15.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2021/1159

tat-13 ta’ Lulju 2021

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-eżenzjonijiet temporanji fuq importazzjonijiet u fuq ċerti provvisti, b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3), l-Istati Membri jridu jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) l-importazzjoni ta’ merkanzija minn, u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi lil, l-Unjoni, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew tal-Investiment jew il-korpi stabbiliti mill-Unjoni li għalihom il-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”), japplika, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet tal-Protokoll u l-ftehimiet għall-implimentazzjoni tiegħu jew il-ftehimiet dwar il-kwartieri ġenerali, sakemm dan ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, dik l-eżenzjoni hija strettament limitata għal xiri li jsir għal użu uffiċjali u ma testendix għal sitwazzjonijiet fejn merkanzija u servizzi jinxtraw minn korpi tal-Unjoni sabiex jirrispondu għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari meta jkunu ser ikunu disponibbli mingħajr ħlas għall-Istati Membri jew partijiet terzi bħal awtoritajiet jew istituzzjonijiet nazzjonali.

(2)

Għalhekk, minħabba li għad hemm ħtieġa urġenti għall-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tinħoloq ir-rieda li tittieħed azzjoni meta tiġi indirizzata l-kriżi sanitarja li għaddejja bħalissa, huwa neċessarju li tiġi żgurata eżenzjoni mill-VAT għax-xiri ta’ merkanzija u servizzi mill-Kummissjoni jew minn aġenzija jew korp stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, sabiex jirrispondu għall-pandemija tal-COVID-19. Dan jiżgura li l-miżuri meħuda taħt id-diversi inizjattivi tal-Unjoni f’dik is-sitwazzjoni ma jiġux imfixkla minn ammonti ta’ VAT li ma jistgħux jiġu rkuprati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew mill-piż tal-konformità li jirriżulta mill-obbligi ta’ reġistrazzjoni għall-VAT.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/2020 (4) mhijiex biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 peress li tippermetti biss, għal perijodu ta’ żmien limitat, l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ rati mnaqqsa għall-provvista ta’ apparat mediku dijanjostiku in vitro tal-COVID-19 u servizzi marbuta mill-qrib ma’ tali apparat jew l-għoti ta’ eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti fir-rigward tal-provvista ta’ vaċċini tal-COVID-19 u apparat mediku dijanjostiku in vitro, u servizzi marbuta mill-qrib ma’ tali vaċċini u apparat.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan.

(5)

Fid-dawl tal-pandemija attwali tal-COVID-19, il-miżuri li jistgħu jaqgħu taħt l-eżenzjoni l-ġdida biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 diġà jinsabu għaddejjin, pereżempju taħt l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 (5). Kieku l-VAT kellha titħallas għal tranżazzjonijiet relatati ma’ tali miżuri, riżorsi ta’ valur jintilfu, u dan jirriżulta f’inqas merkanzija u servizzi pprovduti lill-Istati Membri proporzjonalment għall-ammont ta’ taxxa li trid titħallas. Għalhekk, sabiex isir l-aħjar użu mill-baġit tal-Unjoni fl-indirizzar tal-konsegwenzi serji ħafna tal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet introdotti b’din id-Direttiva japplikaw, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021. Tali applikazzjoni retroattiva hija indispensabbli biex jiġi evitat li l-miżuri li qed jittieħdu biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 jiġu mċaħħda mill-effett tagħhom. Kwalunkwe aġġustament meħtieġ fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet intaxxati inizjalment jista’ jsir bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni diġà fis-seħħ, pereżempju permezz ta’ dikjarazzjoni tal-VAT sussegwenti.

(6)

Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni relatata mal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 143 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu (1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(fb)

l-importazzjoni ta’ merkanzija mill-Kummissjoni jew minn aġenzija jew korp stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni fejn il-Kummissjoni jew tali aġenzija jew korp jimporta dik il-merkanzija fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu mil-liġi tal-Unjoni sabiex iwieġeb għall-pandemija tal-COVID-19, ħlief meta l-merkanzija importata tintuża, jew immedjatament jew f’data aktar tard, għall-finijiet ta’ fornimenti ulterjuri għall-konsiderazzjoni mill-Kummissjoni jew tali aġenzija jew korp;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Meta l-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni stipulati fil-paragrafu 1, il-punt (fb), ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni jew l-aġenzija jew il-korp ikkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li fih tkun ġiet applikata l-eżenzjoni u l-importazzjoni ta’ dik il-merkanzija għandha tkun soġġetta għall-VAT skont il-kondizzjonijiet applikabbli f’dak il-mument.”;

(2)

l-Artikolu 151 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ab)

il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi mill-Kummissjoni jew lil aġenzija jew korp stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni fejn il-Kummissjoni jew tali aġenzija jew korp jixtri dik il-merkanzija jew servizzi fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu mil-liġi tal-Unjoni sabiex iwieġeb għall-pandemija tal-COVID-19, ħlief meta l-merkanzija u servizzi mixtrija jintużaw, jew immedjatament jew f’data aktar tard, għall-finijiet ta’ fornimenti ulterjuri għall-konsiderazzjoni mill-Kummissjoni jew tali aġenzija jew korp;”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sakemm ir-regoli tat-taxxa tal-Komunità jiġu adottati, l-eżenzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu, minbarra dak imsemmi fil-punt (ab), għandhom ikunu soġġetti għal-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Meta l-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni stipulati fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (ab), ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni jew l-aġenzija jew il-korp ikkonċernati li jkunu rċevew il-provvista eżentata għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li fih tkun ġiet applikata l-eżenzjoni u l-provvista ta’ dik il-merkanzija jew servizzi għandha tkun soġġetta għall-VAT skont il-kondizzjonijiet applikabbli f’dak il-mument.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 mill-1 ta’ Jannar 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)  Opinjoni tat-18 ta’ Mejju 2021 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-27 ta’ April 2021 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/2020 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE fir-rigward ta’ miżuri temporanji b’rabta mat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-vaċċini tal-COVID-19 u għal apparat mediku dijanjostiku in vitro b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 419, 11.12.2020, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 tal-14 ta’ April 2020 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID19 (ĠU L 117, 15.4.2020, p. 3).