1.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 429/1


DIRETTIVA (UE) 2021/2101 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2021

li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti impriżi u fergħat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-trasparenza hija essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Il-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet tagħha, dik tas-27 ta’ Ottubru 2015 intitolata “Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 - Mhux il-waqt li kollox jibqa’ l-istess” u dik tas-16 ta’ Diċembru 2014 intitolata “Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2015 - Bidu Ġdid”, identifikat bħala prijorità l-ħtieġa li jkun hemm rispons għat-talba taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ġustizzja u t-trasparenza u li l-ħtieġa li l-Unjoni taġixxi bħala mudell ta’ referenza globali. Huwa essenzjali li l-isforzi sabiex tinkiseb aktar trasparenza jieħdu kont tar-reċiproċità fost il-kompetituri.

(2)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019 (3), il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa ta’ rapportar pubbliku ambizzjuż għal kull pajjiż bħala għodda biex tiżdied it-trasparenza korporattiva u jissaħħaħ l-iskrutinju pubbliku. B’mod parallel mal-ħidma mwettqa mill-Kunsill biex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpanniji, huwa neċessarju li jissaħħaħ l-iskrutinju pubbliku tat-taxxi fuq l-introjtu tal-kumpanniji mġarrba minn impriżi multinazzjonali li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni, biex ikompli jrawwem it-trasparenza u r-responsabbiltà korporattiva, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-benesseri tas-soċjetajiet tagħna. Il-previżjoni ta’ tali skrutinju huwa meħtieġ ukoll għall-promozzjoni ta’ dibattitu pubbliku infurmat aħjar rigward, b’mod partikolari, il-livell ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa ta’ ċerti impriżi multinazzjonali attivi fl-Unjoni u l-impatt tal-konformità mar-regoli tat-taxxa fuq l-ekonomija reali. L-istabbiliment ta’ regoli komuni dwar it-trasparenza fit-taxxa fuq l-introjtu jservi wkoll l-interess ekonomiku ġenerali billi jipprevedi salvagwardji ekwivalenti madwar l-Unjoni għall-protezzjoni tal-investituri, il-kredituri u partijiet terzi oħra b’mod ġenerali, u b’hekk jikkontribwixxi biex tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali. Tali skrutinju pubbliku jista’ jinkiseb permezz ta’ rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, irrispettivament minn fejn tkun stabbilita l-impriża omm apikali tal-grupp multinazzjonali.

(3)

Ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż huwa għodda effiċjenti u adatta biex tiżdied it-trasparenza b’rabta mal-attivitajiet tal-impriżi multinazzjonali u biex il-pubbliku jkun jista’ jivvaluta l-impatt ta’ dawk l-attivitajiet fuq l-ekonomija reali. Dan itejjeb ukoll il-kapaċità tal-azzjonisti li jevalwaw sew ir-riskji li jittieħdu mill-impriżi, iwassal biex l-istrateġiji ta’ investiment ikunu bbażati fuq informazzjoni preċiża u jsaħħaħ il-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jivvalutaw l-effiċjenza u l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Jenħtieġ li l-iskrutinju pubbliku jitwettaq mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent tal-investiment fl-Unjoni jew lill-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni, inklużi impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) kif previst fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż x’aktarx ikollu wkoll impatt pożittiv fuq id-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni kif previst fid-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u, billi jżid l-għarfien dwar l-attivitajiet tal-impriżi, dwar il-kwalità tad-djalogu li jsir fl-impriżi.

(5)

Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013, ġiet introdotta klawżola ta’ rieżami fid-Direttiva 2013/34/UE. Dik il-klawżola ta’ rieżami kienet tirrikjedi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tintroduċi obbligu fuq impriżi kbar f’setturi industrijali addizzjonali biex jipproduċu rapport għal kull pajjiż fuq bażi annwali, filwaqt li jittieħed kont tal-iżviluppi fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Cooperation and Development) u tar-riżultati tal-inizjattivi Ewropej relatati.

(6)

L-Unjoni diġà introduċiet ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż għas-settur bankarju permezz tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif ukoll għall-industrija estrattiva u tal-qtugħ tas-siġar permezz tad-Direttiva 2013/34/UE.

(7)

Bl-introduzzjoni, permezz tad-Direttiva, tar-rapportar pubbliku għal kull pajjiż, l-Unjoni ssir mexxej globali fil-promozzjoni tat-trasparenza finanzjarja u korporattiva.

(8)

Aktar trasparenza fid-divulgazzjoni finanzjarja tirriżulta f’vantaġġi għal kulħadd, peress li s-soċjetà ċivili se ssir aktar involuta, l-impjegati se jkunu infurmati aħjar u l-investituri inqas avversi għar-riskju. Barra minn hekk, l-impriżi se jibbenefikaw minn relazzjonijiet aħjar mal-partijiet ikkonċernati, li se jwassal għal aktar stabbiltà, flimkien ma’ aċċess aktar faċli għall-finanzjament minħabba profil tar-riskju aktar ċar u titjib fir-reputazzjoni.

(9)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011 intitolata “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva”, il-Kummissjoni ddefiniet ir-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala r-responsabbiltà tal-impriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà. Jenħtieġ li r-responsabbiltà soċjali korporattiva tkun taħt it-tmexxija mill-kumpaniji. L-awtoritajiet pubbliċi jista’ jkollhom rwol ta’ appoġġ permezz ta’ taħlita intelliġenti ta’ miżuri ta’ politika volontarji u, fejn ikun meħtieġ, regolamentazzjoni komplementari. L-impriżi jistgħu jmorru lil hinn mill-konformità mal-liġi u jsiru soċjalment responsabbli billi jintegraw aktar it-tħassib soċjali, ambjentali, etiku, tal-konsumatur jew relatat mad-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġija u l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom.

(10)

Jenħtieġ li l-pubbliku jkun jista’ jwettaq skrutinju tal-attivitajiet kollha ta’ grupp ta’ impriżi jekk il-grupp ikollu ċerti tipi ta’ entitajiet stabbiliti fl-Unjoni. Għall-gruppi li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni biss permezz ta’ impriżi sussidjarji jew fergħat, jenħtieġ li dawk l-impriżi sussidjarji u fergħat jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli r-rapport tal-impriża omm apikali. Jekk dik l-informazzjoni jew ir-rapport ma jkunx disponibbli jew l-impriża omm apikali ma tipprovdix lill-impriżi sussidjarji jew lill-fergħat bl-informazzjoni kollha meħtieġa, jenħtieġ li l-impriżi sussidjarji u l-fergħat ifasslu, jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu li jkun fih l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħhom, miksuba jew akkwistata minnhom, u dikjarazzjoni li tindika li l-impriża omm apikali tagħhom ma tkunx għamlet disponibbli l-informazzjoni meħtieġa. Madankollu, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità u effettività, l-obbligu ta’ pubblikazzjoni u ta’ aċċessibbiltà tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jenħtieġ li jkun limitat għal impriżi sussidjarji ta’ daqs medju u kbar stabbiliti fl-Unjoni u għal fergħat ta’ daqs komparabbli li jinfetħu fl-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE jiġi estiż kif meħtieġ għall-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn impriża li tkun stabbilita barra mill-Unjoni u li għandha forma ġuridika li hija komparabbli mat-tipi ta’ impriżi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE. Jenħtieġ li l-fergħat li ngħalqu kif imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 37 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ma jibqgħux soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’din id-Direttiva.

(11)

Jenħtieġ li l-gruppi multinazzjonali, u fejn rilevanti, ċerti impriżi awtonomi, jipprovdu lill-pubbliku rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu meta jaqbżu ċertu daqs, f’termini tal-ammont ta’ dħul, matul perijodu ta’ sentejn finanzjarji konsekuttivi, skont id-dħul ikkonsolidat tal-grupp jew id-dħul tal-impriża awtonoma. B’mod simetriku, jenħtieġ li tali obbligu jieqaf japplika meta dak id-d-dħul ma jibqax jaqbeż l-ammont rilevanti fuq perijodu ta’ sentejn finanzjarji konsekuttivi. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-grupp multinazzjonali jew l-impriża awtonoma jibqgħu soġġetti għal obbligu li jirrapportaw dwar l-ewwel sena finanzjarja sussegwenti għall-aħħar sena finanzjarja meta d-dħul tagħhom jaqbeż dak l-ammont. Tali grupp multinazzjonali jew impriża awtonoma jenħtieġ li jerġgħu jsiru soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar meta d-dħul tagħhom jaqbeż l-ammont rilevanti mill-ġdid fuq perijodu ta’ sentejn finanzjarji konsekuttivi. Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ oqfsa ta’ rapportar finanzjarju li magħhom jistgħu jkunu konformi d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, għal impriżi regolati mil-liġi ta’ Stat Membru, jenħtieġ li ‘dħul’ jkollu l-istess tifsira bħal ‘fatturat nett’, u jkun interpretat konformement mal-qafas nazzjonali ta’ rapportar finanzjarju ta’ dak l-Istat Membru. Il-punt (c) tal-Artikolu 43(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE (8) u l-Artikolu 66(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE (9) jipprovdu definizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-fatturat nett ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, rispettivament. Għal impriżi oħra, jenħtieġ li d-dħul jiġi vvalutat f’konformità mal-qafas ta’ rapportar finanzjarju li abbażi tiegħu jitħejjew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom. Madankollu, għall-finijiet tal-kontenut tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, jenħtieġ li tkun tapplika definizzjoni differenti ta’ “dħul”.

(12)

Sabiex jiġi evitat rapportar doppju għas-settur bankarju, l-impriżi omm apikali u l-impriżi awtonomi li huma soġġetti għad-Direttiva 2013/36/UE u li jinkludu fir-rapport tagħhom imħejji f’konformità mal-Artikolu 89 ta’ dik id-Direttiva l-attivitajiet kollha tagħhom u, fejn adatt, l-attivitajiet kollha tal-impriżi affiljati magħhom inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tagħhom, inklużi attivitajiet mhux soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu I tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jenħtieġ li jkunu eżentati mill-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’din id-Direttiva.

(13)

Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jenħtieġ li jinkludi, fejn applikabbli, lista tal-impriżi sussidjarji kollha, fir-rigward tas-sena finanzjarja rilevanti, stabbiliti fl-Unjoni jew fil-ġuriżdizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa inklużi fl-Anness I u, fejn applikabbli, fl-Anness II tal-verżjoni rilevanti tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa. Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ piż amministrattiv, jenħtieġ li l-impriża omm apikali tkun tista’ tistrieħ fuq il-lista ta’ impriżi sussidjarji inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tal-impriża omm apikali. Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jenħtieġ li wkoll jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha tal-impriżi affiljati kollha tal-grupp konsolidata fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-impriża omm apikali impriża jew, skont iċ-ċirkostanzi, dwar l-attivitajiet kollha tal-impriża awtonoma. Jenħtieġ li l-informazzjoni tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex ikun possibbli skrutinju pubbliku effettiv, sabiex jiġi żgurat li d-divulgazzjoni ma twassalx għal riskji jew żvantaġġi sproporzjonati għall-impriżi f’termini ta’ kompetittività jew ta’ miżinterpretazzjonijiet rigward l-impriżi kkonċernati. Jenħtieġ li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jsir aċċessibbli mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali. Jenħtieġ li ma japplika ebda perijodu iqsar għall-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji fir-rigward tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu. Id-dispożizzjonijiet introdotti minn’ din id-Direttiva ma jaffettwawx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/34/UE rigward id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati.

(14)

Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ piż amministrattiv, jenħtieġ li l-impriżi jkunu intitolati li jippreżentaw l-informazzjoni abbażi tal-istruzzjonijiet ta’ rapportar stipulati fit-Taqsima III, il-Partijiet B u C, tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (11) meta jħejju, f’konformità ma’ din id-Direttiva, rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jispeċifika liema qafas ta’ rapportar ġie użat. Barra minn hekk, ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jista’ jinkludi narrattiva ġenerali li tipprovdi spjegazzjonijiet f’każ li jkun hemm diskrepanzi materjali fil-livell ta’ grupp bejn l-ammonti ta’ taxxi akkumulati u l-ammonti ta’ taxxi mħallsa, filwaqt li jittieħed kont tal-ammonti korrispondenti li jikkonċernaw is-snin finanzjarji preċedenti.

(15)

Huwa importanti li tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistipula mudell komuni u formati elettroniċi ta’ rapportar, li jkunu jistgħu jinqraw mill-magni, għall-preżentazzjoni, f’konformità ma’ din id-Direttiva, tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu. Meta tistipula dak il-mudell komuni u dawk il-formati elettroniċi ta’ rapportar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-progress li sar fil-qasam tad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni ppubblikata mill-impriżi, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2020 intitolata “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji — pjan ta’ azzjoni ġdid”. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(16)

Sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ livell ta’ dettall li jippermetti liċ-ċittadini jivvalutaw aħjar il-kontribuzzjoni ta’ impriżi multinazzjonali għall-benesseri tas-soċjetà f’kull Stat Membru, jenħtieġ li l-informazzjoni tinqasam skont l-Istat Membru. Barra minn hekk, informazzjoni li tikkonċerna l-operazzjonijiet tal-impriżi multinazzjonali jenħtieġ li tintwera wkoll f’livell għoli ta’ dettall fir-rigward ta’ ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw sfidi partikolari. Għall-operazzjonijiet l-oħra kollha ta’ pajjiż terzi, jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata fuq bażi aggregata, sakemm l-impriża ma tixtieqx tippreżenta informazzjoni aktar dettaljata.

(17)

Għal ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa, jenħtieġ li jintwera livell għoli ta’ dettall. Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jenħtieġ li dejjem jiddivulga informazzjoni separatament għal kull ġuriżdizzjoni li tkun inkluża fl-Annessi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet tat-taxxa (13), u l-aġġornamenti sussegwenti tagħhom li huma approvati speċifikament darbtejn fis-sena, normalment fi Frar u f’Ottubru, u ppubblikati fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Anness I ta’ dawk il-konklużjonijiet tal-Kunsill jagħti l-“lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet tat-taxxa”, waqt li l-Anness II jagħti s-“Sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġuriżdizzjonijiet kooperattivi biex jimplimentaw prinċipji ta’ governanza tajba fir-rigward tat-taxxa”. Għall-Anness I, il-ġuriżdizzjonijiet li jenħtieġ li jkunu kkunsidrati huma dawk li ġew elenkati fl-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja li għaliha jenħtieġ jrid jitfassal ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu. Għall-Anness II, il-ġuriżdizzjonijiet li jenħtieġ li jkunu kkunsidrati huma dawk li ssemmew f’dak l-Anness fl-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja li għaliha jrid jitfassal ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, u fl-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja preċedenti.

(18)

Id-divulgazzjoni immedjata tad-data li għandha tiġi inkluża fir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu tista’, f’ċerti każijiet, tkun serjament preġudikali għall-pożizzjoni kummerċjali ta’ impriża. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-impriżi jiddifferixxu d-divulgazzjoni ta’ punti speċifiċi ta’ informazzjoni għal għadd limitat ta’ snin, dment li jiddivulgaw b’mod ċar l-eżistenza tad-differiment, jagħtu spjegazzjoni motivata għalih fir-rapport u jiddokumentaw il-bażi tal-motivazzjoni. Jenħtieġ li l-informazzjoni li titħalla barra mill-impriżi tiġi divulgata f’rapport aktar tard. Jenħtieġ li qatt ma titħalla barra l-informazzjoni relatata mal-ġuriżdizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa inklużi fl-Annessi I u II tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet tat-taxxa.

(19)

Sabiex isaħħu t-trasparenza u r-responsabbiltà korporattiva fir-rigward ta’ investituri, kredituri, partijiet terzi oħra u l-pubbliku ġenerali, u biex jiżguraw governanza adatta, jenħtieġ li l-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tal-impriża omm apikali jew tal-impriża awtonoma li tinsab fl-Unjoni u li għandha l-obbligu li tfassal, tippubblika u tagħmel aċċessibbli r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jkunu kollettivament responsabbli li jiżguraw konformità mal-obbligi ta’ rapportar taħt din id-Direttiva. Billi l-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tas-sussidjarji li huma stabbiliti fl-Unjoni u li huma kontrollati minn impriża omm apikali stabbilita barra mill-Unjoni, jew billi l-persuna jew persuni inkarigati mit-twettiq tal-formalitajiet tad-divulgazzjoni għall-fergħa, jista’ jkollhom għarfien limitat tal-kontenut tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu mħejji mill-impriża omm apikali jew jista’ jkollhom kapaċità limitata li jiksbu tali informazzjoni jew tali rapport mill-impriża omm apikali, jenħtieġ li r-responsabbiltà ta’ dawk il-membri jew dawk il-persuni tinkludi li jiġi żgurat, skont l-aħjar għarfien u kapaċità tagħhom, li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu tal-impriża omm apikali jew tal-impriża awtonoma tfassal u sar pubbliku b’mod konsistenti ma’ din id-Direttiva, jew li l-impriża sussidjarja jew il-fergħa tkun fasslet, ippubblikat u għamlet aċċessibbli l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, miksuba jew akkwistata, f’konformità ma’ din id-Direttiva. F’każ li l-informazzjoni jew ir-rapport ma jkunux kompluti, jenħtieġ li r-responsabbiltà ta’ dawk il-membri jew dawk il-persuni testendi sal-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni li tindika li l-impriża omm apikali jew l-impriża awtonoma ma tkunx għamlet l-informazzjoni meħtieġa disponibbli.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun sensibilizzat dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’, u dwar il-konformità ma’, l-obbligi ta’ rapportar introdotti fid-Direttiva 2013/34/UE minn din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar jiddikjaraw jekk impriża kinitx meħtieġa tippubblika rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, u jekk dan ikun il-każ, jekk ġiex ippubblikat dak ir-rapport.

(21)

L-obbligi fuq l-Istati Membri li jipprovdu għal penali u li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-penali jiġu infurzati skont id-Direttiva 2013/34/UE japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti impriżi u fergħat adottati skont din id-Direttiva.

(22)

Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza korporattiva kif ukoll it-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku rigward informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpanniji billi tadatta l-qafas ġuridiku eżistenti rigward l-obbligi imposti fuq il-kumpanniji u d-ditti fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ rapporti, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, fis-sens tal-punt (g) tal-Artikolu 50(2) TFUE. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fil-Kawża C-97/96 Verband deutscher Daihatsu-Händler (14) , il-punt (g) tal-Artikolu 50(2) TFUE jirreferi għall-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi ta’ “oħrajn” b’mod ġenerali, mingħajr distinzjoni jew esklużjoni tal-ebda kategorija li taqa’ fl-ambitu ta’ dak it-terminu. B’hekk, it-terminu “oħrajn” huwa usa’ mill-investituri u mill-kredituri, u jestendi għal partijiet terzi interessati oħra, inkluż kompetituri u l-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, l-objettiv tal-kisba tal-libertà tal-istabbiliment, li huwa assenjat f’termini wesgħin ħafna lill-istituzzjonijiet permezz tal-Artikolu 50(1) TFUE, ma jistax jiġi ċirkoskritt mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50(2) TFUE. Billi din id-Direttiva tikkonċerna biss l-obbligi ta’ pubblikazzjoni ta’ rapporti rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, u ma tikkonċernax l-armonizzazzjoni ta’ taxxi, l-Artikolu 50(1) TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika adatta.

(23)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament sħiħ tas-suq intern u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal impriżi multinazzjonali tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tesplora possibbiltajiet biex jiżdiedu l-ġustizzja u t-trasparenza fiskali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina, fil-qafas tal-klawsola ta’ reviżjoni, jekk, fost l-oħrajn, id-diżaggregazzjoni sħiħa ttejjibx l-effettività ta’ din id-Direttiva.

(24)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jista’ minflok, minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(25)

Din id-Direttiva twieġeb għat-tħassib li ntwera mill-partijiet interessati rigward il-ħtieġa li jiġu indirizzati d-distorsjonijiet fis-suq intern mingħajr ma tiġi pperikolata l-kompetittività tal-Unjoni. Jenħtieġ li ma tikkawżax piż amministrattiv bla bżonn għall-impriżi. Kumplessivament, fil-qafas ta’ din id-Direttiva, il-kwantità ta’ informazzjoni li trid tiġi divulgata hija proporzjonata għall-objettivi ta’ żieda fit-trasparenza korporattiva u fl-iskrutinju pubbliku. Għaldaqstant din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(26)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li hija ġustifikata t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti.

(27)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/34/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2013/34/UE

Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti mill-Artikoli 48a sa 48e u mill-Artikolu 51 għandhom japplikaw ukoll għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ fergħat miftuħa fi Stat Membru minn impriża li ma tkunx regolata mil-liġi ta’ Stat Membru iżda li tkun ta’ forma ġuridika komparabbli mat-tipi ta’ impriżi elenkati fl-Anness I. L-Artikolu 2 għandu japplika fir-rigward ta’ dawk il-fergħat sa fejn l-Artikoli 48a sa 48e u l-Artikolu 51 huma applikabbli għal tali fergħat.”;

(2)

wara l-Artikolu 48, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU 10a

RAPPORT RIGWARD L-INFORMAZZJONI DWAR IT-TAXXA FUQ L-INTROJTU

Artikolu 48a

Definizzjonijiet relatati mar-rapportar rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“impriża omm apikali” tfisser impriża li tfassal id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-akbar korp ta’ impriżi;

(2)

“dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati” tfisser id-dikjarazzjonijiet finanzjarji mħejjija minn impriża omm ta’ grupp li fihom l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-ekwità, l-introjtu u l-ispejjeż huma ppreżentati bħala dawk ta’ entità ekonomika unika;

(3)

“ġurisdizzjoni tat-taxxa” tfisser ġurisdizzjoni ta’ Stat jew ġurisdizzjoni mhux ta’ Stat li jkollha awtonomija fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpanniji;

(4)

“impriża awtonoma” tfisser impriża li ma tkun parti minn grupp kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 2.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 48b ta’ din id-Direttiva, “dħul” għandha l-istess tifsira bħal:

(a)

“fatturat nett”, għal impriżi regolati mil-liġi ta’ Stat Membru u li ma japplikawx l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002; jew

(b)

“dħul” kif definit minn, jew fis-sens ta’, il-qafas ta’ rapportar finanzjarju li abbażi tiegħu jitħejjew ir-rapport finanzjarji, għal impriżi oħra.

Artikolu 48b

Impriżi u fergħat li huma meħtieġa jirrapportaw fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-impriżi omm apikali regolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom, fejn id-dħul konsolidat fid-data tal-karta bilanċjali tagħhom qabeż għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi total ta’ EUR 750 000 000, kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tagħhom, biex ifasslu, jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu fir-rigward tal-aħħar sena minn dawk is-sentejn finanzjarji konsekuttivi.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex impriża omm apikali ma tibqax soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-ewwel subparagrafu fejn id-dħul konsolidat totali fid-data tal-karta bilanċjali tagħha jaqa’ taħt l-EUR 750 000 000 għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tagħha.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-impriżi awtonomi regolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom, fejn id-dħul fid-data tal-karta bilanċjali tagħhom qabeż għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi total ta’ EUR 750 000 000, kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom, biex ifasslu, jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu fir-rigward tal-aħħar sena minn dawk is-sentejn finanzjarji konsekuttivi.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex impriża awtonoma ma tibqax soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-ewwel subparagrafu fejn id-dħul totali fid-data tal-karta bilanċjali jaqa’ taħt l-EUR 750 000 000 għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex ir-regola stabbilita fil-paragrafu 1 ma tapplikax għal impriżi awtonomi jew impriżi omm apikali u l-impriżi affiljati magħhom fejn tali impriżi, inkluż il-fergħat tagħhom, ikunu stabbiliti, jew ikollhom il-postijiet fissi ta’ negozju jew l-attività permanenti ta’ negozju, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u fl-ebda ġurisdizzjoni tat-taxxa oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex ir-regola stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tapplikax għal impriżi awtonomi u impriżi omm apikali fejn tali impriżi jew l-impriżi affiljati magħhom jiddivulgaw rapport, f’konformità mal-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (*1) li jinkludi informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha tagħhom u, fil-każ tal-impriżi omm apikali, dwar l-attivitajiet kollha tal-impriżi affiljati kollha inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-impriżi sussidjarji ta’ daqs medju u kbir kif imsemmija fl-Artikolu 3(3) u (4) li jkunu regolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom u kkontrollati minn impriża omm apikali li ma tkunx regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, fejn id-dħul konsolidat fid-data tal-karta bilanċjali tagħha qabeż għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi total ta’ EUR 750 000 000, kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tagħha, biex jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu li jikkonċerna dik l-impriża omm apikali fir-rigward tal-aħħar sena minn dawk is-sentejn finanzjarji konsekuttivi.

Fejn dik l-informazzjoni jew dak ir-rapport ma jkunux disponibbli, l-impriża sussidjarja għandha titlob lill-impriża omm apikali tagħha biex tipprovdilha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermettilha li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel subparagrafu. Jekk l-impriża omm apikali ma tipprovdix l-informazzjoni kollha meħtieġa, l-impriża sussidjarja għandha tfassal, tippubblika u tagħmel aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu li jkun fih l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, miksuba jew akkwistata, u dikjarazzjoni li tindika li l-impriża omm apikali tagħha ma għamlitx l-informazzjoni meħtieġa disponibbli.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex l-impriżi sussidjarji ta’ daqs medju u kbar ma jibqgħux soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan il-paragrafu fejn id-dħul konsolidat totali tal-impriża omm apikali fid-data tal-karta bilanċjali tagħha jaqa’ taħt l-EUR 750 000 000 għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tagħha.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-fergħat miftuħa fit-territorji tagħhom minn impriżi li ma jkunux regolati mil-liġi ta’ Stat Membru biex jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu li tikkonċerna l-impriża omm apikali jew l-impriża awtonoma msemmija fil-punt (a) tas-sitt subparagrafu, fir-rigward tal-aħħar sena tal-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi.

Fejn dik l-informazzjoni jew dak ir-rapport ma jkunux disponibbli, il-persunal jew persuni maħtura biex iwettqu l-formalitajiet ta’ divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 48e(2) għandhom jitolbu lill-impriża omm apikali jew lill-impriża awtonoma msemmija fil-punt (a) tas-sitt subparagrafu ta’ dan il-paragrafu biex tipprovdilhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom.

Fil-każ li l-informazzjoni li tingħata ma tkunx l-informazzjoni kollha meħtieġa, il-fergħa għandha tfassal, tippubblika u tagħmel aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, li jkun fih l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, miksuba jew akkwistata, u dikjarazzjoni li tindika li l-impriża omm apikali jew l-impriża awtonoma ma għamlitx l-informazzjoni meħtieġa disponibbli.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan il-paragrafu japplikaw biss għal fergħat li għandhom fatturat nett li qabeż il-limitu kif traspost skont l-Artikolu 3(2) għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex fergħa soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar taħt dan il-paragrafu ma tibqax soġġetta għal dawk l-obbligi fejn il-fatturat nett tagħha jaqa’ taħt il-limitu kif traspost skont l-Artikolu 3(2) għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex ir-regoli stabbiliti f’dan il-paragrafu japplikaw għal fergħa biss fejn jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-impriża li fetħet il-fergħa tkun jew impriża affiljata ta’ grupp li l-impriża omm apikali tiegħu ma tkunx regolata mil-liġi ta’ Stat Membru u li d-dħul konsolidat tiegħu fid-data tal-karta bilanċjali tiegħu tkun qabeż għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi total ta’ EUR 750 000 000, kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tiegħu, jew impriża awtonoma li d-dħul tagħha fid-data tal-karta bilanċjali tagħha qabeż għal kull sena mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi total ta’ EUR 750 000 000 kif rifless fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha; u

(b)

l-impriża omm apikali msemmija fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu ma jkollhiex impriża sussidjarja ta’ daqs medju jew kbir kif imsemmi fil-paragrafu 4.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex fergħa ma tibqax soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan il-paragrafu fejn il-kriterju previst fil-punt (a) ma jibqax issodisfat għal sentejn finanzjarji konsekuttivi.

6.   L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu fejn rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jitfassal minn impriża omm apikali jew impriża awtonoma li ma tkunx regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, b’mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 48c, u jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

isir aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas u f’format ta’ rapportar elettroniku li jinqara mill-magni:

(i)

fis-sit web ta’ dik l-impriża omm apikali jew ta’ dik l-impriża awtonoma;

(ii)

f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

(iii)

mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali tas-sena finanzjarja li għaliha jkun tfassal ir-rapport; u

(b)

jidentifika l-isem u l-uffiċċju reġistrat ta’ impriża sussidjarja unika, jew l-isem u l-indirizz ta’ fergħa unika regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, li tkun ippubblikat rapport f’konformità mal-Artikolu 48d(1).

7.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-impriżi sussidjarji jew lill-fergħat li ma jkunux soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu biex jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu fejn tali impriżi sussidjarji jew fergħat ma jservu ebda għan ieħor ħlief dak li jevadu l-obbligi tar-rapportar stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 48c

Kontenut tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

1.   Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu meħtieġ taħt l-Artikolu 48b għandu jinkludi l-informazzjoni relatata mal-attivitajiet kollha tal-impriża awtonoma jew tal-impriża omm apikali, inkluż dawk tal-impriżi affiljati kollha konsolidati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji fir-rigward tas-sena finanzjarja rilevanti.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonsisti minn:

(a)

l-isem tal-impriża omm apikali jew tal-impriża awtonoma, is-sena finanzjarja kkonċernata, il-munita użata għall-preżentazzjoni tar-rapport u, fejn applikabbli, lista tal-impriżi sussidjarji kollha konsolidati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-impriża omm apikali, fir-rigward tas-sena finanzjarja rilevanti, stabbilita fl-Unjoni jew f’ġurisdizzjonijiet tat-taxxa inklużi fl-Annessi I u II tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa;

(b)

deskrizzjoni fil-qosor tan-natura tal-attivitajiet tagħhom;

(c)

l-għadd ta’ impjegati fuq bażi ekwivalenti għal full time;

(d)

id-dħul, li għandu jiġi kkalkulat bħala:

(i)

is-somma tal-fatturat nett, introjtu operatorju ieħor, introjtu minn interessi ta’ parteċipazzjoni, eskluż dividendi riċevuti minn impriżi affiljati, introjtu minn investimenti u self oħrajn li jiffurmaw parti mill-assi fissi, interessi oħra riċevibbli u introjtu simili kif elenkati fl-Annessi V u VI ta’ din id-Direttiva; jew

(ii)

l-introjtu kif definit mill-qafas ta’ rapportar finanzjarju li abbażi tiegħu jitħejjew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, eskluż aġġustamenti fil-valur u dividendi riċevuti mill-impriżi affiljati;

(e)

l-ammont ta’ profitt jew telf qabel it-taxxa fuq l-introjtu;

(f)

l-ammont ta’ taxxa fuq l-introjtu akkumulat matul is-sena finanzjarja rilevanti, li għandu jiġi kkalkulat bħala l-ispiża tat-taxxa kurrenti rikonoxxuta fuq profitti jew telf taxxabbli tas-sena finanzjarja minn impriżi u minn fergħat fil-ġurisdizzjoni tat-taxxa rilevanti;

(g)

l-ammont ta’ taxxa fuq l-introjtu mħallas fuq bażi ta’ flus kontanti, li għandu jiġi kkalkulat bħala l-ammont ta’ taxxa fuq l-introjtu mħallas matul is-sena finanzjarja rilevanti minn impriżi u minn fergħat fil-ġurisdizzjoni tat-taxxa rilevanti; u

(h)

l-ammont ta’ qligħ akkumulat fit-tmiem is-sena finanzjarja rilevanti.

Għall-finijiet tal-punt (d), id-dħul għandu jinkludi t-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati.

Għall-finijiet tal-punt (f), l-ispiża tat-taxxa kurrenti għandha tkun relatata biss mal-attivitajiet ta’ impriża fis-sena finanzjarja rilevanti u ma għandhiex tinkludi taxxi differiti jew dispożizzjonijiet għal obbligazzjonijiet tat-taxxa inċerti.

Għall-finijiet tal-punt (g), it-taxxi mħallsa għandhom jinkludu taxxi minn ras il-għajn mħallsa minn impriżi oħra fir-rigward ta’ pagamenti lil impriżi u fergħat fi grupp.

Għall-finijiet tal-punt (h), il-qligħ akkumulat ifisser is-somma tal-profitti mis-snin finanzjarji preċedenti u s-sena finanzjarja rilevanti, li l-mod tad-distribuzzjoni tagħhom ikun għad ma ġiex deċiż. Fir-rigward ta’ fergħat, il-qligħ akkumulat għandu jkun dak tal-impriża li fetħet il-fergħa.

3.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tiġi rappurtata abbażi tal-istruzzjonijiet ta’ rappurtar imsemmija fit-Taqsima III, Partijiet B u C, tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (*2).

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ppreżentata bl-użu ta’ mudell komuni u formati elettroniċi ta’ rapportar li jinqraw mill-magni. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi dak il-mudell komuni u dawk il-formati elettroniċi ta’ rapportar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(2).

5.   Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew 3 b’mod separat għal kull Stat Membru. Meta Stat Membru jinkludi bosta ġurisdizzjonijiet tat-taxxa, l-informazzjoni għandha tiġi aggregata fuq livell ta’ Stat Membru.

Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jippreżenta wkoll l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu separatament għal kull ġurisdizzjoni tat-taxxa li, fl-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja li għaliha għandu jitfassal ir-rapport, tkun elenkata fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet ta’ taxxa, u għandu jipprovdi tali informazzjoni b’mod separat għal kull ġurisdizzjoni ta’ taxxa li, fl-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja li għaliha għandu jitfassal ir-rapport u fl-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja preċedenti, tissemma fl-Anness II tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet ta’ taxxa.

Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu wkoll jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew 3 fuq bażi aggregata għal ġurisdizzjonijiet oħrajn tat-taxxa.

L-informazzjoni għandha tiġi attribwita għal kull ġurisdizzjoni rilevanti tat-taxxa abbażi ta’ stabbiliment, tal-eżistenza ta’ post fiss ta’ negozju jew ta’ attività permanenti ta’ negozju li, b’kont meħud tal-attivitajiet tal-grupp jew tal-impriża awtonoma, jistgħu jkunu soġġetti għal taxxa fuq l-introjtu f’dik il-ġurisdizzjoni tat-taxxa.

Fejn l-attivitajiet ta’ diversi impriżi affiljati jistgħu jkunu soġġetti għal taxxa fuq l-introjtu f’ġurisdizzjoni unika tat-taxxa, l-informazzjoni attribwita għal dik il-ġurisdizzjoni tat-taxxa għandha tirrappreżenta l-għadd totali tal-informazzjoni relatata ma’ tali attivitajiet ta’ kull impriża affiljata u l-fergħat tagħhom f’dik il-ġurisdizzjoni tat-taxxa.

L-informazzjoni dwar kwalunkwe attività partikolari ma għandhiex tkun attribwita simultanjament għal aktar minn ġurisdizzjoni waħda tat-taxxa.

6.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li element speċifiku wieħed jew aktar ta’ informazzjoni li b’mod ieħor ikunu meħtieġa li jiġu divulgati f’konformità mal-paragrafu 2 jew 3 jitħallew barra temporanjament mir-rapport fejn id-divulgazzjoni tagħhom tkun ta’ preġudizzju serju għall-pożizzjoni kummerċjali tal-impriżi li għalihom jirreferi r-rapport. Kull ommissjoni għandha tiġi indikata b’mod ċar fir-rapport flimkien ma’ spjegazzjoni motivata debitament dwar ir-raġunijiet għaliha.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha li titħalla barra skont l-ewwel subparagrafu ssir pubblika f’rapport aktar tard rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, sa mhux aktar minn ħames snin mid-data tal-ommissjoni oriġinali tagħha.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma tkun tista’ qatt titħalla barra informazzjoni relatata mal-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa inklużi fl-Annessi I u II tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet ta’ taxxa, kif imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

7.   Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jista’ jinkludi, fejn applikabbli fil-livell ta’ grupp, deskrizzjoni narrattiva kumplessiva li tipprovdi spjegazzjonijiet għal kwalunkwe diskrepanzi materjali bejn l-ammonti ddivulgati skont il-punti (f) u (g) tal-paragrafu 2, filwaqt li jitqiesu, jekk xieraq, l-ammonti korrispondenti li jikkonċernaw is-snin finanzjarji preċedenti.

8.   Il-munita li tintuża fir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandha tkun il-munita li fiha huma ppreżentati d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-impriża omm apikali jew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-impriża awtonoma. L-Istati Membri ma għandhomx jimponu l-obbligu li dan ir-rapport ikun ippubblikat f’munita differenti minn dik li tintuża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

Madankollu, fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48b(4), il-munita użata fir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandha tkun il-munita li fiha l-impriża sussidjarja tippubblika d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħha.

9.   L-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro jistgħu jaqilbu l-limitu ta’ EUR 750 000 000 għall-munita nazzjonali tagħhom. Meta jagħmlu dik il-konverżjoni, dawk l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rata tal-kambju applikabbli fil-21 ta’ Diċembru 2021 ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk l-Istati Membri jistgħu jżidu jew inaqqsu l-limiti b’sa 5 % sabiex ir-riżultat ikun ta’ somma għad-dritt fil-muniti nazzjonali.

Il-limiti msemmija fl-Artikolu 48b(4) u (5) għandhom jiġu kkonvertiti f’ammont ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta’ kwalunkwe pajjiż terz rilevanti billi tiġi applikata r-rata tal-kambju applikabbli fil-21 ta’ Diċembru 2021, maqtugħa għad-dritt sal-eqreb elf.

10.   Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jispeċifika jekk tħejjiex skont il-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 48d

Pubblikazzjoni u aċċessibbiltà

1.   Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu u d-dikjarazzjoni imsemmija fl-Artikolu 48b ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu ppubblikati fi żmien 12-il xahar wara d-data tal-karta tal-bilanċ tas-sena finanzjarja li għaliha jkun tfassal ir-rapport kif previst minn kull Stat Membru f’konformità mal-Artikoli 14 sa 28 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u, fejn rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu u d-dikjarazzjoni ppubblikati mill-impriżi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jsiru aċċessibbli għall-pubbliku f’mill-inqas lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni, mingħajr ħlas, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali tas-sena finanzjarja li għaliha jkun tfassal ir-rapport fis-sit web:

(a)

tal-impriża, fejn ikun japplika l-Artikolu 48b(1);

(b)

tal-impriża sussidjarja jew ta’ impriża affiljata, fejn ikun japplika l-Artikolu 48b(4); jew

(c)

tal-fergħa jew tal-impriża li tkun fetħet il-fergħa jew ta’ impriża affiljata, fejn ikun japplika l-Artikolu 48b(5).

3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impriżi milli japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fejn ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ppubblikat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun sar simultanjament aċċessibbli għall-pubbliku f’format elettroniku ta’ rapportar li jinqara mill-magni, fis-sit web tar-reġistru msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132, u mingħajr ħlas lil kwalunkwe parti terza li tinsab fl-Unjoni. Is-sit web tal-impriżi u l-fergħat kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih informazzjoni dwar dik l-eżenzjoni u referenza għas-sit web tar-reġistru rilevanti.

4.   Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 48b(1), (4), (5), (6) u (7) u, fejn applikabbli, id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dak l-Artikolu, għandhom jibqgħu aċċessibbli fis-sit web rilevanti għal minn tal-anqas ħames snin konsekuttivi.

Artikolu 48e

Ir-responsabbiltà li jitfassal, jiġi ppubblikat u jsir aċċessibbli r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex il-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tal-impriżi omm apikali jew l-impriżi awtonomi msemmija fl-Artikolu 48b(1), filwaqt li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva biex jiżguraw li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jiġi mfassal, ippubblikat u jsir aċċessibbli f’konformità mal-Artikoli 48b, 48c u 48d.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex il-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tal-impriżi sussidjarji msemmija fl-Artikolu 48b(4) ta’ din id-Direttiva u l-persuna jew persuni nnominati biex iwettqu l-formalitajiet tad-divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 għall-fergħat kif imsemmija fl-Artikolu 48b(5) ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva biex jiżguraw, fl-aħjar għarfien u kapaċità tagħhom, li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jitfassal b’mod li jkun konsistenti jew f’konformità, kif adatt, mal-Artikoli 48b u 48c, u li dan jiġi ppubblikat u jsir aċċessibbli f’konformità mal-Artikolu 48d.

Artikolu 48f

Dikjarazzjoni mill-awditur statutorju

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, fejn ikun meħtieġ li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ impriża regolata mil-liġi ta’ Stat Membru jiġu awditjati minn awditur jew awdituri statutorji jew minn ditta jew ditti tal-awditjar, fir-rapport tal-awditjar għandu jiġi dikjarat jekk, fis-sena finanzjara ta’ qabel is-sena finanzjarja li għaliha tħejjew id-dikjarazzjonijiet li qed jiġu awditjati, l-impriża kenitx meħtieġa taħt l-Artikolu 48b li tfassal rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu u, jekk ikun il-każ, jekk ir-rapport ġiex ippubblikat f’konformità mal-Artikolu 48d.

Artikolu 48g

Id-data ta’ bidu għar-rapportar rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu l-Artikoli minn 48a sa 48f japplikaw, mhux aktar tard, mid-data ta’ bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda fit-22 ta’ Ġunju 2024 jew wara.

Artikolu 48h

Klawsola ta’ rieżami

Sat-22 ta’ Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar il-konformità ma’, u l-impatt ta’, l-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikoli 48a sa 48f u, b’kont meħud tas-sitwazzjoni fil-livell tal-OECD, il-ħtieġa li jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ trasparenza u l-ħtieġa li jiġi ppreservat u żgurat ambjent kompetittiv għall-impriżi u l-investiment privat, hija għandha tirrieżamina u tivvaluta, b’mod partikolari, jekk ikunx xieraq li jiġi estiż l-obbligu ta’ rapportar rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu stabbilit fl-Artikolu 48b għal impriżi kbar u gruppi kbar, kif definiti fl-Artikolu 3(4) u (7) rispettivament, u li jiġi estiż il-kontenut tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu stabbilit fl-Artikolu 48c biex jiġu inklużi elementi addizzjonali. F’dak ir-rapport il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll l-impatt li l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq bażi aggregata għal ġurisdizzjonijiet tat-taxxa ta’ pajjiżi terzi kif previst fl-Artikolu 48c(5) u l-ommissjoni temporanja tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 48c(6) għandhom fuq l-effettività ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien, fejn xieraq, ma’ proposta leġislattiva.

(*1)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338)."

(*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1)."

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).”;"

(3)

fl-Artikolu 49, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*4).

(*4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”."

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-22 ta’ Ġunju 2023. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 62.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (ĠU C 108, 26.3.2021, p. 623) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-28 ta’ Settembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 108, 26.3.2021, p. 8.

(4)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(5)  Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa u l-Annessi tagħhom (ĠU C 413 I, 12.10.2021, p. 1).

(14)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 1997, Verband deutscher Daihatsu-Händler, C-97/96, ECLI:EU:C:1997:581.