27.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/9


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/73

tas-26 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 12 u l-Artikolu 75(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 (2) jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u estenda d-durata tal-programmi tal-iżvilupp rurali appoġġati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (“FAEŻR”) sal-31 ta’ Diċembru 2022 u ta l-possibilità lill-Istati Membri li jiffinanzjaw il-programmi estiżi tagħhom mill-allokazzjoni baġitarja korrispondenti għas-snin 2021 u 2022. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2020/2220 għamel disponibbli r-riżorsi addizzjonali mill-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (4) (“EURI”) fil-programmi estiżi fis-snin 2021 u 2022 biex jiġu ffinanzjati miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 bil-għan li jiġu indirizzati l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha għas-settur agrikolu u ż-żoni rurali tal-Unjoni. Għalhekk, ir-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jenħtieġ li jiġu emendati.

(2)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jistabbilixxi l-għadd massimu ta’ emendi fil-programmi tal-iżvilupp rurali li l-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni. Sabiex tiżdied il-flessibbiltà għall-Istati Membri biex jużaw l-allokazzjoni baġitarja tagħhom għas-snin 2021 u 2022 fil-programmi estiżi u jiġu integrati r-riżorsi addizzjonali mill-EURI, jenħtieġ li jiżdied l-għadd massimu ta’ emendi msemmija f’dak l-Artikolu u jiġu posposti l-iskadenzi għas-sottomissjoni tat-talbiet għall-aħħar emendi tal-programm. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġi ċċarat li l-għadd massimu ta’ emendi jenħtieġ li ma japplikax għal talbiet biex jiġu emendati programmi ta’ żvilupp rurali fil-każ li jkunu meħtieġa emendi wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2020/2220 sabiex jiġi estiż it-tul ta’ żmien tal-programmi ta’ żvilupp rurali u jiġu integrati r-riżorsi addizzjonali mill-EURI.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2020/2220 jipprevedi li għall-programmi estiżi tal-iżvilupp rurali, il-miri stabbiliti fil-kuntest tal-qafas ta’ prestazzjoni jridu jiġu stabbiliti għas-sena 2025. Għalhekk, hemm bżonn li jiġi speċifikat li l-miri tal-indikaturi tal-qafas tal-prestazzjoni jirreferu għall-kisbiet ippjanati sal-31 ta’ Diċembru 2025. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2020/2220 jeskludi l-applikazzjoni tal-qafas ta’ prestazzjoni għar-riżorsi addizzjonali mill-EURI. Għalhekk, l-outputs iffinanzjati mir-riżorsi addizzjonali mill-EURI jenħtieġ li jiġu esklużi mill-miri tal-qafas ta’ prestazzjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2020/2220 jipprevedi li r-riżorsi addizzjonali mill-EURI jridu jiġu pprogrammati u mmonitorjati separatament mill-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, filwaqt li fil-prinċipju jiġu applikati r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Għalhekk, l-ispeċifikazzjonijiet separati fid-deskrizzjonijiet tal-miżuri rilevanti fil-programmi ta’ żvilupp rurali u l-programmi qafas nazzjonali se jkunu meħtieġa fejn l-operazzjonijiet huma appoġġati bir-riżorsi addizzjonali mill-EURI. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-programmi għall-iżvilupp rurali, l-oqfsa nazzjonali u n-netwerks rurali nazzjonali jenħtieġ li jindikaw ukoll b’mod separat ir-riżorsi addizzjonali mill-EURI.

(5)

Barra minn hekk, fil-pjan ta’ indikaturi għall-miżuri magħżula, is-subtotal tal-outputs ippjanati u n-nefqa pubblika totali ppjanata li hija ffinanzjata mir-riżorsi addizzjonali mill-EURI jenħtieġ li jiġu indikati b’mod separat. Fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, ir-rappurtar dwar in-nefqa impenjata skont il-miżura u l-qasam ta’ fokus jenħtieġ li jindika l-parti tal-impenji li huma ffinanzjati mir-riżorsi addizzjonali mill-EURI.

(6)

L-Artikolu 8(h)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jirrikjedi li għal kull miżura, għal kull tip ta’ operazzjoni b’rata ta’ kontribuzzjoni speċifika tal-FAEŻR, għat-tip ta’ operazzjoni msemmija fl-Artikoli 37(1), 38(3), 39(1) u l-Artikolu 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, meta Stat Membru japplika limitu minimu ta’ telf stabbilit taħt it 30 %; u għall-assistenza teknika, il-pjan ta’ finanzjament irid jinkludi tabella li tindika l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni ppjanata u r-rata ta’ kontribuzzjoni applikabbli tal-FAEŻR. Peress li l-istess regoli japplikaw għall-kontribuzzjoni mir-riżorsi addizzjonali mill-EURI, għal kull miżura minn dawn għal kull tip ta’ operazzjoni, jekk applikabbli, il-pjan ta’ finanzjament jenħtieġ li jindika l-kontribuzzjoni ppjanata EURI u r-rata ta’ kontribuzzjoni EURI.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2020/2220 emenda l-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward tal-limitu minimu għat-telf li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom li abbażi tagħhom il-bdiewa jistgħu jiġu kkumpensati għal telf taħt il-fondi mutwi għal avvenimenti klimatiċi avversi, mard tal-annimali u tal-pjanti, infestazzjonijiet ta’ pesti u inċidenti ambjentali u l-għodda għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu għall-bdiewa tas-setturi kollha. Bħala konsegwenza u għall-finijiet ta’ rappurtar tad-WTO, in-nefqa għall-għodod kollha tal-ġestjoni tar-riskju rregolati mill-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u fejn il-limitu minimu ta’ telf ikun inqas minn 30 % jeħtieġ li tiġi ppjanata u rrappurtata separatament. Il-pjan ta’ indikaturi jeħtieġ li jispeċifika dawn ir-rekwiżiti ġodda ta’ programmazzjoni u ppjanar kif xieraq.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)

Minħabba l-urġenza relatata mal-kriżi tal-COVID-19, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (e);

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-emendi fil-programm tat-tip imsemmi fl-Artikolu 11(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ma jistgħux jiġu proposti aktar minn erba’ darbiet tul il-perjodu ta’ programmazzjoni.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għat-tipi l-oħrajn kollha ta’ emendi kkombinati:

(a)

tista’ tiġi sottomessa proposta waħda għal emenda kull sena kalendarja u għal kull programm, bl-eċċezzjoni tas-sena 2025 f’liema sena tista’ tiġi sottomessa aktar minn proposta waħda għall-emendi li jikkonċernaw b’mod esklussiv l-adattament tal-pjan ta’ finanzjament, inkluż kwalunkwe tibdil li jirriżulta fil-pjan indikatur;

(b)

jistgħu jiġu sottomessi tliet proposti addizzjonali għal emenda għal kull programm tul il-perjodu ta’ programmazzjoni.”;

(iii)

fit-tielet subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

f’każ li hija meħtieġa emenda wara bidla fil-qafas legali tal-Unjoni, inkluża bidla relatata mal-estensjoni tad-durata tal-programmi tal-iżvilupp rurali jew bidla relatata mad-disponibbiltà tar-riżorsi addizzjonali għall-irkupru tas-settur agrikolu tal-Unjoni u taż-żoni rurali skont ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).”;"

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-aħħar emenda tal-programm tagħhom tat-tip imsemmi fl-Artikolu 11(a)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022.

Tipi oħra ta’ emendi ta’ programmi għandhom jitressqu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2025.”;

(2)

l-Anness I huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(3)

l-Anness VII huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 18).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).


ANNESS I

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-Parti 1 hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 7(b), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

miri għall-2025. Il-miri ma għandhomx iqisu l-finanzjament nazzjonali addizzjonali kif imsemmi fil-punt 12, u l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ finanzjament addizzjonali kif imsemmi fil-punt 13 u r-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.”;

(b)

fil-punt 8(2), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-kamp ta’ applikazzjoni, il-livell ta’ appoġġ, il-benefiċjarji eliġibbli, u meta rilevanti, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont jew ir-rata tal-appoġġ maqsuma skont is-submiżura u/jew it-tip ta’ operazzjoni meta meħtieġ. Għal kull tip ta’ operazzjoni jiġu speċifikati l-ispejjeż eliġibbli, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, l-ammonti applikabbli, u r-rati tal-appoġġ u l-prinċipji għall-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla. Meta l-appoġġ jingħata għal strument finanzjarju implimentat skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, deskrizzjoni tat-tip ta’ strument finanzjarju, il-kategoriji ġenerali tal-benefiċjarji finali, il-kategoriji ġenerali tal-ispejjeż eliġibbli u l-livell massimu ta’ appoġġ. Għandha tingħata deskrizzjoni separata għal miżuri jew partijiet ta’ miżuri ffinanzjati mir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.”;

(c)

il-punt 10 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Pjan ta’ finanzjament, li jinkludi fih tabelli strutturati separati għall-punti (a) sa (d), li jindikaw b’mod separat għall-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni msemmija fil-punt (e):”;

(ii)

fil-punt (c), il-punt (v) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(v)

għall-operazzjonijiet implimentati f’konformità mal-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, fejn l-Istat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi l-limitu minimu ta’ telf bejn 20 u 30 %, u għal operazzjonijiet implimentati skont l-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-kontribuzzjoni applikabbli tal-FAEŻR u r-rata ta’ kontribuzzjoni indikattiva.”;

(iii)

jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

Għar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013:

(i)

il-kontribuzzjoni annwali;

(ii)

ir-rata ta’ kontribuzzjoni applikabbli għall-miżuri appoġġati;

(iii)

it-tqassim skont il-miżura u l-qasam ta’ fokus;

(iv)

il-kontribuzzjoni għall-assistenza teknika;

(v)

meta miżura jew tip ta’ operazzjoni hija implimentata bil-kontribuzzjoni tal-istrumenti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 38 (1) (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, it-tabella għandha tindika b’mod separat ir-rati ta’ kontribuzzjoni għall-istrumenti finanzjarji u appoġġ indikattiv mill-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni ppjanata għall-istrument finanzjarju;

(vi)

għall-operazzjonijiet implimentati f’konformità mal-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, fejn l-Istat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi l-limitu minimu ta’ telf bejn 20 u 30 %, u għal operazzjonijiet implimentati skont l-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-kontribuzzjoni applikabbli tal-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea u r-rata ta’ kontribuzzjoni indikattiva.”;

(d)

il-punt 11 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

skont il-qasam ta’ fokus, il-miri kwantifikati akkumpanjati mill-outputs ippjanati u n-nefqa pubblika totali ppjanata tal-miżuri magħżula biex jindirizzaw il-qasam ta’ fokus, inklużi s-subtotali ta’ dawn l-outputs ippjanati u n-nefqa totali ppjanata ffinanzjata mir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;”;

(ii)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

in-nefqa pubblika totali ppjanata relatata mal-appoġġ skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, fejn il-limitu minimu ta’ telf ikun inqas minn 30 %.”;

(2)

il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Tabella li tiġbor fil-qosor, skont ir-reġjun u skont is-sena, il-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR lill-Istat Membru għall-perjodu kollu ta’ programmazzjoni, mingħajr ir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u separatament il-kontribuzzjoni ta’ dawk ir-riżorsi addizzjonali lill-Istat Membru għas-snin 2021 u 2022”;

(b)

fil-punt 5(2), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-kamp ta’ applikazzjoni, il-livell ta’ appoġġ, il-benefiċjarji eliġibbli, u meta rilevanti, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont jew ir-rata tal-appoġġ maqsuma skont is-submiżura u/jew it-tip ta’ operazzjoni meta meħtieġ. Għal kull tip ta’ operazzjoni jiġu speċifikati l-ispejjeż eliġibbli, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, l-ammonti applikabbli, u r-rati tal-appoġġ u l-prinċipji għall-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla. Meta l-appoġġ jingħata għal strument finanzjarju implimentat skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, deskrizzjoni tat-tip ta’ strument finanzjarju, il-kategoriji ġenerali tal-benefiċjarji finali, il-kategoriji ġenerali tal-ispejjeż eliġibbli u l-livell massimu ta’ appoġġ. Għandha tingħata deskrizzjoni separata għal miżuri jew partijiet ta’ miżuri ffinanzjati mir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.”;

(3)

fil-Parti 3, il-punt 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.

Pjan ta’ finanzjament, li jistabbilixxi:

“(a)

Il-kontribuzzjoni annwali tal-FAEŻR, mingħajr ir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(b)

il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni u r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR;

(c)

għar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013:

(i)

il-kontribuzzjoni annwali;

(ii)

il-kontribuzzjoni totali u r-rata tal-kontribuzzjoni.”.


ANNESS II

Il-punt (b) tal-punt 1 tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-PŻR kif titkejjel mill-indikaturi komuni u speċifiċi, inkluż il-progress milħuq b’rabta mal-miri stabbiliti għal kull qasam ta’ fokus u fir-rigward tar-riżultati rrealizzati meta mqabblin mar-riżultati ppjanati, kif inhu stipulat fil-pjan ta’ indikazzjoni. Bl-ewwel ħaġa mir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni li jrid jiġi sottomess fl-2017, il-kisbiet li jwasslu għall-punti prinċipali u l-miri stabbiliti fil-qafas tal-prestazzjoni (It-Tabella F). L-informazzjoni addizzjonali dwar l-istadju tal-implimentazzjoni tal-PŻR tingħata permezz tad-data dwar l-impenji finanzjarji skont il-miżura u l-qasam ta’ fokus, u l-progress relatat mistenni lejn il-miri”;

(2)

fit-tieni subparagrafu, l-ewwel indent huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

Tabella A: Nefqa impenjata skont il-miżura u l-qasam ta’ fokus, li tindika din l-informazzjoni b’mod separat għar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013”.