. Minn dik id-data ’l hawn, uħud mill-Istati Membri u mill-operaturi professjonisti interpretaw u applikaw b’mod diverġenti t-terminu “maħżuna”, li jinsab fl-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Għal raġunijiet prattiċi u peress li ż-żerriegħa tas-Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp. (“iż-żrieragħ speċifikat”) li nħasdu qabel il-15 ta’ Awwissu 2020 ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżit biex il-pjanti omm tagħhom jiġu prodotti f’sit ta’ produzzjoni fejn mhux magħruf li kien hemm il-pest speċifikat, abbażi tal-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa fiż-żmien xieraq biex issir detezzjoni tal-pest speċifikat, jenħtieġ li żrieragħ bħal dawn jiġu eżentati mill-kundizzjoni fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191.

(3)

Jenħtieġ li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 jiġi emendat biex jiċċara li jenħtieġ li ż-żrieragħ speċifikati li nħasdu qabel il-15 ta’ Awwissu 2020 jiġu kampjunati u ttestjati għall-preżenza tal-pest speċifikat mill-awtorità kompetenti jew minn operaturi professjonisti skont is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti qabel l-ewwel ġarr tagħhom fl-Unjoni. Jenħtieġ li deroga bħal din mill-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament tippermetti li ż-żrieragħ diġà akkumpanjati minn passaport tal-pjanti jiċċirkolaw fit-territorju tal-Unjoni mingħajr ma jiġu ttestjati aktar.

(4)

Jenħtieġ li ż-żrieragħ speċifikati li nġarru għall-ewwel darba fl-Unjoni mill-1 ta’ April 2021 ’il quddiem, u li ġew ittestjati qabel it-30 ta’ Settembru 2020 bil-metodu ELISA, jerġgħu jiġu ttestjati b’metodu ta’ ttestjar, għajr dak tal-ELISA, kif imsemmi fil-punt 3 tal-Anness.

(5)

Peress li ż-żrieragħ speċifikati, li joriġinaw minn pajjiżi terzi u li nħasdu qabel il-15 ta’ Awwissu 2020, ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżit li l-pjanti omm tagħhom jiġu prodotti f’sit tal-produzzjoni fejn mhux magħruf li kien hemm il-pest speċifikat, abbażi tal-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa fiż-żmien xieraq biex issir detezzjoni tal-pest speċifikat, jenħtieġ li żrieragħ bħal dawn li jridu jiddaħħlu fl-Unjoni, jiġu eżentati mir-rekwiżit fl-Artikolu 9(1)(a)(i).

(6)

Il-Kummissjoni ġiet mgħarrfa mis-settur tal-industrija taż-żrieragħ u mill-Istati Membri li r-rekwiżit li l-isem tas-sit tal-produzzjoni rreġistrat jiġi inkluż fiċ-ċertifikat fitosanitarju f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 qed jikkawża dewmien u diffikultajiet prattiċi lill-esportaturi, peress li għalihom huwa diffiċli li jiġi identifikat is-sit tal-produzzjoni konkret. Sabiex titħaffef l-identifikazzjoni tas-sit tal-produzzjoni rreġistrat mill-awtoritajiet kompetenti u mill-operaturi professjonisti tal-pajjiżi terzi, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit jiġi sostitwit b’rekwiżit għat-tressiq tal-informazzjoni dwar it-traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni tal-pjanti omm.

(7)

Jenħtieġ li ż-żrieragħ speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi jiġu ttestjati bl-użu tal-metodi ta’ kampjunar u ta’ ttestjar kif imsemmi fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191. Sabiex jitqies il-fatt li xi żrieragħ speċifikati setgħu ġew ittestjati xhur qabel ma fil-fatt ġew iċċertifikati għall-esportazzjoni, huwa proporzjonat li mill-1 ta’ April 2021’il quddiem jintalab it-twettiq ta’ ttestjar molekulari obbligatorju, u li l-pajjiżi terzi jingħataw żmien biżżejjed biex jaddattaw għal dan ir-rekwiżit.

(8)

Sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet kummerċjali żejda għaż-żrieragħ speċifikati maħsuda qabel il-15 ta’ Awwissu 2020, jenħtieġ li dan ir-Regolament isir applikabbli fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Iż-żrieragħ speċifikati li nħasdu qabel il-15 ta’ Awwissu 2020 għandhom jiġu eżentati mill-kundizzjoni fil-punt (a).”;

(b)

il-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-punt (a) u mill-ewwel subparagrafu tal-punt b) tal-paragrafu 1, iż-żrieragħ speċifikati li ġew maħżuna qabel il-15 ta’ Awwissu 2020 għandu jitteħdilhom kampjun u jiġu ttestjati għall-pest speċifikat mill-awtorità kompetenti jew minn operaturi professjonali taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti u jinstabu ħielsa minn dak il-pest, qabel l-ewwel ġarr tagħhom fl-Unjoni.

Iż-żrieragħ speċifikati li jinġarru għall-ewwel darba fl-Unjoni mill-1 ta’ April 2021 ’il quddiem, u li ġew ittestjati qabel it-30 ta’ Settembru 2020 bil-metodu Elisa, għandhom jerġgħu jiġu ttestjati b’metodu ta’ ttestjar, għajr dak tal-ELISA, kif imsemmi fil-punt 3 tal-Anness.”;

(2)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a), it-test tal-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“iż-żrieragħ speċifikati kkonċernati jew il-pjanti omm tagħhom ikunu għaddew minn kampjunar u minn ttestjar uffiċjali għall-pest speċifikat kif stabbilit fl-Anness u skont dawk it-testijiet ikunu nstabu ħielsa mill-pest speċifikat;”;

(b)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“informazzjoni li tiżgura t-traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni tal-pjanti omm.”;

(c)

għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   B’deroga mill-punt (a)(i) tal-paragrafu 1, għaż-żrieragħ speċifikati, li nħasdu qabel il-15 ta’ Awwissu 2020, id-Dikjarazzjoni Addizzjonali għandha tiddikjara biss l-issodisfar tal-kundizzjoni taħt il-punt (a)(ii) tal-paragrafu 1 u għandha tinkludi d-dikjarazzjoni: “Iż-żrieragħ inħasdu qabel il-15 ta’ Awwissu 2020.”;

(d)

għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Fiċ-ċertifikati fitosanitarji maħruġa wara l-31 ta’ Marzu 2021, id-Dikjarazzjoni Addizzjonali għandha tikkonferma li ż-żrieragħ speċifikati li oriġinaw minn pajjiżi terzi ġew ittestjati skont wieħed mill-metodi ta’ ttestjar, għajr dak tal-ELISA, kif imsemmi fil-punt 3 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1191 tal-11 ta’ Awwissu 2020 li jistabbilixxi miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBFV) u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615 (ĠU L 262, 12.8.2020, p. 6).