23.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1700

tal-15 ta’ Settembru 2021

dwar programmi interni ta’ konformità għall-kontrolli tar-riċerka li tirrigwarda oġġetti b’użu doppju skont ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 (“ir-Regolament (UE) 2021/821”) li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UEO 2021/821 jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju.

(2)

Sistema effettiva, uniformi u konsistenti ta’ kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b’użu doppju hija neċessarja biex tippromwovi s-sigurtà tal-UE u s-sigurtà internazzjonali u biex tiżgura kemm il-konformità mal-impenji internazzjonali kif ukoll mar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (UE), speċjalment f’dak kollu li jirrigwarda n-nonproliferazzjoni, u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi tal-UE.

(3)

L-approċċi u l-prattiki komuni fir-rigward tal-programmi ta’ konformità interna jistgħu jikkontribwixxu għall-applikazzjoni uniformi, effiċjenti, effettiva u konsistenti tal-kontrolli fl-UE kollha.

(4)

Filwaqt li titqies l-importanza dejjem tikber tal-kontrolli tal-esportazzjoni fis-swieq integrati, l-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi rapidi, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u r-riċerkaturi u kif is-settur Ewropew tar-riċerka u l-innovazzjoni jista’ jattira investimenti pubbliċi u privati minn madwar id-dinja, l-effettività tal-kontrolli tal-esportazzjoni tiddependi ħafna fuq l-għarfien tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-isforzi attivi tagħhom biex jikkonformaw mar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni. Għal dan l-għan, l-istituzzjonijiet tar-riċerka jistgħu jistabbilixxu sett ta’ politiki u proċeduri interni, magħrufa wkoll bħala Programm ta’ Konformità Interna.

(5)

Din ir-rakkomandazzjoni tipprovdi qafas biex jgħin lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka u lir-riċerkaturi, lill-maniġers tar-riċerka u lill-persunal tal-konformità jidentifikaw, jimmaniġġjaw u jimmitigaw ir-riskji assoċjati mal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u biex jiffaċilita l-konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali.

(6)

Din ir-rakkomandazzjoni tipprovdi wkoll qafas li jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ programmi speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskji relatati mal-attivitajiet ta’ riċerka, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltà tagħhom biex jiddeċiedu dwar awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/821.

(7)

Din ir-rakkomandazzjoni kienet is-suġġett ta’ eżami estensiv fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju fl-2019 u fl-2020, u tqis il-kummenti li waslu matul konsultazzjoni pubblika li saret fl-aħħar tliet xhur tal-2020.

(8)

Jenħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni ma tkunx vinkolanti, u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u r-riċerkaturi għandhom iżommu r-responsabbiltà li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2021/821, filwaqt li jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li din ir-rakkomandazzjoni tibqa’ rilevanti matul iż-żmien,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri u l-esportaturi, inklużi l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u r-riċerkaturi, iqisu l-gwida mhux vinkolanti pprovduta fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2021/821.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2021

Għall-Kummissjoni

Valdis DOMBROVSKIS

Viċi President Eżekuttiv


(1)  ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1.


ANNESS

WERREJ

Introduzzjoni 4
Glossarju 4

Taqsima 1

Introduzzjoni għall-maniġment 8

Taqsima 2

Għarfien għar-riċerkaturi 9

2.1.

Introduzzjoni 9

2.2.

Oqsma u xenarji ta’ riċerka li jistgħu jwasslu għal kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju 9

2.3.

Elementi bażiċi tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE 11

2.3.1.

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju 11

2.3.2.

Kif għandu jinqara t-test tal-kodiċijiet ta’ oġġetti b’użu doppju? 13

2.3.3.

Kontrolli tas-software (subkategorija D) 14

2.3.4.

Kontrolli tat-teknoloġija (subkategorija E) 15

2.3.5.

Esklużjonijiet mill-kontroll għal oġġetti b’użu doppju 17

2.3.6.

Attivitajiet ikkontrollati 20

2.3.7.

Tipi ta’ awtorizzazzjonijiet 21

2.3.8.

Kontrolli fuq l-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati 22

2.3.9.

Sinjali ta’ allert 23

2.3.10.

Kontroll tal-assistenza teknika 23

2.3.11.

Kontrolli tal-esportazzjoni u miżuri restrittivi (sanzjonijiet) 23

2.3.12.

Mistoqsijiet Frekwenti 23

Taqsima 3

Stabbiliment jew rieżami ta’ programm intern ta’ konformità għar-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju 24

3.1.

Valutazzjoni tar-riskju 25

3.2.

L-elementi ċentrali ta’ ICP 25

3.2.1.

Impenn għall-konformità mill-maniġment superjuri 26

3.2.2.

Struttura organizzattiva, responsabbiltajiet u riżorsi 26

3.2.3.

Taħriġ u sensibilizzazzjoni 28

3.2.4.

Proċess u proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni 29

3.2.5.

Rieżami tal-prestazzjoni, awditi, rapportar u azzjonijiet korrettivi 34

3.2.6.

Żamma tar-rekords u dokumentazzjoni 35

3.2.7.

Sigurtà fiżika u tal-informazzjoni 36
Appendiċijiet 53

Appendiċi 1

Oqsma ta’ riċerka li huma aktar probabbli li jiġu affettwati mill-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. 38

Appendiċi 2

Xenarji ta’ riċerka ta’ fejn jistgħu jidħlu fis-seħħ kontrolli tal-esportazzjoni 40

Appendiċi 3

Lista ta’ sinjali ta’ allert 42

Appendiċi 4

Mistoqsijiet utli meta jiġi stabbilit l-ICP ta’ organizzazzjoni tar-riċerka 44

Appendiċi 5

Dijagramma sekwenzjali tar-rekwiżiti ta’ liċenzja għall-esportazzjonijiet u t-trasferimenti intra-UE ta’ oġġetti b’użu doppju 47

Appendiċi 6

Eżempji ta’ struttura possibbli tal-organizzazzjoni tal-konformità f’organizzazzjoni tar-riċerka 48

Appendiċi 7

Sommarju tar-rekwiżiti ta’ liċenzja għal oġġetti b’użu doppju 50

Appendiċi 8

Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika 51

Appendiċi 9

Referenzi u kuntatti 52

Introduzzjoni

Din il-gwida hija żviluppata biex tgħin lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka (1) u lir-riċerkaturi, lill-maniġers tar-riċerka u lill-persunal ta’ konformità tagħhom jidentifikaw, jiġġestixxu u jimmitigaw ir-riskji assoċjati mal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u biex tiffaċilita l-konformità mal-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali rilevanti.

Il-gwida ssegwi struttura ta’ tliet taqsimiet u fiha għadd ta’ appendiċijiet. It-tliet taqsimiet huma maħsuba biex ikunu awtonomi minn xulxin. Meta wieħed jaqra t-taqsimiet kollha f’daqqa, hemm xi duplikazzjoni fl-ispjegazzjonijiet ipprovduti. Dan huwa intenzjonali. It-Taqsimiet 1 sa 3 huma mfassla għall-udjenzi fil-mira li ġejjin:

It-Taqsima 1 isservi bħala introduzzjoni għall-livell(i) tal-maniġment fl-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tenfasizza kemm huwa importanti l-impenn tal-maniġment superjuri lejn il-konformità biex jiġu implimentati miżuri ta’ konformità interna proporzjonati u effettivi.

It-Taqsima 2 fiha informazzjoni ta’ sensibilizzazzjoni għar-riċerkaturi, inklużi l-elementi bażiċi tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, il-fehim tal-lista ta’ kontroll u l-impatt potenzjali fuq l-attivitajiet relatati mar-riċerka.

It-Taqsima 3 tipprovdi gwida speċifika għall-persunal tal-konformità dwar kif għandu jiġi stabbilit u rieżaminat Programm Intern ta’ Konformità.

Din il-gwida hija adottata skont ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju, minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament tal-UE dwar l-użu doppju”. Il-Kummissjoni tista’ taġġornaha fil-futur fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jevolvu, inkluża kwalunkwe reviżjoni rilevanti tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE.

L-eżempji f’din il-gwida li jirreferu għat-test tal-kodiċijiet ta’ oġġetti b’użu doppju huma illustrattivi. Dawn huma derivati mill-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju kif emendat l-aħħar fl-2020. Iċċekkja l-aħħar aġġornament tal-Anness I għall-klassifikazzjoni skont l-aħħar aġġornament.

Meta organizzazzjoni tar-riċerka, wara li tkun qrat l-informazzjoni mqajma f’din il-gwida, ikollha mistoqsijiet dwar l-istatus ta’ kontroll tar-riċerka rilevanti tagħha jew ikollha aktar mistoqsijiet marbuta ma’ din il-gwida, hija mistiedna tikkuntattja lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru tal-UE fejn tkun stabbilita (2).

Din il-gwida tibni fuq il-gwida tal-UE dwar il-Programm ta’ Konformità Interna għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju ppubblikata f’Awwissu 2019 (3), fuq il-materjal ta’ gwida eżistenti għas-settur akkademiku mill-Istati Membri tal-UE u fuq il-prattiki tajba tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka.

Din il-gwida tqis il-kummenti li rċeviet il-Kummissjoni fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika mmirata li saret fir-raba’ trimestru tal-2020. (4) L-abbozz ta’ gwida ġie valutat b’mod pożittiv ħafna u saru xi suġġerimenti utli ħafna. B’mod partikolari, l-istruttura tal-gwida tjiebet biex jitneħħew ċerti duplikazzjonijiet u żdiedu aktar spjegazzjonijiet dwar is-suġġett tal-kontrolli tas-software.

GLOSSARJU

Dan il-glossarju jispjega jew jiddefinixxi t-termini rikorrenti użati f’din il-gwida. L-entrati mmarkati b’* jirreferu għad-definizzjonijiet mir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Jenħtieġ li d-deskrizzjonijiet tal-entrati mingħajr * ma jinftehmux bħala definizzjonijiet legalment vinkolanti.

Terminu

Deskrizzjoni jew definizzjoni

Anness I, Anness II jew Anness IV tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju

L-Anness I, l-Anness II jew l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju. L-annessi jiġu aġġornati kull sena permezz ta’ Att Delegat tal-Kummissjoni.

Għall-aħħar aġġornament, ara https://eur-lex.europa.eu.

Armi ta’ Qerda Massiva (AQM)

Materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari (CBRN) u l-mezzi tat-twassil tagħhom bil-kapaċità li joqtlu ammonti kbar ta’ bnedmin.

Awtorizzazzjoni

Liċenzja

Destinatarju

L-ewwel riċevitur barra mill-pajjiż tal-oġġett(i) li għandhom jiġu esportati. Dan jista’ jkun il-post fejn jibqa’ l-oġġett, f’liema każ id-destinatarju jkun l-utent finali.

Embargo fuq l-armi*

Embargo fuq l-armi impost b’deċiżjoni jew b’pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill jew b’deċiżjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) jew embargo fuq l-armi impost b’riżoluzzjoni vinkolanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Esportatur*

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe sħubija li:

fiż-żmien meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid jew dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, ikollha l-kuntratt mad-destinatarju fil-pajjiż terz u jkollha s-setgħa li tiddetermina jekk l-oġġetti jintbagħtux barra mit-territorju doganali tal-Unjoni; fejn ma jkun ġie konkluż l-ebda kuntratt ta’ esportazzjoni jew jekk id-detentur tal-kuntratt ma jaġixxix għan-nom tiegħu, esportatur tfisser il-persuna li jkollha s-setgħa li tiddetermina jekk l-oġġetti jintbagħtux barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

tiddeċiedi li tittrażmetti software jew teknoloġija permezz ta’ mezzi elettroniċi, inklużi l-fax, it-telefown, il-posta elettronika jew kwalunkwe mezz elettroniku ieħor lejn destinazzjoni barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew tagħmel disponibbli f’forma elettronika tali software u teknoloġija għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew għal sħubija barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

Fejn il-benefiċċju ta’ dritt li tiddisponi minn oġġetti b’użu doppju jappartjeni lil persuna residenti jew stabbilita barra t-territorju doganali tal-Unjoni skont il-kuntratt li fuqu tkun ibbażata l-esportazzjoni, l-esportatur għandu jitqies li huwa l-parti kontraenti residenti jew stabbilita fit-territorju doganali tal-Unjoni.

Kwalunkwe persuna fiżika li ġġorr l-oġġetti b’użu doppju għall-esportazzjoni fejn dawn l-oġġetti b’użu doppju jkunu jinsabu fil-bagalji personali tal-persuna skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 1(19) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446  (5).

Esportazzjoni*

proċedura ta’ esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 269 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

esportazzjoni mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni; esportazzjoni mill-ġdid isseħħ ukoll jekk, matul it-tranżitu mit-territorju doganali tal-Unjoni skont il-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, tkun trid tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għax tkun inbidlet id-destinazzjoni finali tal-oġġetti;

proċedura ta’ proċessar passiv skont it-tifsira tal-Artikolu 259 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

it-trażmissjoni ta’ software jew teknoloġija permezz ta’ mezzi elettroniċi, inklużi l-fax, it-telefown, il-posta elettronika jew kwalunkwe mezz elettroniku ieħor lejn destinazzjoni barra mit-territorju doganali tal-Unjoni; din tinkludi t-tqegħid disponibbli ta’ dak is-software u teknoloġija f’forma elettronika għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew għal sħubijiet barra mit-territorju doganali tal-Unjoni; hija tinkludi wkoll it-trażmissjoni orali tat-teknoloġija meta t-teknoloġija tiġi deskritta fuq mezz ta’ trażmissjoni vokali.

Fl-isfera pubblika*

Teknoloġija jew software li jkunu saru disponibbli mingħajr restrizzjonijiet fuq it-tixrid ulterjuri tagħhom (Ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur ma jneħħux it-teknoloġija jew is-software milli jkunu “fl-isfera pubblika”).

Ftehim ta’ Wassenaar (WA)

Reġim multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni għall-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-prodotti u t-teknoloġiji b’użu doppju. Ara wkoll: https://www.wassenaar.org/

Grupp Awstralja (AG)

Reġim ta’ kontroll tal-esportazzjoni għall-kontroll ta’ tagħmir, materjali u teknoloġija ta’ produzzjoni kimika u bijoloġika. Ara wkoll: https://www.dfat.gov.au/publications/minisite/theaustraliagroupnet/site/en/index.html

Grupp ta’ Fornituri Nukleari (NSG)

Reġim ta’ kontroll tal-esportazzjoni għal oġġetti u teknoloġija relatati mal-enerġija nukleari. Ara wkoll: https://www.nuclearsuppliersgroup.org/en/

Kontrolli onnikomprensivi

Kontrolli tal-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati skont il-kundizzjonijiet, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 4, 5, 9 u 10 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi (BWC)

Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ħażna ta’ armi batterjoloġiċi (bijoloġiċi) u tossiniċi u dwar il-qerda tagħhom.

Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC)

Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tal-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ħażna u l-użu ta’ armi kimiċi u dwar il-qerda tagħhom.

Kumitat Zangger (ZC)

Il-Kumitat Zangger iżomm Lista Bażika li tiskatta s-salvagwardji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika bħala kundizzjoni tal-provvista ta’ oġġetti relatati mal-enerġija nukleari. Ara wkoll: http://zanggercommittee.org/

Lista Militari Komuni tal-UE

Il-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea b’tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari. Il-lista tiġi aġġornata kull sena. Għall-aħħar aġġornament, ara https://eur-lex.europa.eu/.

Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRL)

Il-Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika hija sistema ta’ kejl mhux speċifika għal xi dixxiplina, b’indikaturi tal-livell ta’ maturità ta’ teknoloġiji partikolari.

Oġġetti b’użu doppju elenkati

L-oġġetti b’użu doppju li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

Oġġetti b’użu doppju mhux elenkati

L-oġġetti b’użu doppju li mhumiex elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju u li jistgħu jsiru soġġetti għal kontrolli tal-esportazzjoni (kontrolli onnikomprensivi). Dan jinkludi l-oġġetti li jkunu (eżatt) taħt il-limiti tekniċi fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

Oġġetti b’użu doppju*

Oġġetti, inklużi s-software u t-teknoloġija, li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll għal dawk militari, u tinkludi l-oġġetti li jistgħu jintużaw għad-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezz ta’ twassil tagħhom, inklużi l-oġġetti kollha li jistgħu jintużaw kemm għal użu mhux splussiv kif ukoll għall-assistenza fi kwalunkwe mod fil-manifattura ta’ armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor.

Oġġetti ta’ sorveljanza ċibernetika*

Oġġetti b’użu doppju ddisinjati speċifikament biex jippermettu s-sorveljanza bil-moħbi ta’ persuni fiżiċi permezz ta’ monitoraġġ, estrazzjoni, ġbir jew analiżi tad-data minn sistemi ta’ informazzjoni u telekomunikazzjoni.

Organizzazzjonijiet tar-riċerka

Entitajiet li jwettqu r-riċerka li huma attivi fis-settur akkademiku jew tar-riċerka, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom (organizzati skont il-liġi pubblika jew privata) jew mill-mod ta’ finanzjament, u li l-għan primarju tagħhom huwa li jwettqu b’mod indipendenti riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li jxerrdu b’mod wiesa’ r-riżutati ta’ dawk l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, pubblikazzjoni jew trasferiment tal-għarfien. Dan jinkludi universitajiet, kulleġġi universitarji, akkademji ta’ ċentri ta’ riċerka applikata tax-xjenza, u laboratorji.

Programm Intern ta’ Konformità (ICP)*

Politiki u proċeduri effettivi, xierqa u proporzjonati kontinwi adottati mill-esportaturi biex jiffaċilitaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet implimentati skont dan ir-Regolament, inklużi, fost l-oħrajn, miżuri ta’ diliġenza dovuta li jivvalutaw ir-riskji relatati mal-esportazzjoni tal-oġġetti lejn l-utenti finali u l-użi finali.

Proliferazzjoni

Il-fluss ta’ oġġetti (inklużi software u teknoloġija) minn pajjiżi li għandhom dawn l-oġġetti, lejn pajjiżi li ma għandhomx, u li qed ifittxu li jiksbu aċċess għal dawn l-oġġetti għall-użu fi programmi dwar Armi ta’ Qerda Massiva.

Reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni

Arranġamenti multilaterali li jfittxu li jipprevjenu l-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, bijoloġiċi u kimiċi u l-mezzi ta’ twassil tagħhom kif ukoll li jipprevjenu l-akkumulazzjoni destabbilizzanti ta’ armi konvenzjonali u oġġetti b’użu doppju, eż. billi jistabbilixxu listi ta’ oġġetti li jenħtieġ li jkunu taħt kontroll. Ir-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni jirreferu għall-Grupp ta’ Fornituri Nukleari (NSG), il-Kumitat Zangger (ZC), is-Sistema ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR), il-Grupp Awstralja (AG) u l-Ftehim ta’ Wassenaar (WA).

Riċerka xjentifika bażika*

Xogħol sperimentali jew teoretiku mwettaq prinċipalment biex jinkiseb għarfien ġdid tal-prinċipji fundamentali ta’ fenomeni jew fatti osservabbli, mhux primarjament immirat lejn għan jew objettiv prattiku speċifiku.

Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR)

Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li għandha l-għan li tipprevjeni lill-atturi mhux Statali milli jakkwistaw armi nukleari, bijoloġiċi u kimiċi, il-mezzi ta’ twassil tagħhom, u materjali relatati.

Sanzjonijiet

Miżuri restrittivi mmirati lejn stati, jew entitajiet u individwi. Xi wħud jiġu ordnati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li oħrajn jiġu adottati b’mod awtonomu mill-Unjoni Ewropea jew fil-livell nazzjonali minn Stat Membru tal-UE.

Sistema ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR)

Reġim ta’ kontroll tal-esportazzjoni għall-kontroll ta’ sistemi ta’ twassil (vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord) għal armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi ta’ qerda massiva. Ara wkoll: https://mtcr.info/

Teknoloġija*

L-informazzjoni speċifika meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ oġġetti. Din l-informazzjoni tieħu l-forma ta’ data teknika jew ta’ assistenza teknika.

Territorju doganali tal-Unjoni

It-territorju doganali tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni  (6) (“il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

Trasferiment jew trasferiment intra-UE

Il-moviment jew it-trażmissjoni ta’ oġġett b’użu doppju elenkat fl-Anness IV tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju minn fornitur fi Stat Membru tal-UE lejn riċevitur fi Stat Membru ieħor tal-UE.

Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP)

It-Trattat dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari

Utent finali

Ir-riċevitur finali barra mill-pajjiż tal-oġġett(i) li għandhom jiġu esportati.

TAQSIMA 1

Introduzzjoni għall-maniġment

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka għandhom inċentivi qawwija biex jinnovaw għall-benefiċċju ta’ kulħadd u biex jikkollaboraw internazzjonalment bħala bażi għall-avvanz tar-riċerka. Settur Ewropew b’saħħtu tar-riċerka u l-innovazzjoni jattira investimenti pubbliċi u privati minn madwar id-dinja. Fost ħafna kollaborazzjonijiet ġenwini u trasparenti biex jiġi żviluppat avvanz xjentifiku u teknoloġiku sinifikanti, jista’ jkun hemm offerti barranin ta’ kollaborazzjoni, stediniet u skambji informali b’motivi ulterjuri, jiġifieri t-tfittxija ta’ aċċess għal riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju għal skopijiet oħra minbarra dawk iddikjarati. Ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jistgħu mbagħad jiksru b’mod involontarju r-regolamenti dwar l-esportazzjoni. Każijiet dokumentati li juru l-importanza tal-kontrolli tat-teknoloġija f’oqsma teknoloġiċi rilevanti għall-proliferazzjoni u tal-azzjonijiet ta’ infurzar b’rabta mar-riċerkaturi jew mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka huma disponibbli fuq l-internet.

Jeżistu kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju biex jirregolaw attivitajiet li jinvolvu oġġetti (materjali, tagħmir, software u teknoloġiji) li jistgħu jintużaw għal skopijiet kemm ċivili kif ukoll militari u possibbilment assoċjati mal-ħolqien ta’ oġġetti militari konvenzjonali jew mal-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, radjoloġiċi, kimiċi jew bijoloġiċi, magħrufa wkoll bħala Armi ta’ Qerda Massiva, u s-sistemi ta’ twassil tagħhom bħall-missili u d-droni. Barra minn hekk, dawn il-kontrolli jistgħu jiġu kkomplementati b’miżuri nazzjonali għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati minħabba tħassib dwar is-sigurtà pubblika jew id-drittijiet tal-bniedem.

Il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-gvernijiet hija essenzjali biex tikkontribwixxi għall-għanijiet tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri, għall-obbligi tas-sigurtà internazzjonali u għall-impenji ta’ nonproliferazzjoni bħall-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà, ir-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u r-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. L-organizzazzjonijiet tar-riċerka għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jintlaħqu dawn l-objettivi permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u billi jaġixxu kif meħtieġ. Il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju mhumiex l-uniku strument ta’ politika li jikkontribwixxi; il-kontroll tal-viża u s-sanzjonijiet huma eżempji ta’ strumenti oħra ta’ politika li għandhom objettivi u metodi speċifiċi li mhumiex diskussi f’din il-gwida.

Il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jippreżentaw sfidi speċifiċi għall-organizzazzjonijiet tar-riċerka marbuta mal-importanza tal-kondiviżjoni tar-riżultati tar-riċerka, flimkien mal-imperattiv “ippubblika jew jintilef” fl-ekosistema tar-riċerka. Is-sensibilizzazzjoni dwar dawn il-kontrolli hija aspett importanti tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji relatati man-nuqqas ta’ konformità. Fl-UE, il-livell ta’ esperjenza fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ konformità fi ħdan l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jvarja b’mod sinifikanti. L-awtoritajiet kompetenti fl-UE huma impenjati li jipprovdu gwida għall-organizzazzjonijiet tar-riċerka dwar kif isaħħu l-miżuri ta’ konformità interna.

Filwaqt li huwa rikonoxxut li l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jieħdu ż-żmien biex jistabbilixxu u jżommu tali miżuri, approċċ sistematiku u proporzjonat għall-miżuri ta’ konformità interna għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju huwa vitali biex ikun hemm konformità mar-Regolament applikabbli tal-UE dwar l-użu doppju u mal-miżuri komplementari nazzjonali.

Huwa f’idejn kull organizzazzjoni tar-riċerka li tiddetermina kif l-aħjar li jiġu implimentati l-miżuri ta’ konformità interna u liema proċeduri operazzjonali interni għar-riċerkaturi individwali għandhom jiġu segwiti. Dan jista’ jitwettaq billi jinbnew strutturi ġodda ta’ kontroll tal-esportazzjoni jew billi dawn il-miżuri jiġu inkorporati fi strutturi (eżistenti), bħall-korpi konsultattivi. Programm Intern ta’ Konformità (ICP) għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju spiss ikun biss parti waħda mis-sistema ta’ konformità ġenerali tal-organizzazzjoni tar-riċerka.

Ħafna attivitajiet ta’ riċerka mwettqa minn organizzazzjonijiet tar-riċerka mhumiex soġġetti għal skrutinju tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. L-ewwel nett, minħabba li tali riċerka ma tirrigwarda l-ebda wieħed mill-oġġetti fil-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE. It-tieni, minħabba li r-riċerka ma tittrattax speċifikament it-teknoloġija għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu li hija responsabbli biex jintlaħqu jew jiġu estiżi l-livelli jew il-funzjonijiet ta’ prestazzjoni kkontrollati fil-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE. Fl-aħħar nett, minħabba li tista’ tiġi ttikkettata bħala “riċerka xjentifika bażika” jew “fl-isfera pubblika” kif definit fir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jew tirrappreżenta l-informazzjoni minima neċessarja għall-applikazzjonijiet għal privattivi.

Madankollu, l-ebda organizzazzjoni ta’ riċerka ta’ reputazzjoni tajba ma tixtieq tkun involuta fl-użu ħażin ta’ riċerka (output) rilevanti għall-proliferazzjoni. Din mhijiex biss kwistjoni li hija obbligata tikkonforma mal-kontrolli tal-esportazzjoni, iżda huwa wkoll fl-interess tagħha stess. Għalhekk, huwa importanti li l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jieħdu miżuri interni proporzjonati u effettivi biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità. In-nuqqas ta’ tali miżuri jista’ jwassal għar-responsabbiltà legali tal-istituzzjoni f’każ li jinstab nuqqas ta’ konformità. Huwa meħtieġ l-impenn tal-maniġment superjuri biex jiġu enfasizzati l-importanza u l-valur imqiegħda fuq il-konformità effettiva u biex jiġu pprovduti riżorsi adegwati biex jiġu żgurati l-impenji ta’ konformità.

TAQSIMA 2

Għarfien għar-riċerkaturi

2.1.   Introduzzjoni

Il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE jeżistu biex jipprevjenu l-akkumulazzjoni mhux mixtieqa ta’ oġġetti militari konvenzjonali u l-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, radjoloġiċi, kimiċi u bijoloġiċi, magħrufa wkoll bħala Armi ta’ Qerda Massiva (AQM), u s-sistemi ta’ twassil tagħhom bħall-missili u d-droni. Barra minn hekk, dawn il-kontrolli jistgħu jiġu kkomplementati b’miżuri nazzjonali għal oġġetti b’użu doppju li mhumiex elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju minħabba tħassib dwar is-sigurtà pubblika jew id-drittijiet tal-bniedem. Peress li l-oġġetti b’użu doppju jintużaw l-aktar għal skopijiet ċivili, il-potenzjal tagħhom għall-abbuż spiss ma jkunx evidenti mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Madankollu, fl-idejn żbaljati, dawn huma ta’ theddida għall-paċi internazzjonali u għall-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha.

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka spiss huma mħassba dwar il-perċezzjoni pubblika tar-riċerka b’potenzjal militari. L-“użu doppju” fil-kuntest tar-riċerka spiss jitqies f’sens wiesa’: x’inhuma l-applikazzjonijiet ċivili u militari (mhux) mixtieqa tar-riċerka, jew x’inhu l-użu ħażin potenzjali tar-riċerka għal skopijiet mhux etiċi.

Fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE, madankollu, l-“użu doppju” għandu jinftiehem b’tifsira ristretta. Huwa jirreferi għal oġġetti, inklużi software u teknoloġija, li jistgħu jintużaw għal skopijiet kemm ċivili kif ukoll militari. Għal aktar informazzjoni dwar l-ambitu tal-oġġetti b’użu doppju elenkati u mhux elenkati, ara s-subtaqsima 2.3.2 u l-Appendiċi 1.

Kulħadd, persuna fiżika jew ġuridika, għandu l-obbligu legali, meta jittratta oġġetti b’użu doppju, li jikkonforma mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti. Dawn l-obbligi legali mhumiex identiċi għal (iżda jistgħu jikkoinċidu ma’) il-motivazzjonijiet etiċi jew l-awtorestrizzjoni li jeżistu biex jipprevjenu jew jimmitigaw ir-riskji u d-danni potenzjali li jistgħu jiġu kkawżati mill-użu malizzjuż ta’ riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju.

Din il-gwida titkellem dwar “riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju”: oġġetti b’użu doppju li jintużaw matul ir-riċerka jew riċerka li tirriżulta f’output tar-riċerka fi kwalunkwe forma possibbli (7) li tissodisfa l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ oġġett b’użu doppju fil-lista ta’ kontroll tal-UE ta’ oġġetti b’użu doppju jew f’lista nazzjonali komplementari ta’ oġġetti b’użu doppju (jekk ikun hemm). F’għadd limitat ta’ każijiet, dan jinkludi sitwazzjonijiet bi tħassib militari jew ta’ użi/utenti finali ta’ AQM għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati. Huwa importanti li jiġi nnotat li mhux kull attività ta’ riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju se tkun teħtieġ awtorizzazzjoni. Is-subtaqsima 2.3.6 tispeċifika f’liema każijiet hija meħtieġa awtorizzazzjoni.

2.2.   Oqsma u xenarji ta’ riċerka li jistgħu jwasslu għal kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju

L-għan tal-kontrolli tal-esportazzjoni mhuwiex li tiġi ċċensurata r-riċerka xjentifika (output), iżda li jiġi evitat l-abbuż relatat mas-sigurtà meta oġġetti jew għarfien sensittivi jiġu ttrasferiti barra mill-pajjiż. Ix-xjenzati u l-istituzzjonijiet tar-riċerka huma marbuta bl-istess liġijiet bħall-industrija tal-manifattura u kulħadd ieħor. Qabel ma l-oġġetti jiġu esportati jew l-informazzjoni tiġi trasferita, l-esportaturi u s-sensara tal-informazzjoni għandhom id-dmir li jivverifikaw jekk l-azzjonijiet tagħhom jeħtiġux approvazzjoni regolatorja minn qabel. Huwa rikonoxxut li fil-kuntest tar-riċerka dan jirrikjedi l-ibbilanċjar tat-tħassib dwar is-sigurtà (inter)nazzjonali u l-libertà akkademika, iżda wkoll l-ispinta għall-Aċċess Miftuħ relatat mal-output u d-data tar-riċerka:

Il-libertà akkademika hija dritt fundamentali ggarantit mill-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (8). Madankollu, dan ma jeżentax lir-riċerkaturi u lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka milli jikkonformaw mar-regolamenti li huma stabbiliti biex jissalvagwardjaw l-interessi tas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha (9).

L-ispinta għal Aċċess Miftuħ, kif mitlub minn xi programmi ta’ finanzjament, għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għar-riżultati u d-data tar-riċerka u l-użu mill-ġdid tagħhom. Madankollu, dawn l-objettivi ta’ Aċċess Miftuħ ukoll ma jeżentawx lir-riċerkaturi u lill-organizzazzjoni tar-riċerka milli jiskrinjaw il-pubblikazzjonijiet u s-settijiet tad-data proposti l-ewwel skont id-dispożizzjonijiet ta’ kontroll (tat-teknoloġija) tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju u jaġixxu skont dan.

Id-dixxiplini tar-riċerka fi ħdan ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Inġinerija huma aktar probabbli li jkunu soġġetti għal kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju mill-attivitajiet akkademiċi fl-Istudji Umanistiċi, ix-Xjenzi Soċjali u l-Ekonomija.

Is-suġġetti li ġejjin huma eżempji ta’ riċerka li tista’ twassal għal kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju:

il-bdil tal-ispettru ospitanti tal-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda biex jiġu inklużi r-reservoirs umani;

sensuri multispettrali tal-kamera tal-immaġini għall-ġbir tad-data tal-għelejjel;

teknoloġija tal-arrikkiment tal-uranju tal-ġenerazzjoni li jmiss ibbażata fuq il-laser bħala alternattiva potenzjali għall-arrikkiment industrijali li jinvolvi l-uranju gassuż fiċ-ċentrifugi;

stampar 3D ta’ materjali enerġetiċi;

prototip ta’ dron b’sistema ta’ bexx biex jiġi miġġieled il-virus tal-enċefalomijelite ekwina tal-Lvant; u

bastiment xjentifiku awtonomu ta’ taħt l-ilma li jiġbor data b’mod awtomatiku f’reġjuni ta’ baħar fond.

L-Appendiċi 1 juri oqsma ta’ riċerka li, fost oħrajn, jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju peress li l-lista ta’ kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE fiha oġġetti f’dawn l-oqsma tat-teknoloġija. Pereżempju, ir-riċerka relatata mal-fiżika nukleari u l-inġinerija tista’ tirrigwarda reatturi nukleari, tagħmir u komponenti ddisinjati jew ippreparati apposta ta’ reatturi nukleari jew materjal nukleari li jinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Dan ma jfissirx li r-riċerka relatata kollha hija b’mod awtomatiku riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju elenkati (10), u lanqas li l-attività ta’ riċerka tirrikjedi awtorizzazzjoni.

L-Appendiċi 2 jissottolinja xi xenarji ta’ riċerka rikorrenti li jistgħu jwasslu għal kontrolli tal-esportazzjoni:

It-tagħlim (11), il-konsultazzjoni, il-kollaborazzjoni jew il-ħidma fuq riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju ma’ riċerkaturi barranin viżitaturi fit-territorju doganali tal-Unjoni (12);

It-tagħlim, il-konsultazzjoni, il-kollaborazzjoni jew il-ħidma fuq riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;

L-organizzazzjoni ta’ konferenza/laqgħa/seminar (virtwali) jew il-preżentazzjoni f’konferenza/laqgħa/seminar (virtwali) ġewwa jew barra t-territorju doganali tal-Unjoni dwar riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju;

Il-pubblikazzjoni dwar teknoloġija b’użu doppju elenkata;

Is-sottomissjoni ta’ informazzjoni għall-applikazzjoni għal privattiva u informazzjoni bi privattiva; u

L-esportazzjoni ta’ oġġetti tanġibbli b’użu doppju (oġġetti), inklużi d-disinn ta’ prototipi u tagħmir tal-laboratorju użat.

F’kull wieħed minn dawn ix-xenarji, huwa importanti wkoll li jiġi ddeterminat jekk japplikawx xi miżuri restrittivi jew sanzjonijiet tal-UE jew nazzjonali għall-oġġetti, it-tip ta’ attività, l-użu finali jew l-entitajiet u l-pajjiżi involuti.

F’dawn ix-xenarji, il-motivazzjoni personali, is-sors tal-finanzjament tar-riċerka, in-natura tas-sħab fir-riċerka u l-iskop tar-riċerka huma irrilevanti biex jiġi ddeterminat jekk ir-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju tissodisfax il-limiti tal-kontroll tekniku.

Il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jistgħu jinħolqu f’livelli differenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċerka: fl-istadju tal-finanzjament tar-riċerka, l-applikazzjoni tal-proġett, l-iżvilupp tal-kuntratt, id-disseminazzjoni tal-output tar-riċerka, eċċ. It-Taqsima 3 tipprovdi aktar informazzjoni dwar kif għandha tiġi stabbilita proċedura sistematika ta’ skrinjar tal-esportazzjoni fil-livelli differenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċerka.

2.3.   Elementi bażiċi tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE

2.3.1.   Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju

Is-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE hija regolata mir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

L-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju fih il-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE. L-oġġetti kollha fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jeħtieġu liċenzja għall-esportazzjoni barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. L-Anness IV tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju huwa subsett żgħir tal-Anness I u fih oġġetti aktar sensittivi li jeħtieġu liċenzja anki għat-trasferimenti intra-UE.

L-Anness I (u għalhekk anki l-Anness IV) huwa dinamiku biex jitqiesu l-avvanzi teknoloġiċi maż-żmien u l-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE jirriflettu l-impenji maqbula fir-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni. Għalhekk, il-lista tiġi aġġornata kull sena. Huwa importanti li dejjem tiġi kkonsultata l-aħħar verżjoni tal-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju (13).

Kull oġġett b’użu doppju għandu numru ta’ klassifikazzjoni. Din hija kombinazzjoni ta’ numri u ittra (li tinkludi l-Kategorija, is-Subkategorija u l-entrata ta’ kontroll individwali) u hija kruċjali għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti u d-dokumenti tal-awtorizzazzjoni. In-numru ta’ klassifikazzjoni mhuwiex aleatorju; dan jirreferi għan-natura tal-oġġett u l-oriġini tal-kontroll mir-reġim ta’ kontroll tal-esportazzjoni korrispondenti (ara l-Illustrazzjoni 1).

L-Illustrazzjoni 1 turi t-tifsira tan-numru ta’ klassifikazzjoni ta’ oġġett b’użu doppju.

In-numru ta’ klassifikazzjoni ta’ oġġett b’użu doppju 9A012.a. jirreferi għal vetturi tal-ajru kkontrollati mingħajr bdot abbord (jew droni) bi speċifikazzjonijiet tekniċi u ċerti tagħmir u komponenti relatati.

“9” tfisser li l-oġġett huwa elenkat fil-Kategorija 9 (Ajruspazju u Propulsjoni).

“A” tfisser li l-oġġett huwa elenkat fis-Subkategorija A (Sistemi, tagħmir u komponenti). Għalhekk, dron komplut li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi taħt 9A012 se jkun elenkat taħt A.

“012” tfisser li l-oġġett joriġina mil-lista ta’ kontroll tal-Ftehim ta’ Wassenaar

“.a.” hija l-entrata individwali ta’ subkontroll għad-droni kompluti.

Image 1

Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju hija bbażata fuq kriterji tekniċi oġġettivi, u l-użu finali u l-utent finali ma għandhomx rwol fil-klassifikazzjoni teknika. Għaldaqstant, huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni u għall-eżistenza tar-rekwiżit ta’ liċenzjar jekk l-oġġett ikunx se jintuża esklussivament għal skopijiet ċivili jew jekk ikunx maħsub użu militari. Madankollu, l-użu finali u l-partijiet involuti għandhom rwol essenzjali fil-kwistjoni tal-eliġibbiltà għall-approvazzjoni tal-liċenzja. Ikkonsulta s-subtaqsima 2.3.9 u l-Appendiċi 3 għal aktar appoġġ dwar il-kontrolli tal-użu finali u tal-utent finali.

L-oġġetti b’użu doppju huma ġeneralment distinti minn oġġetti militari. L-oġġetti militari huma komoditajiet (bħal sistemi, tagħmir, komponenti, materjali, software jew teknoloġija) li fil-biċċa l-kbira tal-partijiet ikunu ddisinjati jew immodifikati apposta għall-użu militari. L-oġġetti militari huma elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jew f’listi nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE. (14) B’differenza mis-sistema komuni ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE, is-sistema ta’ kontroll għall-oġġetti militari hija regolata minn kull Stat Membru tal-UE. L-użu finali militari (iddikjarat) tal-output jew tal-attività tar-riċerka ma jirrendix awtomatikament dan l-oġġett iddisinjat jew modifikat apposta għall-użu militari. Madankollu, dan jista’ jkun indikatur, u ovvjament huwa informazzjoni utli fil-klassifikazzjoni tal-oġġetti militari u fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal-liċenzja.

Fir-rigward tal-lista ta’ oġġetti b’użu doppju fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu dan li ġej:

L-għaxar Kategoriji huma konsolidazzjoni tal-listi ta’ kontroll minn erba’ reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni (il-Grupp ta’ Fornituri Nukleari, is-Sistema ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-Grupp Awstralja u l-Ftehim ta’ Wassenaar) u mill-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi. Kull kategorija hija maqsuma ulterjorment f’subkategoriji u f’entrati ta’ kontroll iddedikati. B’mod ġenerali, l-oġġetti elenkati fis-subkategoriji B, C, D u E jirrigwardaw oġġetti elenkati taħt is-subkategorija A. Fi ftit każijiet hemm kontrolli awtonomi ddedikati taħt dawn is-subkategoriji. L-għaxar kategoriji u ħames subkategoriji huma l-ewwel diżaggregazzjoni tal-lista u jistgħu jiffaċilitaw l-ibbrawżjar fl-entrati ta’ kontroll rilevanti.

L-oġġetti b’użu doppju huma ġeneralment distinti minn oġġetti militari. L-oġġetti militari huma komoditajiet (bħal sistemi, tagħmir, komponenti, materjali, software jew teknoloġija) li huma ddisinjati jew immodifikati apposta għall-użu militari. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-oġġetti b’użu doppju ħafna drabi jkunu aktar dettaljati minn dawk għall-oġġetti militari. It-tifsira ta’ “iddisinjati apposta għall-użu militari” jew “modifikati għall-użu militari” hija fil-biċċa l-kbira determinata mill-awtorità kompetenti, li mhux neċessarjament tkun l-istess bħall-awtorità kompetenti għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

L-oġġetti speċifikati fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jinkludu kemm oġġetti ġodda kif ukoll użati.

In-numru tal-lista ta’ klassifikazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju mhuwiex l-istess bħall-kodiċi doganali tal-komoditajiet (Sistema Armonizzata jew Nomenklatura Magħquda). (15) Dan huwa partikolarment rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ oġġetti tanġibbli, inklużi tagħmir, materjali u komponenti.

Il-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE fiha oġġetti tanġibbli (inklużi tagħmir, materjali u komponenti), iżda wkoll oġġetti intanġibbli bħal software jew teknoloġija fil-forma ta’ data teknika jew assistenza teknika. L-oġġetti intanġibbli jistgħu jiġu trasferiti f’format tanġibbli (eż. slajds stampati jew apparat fiżiku għall-ħżin tad-data) jew jiġu trasferiti b’mod elettroniku, viżwalment jew b’mod orali (magħrufa wkoll bħala format intanġibbli). (16)

Il-kontrolli fuq it-teknoloġija huma tal-akbar importanza. Jekk il-proliferaturi jkunu jistgħu jiksbu oġġett b’użu doppju tanġibbli, huma jistgħu jkunu jistgħu jikkupjaw partijiet minnu, iżda mhux neċessarjament ikunu jistgħu jipproduċu oġġetti addizzjonali. Madankollu, jekk jakkwistaw it-teknoloġija biex jiżviluppaw jew jipproduċu l-oġġett, huma jkunu jistgħu jimmanifatturaw kemm iridu. Barra minn hekk, filwaqt li l-oġġetti tanġibbli jistgħu jiġu esportati temporanjament, l-esportazzjoni tat-teknoloġija hija kważi impossibbli li tiġi rkuprata u għandha titqies bħala definittiva.

Awtorizzazzjoni maħruġa għal oġġett tkopri wkoll it-teknoloġija minima meħtieġa għall-installazzjoni, it-tħaddim, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ dak l-oġġett.

2.3.2.   Kif għandu jinqara t-test tal-kodiċijiet ta’ oġġetti b’użu doppju?

L-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju huwa twil u ma hemm l-ebda mod uniku li huwa l-aħjar biex wieħed isib malajr kull oġġett b’użu doppju elenkat. Matul eżerċizzju ġdid ta’ klassifikazzjoni, sabiex jiġu kklassifikati bil-mod korrett l-oġġetti b’użu doppju tagħna jew it-teknoloġija b’użu doppju tagħna, huwa importanti li tiġi eżaminata bir-reqqa l-aħħar verżjoni tal-Anness I biex tinstab l-aktar entrata ta’ kontroll rilevanti u għalhekk speċifika għall-oġġett inkwistjoni. F’każ ta’ dubju jew f’każ ta’ diversi numri ta’ klassifikazzjoni possibbli, ikkonsulta lill-uffiċjal tal-konformità fl-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek jew, fejn ikun xieraq, lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tiegħek.

F’bosta entrati ta’ kontroll hemm diversi noti (Nota, Nota Teknika jew Nota Bene) biex jassistu fil-klassifikazzjoni eżatta tal-oġġett. Dawn in-noti jiċċaraw aktar l-ambitu tal-kontroll (inklużi illustrazzjonijiet jew esklużjoni mill-kontroll) jew jagħmlu kontroreferenza għal partijiet oħra tal-Anness I jew għal-Lista Militari Komuni tal-UE (17). Dawn in-noti huma parti integrali mill-klassifikazzjoni tal-oġġett u għalhekk jenħtieġ li ma jitqisux bħala illustrattivi.

Il-lista għandha sett ta’ definizzjonijiet globali (18) indikati permezz ta’ “” (marki ta’ kwotazzjoni doppji) u definizzjonijiet lokali indikati permezz ta’ ‘’ (marki ta’ kwotazzjoni singoli). Dawn id-definizzjonijiet jistgħu jvarjaw mil-lingwaġġ kummerċjali jew xjentifiku.

Eżempju 1: 1C351.a.57

1C351 Patoġeni tal-bniedem u tal-annimali, u “tossini”, kif ġej:

a.

Viruses, kemm jekk naturali, imsaħħa jew modifikati, jew fil-forma ta’ “kultivazzjonijiet ħajjin iżolati” jew bħala materjal inkluż materjal ħaj li jkun ġie mlaqqam jew ikkontaminat apposta b’kultivazzjonijiet bħal dawn, kif ġej:

57. Il-coronavirus tas-sindromu respiratorju akut gravi (coronavirus relatat mas-SARS) (19);

Nota:

1C351 ma jkoprix il-kontrolli fuq il-“vaċċini” jew l-“immunotossini”.

Eżempju 2: 1A004.d

1A004

Tagħmir u komponenti protettivi u ta’ detezzjoni li mhumiex iddisinjati apposta għall-użu militari, kif ġej:

d.

Tagħmir elettroniku ddisinjat għad-detezzjoni jew l-identifikazzjoni awtomatika tal-preżenza ta’ residwi ta’ “splussivi” u li jużaw tekniki ta’ “detezzjoni ta’ traċċi” (pereżempju mewġ akustiku tal-wiċċ, spettrometrija b’mobbiltà jonika, spettrometrija b’mobbiltà differenzjali, spettrometrija tal-massa).

Nota Teknika:

Id-“detezzjoni ta’ traċċi” hija definita bħala l-kapaċità ta’ detezzjoni ta’ anqas minn 1 ppm ta’ fwar, jew 1 mg ta’ solidu jew likwidu.

Nota 1:

1A004.d. ma tkoprix il-kontrolli fuq tagħmir iddisinjat apposta għall-użu fil-laboratorju.

Nota2 :

1A004.d. ma tkoprix il-kontroll fuq portali tas-sigurtà li wieħed jgħaddi minnhom mingħajr ma jkun hemm kuntatt.

2.3.3.   Kontrolli tas-software (subkategorija D)

Is-software fil-kuntest tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju huwa definit bħala ġabra ta’ “programm” (20) wieħed jew aktar jew ta’ “mikroprogramm” (21) wieħed jew aktar stabbiliti fi kwalunkwe mezz tanġibbli ta’ espressjoni. F’ħafna każijiet, il-kontrolli tas-software huma relatati ma’ software ddisinjat jew modifikat għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ oġġetti elenkati xi mkien ieħor fil-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE. Iżda hemm ukoll kontrolli tas-software ddedikati (awtonomi).

Pereżempju:

6D001 jinkludi l-kontroll ta’ “software” iddisinjat apposta għall-“iżvilupp” jew il-“produzzjoni” ta’ tagħmir speċifikat, fost l-oħrajn, f’6A008 (sistemi, tagħmir u assemblaġġi tar-radar u komponenti ddisinjati apposta għalihom).

7D005 jirreferi għal “software” iddisinjat apposta sabiex jiddeċifra l-kodiċi tal-kejl tas-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita ddisinjat għall-użu mill-gvern.

Punti ewlenin għad-definizzjoni tas-software

Id-definizzjoni ta’ software tindika li sabiex jiġi elenkat, is-software jrid jeżisti f’xi punt f’mezz jew espressjoni tanġibbli. Is-software nnifsu jista’ jiġi trasferit kemm b’mezzi tanġibbli kif ukoll b’mezzi intanġibbli.

Id-definizzjoni ta’ software jeħtieġ li tinqara flimkien man-Nota dwar is-Software Nukleari għall-Kategorija 0 u n-Nota Ġenerali dwar is-Software għall-Kategorija 1 sa 9.

Fir-rigward tas-software tas-sigurtà tal-informazzjoni (speċifikat fil-kategorija 5 - il-parti 2), huwa importanti li jiġi nnotat li n-Nota dwar is-Software Nukleari fl-intier tagħha u n-Nota Ġenerali dwar is-Software ma japplikawx parzjalment, u għalhekk ma jistgħux jintużaw għall-ħelsien mill-kontroll.

2.3.4.   Kontrolli tat-teknoloġija (subkategorija E)

Jeżistu kontrolli tat-teknoloġija biex jiżguraw li l-għarfien, in-know-how u l-għarfien espert relatati ma’ oġġetti sensittivi ma jiġux fornuti b’mod involontarju għall-użu fi programmi bi tħassib militari, dwar l-AQM, dwar is-sigurtà pubblika jew dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Id-determinazzjoni ta’ jekk ir-riċerka tinvolvix oġġetti b’użu doppju tista’ tkun diffiċli (ħafna). Ir-riċerka innovattiva ma tippermettix faċilment li tiġi ttikkettata skont l-entrati ta’ kontroll eżistenti. Fehim tajjeb tad-definizzjoni ta’ “teknoloġija”, tan-noti dwar it-teknoloġija u tan-noti ta’ esklużjoni mill-kontroll ta’ “riċerka xjentifika bażika” u “fl-isfera pubblika” huma essenzjali biex wieħed jinnaviga fil-kontrolli tat-teknoloġija.

“Teknoloġija” fil-kuntest tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju tfisser l-informazzjoni speċifika meħtieġa għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” ta’ oġġetti. Din l-informazzjoni tieħu l-forma ta’ “data teknika” jew ta’ “assistenza teknika”. Ir-referenza għall-“informazzjoni speċifika meħtieġa” hija maħsuba biex tiffoka l-kontroll tat-teknoloġija fuq dik il-parti tat-teknoloġija li tagħmel oġġett jissodisfa jew jaqbeż il-limiti ta’ prestazzjoni elenkati. Għall-Kategorija 1 sa 9, din l-informazzjoni speċifika biss għandha titqies bħala teknoloġija b’użu doppju elenkata. L-għan tad-definizzjoni ta’ “meħtieġa” huwa li l-kontrolli tat-teknoloġija jiġu ffokati fuq it-teknoloġija speċifika li tagħmel oġġett soġġett għal liċenzja. Importanti li t-teknoloġija b’użu doppju elenkata tibqa’ taħt kontroll anki meta tkun applikabbli għal kwalunkwe oġġett mhux ikkontrollat.

Mhuwiex definit dak li huwa kopert minn “informazzjoni speċifika meħtieġa”. Ġeneralment, l-informazzjoni li ġejja mhijiex meqjusa bħala speċifika biżżejjed biex taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ teknoloġija:

L-iskeda tad-data tas-sikurezza (SDS), l-iskeda tad-data dwar is-sikurezza tal-materjal (MSDS), jew l-iskeda tad-data dwar is-sikurezza tal-prodott (PSDS);

Fuljetti, katalgi u siltiet minnhom, li, fil-forma rispettiva tagħhom, ikunu maħsuba jew jistgħu jkunu maħsuba għal għadd indefinit ta’ partijiet interessati u li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom mingħajr bidliet individwali fil-kontenut;

Id-dijagrammi skematiċi, id-dijagrammi blokka, id-dijagrammi tal-proċess (mingħajr data dettaljata);

Id-data dwar il-prestazzjoni teknika, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni;

Id-data dwar il-konnessjoni elettrika u mekkanika u l-konsum;

Il-karattri tat-tikkettar;

Il-listi tal-partijiet jekk ma tkun tista’ ssir l-ebda referenza għat-tpinġijiet;

In-normi u l-istandards li jkunu disponibbli b’mod ġenerali u mhux speċifiċi għal prodott tal-kumpanija;

L-artikli minn ġurnali kummerċjali u pubblikazzjonijiet komparabbli;

Id-deskrizzjonijiet ġenerali tal-proċessi u tal-proċeduri (fil-każ ta’ impjanti tal-produzzjoni);

L-ispeċifikazzjonijiet tal-konsenja (. għal sustanzi kimiċi u materjali awżiljarji oħra);

Ir-ritratti (mingħajr informazzjoni dettaljata dwar id-daqsijiet ġeometriċi, il-materjali użati u l-komponenti elettriċi/elettroniċi);

Id-dijagrammi/elevazzjonijiet kompożittivi mingħajr dimensjonijiet dettaljati;

Id-dehriet sezzjonali (skematiċi u mingħajr data materjali u dettaljata);

Id-dimensjonijiet esterni.

Illustrazzjoni tal-limitu “meħtieġ”

3E001 tirreferi għat-teknoloġija kkontrollata għall-“iżvilupp” jew “il-produzzjoni” ta’ ċirkwiti integrati elenkati speċifikati, fost l-oħrajn, fi 3A001.a.

3A001.a.5.a.5 tirreferi għal ċirkwiti integrati b’Konvertitur minn Analogu għal Diġitali b’riżoluzzjoni ta’ 16-il bit jew aktar b’rata ta’ kampjun akbar minn 65 Mega Kampjun Kull Sekonda.

Dokument (22) li jagħti dettalji dwar il-parametri tad-disinn jew il-passi tad-disinn meħtieġa biex jinkiseb (jew jinqabeż) il-limitu ta’ 65 Mega Kampjun Kull Sekonda waħdu ma fihx it-teknoloġija li hija partikolarment responsabbli għall-iżvilupp tal-oġġett ikkontrollat 3A001.a.5.a.5 u għalhekk ma fihx it-teknoloġija “meħtieġa” skont in-Nota Ġenerali dwar it-Teknoloġija. Ir-raġuni hija li d-dokument ma jagħtix dettalji dwar kif jinkiseb jew jinqabeż il-parametru ta’ “riżoluzzjoni ta’ 16-il bit”.

Manwal li jiddeskrivi t-teknika ta’ produzzjoni għall-produzzjoni ta’ ċirkwiti integrati b’Konvertitur Analogu għal Diġitali b’riżoluzzjoni ta’ 16-il bit jew aktar iżda b’rata ta’ kampjun taħt 65 Mega Kampjun Kull Sekonda ma fihx it-teknoloġija “meħtieġa” biex jiġi prodott l-oġġett ikkontrollat.

Fiż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ hawn fuq, id-dokument u l-manwal ma jitqisux li fihom it-teknoloġija kkontrollata meħtieġa għall-iżvilupp jew il-produzzjoni ta’ oġġetti 3A001.a.5.a.5 elenkati peress li ma fihomx l-informazzjoni speċifika relatata maż-żewġ parametri tekniċi deskritti fi 3A001.a.5.a.5

Pereżempju:

1E001 jikkontrolla “teknoloġija” skont in-Nota Ġenerali dwar it-Teknoloġija għall-“iżvilupp” jew il-“produzzjoni” ta’ tagħmir jew materjali speċifikati f’1A002 sa 1A005, 1A006.b., 1A007, 1B jew 1C.

Ejja napplikaw dan għal 1C216.

1C216 jispeċifika l-kontrolli għall-azzar maraging. Dan l-oġġett huwa kkontrollat fil-Kategorija 1 u għalhekk hija applikabbli n-Nota Ġenerali dwar it-Teknoloġija. Għalhekk, it-teknoloġija b’użu doppju kkontrollata taħt 1E001 hija dik li hija “meħtieġa” għall-“iżvilupp” jew il-“produzzjoni” tal-azzar maraging bl-ispeċifikazzjonijiet ta’ 1C216.

X’mhuwiex ikkontrollat taħt 1E001?

Output tar-riċerka li jagħti dettalji dwar

dan it-tip ta’ azzar maraging mingħajr ma jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif għandu jiġi żviluppat jew prodott dan it-tip ta’ azzar maraging;

ħarsa ġenerali storika lejn il-metodi ta’ produzzjoni eżistenti (fl-isfera pubblika) ta’ dan it-tip ta’ azzar maraging;

proċess ta’ produzzjoni innovattiv tal-azzar maraging li ma jissodisfax il-limiti meħtieġa f’1C216 (u 1C116).

X’inhuwa kkontrollat taħt 1E001?

Output tar-riċerka li jagħti dettalji dwar

proċessi eżistenti ta’ żvilupp jew produzzjoni li għadhom mhumiex fl-isfera pubblika u li mhumiex riċerka xjentifika bażika.

żvilupp innovattiv (għadu mhuwiex fl-isfera pubblika) jew proċess ta’ produzzjoni tal-azzar maraging li jissodisfa l-limiti meħtieġa f’1C216 u li mhuwiex riċerka xjentifika bażika.

Punti ewlenin għad-definizzjoni ta’ teknoloġija

It-teknoloġija hija definita bħala l-informazzjoni speċifika meħtieġa għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” ta’ oġġetti b’użu doppju elenkati. Dan ifisser li sabiex tiġi kklassifikata bħala teknoloġija b’użu doppju elenkata, id-data teknika jew l-assistenza teknika jrid ikun fiha informazzjoni speċifika meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati fil-kategoriji 0 sa 9. It-tifsira ta’ informazzjoni speċifika mhijiex definita fir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. It-tifsira ta’ żvilupp, produzzjoni u użu hija definita.

Id-definizzjoni ta’ teknoloġija jeħtieġ li tinqara flimkien man-Nota dwar it-Teknoloġija Nukleari għall-kategorija 0 u n-Nota Ġenerali dwar it-Teknoloġija (għall-kategoriji 1 sa 9).

Għall-kategorija 0 (oġġetti nukleari), it-teknoloġija b’użu doppju elenkata hija l-informazzjoni speċifika li hija “direttament assoċjata ma’ kull oġġett ikkontrollat fil-Kategorija 0”. Din hija deskrizzjoni wiesgħa; għalhekk, il-firxa ta’ teknoloġija nukleari kkontrollata hija akbar meta mqabbla mat-teknoloġija kkontrollata fil-kategoriji minn 1 sa 9.

Għall-kategoriji minn 1 sa 9, hija biss dik il-parti tat-“teknoloġija” li hija “meħtieġa” għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” ta’ oġġetti kkontrollati fil-kategoriji minn 1 sa 9, li hija kkontrollata skont id-dispożizzjonijiet tal-kategoriji minn 1 sa 9. “Meħtieġa” hija definita bħala dik il-parti tal-informazzjoni li hija partikolarment responsabbli biex jintlaħqu jew jiġu estiżi l-livelli ta’ prestazzjoni, il-karatteristiċi jew il-funzjonijiet ikkontrollati mil-lista ta’ kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju. Dawn il-livelli ta’ prestazzjoni, il-karatteristiċi jew il-funzjonijiet ikkontrollati huma ġeneralment speċifiċi u għoljin ħafna, u b’hekk jillimitaw it-teknoloġija li tissodisfa l-limitu “meħtieġ”. U b’hekk jillimitaw it-teknoloġija li għaliha wieħed jista’ jfittex li japplika n-noti ta’ esklużjoni mill-kontroll “riċerka xjentifika bażika” u “fl-isfera pubblika”.

Kun af li xi programmi ta’ finanzjament tar-riċerka jirrikjedu li jsir skrinjar tal-użu doppju fil-mument tal-applikazzjoni għal għotja għar-riċerka. Hija prattika tajba bbażata fuq mekkaniżmi ta’ rieżami intern li jiġi identifikat kmieni fil-programm jew fil-proġett ta’ riċerka liema mit-tagħmir jew mill-materjali involuti, jew mir-riżultati antiċipati (bħal pubblikazzjonijiet) jista’ jkollhom bżonn aktar skrutinju ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Jekk jiġu identifikati tali kwistjonijiet (potenzjali) ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, ikun meħtieġ segwitu matul u fi tmiem il-programmi jew il-proġetti ta’ riċerka.

L-esportatur huwa obbligat li jivvaluta b’mod adegwat it-teknoloġija biex jiddetermina jekk tissodisfax il-limitu għall-kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju. Minħabba l-għarfien espert u l-għarfien dwar ir-riċerka proprja tiegħu, ir-riċerkatur huwa l-aktar adattat biex jikklassifika b’mod adegwat ir-riċerka tiegħu stess, possibbilment bl-appoġġ ta’ persunal amministrattiv imħarreġ li jkun familjari mal-istruttura tal-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE. Il-preżentazzjonijiet jew il-pubblikazzjonijiet rari jissodisfaw kompletament il-limitu tat-teknoloġija kkontrollata. Xi subsezzjonijiet jew siltiet żgħar jistgħu jissodisfaw il-limitu. Dawn il-partijiet biss huma meħtieġa għal-liċenzja jekk ir-riċerkatur jew l-organizzazzjoni tar-riċerka jkollhom bżonn gwida, huma jistgħu jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti nazzjonali tagħhom. Dan jippermetti lir-riċerkatur jew lill-organizzazzjoni tar-riċerka jagħmlu għażla infurmata dwar liema partijiet jenħtieġ li jiġu sottomessi għall-applikazzjoni għal liċenzja tal-esportazzjoni qabel ma jiġu trażmessi jew ippubblikati.

2.3.5.   Esklużjonijiet mill-kontroll għal oġġetti b’użu doppju

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju fih għadd ta’ esklużjonijiet mill-kontroll, li jiddikjaraw taħt liema kundizzjonijiet ċertu oġġett elenkat ikun eskluż mill-kontroll. Għalhekk, filwaqt li tali oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi, ma jkunx jeħtieġ liċenzja għall-esportazzjoni jew għat-trasferiment. Importanti, l-esklużjonijiet mill-kontroll jistgħu jiġu applikati biss għal oġġetti b’użu doppju elenkati.

Bażikament, hemm żewġ tipi ta’ esklużjonijiet mill-kontroll. Minn naħa waħda, hemm esklużjonijiet mill-kontroll speċifikament marbuta ma’ ċerti oġġetti b’użu doppju elenkati.

Eżempji

In-Nota 2 taħt 2B001 tgħid li din l-entrata ta’ kontroll ma tapplikax għal għodod bil-magna bi skop speċjali limitati għall-manifattura tal-prosteżi dentali.

In-Nota 2 taħt 5A002.a. ma tkoprix il-kontroll fuq l-oġġetti, meta l-funzjonalità tas-“sigurtà tal-informazzjoni” tkun limitata għall-funzjonalità ta’ “network ta’ żona personali” bla fili, u li jimplimentaw standards kriptografiċi ppubblikati jew kummerċjali biss.

Min-naħa l-oħra, hemm esklużjonijiet mill-kontroll sistematiċi għas-software u t-teknoloġija. Dawn in-noti ta’ esklużjoni mill-kontroll huma mdaħħla fin-Nota dwar is-Software Nukleari, in-Nota dwar it-Teknoloġija Nukleari, in-Nota Ġenerali dwar is-Software, u n-Nota Ġenerali dwar it-Teknoloġija fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

“Software” jew “teknoloġija” b’użu doppju elenkati biss jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjonijiet mill-kontroll imsemmija fin-Noti dwar is-Software u t-Teknoloġija. Għalhekk huwa importanti ħafna li jiġi ddeterminat jekk ir-riċerka tinvolvix oġġetti b’użu doppju, u jekk iva, liema parti(jiet) jissodisfaw l-entrata ta’ kontroll tas-software jew tat-teknoloġija rispettivament fis-Subkategorija D u E flimkien man-Noti dwar is-Software u t-Teknoloġija.

In-Nota dwar is-Software Nukleari tissottolinja li l-kodiċi tal-oġġett minimu neċessarju għall-installazzjoni, it-tħaddim, il-manutenzjoni (iċċekkjar) jew it-tiswija ta’ dawk l-oġġetti elenkati fil-kategorija 0 li l-esportazzjoni tagħhom tkun ġiet awtorizzata, mhuwiex ikkontrollat.

In-Nota Ġenerali dwar is-Software tinkludi tliet esklużjonijiet mill-kontroll għas-software elenkat fil-kategoriji 1 sa 9:

software li ġeneralment ikun disponibbli għall-pubbliku (jiġifieri li s-software jinbiegħ minn ħażniet f’postijiet tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr restrizzjoni, u jkun iddisinjat għall-installazzjoni mill-utent mingħajr sostenn sostanzjali ulterjuri mill-fornitur),

software li diġà jkun fl-isfera pubblika jew

il-“kodiċi tal-oġġett” minimu neċessarju għall-installazzjoni, it-tħaddim, il-manutenzjoni (iċċekkjar) jew it-tiswija ta’ dawk l-oġġetti li l-esportazzjoni tagħhom ġiet awtorizzata.

Fir-rigward tas-Software tas-Sigurtà tal-Informazzjoni (speċifikat fil-kategorija 5 - il-parti 2), huwa importanti li jiġi nnotat li n-Nota dwar is-Software Nukleari fl-intier tagħha u n-Nota Ġenerali dwar is-Software ma japplikawx parzjalment, u għalhekk ma jistgħux jintużaw għall-ħelsien mill-kontroll.

Għat-teknoloġija b’użu doppju elenkata, hemm tliet esklużjonijiet mill-kontroll possibbli: “teknoloġija” li tkun ir-riżultat minn “riċerka xjentifika bażika”, “teknoloġija” li tinsab diġà “fl-isfera pubblika” u l-informazzjoni minima meħtieġa għall-applikazzjonijiet għal privattivi. Din tal-aħħar ma tapplikax għat-teknoloġija tal-kategorija 0.

Fil-parti li ġejja, il-gwida tiffoka fuq l-esklużjonijiet mill-kontroll ta’ “riċerka xjentifika bażika”, “fl-isfera pubblika” u l-informazzjoni minima meħtieġa għall-applikazzjonijiet għal privattivi.

Punti ewlenin għan-nota ta’ esklużjoni mill-kontroll ta’ “riċerka xjentifika bażika” għat-teknoloġija

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jiddefinixxi r-“riċerka xjentifika bażika” bħala xogħol sperimentali jew teoretiku mwettaq prinċipalment biex jinkiseb għarfien ġdid tal-prinċipji fundamentali ta’ fenomeni jew fatti osservabbli, mhux primarjament immirat lejn għan jew objettiv prattiku speċifiku.

Filwaqt li mhux iddikjarat b’mod espliċitu, din tirreferi għar-riċerka fundamentali, u b’hekk teskludi mill-esklużjoni mill-kontroll ir-riċerka mhux fundamentali jew ir-riċerka applikata. Din id-definizzjoni tippreżenta sfidi ta’ implimentazzjoni, peress li baqgħet l-istess għal ħafna snin, u minħabba n-natura li qed tevolvi tal-ekosistema tar-riċerka.

Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li t-terminoloġija tista’ tkun kwistjoni hawnhekk: Klassifikazzjoni xjentifika ta’ proġett ta’ riċerka bħala “riċerka bażika” mhux neċessarjament jew awtomatikament tikkonforma mad-definizzjoni ta’ “riċerka xjentifika bażika” tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Il-persunal responsabbli mill-konformità fl-organizzazzjoni tiegħek jew fl-awtorità kompetenti tiegħek jista’ jassistik bil-klassifikazzjoni f’każijiet ta’ dubju.

Ir-riċerka xjentifika bażika hija esklużjoni mill-kontroll għat-teknoloġija b’użu doppju elenkata biss. Ma tistax tintuża għal oġġetti tanġibbli (oġġetti) bħal tagħmir u materjali.

Fis-sustanza, hija teskludi mill-kontroll l-output reali tar-riċerka u mhux l-intenzjoni li jiġi prodott l-output tar-riċerka (fl-istadju tal-finanzjament tar-riċerka). Din hija distinzjoni kruċjali meta tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ din in-nota ta’ esklużjoni mill-kontroll.

Din il-gwida tipprovdi żewġ kriterji biex tassisti fid-determinazzjoni ta’ jekk in-nota ta’ esklużjoni mill-kontroll “riċerka xjentifika bażika” hijiex rilevanti: il-Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika u l-prevalenza tal-finanzjament mill-industrija. Iż-żewġ kriterji ma jiddeterminawx jekk jenħtiġx li tapplika n-nota ta’ esklużjoni mill-kontroll. Dan irid jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ permezz tal-proċeduri interni ta’ skrinjar tal-esportazzjoni u, fejn ikun xieraq, f’konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti.

Il-Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRL) huwa skala (1 sa 9) li oriġinarjament ġiet żviluppata min-National Aeronautics and Space Administration (NASA) tal-Istati Uniti u li aktar tard ġiet adottata minn Amministrazzjonijiet, Istituzzjonijiet jew Aġenziji oħra biex jiġi vvalutat l-istatus tal-iżvilupp tat-teknoloġiji spazjali. It-TRL huwa għodda użata b’mod komuni mill-komunità tar-riċerka, kif ukoll fi ħdan il-programmi Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni, biex tiġi valutata t-tħejjija tas-suq ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti. Għall-finijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni, l-output tar-riċerka li jirriżulta minn riċerka TRL 1 u 2 ġeneralment jitqies bħala riċerka xjentifika bażika. L-eliġibbiltà tal-output tar-riċerka li jirriżulta minn TRL 3 u 4 għandha tiġi valutata fuq bażi ta’ każ b’każ. L-output tar-riċerka li jirriżulta minn riċerka ’l fuq minn TRL 4 mhuwiex meqjus bħala riċerka xjentifika bażika. Ara l-Appendiċi 8 għal deskrizzjoni tal-Livelli differenti ta’ Tħejjija Teknoloġika.

Finanzjament mill-industrija (sponsor) involut: Ir-riċerka li tkun iffinanzjata esternament minn sieħeb industrijali hija aktar probabbli li tirriżulta fi żvilupp kummerċjali, irrispettivament minn jekk il-proġett jinbediex mill-industrija nnifisha jew minn korp pubbliku. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet (permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali), il-finanzjatur (jew l-isponsor) industrijali jingħata l-opportunità li jirrieżamina u jikkummenta dwar il-pubblikazzjonijiet (jew il-preżentazzjonijiet) qabel ir-rilaxx tagħhom u li jitlob l-użu esklużiv (temporanju) tar-riżultati tar-riċerka. Dawn it-tipi ta’ kollaborazzjoni jistgħu jkunu indikattivi li l-output tar-riċerka li jirriżulta mhux se jkun riċerka xjentifika bażika. F’xi każijiet, l-industrija tabilħaqq tiffinanzja riċerka fundamentali mingħajr kundizzjonijiet marbuta dwar pubblikazzjonijiet jew output ieħor tar-riċerka. F’każijiet bħal dawn, tista’ tiġi kkunsidrata l-esklużjoni mill-kontroll ta’ riċerka xjentifika bażika jekk din tinvolvi teknoloġija b’użu doppju elenkata u l-livell tat-TRL ikun baxx biżżejjed.

Punti ewlenin għan-nota ta’ esklużjoni mill-kontroll “fl-isfera pubblika” għas-software jew għat-teknoloġija

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jiddefinixxi “fl-isfera pubblika” kif ġej: “teknoloġija” jew “software” li jkunu saru disponibbli mingħajr restrizzjonijiet fuq it-tixrid ulterjuri tagħhom (ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur ma jneħħux it-“teknoloġija” jew is-“software” milli jkunu “fl-isfera pubblika”).

Fis-sustanza, huwa jeskludi mill-kontroll software u teknoloġija b’użu doppju li kulħadd jista’ jikseb.

Din il-gwida tal-UE tenfasizza li software jew teknoloġija b’użu doppju kkontrollati li jkunu għadhom mhumiex fl-isfera pubblika ma jistgħux jiġu esklużi mill-kontroll taħt in-nota ta’ esklużjoni mill-kontroll “fl-isfera pubblika”. Id-definizzjoni tirreferi b’mod ċar għal software jew teknoloġija li jkunu saru disponibbli mingħajr restrizzjonijiet fuq id-disseminazzjoni ulterjuri tagħhom. L-att intenzjonat li jiġi rilaxxat il-(kodiċi tal-oġġett għal) software jew teknoloġija fl-isfera pubblika mhuwiex suffiċjenti biex jiġi eskluż il-kontroll. Dan ifisser li output tar-riċerka futur (software b’sors miftuħ, pubblikazzjoni, materjal tal-konferenzi, …) jista’ jibbenefika biss minn din l-esklużjoni mill-kontroll jekk is-software jew it-teknoloġija b’użu doppju elenkati li jkun fih ikunu diġà fl-isfera pubblika. Għalhekk, l-att ta’ rilaxx mingħajr awtorizzazzjoni jista’ jkun ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni.

Ir-referenza għal “mingħajr restrizzjonijiet” għandha tinftiehem bħala li ma tillimitax l-aċċess għal grupp ristrett biss ta’ persuni. Jekk l-informazzjoni ssir aċċessibbli biss wara li tkun ittieħdet deċiżjoni individwali mit-trasportatur jew mis-sid tal-informazzjoni, f’dak il-każ mhux kulħadd ikollu l-possibbiltà li jaċċessa l-informazzjoni, u għalhekk l-informazzjoni ma tistax titqies li tinsab fl-isfera pubblika.

Ir-restrizzjonijiet legali, pereżempju r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur, mingħajr rilevanza skont il-liġi dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet, ma jaffettwawx l-eliġibbiltà għall-esklużjoni mill-kontroll. Bl-istess mod, miżuri bħat-talba ta’ tariffa għall-aċċess jew ir-reġistrazzjoni minn qabel għall-aċċess, ma jitqisux bħala restrizzjoni, sakemm kulħadd jitħalla jħallas it-tariffa jew jirreġistra.

L-iżvilupp ta’ sors miftuħ spiss jitwettaq b’mod globali mill-komunitajiet b’mod kollaborattiv. It-teknoloġiji jew is-software b’sors miftuħ li jiġu ppubblikati u jsiru disponibbli għall-pubbliku mingħajr restrizzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjoni mill-kontroll tal-isfera pubblika. It-teknoloġija għall-iżvilupp ta’ “software ta’ intrużjoni” tista’ tiġi eskluża mill-kontroll f’każ li t-teknoloġija tkun fil-kuntest ta’ “żvelar tal-vulnerabbiltà” jew ta’ “rispons għall-inċidenti ċibernetiċi”. Ikkonsulta l-aħħar verżjoni tal-Anness I għad-definizzjonijiet applikabbli.

Jekk riċerkatur jirreferi għal jew jintegra informazzjoni sensittiva għall-proliferazzjoni minn sorsi oħra, li diġà tkun fl-isfera pubblika, dan ma jagħmilx l-output tar-riċerka awtomatikament software jew teknoloġija b’użu doppju kkontrollati. Il-fatt li tali software jew teknoloġija b’użu doppju elenkati jkunu saru disponibbli fl-isfera pubblika mingħajr liċenzja, huwa ksur tar-regolamenti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, iżda dan ma jistax jiġi attribwit lil dan ir-riċerkatur.

Punti ewlenin għall-esklużjoni mill-kontroll tal-“informazzjoni minima meħtieġa għall-applikazzjonijiet għal privattivi” għat-teknoloġija

In-Nota Ġenerali dwar it-Teknoloġija fiha eżenzjoni għall-informazzjoni minima meħtieġa għall-applikazzjonijiet għal privattivi. Din l-informazzjoni minima meħtieġa biex tiġi sottomessa applikazzjoni għal privattiva hija għalhekk eżentata mill-kontrolli tal-esportazzjoni. Din l-esklużjoni mill-kontroll ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn applikazzjonijiet għal privattivi nazzjonali, tal-UE jew internazzjonali. Ladarba l-informazzjoni dwar il-privattiva tiġi ppubblikata fl-isfera pubblika, din ma tibqax soġġetta għall-kontrolli tal-esportazzjoni.

Ma hemm l-ebda definizzjoni fir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju ta’ dak li tinvolvi l-“informazzjoni minima meħtieġa”. Din hija ġeneralment mifhuma bħala l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni kif determinati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi jew mill-uffiċċji tal-privattivi tal-Istati Membri tal-UE.

2.3.6.   Attivitajiet ikkontrollati

Mhux kull attività ta’ riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju se tkun teħtieġ liċenzja. Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jinkludi ħames tipi differenti ta’ attivitajiet li jeħtieġu awtorizzazzjoni. It-Taqsima 2.3.7 tiddeskrivi fid-dettall liema tipi ta’ liċenzja jeżistu għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet.

It-tnejn li ġejjin huma rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni kostanti:

Hija meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni għall-moviment jew għat-trażmissjoni barra mit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ kwalunkwe oġġett b’użu doppju elenkat fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

Hija meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ trasferiment għall-moviment jew it-trażmissjoni ta’ oġġetti ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni biss għall-oġġetti b’użu doppju elenkati fl-Anness IV tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

It-tlieta li ġejjin huma rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ:

Hija meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ tranżitu għall-oġġetti li jgħaddu mit-territorju Doganali tal-Unjoni.

Hija meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ senserija għas-senserija ta’ oġġetti bejn pajjiżi terzi minn ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni.

Hija meħtieġa awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata ma’ oġġetti b’użu doppju.

It-tranżitu, jew is-senserija ta’ oġġetti b’użu doppju elenkati u l-għoti ta’ assistenza teknika għal oġġetti b’użu doppju elenkati jistgħu jkunu pprojbiti jew jistgħu jirrikjedu awtorizzazzjoni, rispettivament, jekk l-oġġett ikun jew jista’ jkun maħsub, fl-intier tiegħu jew parzjalment, għall-użi msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Hija l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi jekk tkunx meħtieġa awtorizzazzjoni jew jekk ikunx ipprojbit it-tranżitu. Xi Stati Membri tal-UE adottaw miżuri nazzjonali dwar il-kontrolli tat-tranżitu, is-senserija u l-għoti ta’ assistenza teknika għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati. Lista ta’ Miżuri Nazzjonali adottati mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/821 tiġi ppubblikata u aġġornata b’mod regolari mill-Kummissjoni Ewropea. (23)

Xi oġġetti ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Anness I, iżda xorta waħda huma sensittivi għall-proliferazzjoni minħabba l-possibbiltajiet tekniċi tagħhom jew l-użu finali suspettat ta’ tħassib. It-tranżazzjonijiet b’dawn l-oġġetti u bit-tħassib dwar l-użu finali (suspettat), jistgħu jirrikjedu rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet. Dawn il-kontrolli għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati jissejħu “kontrolli onnikomprensivi” (ara wkoll is-subtaqsima 2.3.8).

L-Appendiċi 5 jipprovdi dijagramma sekwenzjali biex jiġu determinati r-rekwiżiti tal-liċenzja skont ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

2.3.7.   Tipi ta’ awtorizzazzjonijiet

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju fih it-tipi ta’ awtorizzazzjonijiet li ġejjin:

Awtorizzazzjonijiet individwali għall-esportazzjoni li jkopru oġġett b’użu doppju wieħed jew aktar lil esportatur speċifiku wieħed għal utent finali jew destinatarju wieħed f’pajjiż terz.

Awtorizzazzjonijiet globali għall-esportazzjoni li jkopru oġġett b’użu doppju wieħed jew aktar li jistgħu jkunu validi għall-esportazzjonijiet lejn utent finali speċifikat wieħed jew aktar u/jew f’pajjiż terz speċifikat wieħed jew aktar.

Awtorizzazzjonijiet ta’ proġetti kbar li jkopru oġġett b’użu doppju wieħed jew aktar li jistgħu jkunu validi għall-esportazzjonijiet lejn utent finali speċifikat wieħed jew aktar f’pajjiż terz speċifikat wieħed jew aktar għall-iskop ta’ proġett fuq skala kbira speċifiku.

Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (EUGEAs) għandhom l-għan li jissimplifikaw l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju speċifiċi lejn ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni disponibbli għall-esportaturi kollha bbażati fl-UE li jirrispettaw il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tagħha għall-użu kif elenkati fl-Annessi IIa sa IIf. L-Anness minn IIa sa IIh jikkorrispondi għat-tmien EUGEAs disponibbli (minn EUGEA 001 sa EUGEA 008).

Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni Nazzjonali (NGEAs) huma awtorizzazzjonijiet simplifikati addizzjonali għal oġġetti b’użu doppju speċifiċi lejn ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni kif definit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dawn l-awtorizzazzjonijiet japplikaw biss għall-esportaturi bbażati fl-Istat Membru rispettiv tal-UE (24).

Awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ assistenza teknika mit-territorju doganali tal-Unjoni fit-territorju ta’ pajjiż terz, fit-territorju ta’ pajjiż terz jew lil resident ta’ pajjiż terz temporanjament preżenti fit-territorju doganali tal-Unjoni.

Awtorizzazzjoni għal servizzi ta’ senserija għal kwantità stabbilita ta’ oġġetti b’użu doppju speċifiċi li jiċċaqilqu bejn żewġ pajjiżi terzi jew aktar.

Awtorizzazzjoni ta’ tranżitu għal oġġetti b’użu doppju mhux tal-Unjoni li jgħaddu biss mill-UE.

Awtorizzazzjoni ta’ trasferiment intra-UE għal oġġetti b’użu doppju tal-Anness IV minn Stat Membru tal-UE għal Stat Membru ieħor tal-UE

L-Istati Membri tal-UE jistgħu jikkomplementaw dawn ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni b’rekwiżiti ta’ liċenzja jew projbizzjonijiet nazzjonali.

Awtorizzazzjoni tal-UE (liċenzja mogħtija) hija valida fis-27 Stat Membru kollha tal-UE u tista’ tintuża għall-esportazzjoni tal-oġġetti minn kwalunkwe post fit-Territorju tal-Unjoni Doganali. Il-validità tal-liċenzji tiġi determinata minn kull Stat Membru.

Eżempji:

Pubblikazzjoni

Ir-riċerkatur A jixtieq jippubblika artiklu f’ġurnal Amerikan. L-artiklu fih teknoloġija koperta mill-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-Użu Doppju (b’mod aktar speċifiku 3E001 fir-rigward tal-iżvilupp ta’ analizzaturi tas-sinjali 3A002.c) u se jkun disponibbli wkoll barra mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

3E001 fir-rigward ta’ 3A002.c huwa kopert mill-oġġetti elenkati fl-EUGEA 001. L-Istati Uniti huma wieħed mill-pajjiżi ta’ destinazzjoni awtorizzati fl-EUGEA 001. Ir-riċerkatur A madankollu ma jistax juża l-EUGEA 001 biex jibgħat l-artiklu lill-pubblikatur Amerikan peress li l-esportatur jaf li l-oġġett mhux se jibqa’ fil-pajjiż tal-EUGEA 001 li se jiġi esportat lejh. Dan huwa l-każ hawnhekk. L-artiklu se jsir disponibbli madwar id-dinja kollha, kif jaf ir-riċerkatur A.

Billi l-EUGEA 001 ma tistax tintuża, huwa importanti li r-riċerkatur jew l-organizzazzjoni tar-riċerka jirrikorru għand l-awtorità kompetenti biex jiddiskutu kif għandu jiġi mitigat ir-rekwiżit ta’ liċenzja (eż. jiġu determinati u possibbilment jiġu emendati jew imħollija barra l-partijiet speċifiċi li fihom it-teknoloġija kkontrollata, jew jiġi ristrett l-aċċess għal dawn il-partijiet speċifiċi) u jekk il-mitigazzjoni ma tkunx fattibbli kif għandu jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ liċenzja (eż. applikazzjoni għal liċenzja individwali). Ikkonsulta s-subtaqsima 2.3.4 għal aktar informazzjoni dwar id-determinazzjoni tat-teknoloġija kkontrollata.

Esportazzjoni ta’ tagħmir ta’ spezzjoni dimensjonali użat

Id-dipartiment tar-riċerka B irid ibigħ sistema ta’ tomografija bir-raġġi X użata għal spezzjoni tridimensjonali tad-difetti lil università fil-Brażil. It-tagħmir huwa elenkat taħt 1B001.f.1.

L-oġġetti taħt 1B001.f.1. mhumiex inklużi fl-EUGEAs (EUGEA 003: esportazzjoni wara tiswija/sostituzzjoni; EUGEA 004: esportazzjoni temporanja għal esibizzjoni jew fiera) li tkopri l-Brażil bħala destinazzjoni. Din tirrikjedi li d-dipartiment tar-Riċerka B japplika għal liċenzja individwali billi din tinvolvi tranżazzjoni waħda lejn utent finali wieħed.

2.3.8.   Kontrolli fuq l-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati

Xi oġġetti ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Anness I, iżda xorta waħda huma sensittivi għall-proliferazzjoni minħabba l-possibbiltajiet tekniċi tagħhom jew l-użu finali suspettat ta’ tħassib.

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati fl-Anness I jekk ikun hemm konnessjoni (suspettata) mal-użu fi programm tal-AQM, mal-użu finali militari (suspettat) f’pajjiż soġġett għal embargo fuq l-armi (25) jew mal-użu (suspettat) tal-oġġett bħala komponent f’tagħmir militari li jkun ġie esportat mingħajr jew bi ksur ta’ awtorizzazzjoni. Din id-dispożizzjoni hija magħrufa bħala l-“kontroll onnikomprensiv”, u f’każ bħal dan, fejn ikollok użu potenzjali suspettat tal-oġġetti tiegħek f’wieħed mill-każijiet imsemmija hawn fuq, huwa rakkomandat li inti tikkuntattja lill-awtorità nazzjonali tiegħek għal aktar informazzjoni.

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, l-esportazzjoni ta’ oġġetti ta’ sorveljanza ċibernetika mhux elenkati tista’ tkun soġġetta għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni f’każ li inti tkun ġejt informat mill-awtorità kompetenti tiegħek jew jekk tkun taf - skont is-sejbiet tad-diliġenza dovuta tiegħek – li hemm użu finali ta’ tħassib b’rabta mar-repressjoni interna u/jew it-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, Stat Membru tal-UE jista’ jipprojbixxi jew jimponi rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju mhux elenkati fl-Anness I għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, inkluża l-prevenzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu, jew kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. Lista ta’ dawn il-miżuri nazzjonali hija kkumpilata mill-Kummissjoni Ewropea u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea. (26)

L-Appendiċi 7 jiġbor fil-qosor ir-rekwiżiti ta’ liċenzja għall-esportazzjonijiet u t-trasferimenti intra-UE ta’ oġġetti b’użu doppju.

2.3.9.   Sinjali ta’ allert

Li tkun viġilanti għal sinjali ta’ talbiet jew kollaborazzjonijiet suspettużi huwa vitali biex jiġu miġġielda r-riskji ta’ proliferazzjoni tal-AQM, il-mezzi ta’ twassil tagħhom, u l-akkumulazzjonijiet destabilizzanti ta’ armi konvenzjonali. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni suspettuża mal-punt ta’ kuntatt intern tiegħek dwar il-konformità hija rakkomandata ħafna. F’xi każijiet, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-awtorità kompetenti għall-kontroll tal-esportazzjoni tista’ tkun obbligatorja skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-UE u dawk nazzjonali.

L-Appendiċi 3 fih lista ta’ “sinjali ta’ allert” biex jassistu lir-riċerkaturi u lill-persunal tal-konformità biex jagħmlu valutazzjoni inizjali dwar jekk jistgħux japplikaw kontrolli fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Din il-lista tiġbor is-sinjali ta’ allert skont ir-riċerka, l-użu finali u l-utent finali, l-ispedizzjoni, u l-finanzjament, il-finanzi u l-kundizzjoni tal-kuntratt. Din il-lista hija partikolarment utli għall-oġġetti b’użu doppju mhux elenkati (biex jiġi ddeterminat jekk jistgħux japplikaw il-kontrolli onnikomprensivi). Hija prattika tajba wkoll li din il-lista tintuża meta tinġabar l-informazzjoni meħtieġa matul il-proċess tal-applikazzjoni għal-liċenzja għal oġġetti b’użu doppju elenkati.

2.3.10.   Kontroll tal-assistenza teknika

Hemm żewġ tipi ta’ kontrolli tal-assistenza teknika, wieħed li huwa regolat fir-Regolament dwar l-użu doppju u wieħed li huwa regolat skont il-liġi nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE.

It-teknoloġija, skont ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, tista’ tieħu l-forma ta’ assistenza teknika bħal istruzzjoni verbali, taħriġ, trasferiment ta’ għarfien tekniku u ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza, inkluż, bit-telefown jew b’mezzi elettroniċi. Għalhekk, l-istruzzjoni mogħtija lil kollega li jaħdem f’istitut tar-riċerka ta’ pajjiż terz tista’ tikkostitwixxi assistenza teknika. L-assistenza teknika trid tkun speċifika biżżejjed biex tissodisfa l-limiti tat-teknoloġija fl-Anness I tar-Regolament dwar l-użu doppju.

Minbarra t-teknoloġija elenkata b’użu doppju fil-forma ta’ assistenza teknika elenkata fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, din tkopri kull appoġġ tekniku ieħor relatat mat-tiswija, l-iżvilupp, il-manifattura, il-muntaġġ, l-ittestjar, il-manutenzjoni jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor maħsub għall-użu b’rabta mal-iżvilupp, il-produzzjoni, l-immaniġġar, it-tħaddim, il-manutenzjoni, il-ħażna, id-detezzjoni, l-identifikazzjoni jew id-disseminazzjoni ta’ armi kimiċi, bijoloġiċi jew nukleari jew ta’ apparat splussiv nukleari ieħor jew l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-manutenzjoni jew il-ħażna ta’ missili li kapaċi jwasslu tali armi jew relatati ma’ użi finali militari f’destinazzjonijiet soġġetti għal embargo fuq l-armi.

2.3.11.   Kontrolli tal-esportazzjoni u miżuri restrittivi (sanzjonijiet)

Kemm il-kontrolli tal-esportazzjoni kif ukoll is-sanzjonijiet jimponu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet. Filwaqt li l-kontrolli tal-esportazzjoni huma ffukati fuq oġġetti (mhux) elenkati u l-iskrinjar tal-esportazzjoni każ b’każ, is-sanzjonijiet huma ffokati primarjament fuq il-projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar, l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet biex ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal persuni u entitajiet deżinjati u/jew miżuri settorjali (bħar-restrizzjoni ta’ ċerti oġġetti u servizzi għal pajjiżi speċifiċi (f’xi każijiet għall-utenti finali kollha f’pajjiż speċifiku). Din il-gwida ma tipprovdix informazzjoni speċifika dwar is-sanzjonijiet tal-UE.

Ara l-Mappa tas-Sanzjonijiet tal-UE għal ħarsa ġenerali lejn is-sanzjonijiet applikabbli kollha tal-UE bħalissa u l-lista ta’ persuni u entitajiet deżinjati: https://www.sanctionsmap.eu/.

Għal informazzjoni ġenerali dwar is-sanzjonijiet tal-UE ara https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/international-relations/restrictive-measures-sanctions_en.

Gwida addizzjonali tista’ ssir disponibbli fil-livell nazzjonali.

2.3.12.   Mistoqsijiet Frekwenti

Min huwa l-esportatur skont ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju?

Kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll il-persuni ġuridiċi huma koperti mid-definizzjoni ta’ esportatur. Dan ifisser li riċerkatur f’ismu stess jew l-organizzazzjoni tar-riċerka f’isem ir-riċerkatur jistgħu jkunu l-esportatur. Id-definizzjoni ta’ esportatur tapplika mhux biss għall-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni, iżda għall-attivitajiet ikkontrollati kollha tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, inklużi t-trasferimenti intra-UE għall-oġġetti elenkati fl-Anness IV. Huwa f’idejn l-organizzazzjoni tar-riċerka li tagħmel arranġamenti interni dwar min se japplika għal liċenzja.

Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-identifikazzjoni tal-esportatur hija differenti mill-identifikazzjoni ta’ esportazzjoni. Meta riċerkatur viżitatur ta’ pajjiż terz jikseb aċċess, pereżempju, għal teknoloġija kkontrollata f’kampus universitarju fit-territorju doganali tal-Unjoni, f’dak il-każ ma sseħħ l-ebda esportazzjoni. Meta dan ir-riċerkatur jirritorna fil-pajjiż terz tiegħu u jġib miegħu t-teknoloġija kkontrollata, f’dak il-każ isseħħ esportazzjoni li tirrikjedi liċenzja approvata u valida. Għalhekk, qabel din l-esportazzjoni, jeħtieġ li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal liċenzja. L-aħħar persuna fit-territorju doganali tal-Unjoni li tiddeċiedi dwar it-trażmissjoni tat-teknoloġija kkontrollata barra mill-UE, jeħtieġ li tapplika għal liċenzja. Huwa f’idejn kull Stat Membru tal-UE li jiddeċiedi min jista’ japplika għal din l-applikazzjoni għal liċenzja. Jista’ jkun ir-riċerkatur viżitatur ta’ pajjiż terz, iżda f’ħafna każijiet, dan ir-riċerkatur ikun jeħtieġ li jkollu rappreżentant li jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni. Irrispettivament minn min ikun l-esportatur, iseħħ ksur tal-kontroll tal-esportazzjoni meta din it-teknoloġija kkontrollata tħalli t-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr liċenzja approvata u valida.

Jekk pubblikazzjoni jkun fiha teknoloġija kkontrollata, l-awtur, l-università jew il-pubblikatur xjentifiku jridu japplikaw għal liċenzja?

Il-punt kruċjali hawnhekk huwa li persuna fiżika jew ġuridika jeħtieġ li tapplika għal liċenzja u b’hekk taġixxi bħala l-esportatur. Min ikun dak jiddependi mill-politika interna jew mill-arranġament kuntrattwali bejn l-awtur tal-pubblikazzjoni u l-pubblikatur xjentifiku. Jekk il-pubblikatur ikun stabbilit barra mill-UE, f’dak il-każ l-aħħar persuna fl-UE li tiddeċiedi dwar it-trażmissjoni tat-teknoloġija kkontrollata barra mill-UE, jeħtieġ li tapplika għal liċenzja.

Jista’ impjegat ta’ organizzazzjoni tar-riċerka meta jivvjaġġa barra mill-pajjiż fuq żjara professjonali jaċċessa mill-bogħod teknoloġija jew software kkontrollati li jinsabu fuq is-server ta’ organizzazzjoni tar-riċerka bbażata fl-UE?

L-impjegati li jaċċessaw teknoloġija jew software kkontrollati barra mill-pajjiż waqt żjara professjonali ġeneralment iridu japplikaw għal liċenzja qabel ma jivvjaġġaw. Xi Stati Membri tal-UE (27) jqisu l-fattur determinanti ewlieni hawnhekk jekk it-teknoloġija jew is-software kkontrollati jiġux aċċessati barra mill-pajjiż minn persuni oħra (minbarra l-impjegat(i)).

Min jeħtieġ li japplika għal liċenzja fil-każ ta’ konsorzju ta’ riċerka ma’ sħab f’diversi Stati Membri tal-UE u sħab ta’ pajjiżi terzi?

L-esportatur, u għalhekk dak li jrid japplika għal liċenzja, huwa dak li jkun is-sieħeb kuntrattwali tad-destinatarju fil-pajjiż terz u li jkollu s-setgħa li jiddetermina l-ispedizzjoni jew it-trażmissjoni tal-oġġetti mit-territorju doganali tal-UE (għall-oġġetti tal-Anness I). Fi kliem ieħor, is-sieħeb tal-konsorzju nnifsu jew il-mexxej tal-konsorzju nnifsu jista’ jkollu jitlob liċenzja qabel ma jibgħat l-oġġetti b’użu doppju. Dan jiddependi mill-arranġamenti kuntrattwali bejn is-sħab tal-konsorzju u l-mexxej tal-konsorzju.

TAQSIMA 3

Stabbiliment jew rieżami ta’ programm intern ta’ konformità għar-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju

Ir-rwol ta’ kull Programm Intern ta’ Konformità (ICP) huwa li jindirizza u jimmitiga b’mod sistematiku tip wieħed jew aktar ta’ riskju sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi stabbiliti fil-liġi jew meħuda b’mod volontarju minn organizzazzjoni.

F’ambjent ta’ riċerka, l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konformità biex jiġu mħarsa l-liġijiet u r-regolamenti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni huwa proċess li jieħu ż-żmien u l-isforz.

It-taqsima ta’ hawn taħt tippreżenta l-elementi prinċipali kollha li organizzazzjoni tar-riċerka jenħtieġ li tikkunsidra meta tfassal jew tirrieżamina s-sistema interna tagħha ta’ konformità tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

3.1.   Valutazzjoni tar-riskju

Waqt li tkun qed tikkunsidra jekk u sa liema punt tkun ikkonċernata mill-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, organizzazzjoni tar-riċerka jeħtieġ li twettaq valutazzjoni tar-riskju inizjali billi teżamina l-parametri li ġejjin: (28)

1.

Is-suġġetti tal-attivitajiet tagħha (eż. id-dixxiplini u l-oqsma ta’ riċerka fejn tkun attiva). Għal ħarsa ġenerali tal-oqsma ta’ riċerka li huma aktar probabbli li jiġu affettwati mill-kontrolli tal-esportazzjoni, ara l-Appendiċi 1.

2.

It-tip u l-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet (eż. riċerka fuq il-post, tagħlim online u mill-bogħod u l-ammont ta’ kollaborazzjonijiet internazzjonali u parteċipazzjoni barranija involuti fl-attivitajiet tagħha).

3.

L-istatus attwali tal-politiki istituzzjonali u tal-proċeduri standardizzati (eż. it-tip ta’ struttura tal-organizzazzjoni, il-miżuri ta’ mitigazzjoni eżistenti għar-riskji tas-sigurtà u l-attitudnijiet predominanti tal-persunal).

Dawn il-parametri jridu jiġu valutati skont l-obbligi legali stabbiliti fil-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-kontroll tal-esportazzjoni. (29) Fi tmiem din il-valutazzjoni tar-riskju inizjali, organizzazzjoni tar-riċerka tkun tista’ tiddetermina l-profil tar-riskju speċifiku tagħha ta’ oġġetti b’użu doppju. Dan jgħin lill-organizzazzjoni ssir konxja tal-partijiet tal-attivitajiet ta’ riċerka tagħha li jeħtieġ li jkunu koperti mill-ICP (l-ambitu tas-sistema interna tagħha għall-konformità tal-esportazzjoni) u timmira l-ICP għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-organizzazzjoni (eż. l-istruttura, il-proċeduri istituzzjonali u r-riżorsi disponibbli).

Il-valutazzjoni tar-riskju inizjali hija strumentali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-ICP li jkunu effettivi, proporzjonati u mfasslin skont il-profil speċifiku tal-organizzazzjoni. Ħafna drabi huwa preferibbli li wieħed jibda billi jiġu indirizzati attivitajiet/oqsma ta’ riċerka li jeħtieġu azzjoni immedjata u oqsma li faċilment jiġu identifikati bħala li jinvolvu oġġetti b’użu doppju. Wara dan, l-ICP jista’ jiġi estiż biex ikopri aktar riskji u proċeduri ta’ mitigazzjoni aktar robusti. L-integrazzjoni ta’ miżuri ta’ konformità interni għall-oġġetti b’użu doppju mal-politiki u l-proċeduri istituzzjonali eżistenti spiss hija kruċjali għall-ħolqien ta’ effiċjenzi u sinerġiji.

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka jenħtieġ li jikkunsidraw ambjent legali u ta’ riċerka dinamiku fejn ir-riskji jenħtieġ li jiġu determinati jew evalwati mill-ġdid b’mod regolari u għalhekk, il-miżuri ta’ konformità interna jiddependu fuq il-listi ta’ kontroll li jevolvu u l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni tar-riċerka mwettqa kull darba. Fil-fatt, evalwazzjoni u klassifikazzjoni aktar bir-reqqa tal-materjali, it-tagħmir, is-software u t-teknoloġija involuti jew prodotti f’riċerka jseħħu taħt il-“proċess u l-proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni” kif spjegat fl-element ċentrali 4.

3.2.   L-elementi ċentrali ta’ ICP

Din it-taqsima tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1318 tat-30 ta’ Lulju 2019 dwar programmi ta’ konformità interna għal kontrolli kummerċjali ta’ oġġetti b’użu doppju skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009.

Hija tippreżenta adattament tal-elementi ċentrali tal-ICP biex tagħmilhom aktar adattati għall-użu f’kuntest ta’ riċerka. Dan l-adattament huwa bbażat fuq il-feedback riċevut mill-komunità tar-riċerka u huwa artikolat fis-subtaqsimiet li ġejjin:

(1)

Impenn għall-konformità mill-maniġment superjuri

(2)

Struttura organizzattiva, responsabbiltajiet u riżorsi

(3)

Taħriġ u sensibilizzazzjoni

(4)

Proċess u proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni

(5)

Rieżami tal-prestazzjoni, awditi, rapportar u azzjonijiet korrettivi

(6)

Żamma tar-rekords u dokumentazzjoni

(7)

Sigurtà fiżika u tal-informazzjoni

Fl-Appendiċi 4, hija pprovduta lista ta’ kontroll għal kull element ċentrali biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ ICP, jew fi stadju aktar tard ir-rieżami ta’ ICP eżistenti.

3.2.1.   Impenn għall-konformità mill-maniġment superjuri

L-impenn u l-appoġġ tal-maniġment superjuri lejn ICP huma importanti kemm għal raġunijiet simboliċi kif ukoll għal raġunijiet prattiċi. Dikjarazzjoni pproklamata ta’ impenn għall-konformità mal-liġi dwar il-kontroll tal-esportazzjoni mill-korp/funzjoni maniġerjali superjuri tal-organizzazzjoni tista’ żżid is-sensibilizzazzjoni tal-persunal, iżżid l-importanza mogħtija lil tali miżuri ta’ konformità, u tirriżulta f’riżorsi umani u tekniċi msaħħa minn dipartimenti oħra tal-organizzazzjoni.

X’inhu mistenni mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka?

Bħal f’kull organizzazzjoni, l-impenn tal-maniġment superjuri għandu l-għan li jżid il-leġittimità tal-miżuri ta’ konformità u joħloq jew itejjeb kultura organizzazzjonali li twassal għal imperattivi ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. F’ambjent ta’ riċerka, l-impenn tal-maniġment superjuri huwa essenzjali sabiex jiġi inkoraġġit u appoġġat b’mod attiv l-użu ta’ ICP.

Minħabba li l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u b’mod partikolari l-universitajiet spiss ikollhom mudelli deċentralizzati ta’ struttura organizzattiva, jista’ jkun utli li tiġi kkunsidrata l-espressjoni ta’ impenn fil-livell ta’ dipartiment, fakultà jew skola (eż. id-dekani differenti ta’ fakultajiet/skejjel). Approċċ bħal dan jista’ jkun partikolarment rilevanti għall-organizzazzjonijiet li jkollhom biss ftit dipartimenti potenzjalment ikkonċernati mill-kontrolli tal-esportazzjoni.

Dan l-element jiġi mmaterjalizzat permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub u l-appoġġ mill-maniġment superjuri li jirriżulta f’riżorsi organizzattivi, umani u tekniċi adegwati għall-ICP tal-organizzazzjoni. Dikjarazzjoni ta’ impenn bħal din tistieden lill-persunal kollu kkonċernat biex jikkonforma mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri u jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa meta juża inputs ikkontrollati jew jipproduċi outputs tar-riċerka li jkunu sensittivi u jistgħu jiġu kkontrollati.

X’inhuma l-passi involuti?

Tiġi żviluppata dikjarazzjoni ta’ impenn li tiddikjara li l-membri tal-persunal (xjentifiku u amministrattiv) għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti kollha tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju billi japplikaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni previsti fil-politiki u l-proċeduri tal-organizzazzjoni. Issir referenza għall-konsegwenzi possibbli ta’ inċidenti ta’ nuqqas ta’ konformità għall-organizzazzjoni u għall-individwi involuti.

Tiġi kkomunikata b’mod ċar u regolari d-dikjarazzjoni ta’ impenn lill-persunal kollu potenzjalment ikkonċernat (anki l-persunal mingħajr rwol fil-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju) sabiex titqajjem kuxjenza u tiġi promossa kultura ta’ konformità mal-liġijiet u r-regolamenti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

Jiġi kkunsidrat l-użu tal-mezzi kollha disponibbli (elettroniċi jew stampati) biex jiġu pubbliċizzati d-dikjarazzjoni u s-sorsi ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ konformità interna tal-organizzazzjoni. (30)

3.2.2.   Struttura organizzattiva, responsabbiltajiet u riżorsi

Kull organizzazzjoni tar-riċerka hija unika u għalhekk, m’hemmx mod wieħed biss kif jiġu organizzati l-proċeduri ta’ konformità u jiġu allokati r-responsabbiltajiet rispettivi. Madankollu, li jkun hemm sett definit sewwa ta’ proċeduri u responsabbiltajiet għall-konformità tal-esportazzjoni jista’ jgħin lill-organizzazzjoni tilħaq l-objettivi tagħha ta’ konformità u ttejjeb il-mudell ta’ ġestjoni tagħha b’mod ġenerali.

X’inhu mistenni mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka?

F’kuntest ta’ riċerka, hemm tipi differenti ta’ responsabbiltà li għandhom jiġu kkunsidrati. Tipikament, dawn ir-responsabbiltajiet jiġu kondiviżi kemm mill-persunal amministrattiv kif ukoll minn dak xjentifiku.

L-ewwel tip ta’ responsabbiltà tikkonċerna r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-politiki ta’ konformità tal-organizzazzjoni, li hija tal-maniġment tal-organizzazzjoni. Din ir-responsabbiltà tista’ tinvolvi l-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji, is-sorveljanza li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-konformità kif ukoll l-iżgurar li jkun hemm rieżamijiet u aġġornamenti regolari tal-miżuri ta’ konformità fis-seħħ. F’xi Stati Membri, din il-funzjoni trid tkun membru tal-maniġment superjuri.

It-tieni tip ta’ responsabbiltà teħtieġ l-istabbiliment ta’ funzjoni ta’ konformità tal-esportazzjoni li tkun responsabbli għall-iżvilupp u/jew l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konformità tal-organizzazzjoni. Il-kompiti ta’ din il-funzjoni jistgħu jinkludu: tweġib għall-mistoqsijiet dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, deċiżjoni jekk applikazzjoni għal liċenzja tkunx rilevanti u x’miżuri ta’ mitigazzjoni jkunu meħtieġa għal attività partikolari. Il-funzjoni ta’ kontroll tal-esportazzjoni tista’ tgħin ukoll lill-persunal jifhem il-kundizzjonijiet tal-liċenzja, japplika kontrolli tad-diliġenza dovuta u jżomm rekords xierqa.

Din ir-responsabbiltà tipikament tittieħed minn dipartiment li jkollu esperjenza fil-konformità mal-obbligi legali u fl-interazzjoni mal-persunal u mal-kollaboraturi esterni tal-organizzazzjoni. (31) Jenħtieġ li jkun hemm mill-anqas persuna waħda fl-organizzazzjoni li tkun fdata bil-konformità tal-esportazzjoni. Jekk ikun possibbli, il-funzjoni ta’ kontroll tal-esportazzjoni jenħtieġ li tkun ħielsa mill-kunflitti ta’ interess. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkollha aċċess dirett u obbligu ta’ rappurtar lill-maniġment superjuri.

Minbarra dan, jista’ jkun meħtieġ li jinħatru punti ta’ kuntatt f’dipartimenti differenti tal-organizzazzjoni, li jistgħu jqajmu kuxjenza, jiggwidaw lill-persunal amministrattiv u xjentifiku kull meta tinqala’ kwistjoni rilevanti u, jekk ikun meħtieġ, jirreferu mistoqsijiet u talbiet lill-funzjoni ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

It-tielet tip ta’ responsabbiltà tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-passi prattiċi li għandhom jittieħdu mill-persunal xjentifiku sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ konformità tal-organizzazzjoni. Din il-funzjoni tinvolvi kompiti bħall-identifikazzjoni ta’ proġetti li jistgħu jeħtieġu liċenzja, l-applikazzjoni ta’ verifiki tal-użu finali/tal-utent finali u t-twettiq tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u l-approvazzjonijiet preskritti waqt it-twettiq tal-attivitajiet ta’ riċerka. Filwaqt li l-persunal ikkonċernat kollu jrid josserva l-proċeduri ta’ konformità tal-organizzazzjoni meta jwettaq ix-xogħol tiegħu, ġeneralment ir-responsabbiltà għall-identifikazzjoni ta’ proġetti sensittivi u għall-applikazzjoni tal-kontrolli meħtieġa taqa’ fuq il-mexxej tal-proġett. Ħafna drabi, din tkun il-persuna li tiżgura l-finanzjament u tikkoordina l-proġett fi ħdan organizzazzjoni, magħrufa wkoll f’xi kuntesti ta’ riċerka, bħala l-Investigatur Prinċipali.

Il-persunal amministrattiv (eż. mid-dipartiment tal-akkwist u legali) jista’ jissorvelja ċerti kompiti ta’ konformità kif previst mill-politiki ta’ konformità. Dan il-persunal jista’ jkun parti mill-funzjoni ta’ konformità tal-esportazzjoni jew sempliċement jikkollabora mill-qrib magħha.

Il-persunal amministrattiv għandu mnejn ikun kapaċi jidentifika kwistjonijiet li jkunu ħarbu mill-attenzjoni tal-persunal tar-riċerka. B’dan il-mod, il-persunal amministrattiv imħarreġ jista’ jaġixxi wkoll bħala l-“gwardjani” meta salvagwardji oħra jfallu. (32)

L-Appendiċi 6 joffri żewġ eżempji ta’ struttura possibbli ta’ organizzazzjoni tal-konformità f’kuntesti ta’ riċerka.

X’inhuma l-passi involuti?

Jiġi stabbilit liema partijiet tal-organizzazzjoni tiegħek huma rilevanti għall-konformità mal-kontroll tal-esportazzjoni. Jiġu identifikati u maħtura l-persuna/persuni bir-responsabbiltà ġenerali u tiġi attribwita mill-anqas persuna waħda għall-funzjoni ta’ konformità tal-esportazzjoni. Skont il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni, jista’ jkun li din il-persuna jkollha tittratta kompiti relatati mal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju fuq bażi part-time biss.

Jiġu kkunsidrati t-tipi differenti kollha ta’ responsabbiltà u funzjonijiet relatati mal-konformità. Jiġu definiti proċessi u responsabbiltajiet ċari kemm għall-persunal amministrattiv kif ukoll għal dak xjentifiku. Wieħed għandu jibda mid-dipartimenti li jwettqu riċerka f’qasam kritiku u jespandi biex jindirizza dipartimenti oħra anqas sensittivi hekk kif is-sistema ta’ konformità tevolvi. Ma għandhiex tiġi injorata d-definizzjoni tad-delega tas-setgħat (eż. f’każ ta’ mard jew btajjel) u l-funzjonijiet ta’ riżerva kull meta jkun possibbli.

Jiġi żgurat li jiġu allokati riżorsi xierqa lill-ICP u jiġu kkunsidrati l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa f’termini ta’ għarfien espert kemm legali kif ukoll tekniku. Huwa rakkomandat li jitfasslu deskrizzjonijiet tax-xogħol bil-miktub.

Wieħed għandu jkun lest li jisfrutta b’mod sħiħ l-għarfien espert u l-esperjenza diġà disponibbli f’partijiet differenti tal-organizzazzjoni. Jiġu kkonsultati l-kollegi ta’ dipartimenti differenti (eż. id-dipartiment tal-akkwist, id-dipartiment tas-sigurtà u d-dipartiment legali) dwar il-modi kif il-politiki u l-proċeduri disponibbli jistgħu jakkomodaw ir-rekwiżiti ta’ konformità tal-esportazzjoni. Jiġi kkunsidrat l-istabbiliment - flimkien mas-sostenn għall-IT tiegħek - għodod u proċeduri online biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konformità interna.

Jiġu kodifikati l-politiki u l-proċeduri ta’ konformità tal-esportazzjoni tal-organizzazzjoni, inkluża l-katina ewlenija ta’ responsabbiltà f’manwali, u dawn ikunu disponibbli għall-organizzazzjoni online jew f’kopja stampata. Wieħed għandu jipprova juża lingwaġġ li jkun preċiż u ċar kemm jista’ jkun. Tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta’ eżempji u każijiet prattiċi bħal dawk offruti f’din il-gwida jew f’sorsi nazzjonali.

Jiġi żgurat li l-persunal xjentifiku u amministrattiv ikun jaf liema proċedura għandu jsegwi u min huwa l-punt ta’ kuntatt kull meta tinqala’ kwistjoni ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

3.2.3.   Taħriġ u sensibilizzazzjoni

It-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni huma element importanti ta’ kull ICP u jenħtieġ li jitfasslu skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ organizzazzjoni tar-riċerka. Is-sensibilizzazzjoni hija meqjusa bħala l-ewwel pass biex il-persunal xjentifiku u amministrattiv ikun jista’ jifhem ir-riskji għas-sigurtà u jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu skont il-liġi dwar il-kontroll tal-esportazzjoni u l-ICP tal-organizzazzjoni. It-taħriġ jinkludi korsijiet speċjalizzati mfasslin apposta għall-funzjonijiet u l-persunal fl-organizzazzjoni li jkunu affettwati mill-kontrolli tal-esportazzjoni.

X’inhu mistenni mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka?

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka jeħtieġ li jikkunsidraw inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ f’livelli differenti, b’mezzi differenti u b’għanijiet differenti.

L-ewwel nett, introduzzjoni ġenerali għall-kwistjonijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni għall-persunal tar-riċerka u l-istudenti kollha potenzjalment ikkonċernati hija importanti biex tinħoloq sensibilizzazzjoni u tiġi promossa kultura ta’ responsabbiltà fl-organizzazzjoni kollha. Dan jista’ jitwettaq permezz tal-inklużjoni ta’ referenzi għall-objettivi ta’ kontroll tal-esportazzjoni u miżuri interni relatati f’kodiċijiet ta’ kondotta, paġni web dwar l-etika u l-integrità tar-riċerka kif ukoll fil-korsijiet ġenerali dwar is-sikurezza u s-sigurtà li jiġu pprovduti b’mod regolari. (33)

It-tieni, jenħtieġ li jiġu żviluppati attivitajiet ġenerali ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni għal dak il-persunal xjentifiku li jkun ġej mid-dipartimenti tal-organizzazzjoni identifikati bħala ta’ rilevanza għall-kontrolli tal-esportazzjoni fil-valutazzjoni tar-riskju inizjali u fil-valutazzjonijiet mill-ġdid sussegwenti. L-għan ta’ dan it-taħriġ huwa li l-persunal isir familjari mar-rekwiżiti ta’ kontroll tal-esportazzjoni u li jiġi żgurat li jkun jista’ jieħu l-azzjoni meħtieġa meta tinqala’ kwistjoni jew tħassib fit-tfassil, fl-ippjanar u fl-eżekuzzjoni tar-riċerka tiegħu.

It-tielet, jenħtieġ li jitwettaq taħriġ immirat għall-persunal amministrattiv li jittratta l-implimentazzjoni tal-proċeduri differenti ta’ kontroll intern bħal dawk relatati mas-sigurtà, l-akkwist, it-trasferiment tat-teknoloġija, il-kuntratti u l-kollaborazzjonijiet fir-riċerka. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġi organizzat taħriġ speċjalizzat għall-persunal tar-riċerka li jiġi affettwat b’mod regolari mill-implimentazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni minħabba l-involviment tiegħu fi proġetti sensittivi li jirrikjedu attenzjoni partikolari u miżuri ta’ kontroll.

Organizzazzjoni tar-riċerka tista’ twettaq tipi differenti ħafna ta’ riċerka u l-listi ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jirrigwardaw firxa wiesgħa ta’ oġġetti u teknoloġiji. Dan jimplika l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta’ materjal ta’ taħriġ u approċċi mfasslin apposta għal udjenzi li ġejjin minn dipartimenti, għarfien espert u sfondi differenti.

Fid-dawl tal-karattru dinamiku tal-liġijiet dwar il-kontroll tal-esportazzjoni u l-iżviluppi f’dan il-qasam, it-taħriġ jenħtieġ li jitwettaq fuq bażi annwali filwaqt li l-persunal li jkollu r-responsabbiltà ewlenija għall-operat tal-ICP jenħtieġ li jaġġorna l-għodod u l-materjal ta’ informazzjoni disponibbli b’mod regolari.

Iċċekkja mal-awtorità nazzjonali tiegħek jekk humiex disponibbli riżorsi addizzjonali bħal abbonament għal sessjonijiet ta’ informazzjoni u għal bullettini, gwida nazzjonali u taħriġ.

X’inhuma l-passi involuti?

Jiġi pprovdut taħriġ perjodiku obbligatorju għall-membri kollha tal-persunal potenzjalment involuti f’attivitajiet ta’ użu doppju kkontrollati tal-esportazzjoni sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kontroll tal-esportazzjoni u titrawwem kultura ta’ responsabbiltà fl-organizzazzjoni kollha.

Meta jkun possibbli, jintużaw inizjattivi ta’ taħriġ eżistenti bħall-korsijiet introduttorji għall-persunal reklutat ġdid biex jiġu inkorporati r-referenzi għall-miżuri u r-rekwiżiti ta’ konformità tal-esportazzjoni. Jiġi segwit l-istess approċċ bir-regolamenti tal-persunal u l-materjal didattiku li diġà qed jintużaw.

Jiġi żgurat permezz ta’ għodod ta’ sensibilizzazzjoni (eż. siġar tad-deċiżjonijiet, paġni web tal-intranet, noti ta’ informazzjoni u rikonoxximent fi proċeduri rilevanti ta’ kontroll tal-esportazzjoni) li l-persunal kollu kkonċernat ikun konxju tal-politiki u l-miżuri interni kollha dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni. Jintuża materjal li jkun fih informazzjoni dwar il-liġijiet rilevanti tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u l-listi ta’ kontroll u l-miżuri restrittivi, kif ukoll il-miżuri nazzjonali u l-embargos. Jiġi kkunsidrat li jsiru disponibbli għodod faċli għall-utent (żviluppati internament jew ipprovduti minn riżorsi esterni) għall-persunal kollu kkonċernat biex tiġi faċilitata n-navigazzjoni faċli f’dawn id-dokumenti legali u l-aġġornamenti tagħhom. Jekk ikun possibbli, jiġi kkunsidrat taħriġ imfassal apposta kemm għall-persunal amministrattiv kif ukoll għal dak xjentifiku.

Jiġi kkunsidrat, kull meta jkun xieraq, l-użu ta’ opportunitajiet għal taħriġ nazzjonali jew tal-UE għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

Kull meta jkun possibbli, it-tagħlimiet miksuba minn eżerċizzji ta’ analiżi tal-prestazzjoni, awditi, rappurtar u azzjonijiet korrettivi jiġu inkorporati fil-programmi ta’ taħriġ jew ta’ sensibilizzazzjoni tiegħek dwar l-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandha tittieħed nota ta’ kwalunkwe sejba li talludi għal funzjonament insuffiċjenti tal-miżuri ta’ konformità fis-seħħ.

3.2.4.   Proċess u proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni

Dan l-element fih miżuri interni li l-organizzazzjoni jenħtieġ li timplimenta biex tiżgura li ma sseħħ l-ebda “esportazzjoni” mingħajr il-liċenzja meħtieġa jew kontra xi restrizzjoni jew projbizzjoni tal-esportazzjoni rilevanti.

Il-proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni jiġbor u janalizza informazzjoni rilevanti dwar l-aspetti li ġejjin: il-klassifikazzjoni tal-oġġett, il-valutazzjoni tar-riskju tal-attività, id-determinazzjoni u l-applikazzjoni għal liċenzja, u l-proċess ta’ wara l-liċenzjar. Filwaqt li ssegwi l-passi msemmija hawn taħt, organizzazzjoni tar-riċerka jeħtieġ li tfassal u topera proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni b’kont meħud tat-tipi differenti ta’ attivitajiet imwettqa, il-politiki u l-proċeduri istituzzjonali eżistenti u l-isfidi speċifiċi marbuta mal-profil tar-riskju tal-organizzazzjoni.

X’inhu mistenni mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka?

Il-proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni huwa fil-qalba tal-miżuri ta’ konformità interna tal-organizzazzjoni. L-implimentazzjoni ta’ dan l-element trid tiġi kondiviża mill-persunal amministrattiv u xjentifiku peress li r-rwoli ta’ konformità tagħhom għandhom impatt ta’ tisħiħ reċiproku fuq l-operat ta’ ICP. L-għan huwa li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ skrinjar li jispeċifikaw il-passi involuti għall-konformità mal-liġi dwar il-kontroll tal-esportazzjoni u l-politiki ta’ kontroll interni tal-organizzazzjoni. Skont l-ambitu u s-sensittività tar-riċerka mwettqa, il-proċess ta’ skrinjar tal-kontroll tal-esportazzjoni jista’ jkun rilevanti għal diversi attivitajiet:

L-esportazzjoni ta’ oġġetti (permezz ta’ mezzi tanġibbli ta’ trasferiment);

L-ikkuntrattar (primarjament ma’ sħab internazzjonali) (34);

L-għoti ta’ privattiva/il-liċenzjar tar-riżultati tar-riċerka;

Il-pubblikazzjoni (eż. artikli, materjal tal-konferenzi, software);

It-trażmissjonijiet elettroniċi (inkluż it-tqegħid tal-oġġetti disponibbli online);

Ir-reklutar ta’ persunal u l-akkoljenza ta’ viżitaturi (l-aktar, relatati mas-sanzjonijiet);

L-ivvjaġġar barra mill-pajjiż.

Organizzazzjoni tar-riċerka tista’ tikkunsidra li taġġusta l-politiki u l-proċeduri istituzzjonali tagħha dwar l-attivitajiet kollha msemmija hawn fuq billi ddaħħal kontrolli u verifiki tal-kontroll tal-esportazzjoni. Ħafna drabi, l-istituti tar-riċerka mhux universitarji jkollhom fis-seħħ proċeduri ċentralizzati, li jistgħu jiġu adattati biex jakkomodaw dawn il-proċeduri ta’ skrinjar u ta’ mitigazzjoni. L-universitajiet jistgħu jagħżlu li jsegwu l-istess approċċ, imfassal skont il-ħtiġijiet tagħhom.

F’organizzazzjoni tar-riċerka u b’mod partikolari f’università, l-attivitajiet ikkontrollati tal-esportazzjoni jistgħu jseħħu fil-kuntest kemm ta’ kollaborazzjonijiet formali ma’ sħab esterni kif ukoll ta’ skambji informali. Fil-każ tal-aħħar, l-iskambji jistgħu jsiru l-aktar fil-livell ta’ riċerkaturi individwali. Għalhekk, il-proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni għandu jindirizza ż-żewġ possibbiltajiet u jintroduċi proċeduri ta’ skrinjar u kontrolli biex jiġi identifikat jekk attività ta’ riċerka speċifika tkunx tinvolvi l-“esportazzjoni” ta’ oġġett ikkontrollat.

Ir-riċerkaturi individwali jridu jkunu jistgħu jidentifikaw u jirrapportaw kwistjonijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni waqt li jkunu qed iwettqu r-riċerka tagħhom. Dan jista’ jiġi mmaterjalizzat bl-użu ta’ għodod ġeneriċi bħas-siġar tad-deċiżjonijiet li jiggwidaw lir-riċerkaturi fil-passi li għandhom jittieħdu biex jiġu identifikati kwistjonijiet possibbli ta’ kontroll tal-esportazzjoni (35). Barra minn hekk, jistgħu jiġu integrati proċeduri u kontrolli mmirati fil-proċessi istituzzjonali li jawtorizzaw l-attivitajiet imsemmija aktar ’il fuq. Pereżempju, organizzazzjoni tar-riċerka tista’ ddaħħal fis-sistema online tagħha għall-approvazzjoni ta’ vjaġġi barra mill-pajjiż nota ta’ informazzjoni u rekwiżit għar-riċerkaturi biex iwettqu verifiki tal-kontroll tal-esportazzjoni qabel ma jippreżentaw talba. (36)

Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni jenħtieġ li jiġu inklużi fil-fażi tal-ippjanar ta’ proġett ta’ riċerka u qabel ma wieħed jidħol fi ftehim formali ma’ organizzazzjonijiet sħab oħra. F’din il-fażi diġà, id-definizzjoni tal-objettivi tal-proġett u s-sors ta’ finanzjament jista’ jkollhom implikazzjonijiet minn perspettiva ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

Kwistjoni ta’ kontroll tal-esportazzjoni tista’ titfaċċa f’fażijiet differenti tal-ħajja tal-proġett. F’xi każijiet, awtorizzazzjoni għall-kontroll tal-esportazzjoni tista’ ssir rilevanti biss fil-fażi finali ta’ proġett ta’ riċerka meta l-organizzazzjoni tar-riċerka/ir-riċerkatur jagħżel li jaqsam output ikkontrollat għall-esportazzjoni ma’ partijiet terzi, pereżempju permezz ta’ ftehim ta’ liċenzja. Dan jissottolinja l-importanza li jiġu introdotti verifiki tal-kontroll tal-esportazzjoni fi proċeduri istituzzjonali differenti.

F’sitwazzjonijiet oħra - b’mod partikolari dawk li jinvolvu kollaborazzjonijiet ma’ sħab internazzjonali - riċerka tista’ tinvolvi l-iżvelar ta’ teknoloġiji sensittivi u l-konsenja ta’ outputs kkontrollati għall-esportazzjoni f’fażijiet differenti tal-proġett. Għalhekk, għall-proġetti indikati bħala sensittivi, huwa xieraq li jiżdiedu verifiki tal-kontrolli tal-esportazzjoni u miżuri ta’ mitigazzjoni matul il-ħajja tal-proġett. Dan huwa importanti li jiġi speċifikat fil-ftehim iffirmat ma’ organizzazzjonijiet oħra.

Fil-każijiet kollha diskussi hawn fuq, il-proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti għandhom jikkunsidraw l-aspetti li ġejjin:

Il-klassifikazzjoni tal-oġġetti, inklużi s-software u t-teknoloġija;

Il-valutazzjoni tar-riskju tal-attività

Il-kontrolli fuq destinazzjonijiet u entitajiet taħt embargo, taħt sanzjonijiet jew sensittivi; (37)

L-iskrinjar tal-użu finali ddikjarat u tal-partijiet involuti;

L-iskrinjar tar-riskju ta’ devjazzjoni;

Il-kontrolli onnikomprensivi fuq oġġetti b’użu doppju mhux elenkati;

Jekk ir-riżultat tal-klassifikazzjoni tal-oġġetti u l-valutazzjoni tar-riskju tal-attività jwasslu għall-konklużjoni li l-attività hija kkontrollata, ikun jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar aspetti kif ġej:

Id-determinazzjoni ta’ liema liċenzja (awtorizzazzjoni) tkun meħtieġa (eż. għall-esportazzjoni, is-senserija, it-trasferiment u t-tranżitu) kif ukoll l-applikazzjoni għal tali liċenzja u, (38)

Proċedura ta’ wara l-liċenzjar, inkluż il-kontroll tal-ispedizzjoni u l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni.

F’għadd limitat ta’ każijiet, jista’ jiġi determinat li l-organizzazzjoni jew ir-riċerkatur individwali jridu jżommu lura minn ċerta attività jew li proġett jew impenn ma’ organizzazzjoni kollaboratriċi ma jistax iseħħ. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ meta parti involuta tkun inkluża f’lista ristretta taħt sanzjonijiet jew, meta l-organizzazzjoni tqis bħala għoli r-riskju li l-output ta’ riċerka jintuża għal skopijiet ħżiena f’pajjiż terz. Bl-istess mod, huwa possibbli li l-awtorità kompetenti tiċħad (jiġifieri tirrifjuta) applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni f’konformità mal-liġi applikabbli dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, eż. jekk il-valutazzjoni tagħha tidentifika riskju ta’ proliferazzjoni.

F’każ ta’ dubju jew suspett matul il-proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni, b’mod partikolari dwar ir-riżultati tal-użu finali ddikjarat u l-partijiet involuti jew l-iskrinjar tar-riskju ta’ devjazzjoni, ikkonsulta mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-UE fejn tkun stabbilita l-kumpanija tiegħek.

X’inhuma l-passi involuti?

Jiġu stabbiliti proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni li jippermettu lill-organizzazzjoni tiegħek twettaq valutazzjoni tar-riskju li tindirizza l-attivitajiet differenti kollha potenzjalment sensittivi u s-sorsi ta’ riskju. Dawn il-proċeduri għandhom jippermettu lir-riċerkaturi individwali, lill-istudenti, lill-mexxejja tal-proġetti u lill-persunal amministrattiv jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tar-riskji tal-kontroll tal-esportazzjoni relatati mal-attivitajiet tal-organizzazzjoni.

Fejn ikun possibbli, jiġu aġġustati l-politiki u l-proċeduri istituzzjonali biex jakkomodaw verifiki tal-kontroll tal-esportazzjoni għal attivitajiet potenzjalment sensittivi (spedizzjoni, kuntrattar, pubblikazzjoni, kondiviżjoni online) u, jiġu permessi miżuri ta’ mitigazzjoni dwar proġetti indikati bħala sensittivi.

Jiġi kkunsidrat l-użu ta’ għodod ġeneriċi għall-valutazzjoni tar-riskju (eż. dijagrammi sekwenzjali) (39) kif ukoll tekniki għall-estrazzjoni tad-data (40) u software ieħor għall-iskrinjar ta’ oġġetti, proġetti u attivitajiet marbuta ma’ listi ta’ kontroll tal-esportazzjoni u listi ta’ entitajiet u destinazzjonijiet ristretti.

Klassifikazzjoni tal-oġġetti

Dan l-aspett tal-proċedura ta’ skrinjar ifittex li jifhem jekk oġġett użat jew prodott fil-qafas ta’ riċerka jaqax fl-ambitu tal-lista/listi ta’ kontroll jew, jekk proġett ta’ riċerka jkunx se jiġi kkonfrontat b’oġġetti kkontrollati.

Dan isir billi jitqabblu l-karatteristiċi tekniċi ta’ oġġett partikolari mal-listi ta’ kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE u nazzjonali. Jekk ikun applikabbli, jiġi identifikat jekk l-oġġett ikunx soġġett għal miżuri restrittivi (sanzjonijiet u embargos) imposti mill-UE jew mill-Istat Membru tal-UE li fih tkun stabbilita l-organizzazzjoni tiegħek. (41)

Żomm f’moħħok li s-software u t-teknoloġija li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kontroll jistgħu jiġu eżentati jekk japplikaw l-eżenzjonijiet tar-“riċerka xjentifika bażika” u tal-“isfera pubblika” (ara t-taqsima 2.3.5).

Ipprova ddetermina jekk proġett previst ikunx se juża oġġetti kkontrollati u eżamina jekk il-kontribuzzjonijiet tiegħu jkunux se jilħqu l-limiti speċifikati fil-lista ta’ kontroll. Għall-proġetti identifikati bħala ta’ riskju għoli, jiġu previsti verifiki tal-iskrinjar tal-esportazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett.

Tingħata attenzjoni partikolari għall-klassifikazzjoni ta’ komponenti u spare parts b’użu doppju, u għall-klassifikazzjoni ta’ software u teknoloġija b’użu doppju li jistgħu jiġu trasferiti b’email jew isiru disponibbli permezz ta’ servizz tal-“cloud” barra mill-pajjiż.

Bħala miżura ta’ prekawzjoni, tiġi kkunsidrata l-verifika ta’ jekk l-oġġetti b’użu doppju li jaqgħu fl-ambitu tal-listi ta’ kontroll ikunux jeżistu fil-laboratorji u r-repożitorji tal-organizzazzjoni. Il-preżenza tagħhom tista’ tkun indikatur tas-sensittivitajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni. Tiġi eżaminata l-possibbiltà li tirreġistra fl-inventarji tiegħek jekk oġġett (ġdid, użat jew żejjed) ikunx ta’ rilevanza għall-użu doppju u għalhekk, jeħtieġ immaniġġar speċjali fil-każ ta’ esportazzjoni.

Issir konsultazzjoni mal-mexxejja tal-proġetti u mal-esperti disponibbli sabiex tinġabar informazzjoni dwar l-użu ħażin possibbli tal-oġġetti b’użu doppju tiegħek fil-kuntest ta’ armi militari konvenzjonali jew AQM.

Waqt il-kollaborazzjoni ma’ kumpaniji jew organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka, hija prattika tajba li tintalab informazzjoni addizzjonali dwar il-parametri tekniċi u l-istatus ta’ kontroll u l-klassifikazzjoni tal-materjali, il-komponenti, is-subsistemi li għandhom jintużaw mill-organizzazzjoni tiegħek mingħandhom.

Kif mitlub mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju fir-rigward tat-trasferimenti intra-UE, fid-dokumenti rilevanti (kuntratt, konferma tal-ordni, fattura jew nota tad-dispaċċ) jissemma li t-tranżazzjoni tinvolvi oġġetti b’użu doppju elenkati u huma soġġetti għal kontrolli jekk jiġu esportati mill-UE.

Il-valutazzjoni tar-riskju tal-attività

Il-proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni jqis ukoll is-sħab involuti fi proġett ta’ riċerka sensittiva u r-riċevituri differenti kollha ta’ outputs ta’ riċerka kkontrollati kif ukoll ir-riskju li dawn ir-riċevituri jużaw tali outputs għal skopijiet illegali. Il-lista tal-mistoqsijiet dwar is-sinjali ta’ allert offruta fl-Appendiċi 3 ta’ din il-Gwida hija ta’ għajnuna biex jiġu valutati d-diversi riskji marbuta ma’ attività.

Kontrolli fuq destinazzjonijiet u entitajiet taħt embargo, taħt sanzjonijiet jew sensittivi

Jiġi żgurat li l-ebda waħda mill-partijiet involuti fi proġett jew attività sensittiva ma tkun soġġetta għal miżuri restrittivi (sanzjonijiet u embargos) billi tiġi kkonsultata l-lista ta’ sanzjonijiet konsolidata tal-UE (42) jew il-lista nazzjonali, meta tkun disponibbli.

Skrinjar tal-użu finali ddikjarat u tal-partijiet involuti

Għandek tkun taf is-sieħeb/sħab tiegħek u tikkunsidra kif beħsiebhom jużaw ir-riċerka tiegħek li tinvolvi oġġetti b’użu doppju.

Għandek tkun konxju tal-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet tar-riċerka li jaġixxu bħala kopertura għar-riċerka militari jew li jkollhom rabtiet b’saħħithom ma’ entitajiet tal-Istat.

Itlob dikjarazzjoni tal-użu finali jekk l-attività tinvolvi oġġetti b’użu doppju elenkati jew, meta jkun hemm tħassib dwar l-użu/utent finali fil-każ ta’ oġġetti b’użu doppju mhux elenkati. (43) Ikkonsulta l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tiegħek għar-regoli u r-rekwiżiti nazzjonali rigward id-dikjarazzjonijiet tal-użu finali. (44) Kun af li d-dikjarazzjonijiet tal-użu finali jistgħu jintalbu wkoll għall-kondiviżjoni ta’ software u teknoloġija kkontrollati.

Kun viġilanti għal indikaturi tar-riskju ta’ devjazzjoni u sinjali dwar talbiet jew ordnijiet suspettużi.

Skrinjar tar-riskju ta’ devjazzjoni

Kun viġilanti għal indikaturi tar-riskju ta’ devjazzjoni u sinjali dwar talbiet suspettużi għall-kooperazzjoni. Jista’ jkun hemm indikazzjonijiet li jissuġġerixxu li sieħeb se juża oġġetti b’użu doppju kondiviżi jew ikkonsenjati mill-organizzazzjoni tiegħek fil-kuntest ta’ riċerka militari mhux awtorizzata jew, fir-rigward tal-AQM u l-mezzi ta’ twassil tagħhom jew, skopijiet illegali oħra.

Ikkunsidra li anki oġġetti b’użu doppju mhux elenkati jistgħu jirrikjedu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, jekk l-iskrinjar tal-użu finali ddikjarat u tal-partijiet involuti jew l-iskrinjar tar-riskju ta’ devjazzjoni jqajmu xi tħassib fis-sens tad-dispożizzjonijiet onnikomprensivi, fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Normalment, din is-sitwazzjoni tikkonċerna oġġetti li jkollhom parametri tekniċi qrib dawk ikkontrollati.

Kontrolli onnikomprensivi għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati

Il-proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni jenħtieġ li jivvaluta l-possibbiltà li oġġett b’użu doppju mhux elenkat jintuża b’rabta ma’ użi finali sensittivi speċifikati skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Jekk ir-riċerkatur jew l-organizzazzjoni tar-riċerka jkunu konxji jew jissuspettaw li attività jew proġett jinvolvu riskju bħal dan, huma jridu jastjenu milli jinvolvu ruħhom aktar f’din ir-riċerka u jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti li jikkonkludu jekk tkunx meħtieġa applikazzjoni għal liċenzja. Għal aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kontrolli onnikomprensivi, ara t-taqsima 2.3.8.

Determinazzjoni u applikazzjoni għal-liċenzji, inkluż għall-attivitajiet ikkontrollati ta’ senserija, trasferiment u tranżitu

Ir-riżultat tal-klassifikazzjoni tal-oġġetti u l-valutazzjoni tar-riskju tal-attività jista’ jkun li rekwiżit ta’ liċenzja jkun rilevanti.

Tinġabar u tixxerred informazzjoni dwar il-firxa ta’ tipi ta’ liċenzji (inklużi liċenzji individwali, globali u ġenerali) u operazzjonijiet ikkontrollati (esportazzjoni, senserija, trasferiment u tranżitu), u dwar il-proċeduri tal-applikazzjoni għal liċenzja relatati mal-kontrolli applikabbli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE u nazzjonali. Tkun konxju tal-miżuri nazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju għal attivitajiet oħra, bħall-assistenza teknika. Ara t-taqsima 2 għal aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti possibbli ta’ awtorizzazzjoni.

Jiġi kkunsidrat li jsir użu minn proċeduri ta’ liċenzja simplifikati (liċenzji ġenerali) għad-destinazzjonijiet imsemmija fir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jew miżuri nazzjonali.

Jiġi żgurat li l-persunal ikkonċernat kollu jkun jaf dwar it-tipi differenti ta’ liċenzji u proċeduri li għandhom jiġu segwiti internament u għas-sottomissjoni lill-awtorità (min se jkun jista’ japplika u liema passi għandhom jiġu segwiti).

Proċedura ta’ wara l-liċenzjar, inkluż il-kontroll tal-ispedizzjoni u l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni

Qabel l-ispedizzjoni jew it-trażmissjoni proprja ta’ oġġett ikkontrollat, jenħtieġ li jkun hemm verifika finali jekk itteħdux il-passi kollha rigward il-konformità. Dan huwa mument tajjeb biex jerġa’ jiġi ċċekkjat jekk l-oġġetti jkunux ikklassifikati b’mod korrett, jekk ikunux ġew iċċekkjati s-sinjali ta’ allert, jekk ikunx sar l-iskrinjar tal-entitajiet u jekk ikunx hemm liċenzja valida għall-ispedizzjoni. Kun af li sadanittant tista’ tkun seħħet bidla fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Pereżempju: l-oġġett issa jkun oġġett b’użu doppju elenkat jew l-utent finali issa jkun sanzjonat.

Jiġi żgurat li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja jkunu ġew issodisfati (inkluż ir-rapportar). Kun af li liċenzja tista’ tillimita t-trasferiment tat-teknoloġija u tas-software għal ċerti riċevituri biss u kkunsidra kif is-sħab involuti f’riċerka sensittiva josservaw dawn ir-rekwiżiti.

Kun af li kwalunkwe bidla fid-dettalji tal-organizzazzjoni (bħall-isem, l-indirizz u l-istatus legali), fid-dettalji tal-utent finali u/jew tal-intermedjarji u fid-dettalji tal-oġġetti awtorizzati tista’ taffettwa l-validità tal-liċenzja tiegħek.

3.2.5.   Rieżami tal-prestazzjoni, awditi, rapportar u azzjonijiet korrettivi

Kull sistema ta’ ġestjoni jeħtieġ li tkun soġġetta għal rieżami perjodiku biex jiġu identifikati ommissjonijiet u fallimenti operazzjonali kif ukoll biex jiġu aġġustati l-politiki u l-proċeduri tagħha abbażi ta’ informazzjoni ġdida, rekwiżiti legali u l-aqwa prattiki identifikati ġodda.

ICP li jiffunzjona tajjeb ikollu proċeduri ċari ta’ rappurtar dwar l-azzjonijiet ta’ notifika u ta’ eskalazzjoni tal-persunal meta jkun seħħ inċident suspettat jew magħruf ta’ nuqqas ta’ konformità. Bħala parti minn kultura soda ta’ konformità, il-persunal xjentifiku u amministrattiv irid iħossu kunfidenti u rassigurat meta jqajjem mistoqsijiet jew jirrapporta tħassib dwar il-konformità in bona fede.

Ir-rieżamijiet tal-prestazzjoni, l-awditi u l-proċeduri tar-rappurtar huma mfassla biex jidentifikaw inkonsistenzi, biex jiċċaraw u jirrevedu r-rutini jekk dawn (jirriskjaw li) jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità u jtejbu l-effiċjenza tal-kontrolli fis-seħħ.

X’inhu mistenni mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka?

Ir-rwol ta’ dan l-element ċentrali huwa li jivverifika x-xogħol ta’ konformità ta’ kuljum fi ħdan l-organizzazzjoni, jikkunsidra oqsma ta’ titjib u jirrevedi l-proċeduri ta’ konformità, jekk jitqies neċessarju. L-informazzjoni miksuba matul it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni u miżuri oħra ta’ rapportar fis-seħħ, tista’ tikkontribwixxi għar-rieżami tal-prestazzjoni.

Komponent importanti ieħor ta’ dan l-element ċentrali huwa l-awditi li għandhom jitwettqu internament jew minn awditur indipendenti biex jiġi vverifikat jekk l-ICP ikunx implimentat b’mod korrett. Jekk ir-riżorsi jippermettu, hija prattika kummerċjali tajba li perjodikament jintuża awditur estern.

Il-proċeduri ta’ rapportar jippreskrivu l-passi (eż. il-proċedura ta’ notifika) li għandhom jittieħdu internament u esternament f’każ ta’ inċident suspettat jew magħruf ta’ nuqqas ta’ konformità.

Fl-aħħar nett, l-azzjonijiet korrettivi huma sett ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li jiggarantixxu li nuqqas ta’ konformità ma jerġax iseħħ.

X’inhuma l-passi involuti?

Ipprevedi mekkaniżmi ta’ kontroll bħala parti mill-operazzjonijiet regolari ta’ monitoraġġ tal-fluss tax-xogħol fi ħdan l-organizzazzjoni biex jiġi żgurat li kull għemil ħażin jiġi identifikat fi stadju bikri. Pereżempju, wieħed mill-approċċi huwa li jintuża l-prinċipju ta’ erba’ għajnejn aħjar minn tnejn għal klassifikazzjoni teknika jew riżultat ta’ skrinjar tal-esportazzjoni. Jiġu kkunsidrati r-rwoli kemm tal-persunal amministrattiv kif ukoll tar-riċerkaturi fil-proċess ta’ monitoraġġ.

Jiġu żviluppati u mwettqa awditi biex jiġu verifikati d-disinn, l-adegwatezza u l-effiċjenza tal-ICP.

Jiġi żgurat li l-elementi kollha tal-ICP ikunu inklużi fl-awditu.

Jiġi żgurat li l-persunal kollu, inklużi l-istudenti, iħossuhom kunfidenti u rassigurati meta jqajmu in bona fede mistoqsijiet jew jirrappurtaw tħassib dwar il-konformità.

Jiġu stabbiliti proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta u ta’ eskalazzjoni biex jirregolaw l-azzjonijiet tal-persunal meta jkun seħħ inċident suspettat jew magħruf ta’ nuqqas ta’ konformità.

Jiġi dokumentat bil-miktub kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u tal-miżuri korrettivi assoċjati.

Jittieħdu azzjonijiet korrettivi biex l-operazzjonijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni jew l-ICP jiġu adattati skont is-sejbiet tar-rieżami tal-prestazzjoni, l-awditu tas-sistema tal-ICP jew ir-rappurtar. Huwa rakkomandat li dawn is-sejbiet, inkluża r-reviżjoni għall-proċeduri u l-azzjonijiet korrettivi, jiġu kondiviżi mal-persunal kollu kkonċernat u mal-maniġment superjuri. Ladarba l-azzjonijiet korrettivi jkunu ġew implimentati, huwa rakkomandat li l-politiki u l-proċeduri tal-ICP jiġu adattati kif meħtieġ u li l-bidliet jiġu kkomunikati fi ħdan l-organizzazzjoni.

Djalogu mal-awtorità kompetenti tiegħek jista’ jikkontribwixxi għall-kontroll tal-ħsara u għal modi possibbli biex tissaħħaħ is-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-organizzazzjoni tar-riċerka.

3.2.6.   Żamma tar-rekords u dokumentazzjoni

Iż-żamma proporzjonata, preċiża u traċċabbli tar-rekords tal-attivitajiet relatati mal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju hija essenzjali għall-isforzi ta’ konformità ta’ organizzazzjoni tar-riċerka. Sistema komprensiva ta’ żamma tar-rekords tgħin organizzazzjoni tar-riċerka tikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE u dawk nazzjonali għaż-żamma tad-dokumentazzjoni (45), tirrieżamina u ttejjeb il-miżuri ta’ konformità tagħha u, tiffaċilita l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’każ ta’ inkjesta dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jew nuqqas ta’ konformità vverifikat.

X’inhu mistenni mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka?

Il-politika taż-żamma tad-dokumenti ta’ organizzazzjoni tar-riċerka trid tikkonforma mal-obbligi rilevanti stabbiliti fil-liġi jew fil-prattika nazzjonali (eż. l-obbligu li jinżammu u jiġu traċċati d-dokumenti relatati ma’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għal mill-anqas ċertu ammont ta’ żmien) u tista’ tipprevedi rekwiżiti addizzjonali meta titwettaq riċerka li tinkludi oġġetti, teknoloġiji u software kkontrollati. Id-deċiżjonijiet meħuda u l-passi meħuda matul id-diversi proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni (eż. dokument intern li jiddeskrivi d-deċiżjoni teknika għall-klassifikazzjoni ta’ oġġett jew proġett kollaborattiv) jistgħu jkunu fl-aħjar interess tal-organizzazzjoni li żżommhom. Pereżempju, jekk ir-rekords meħtieġa kollha jinqabdu u jiġu arkivjati b’mod korrett, dan jippermetti rkupru effiċjenti tat-tiftix matul il-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju għal proġetti futuri iżda wkoll matul l-awditi perjodiċi. B’mod pjuttost importanti, iż-żamma effettiva tar-rekords u d-dokumentazzjoni juru l-kors tal-azzjonijiet segwiti meta jinqala’ suspett jew każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

L-attivitajiet ta’ riċerka huma ħafna drabi intrapriża konġunta u għalhekk, iż-żamma ta’ rekords xierqa tal-attivitajiet sensittivi kollha tista’ tkun sforz ġenwinament kollettiv. Fil-każ fejn organizzazzjoni tar-riċerka twettaq jew tista’ twettaq riċerka kkontrollata f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra, jistgħu jiddaħħlu klawżoli speċjali fil-ftehimiet formali li jispeċifikaw l-obbligi tal-partijiet involuti kollha li jirrispettaw il-liġi applikabbli dwar il-kontroll tal-esportazzjoni. Dawn il-klawżoli jistgħu jikkjarifikaw min ikun responsabbli biex japplika għal liċenzja u jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ żamma tar-rekords li jirriżultaw. Huwa neċessarju li l-partijiet involuti kollha jieħdu l-passi meħtieġa biex josservaw ir-rekwiżiti taż-żamma tar-rekords u jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom ma jmorrux kontra l-liġijiet tal-Istat Membru tal-UE fejn ikunu bbażati. (46)

X’inhuma l-passi involuti?

Jiġu vverifikati r-rekwiżiti legali għaż-żamma tar-rekords (il-perjodu ta’ kustodja, l-ambitu tad-dokumenti, eċċ.) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tal-UE fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni.

Sabiex jiġi żgurat li d-dokumentazzjoni rilevanti kollha tkun disponibbli, għandu jiġi kkunsidrat li jiġu determinati r-rekwiżiti taż-żamma tar-rekords fil-kuntratti mal-kollaboraturi.

Oħloq sistema adegwata ta’ arkivjar u rkupru għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Huma essenzjali sistemi elettroniċi b’funzjonalitajiet effiċjenti ta’ indiċjar u tfittxija.

Żgura li d-dokumenti relatati mal-kontroll tal-esportazzjoni jinżammu b’mod konsistenti u jkunu jistgħu jsiru disponibbli fil-pront għall-gvern tiegħek jew partijiet esterni oħra għall-ispezzjonijiet jew l-awditi.

Huwa rakkomandat li jinżamm rekord tal-kuntatti mgħoddija mal-awtorità kompetenti, anki fir-rigward tal-kontrolli tal-użu/utent finali għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati u fil-każ ta’ pariri dwar il-klassifikazzjoni teknika.

3.2.7.   Sigurtà fiżika u tal-informazzjoni

Is-sigurtà fiżika u tal-informazzjoni tirreferi għas-sett ta’ proċeduri interni li huma mfassla biex jiżguraw il-prevenzjoni tal-aċċess mhux awtorizzat għal oġġetti b’użu doppju, jew it-tneħħija tagħhom, mill-persunal, il-kuntratturi, il-kollaboraturi u l-viżitaturi tal-organizzazzjoni. Dawn huma mfassla biex jiffunzjonaw f’sinerġija ma’ proċeduri oħra tas-sigurtà interna implimentati minn organizzazzjoni tar-riċerka u huma partikolarment utli għall-monitoraġġ u t-traċċar tat-trasferimenti intanġibbli tat-teknoloġija.

Filwaqt li mhumiex previsti standards tas-sigurtà fiżika u tal-informazzjoni mir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, il-monitoraġġ u s-salvagwardja tal-aċċess għal oġġetti kkontrollati jistgħu jiżguraw li l-ebda esportazzjoni mhux awtorizzata ma sseħħ b’mod volontarju jew b’negliġenza.

X’inhu mistenni mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka?

Ir-riskji għas-sigurtà jirriżultaw kemm minn theddid estern kif ukoll minn theddid intern għal organizzazzjoni. Barra minn hekk, meta jitfasslu proċeduri interni, ħafna drabi jkun aktar effiċjenti u effettiv li jiġi kkunsidrat l-ispettru kollu tat-theddid u jiġu żviluppati mekkaniżmi li jindirizzaw kemm ir-riskji esterni kif ukoll dawk interni.

Li jkun hemm miżuri ta’ sigurtà xierqa li jipprevjenu l-aċċess mhux awtorizzat jew it-tneħħija ta’ oġġetti b’użu doppju kkontrollati jista’ jintuża biex jintlaħqu objettivi differenti. Pereżempju, sistema li timmonitorja min ikollu aċċess għal liema bini/laboratorji tista’ tgħin lil organizzazzjoni biex tikkonforma kemm mal-protokolli tas-sigurtà meħtieġa għal ċerti tipi ta’ riċerka kif ukoll mal-obbligi ta’ kontroll tal-esportazzjoni u ta’ sanzjoni li jistabbilixxu restrizzjonijiet fl-aċċess u l-użu ta’ tagħmir b’użu doppju minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Bl-istess mod, l-aċċess għal teknoloġija b’użu doppju kkontrollata permezz tas-servers interni tal-organizzazzjoni tar-riċerka jenħtieġ li jkun ristrett kemm jista’ jkun fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u t-trasferimenti elettroniċi sensittivi jenħtieġ li jiġu mmonitorjati skont ir-rekwiżiti ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

Sabiex jiġu salvagwardjati proġetti sensittivi li jinvolvu oġġetti b’użu doppju jew oġġetti oħra rilevanti għas-sigurtà, organizzazzjoni tar-riċerka tista’ timplimenta sett ta’ miżuri interni għall-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji b’mod integrat u b’hekk tindirizza kemm l-aspetti tas-sigurtà fiżika u tal-informazzjoni kif ukoll tal-kontroll tal-esportazzjoni. Huwa sottolinjat li l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni għal trasferimenti ta’ teknoloġija intanġibbli lejn destinazzjonijiet mhux tal-UE jistgħu jikkostitwixxu parti minn tali approċċ integrat.

X’inhuma l-passi involuti?

Is-sigurtà fiżika

Jiġi żgurat, skont il-valutazzjoni tar-riskju tal-organizzazzjoni tar-riċerka, li l-oġġetti b’użu doppju kkontrollati jkunu protetti kontra t-tneħħija, l-aċċess jew l-użu mhux awtorizzati mill-persunal kollu, inklużi l-istudenti, il-persunal xjentifiku viżitatur u l-kollaboraturi esterni. Il-miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu, pereżempju, is-salvagwardja fiżika tal-oġġetti, l-istabbiliment ta’ żoni ta’ aċċess ristrett u kontrolli tal-aċċess jew tal-ħruġ tal-persunal.

Is-sigurtà tal-informazzjoni

Jiġu stabbiliti politiki u proċeduri interni għall-ħażna sigura ta’, u l-aċċess għal, software jew teknoloġija b’użu doppju kkontrollati f’forma elettronika, inklużi kontrolli kontra l-viruses, kriptaġġ tal-fajls, rekords tal-awditjar u logs, kontroll tal-aċċess tal-utent u firewall.

Fil-każ tal-immaniġġar ta’ informazzjoni kkontrollata għall-esportazzjoni fil-kuntest ta’ kollaborazzjoni internazzjonali, kun ċert li l-prekawzjonijiet meħtieġa jiġu applikati wkoll mis-sħab tal-organizzazzjoni. Rekwiżit bħal dan jista’ jiġi inkluż speċifikament fil-ftehim/kuntratt li jistabbilixxi l-kollaborazzjoni.

Jiġi kkunsidrat l-użu ta’ skemi ta’ klassifikazzjoni (eż. markar) meta jiġu trażmessi software u teknoloġija li jkun fihom informazzjoni sensittiva jew ikkontrollata għall-esportazzjoni.

Jekk ikun applikabbli għall-organizzazzjoni tiegħek, jiġu kkunsidrati miżuri protettivi bħal kriptaġġ minn tarf sa tarf biex jittellgħu software jew teknoloġija fil-“cloud”, jinħażnu fil-“cloud” jew jiġu trażmessi permess tal-“cloud”. (47)

Appendiċi 1

Oqsma ta’ riċerka li huma aktar probabbli li jiġu affettwati mill-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju

L-oqsma ta’ riċerka li ġejjin huma aktar probabbli li jiġu affettwati mill-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju minn dixxiplini oħra tar-riċerka. Innota li din il-lista mhijiex eżawrjenti u tista’ sservi bħala għodda (mhux vinkolanti) biex tiġi identifikata aktar faċilment ir-riċerka rilevanti. F’dan l-Appendiċi, id-deskritturi tal-użu doppju (il-kolonna tal-lemin) huma ta’ natura pjuttost ġenerali. Il-kontrolli speċifiċi tal-esportazzjoni li jinkludu parametri tekniċi preċiżi huma miġburin fil-qosor fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, li jenħtieġ li jiġi kkonsultat primarjament.

Oqsma ta’ riċerka

Deskritturi tal-użu doppju

Bijoloġija u (nano)teknoloġija

Patoġeni tal-bniedem, tal-pjanti u tal-annimali

Tossini

Tagħmir ta’ protezzjoni, konteniment u mmaniġġar bijoloġiku

Kimika

Xjenza ta’ materjali avvanzati

Sustanzi kimiċi, polimeri, lubrikanti u addittivi tal-fjuwil

Faċilitajiet, tagħmir u komponenti tal-manifattura kimika bħal pompi, skambjaturi tas-sħana, valvi u kolonni tad-distillazzjoni

Tagħmir ta’ protezzjoni, konteniment u mmaniġġar kimiku

Fiżika u inġinerija nukleari

Reatturi nukleari u tagħmir u komponenti ddisinjati jew ippreparati apposta

Materjal nukleari

Teknoloġija tal-enerġija u ambjentali

Sensuri ottiċi u akustiċi

Kameras

Xjenza u inġinerija tal-kompjuters

Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni

Kodiċi tas-sors għal xi pproċessar ta’ data akustika elenkat

Kompjuters diġitali rinfurzati

Oġġetti relatati ma’ software ta’ intrużjoni

Sistemi, tagħmir, komponenti u aċċessorji tat-telekomunikazzjoni (inklużi l-interċettazzjoni u l-imblukkar)

Hardware, software u teknoloġija tas-sigurtà tal-informazzjoni (inklużi kriptaġġ u kriptanaliżi)

Inġinerija u disinn avjoniċi u ajruspazjali

Aċċellerometri

Ġiroskopji

Sistemi ta’ navigazzjoni (riċeventi)

Droni

Pjattaformi tal-illanċjar

Satelliti

Magni b’turbini tal-gass ajrunawtiċi

Magni awtoreatturi, awtoreatturi supersoniċi jew ta’ ċiklu kombinat

Semikonduttur

Ċirkwiti integrati

Tagħmir għall-manifattura, l-ittestjar jew l-ispezzjoni tas-semikondutturi

Substrati tal-wejfers

Software ta’ (disinjar permezz tal-kompjuter) għas-semikondutturi

Inġinerija ottika

Lasers

Sensuri ottiċi

Kameras tal-immaġni

Robotika u awtomatizzazzjoni tal-proċessi

Makkinarju għodda

Robots, tagħmir tat-tarf u manipulaturi artikolati kkontrollati minn distanza

Sistemi ta’ spezzjoni dimensjonali

Manifattura addittiva (stampar 3D)

Materja prima

Tagħmir tal-manifattura

Teknoloġiji kwantistiċi

Kriptografija kwantistika

Intelliġenza artifiċjali u tagħlim awtomatiku

Ċirkwiti integrati għal networks newrali

Kompjuters newrali

Komponenti elettroniċi

Teknoloġiji navali

Bastimenti tal-wiċċ

Bastimenti ta’ taħt wiċċ l-ilma

Sistemi ta’ viżjoni taħt wiċċ l-ilma

Sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija

Oġġetti ta’ sorveljanza ċibernetika

Tagħmir ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni mobbli

Sistemi ta’ sorveljanza tal-internet

Għodod għall-ġenerazzjoni, il-kmand u l-kontroll, jew il-konsenja ta’ software ta’ intrużjoni

Software għall-monitoraġġ tal-infurzar tal-liġi

Għodod forensiċi/investigattivi diġitali

Appendiċi 2

Xenarji ta’ riċerka ta’ fejn jistgħu jidħlu fis-seħħ kontrolli tal-esportazzjoni

Dawn li ġejjin huma xenarji fejn jistgħu jidħlu fis-seħħ kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Il-lista mhijiex eżawrjenti.

Xenarju

Xi jgħid ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju?

Għandu jiġi kkunsidrat ukoll

Tagħlim, konsultazzjoni, kollaborazzjoni jew ħidma fuq riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju fit-territorju doganali tal-Unjoni ma’ riċerkaturi viżitaturi ta’ pajjiżi terzi

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju ma jipprevedix kontrolli għal persuni mhux tal-UE li jaċċessaw oġġetti b’użu doppju fit-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk, ma hija meħtieġa l-ebda liċenzja sakemm l-oġġetti b’użu doppju kkontrollati jibqgħu fit-territorju doganali tal-Unjoni. Meta r-riċerkatur viżitatur ta’ pajjiż terz jirritorna d-dar b’aċċess għal (jew fil-pussess ta’) l-oġġett b’użu doppju kkontrollat, f’dak il-każ tkun meħtieġa liċenzja.

F’xi każijiet, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, tkun meħtieġa liċenzja għall-assistenza teknika jew ikun ipprojbit l-għoti ta’ assistenza teknika.

Tista’ tkun meħtieġa liċenzja f’każ li entità ssanzjonata jew persuna fiżika/ġuridika ta’ pajjiż issanzjonat tfittex kooperazzjoni fl-UE. F’xi każijiet, kooperazzjoni bħal din hija pprojbita skont is-sanzjonijiet tal-UE.

Tagħlim, konsultazzjoni, kollaborazzjoni jew ħidma fuq riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju ma jipprevedix kontrolli għall-persuni tal-UE involuti barra mit-territorju doganali tal-Unjoni f’riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju. Għalhekk, fil-prinċipju ma hija meħtieġa l-ebda liċenzja jekk ma jkun hemm l-ebda aċċess għal oġġetti b’użu doppju kkontrollati minn ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni.

F’xi każijiet, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, tkun meħtieġa liċenzja għall-assistenza teknika jew ikun ipprojbit l-għoti ta’ assistenza teknika.

Tista’ tkun meħtieġa liċenzja f’każ li entità ssanzjonata jew persuna fiżika/ġuridika ta’ pajjiż issanzjonat tfittex kooperazzjoni fl-UE. F’xi każijiet, kooperazzjoni bħal din hija pprojbita skont is-sanzjonijiet tal-UE.

L-organizzazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ konferenza/laqgħa/seminar/… (virtwali) jew il-preżentazzjoni f’konferenza/laqgħa/seminar/… (virtwali) dwar riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju ma jipprevedix kontrolli għal persuni mhux tal-UE li jaċċessaw oġġetti b’użu doppju fit-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk, ma hija meħtieġa l-ebda liċenzja jekk l-oġġetti b’użu doppju kkontrollati jibqgħu fit-territorju doganali tal-Unjoni. Meta r-riċerkatur viżitatur ta’ pajjiż terz jirritorna d-dar b’aċċess għal (jew fil-pussess ta’) l-oġġett b’użu doppju kkontrollat, f’dak il-każ tkun meħtieġa liċenzja.

Jekk il-konferenza/laqgħa/seminar ikunu virtwali u jiġu trażmessi lejn destinazzjoni barra mill-UE, f’dak il-każ tkun meħtieġa liċenzja għal dik il-parti tar-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju kkontrollati.

F’xi każijiet nazzjonali, hija meħtieġa liċenzja għall-assistenza teknika

Hija prattika ta’ konformità tajba li l-parteċipanti jiġu mwissija dwar ir-rekwiżiti ta’ liċenzja meta joħorġu mit-territorju doganali tal-Unjoni bl-oġġett(i) kontrollat(i).

Tista’ tkun meħtieġa liċenzja f’każ li entità ssanzjonata jew persuna fiżika/ġuridika ta’ destinazzjoni ssanzjonata tfittex kooperazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni. F’xi każijiet, kooperazzjoni bħal din hija pprojbita skont is-sanzjonijiet tal-UE.

L-organizzazzjoni barra mit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ konferenza/laqgħa/seminar/… (virtwali) jew il-preżentazzjoni f’konferenza/laqgħa/seminar/… (virtwali) dwar riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju ma jipprevedix kontrolli għall-persuni tal-UE involuti barra mit-territorju doganali tal-Unjoni f’riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju. Għalhekk, fil-prinċipju ma hija meħtieġa l-ebda liċenzja

jekk tkun ippreżentata b’mod orali, anki meta tiġi rreġistrata fuq il-post, sakemm ma jkun hemm l-ebda aċċess għal oġġetti b’użu doppju kkontrollati minn ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni.

jekk tkun akkumpanjata minn preżentazzjoni jew materjal ieħor tal-konferenza fejn l-informazzjoni ma tilħaqx il-limitu(i) tat-teknoloġija kkontrollata.

Ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jirrikjedi liċenzja,

jekk ikun hemm aċċess għal oġġetti b’użu doppju kkontrollati minn ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni.

jekk tkun akkumpanjata minn preżentazzjoni jew minn materjal ieħor tal-konferenza (li jinġarr fuq karta, fuq laptop jew trasportatur fiżiku ieħor bħal USB stick) li jkun fih teknoloġija b’użu doppju kkontrollata.

F’xi każijiet, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, tkun meħtieġa liċenzja għall-assistenza teknika jew ikun ipprojbit l-għoti ta’ assistenza teknika.

Tista’ tkun meħtieġa liċenzja f’każ li entità ssanzjonata jew persuna fiżika/ġuridika ta’ pajjiż issanzjonat tfittex kooperazzjoni fl-UE. F’xi każijiet, kooperazzjoni bħal din hija pprojbita skont is-sanzjonijiet tal-UE

Pubblikazzjoni ta’ teknoloġija b’użu doppju kkontrollata

Pubblikazzjoni li tinkludi teknoloġija li tissodisfa l-limiti għall-kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju teħtieġ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni. L-intenzjoni li tiġi ppubblikata (u b’hekk l-att ta’ pubblikazzjoni) mhijiex biżżejjed biex titqies li hija fl-isfera pubblika u għalhekk mhijiex eżentata mill-kontroll. L-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni jibbażaw fuq id-diliġenza dovuta tal-organizzazzjoni tar-riċerka biex jiskrinjaw il-prepubblikazzjonijiet f’oqsma sensittivi ta’ riċerka.

F’każ li (abbozz ta’) pubblikazzjoni (jew data mhux ipproċessata) tissodisfa l-limiti biex tinkludi teknoloġija b’użu doppju kkontrollata għall-esportazzjoni, din tkun soġġetta għal kontrolli tal-esportazzjoni. Dan japplika kemm għall-fażi ta’ qabel il-pubblikazzjoni kif ukoll għall-fażi proprja tal-pubblikazzjoni. Fil-prinċipju, dan jista’ japplika wkoll għal teżijiet tal-Masters jew tal-PhD li jissodisfaw il-limitu(i) tat-teknoloġija kkontrollata.

Ir-riċerkatur jew l-organizzazzjoni tar-riċerka jistgħu jikkunsidraw li jemendaw jew li jħallu barra l-partijiet speċifiċi li fihom it-teknoloġija kkontrollata jew jirrestrinġu l-aċċess għal dawn il-partijiet speċifiċi.

Jekk il-mitigazzjoni ma tkunx fattibbli, ir-riċerkatur jew l-organizzazzjoni tar-riċerka jenħtieġ li tikkuntattja lill-awtorità kompetenti dwar kif għandha tissodisfa r-rekwiżit tal-liċenzja (eż. applikazzjoni għal liċenzja individwali).

Informazzjoni bi privattiva u informazzjoni għall-applikazzjoni għal privattiva

Fil-prinċipju, ma hija meħtieġa l-ebda liċenzja, peress li l-esportazzjoni ta’ informazzjoni bi privattiva li tiġi żvelata b’mod sħiħ fir-rekord pubbliku hija kkunsidrata bħala “fl-isfera pubblika” u għalhekk eżentata mill-kontrolli tal-esportazzjoni.

Ma hija meħtieġa l-ebda liċenzja għall-esportazzjoni tal-informazzjoni minima meħtieġa għall-applikazzjonijiet għal privattivi.

 

Esportazzjoni ta’ oġġetti tanġibbli b’użu doppju (oġġetti), inklużi d-disinn ta’ prototipi u tagħmir tal-laboratorju użat

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka jistgħu (jerġgħu) ibigħu, jagħtu b’donazzjoni jew isellfu oġġetti b’użu doppju jew jesportawhom temporanjament għall-proġetti ta’ riċerka tagħhom stess. Irrispettivament minn jekk l-oġġetti jkunux ġodda, prototip jew użati, dawn jeħtieġu liċenzja għall-esportazzjoni jekk ikunu elenkati fl-Anness I u għat-trasferimenti intra-UE jekk ikunu elenkati fl-Anness IV tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

 

Appendiċi 3

Lista ta’ sinjali ta’ allert

Li wieħed ikun viġilanti għal sinjali ta’ talbiet suspettużi huwa vitali biex jiġu miġġielda r-riskji tal-proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva, il-mezzi ta’ twassil tagħhom, l-akkumulazzjoni destabbilizzanti ta’ armi konvenzjonali jew miżuri nazzjonali komplementari għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati relatati ma’ tħassib dwar is-sigurtà pubblika jew id-drittijiet tal-bniedem.

Japplika xi wieħed jew aktar mis-sinjali ta’ allert elenkati hawn taħt għas-sitwazzjoni tiegħek? Dan huwa indikatur b’saħħtu għal aktar skrutinju. Huwa ma jimplikax awtomatikament rekwiżit ta’ liċenzja.

Hija rakkomandata ħafna l-kondiviżjoni mal-awtorità kompetenti tiegħek tal-informazzjoni li tirriżulta mill-iskrutinju jew mit-tħassib tiegħek.

Abbażi tal-esperjenza tiegħek, jew tal-politika interna tal-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek, jistgħu jsiru żidiet jew emendi fil-lista ta’ allerti ta’ hawn taħt. Ir-riċerkaturi normalment ikunu jafu l-aħjar x’inhu suspettuż fil-qasam tar-riċerka tagħhom.

Ir-riċerka tiegħek

ir-riċerka tiegħek tinvolvi proċessi innovattivi jew alternattivi ta’ żvilupp, produzzjoni jew użu għal oġġetti b’użu doppju elenkati;

is-sieħeb tiegħek talab adattament mhux tas-soltu marbut ma’ parametri tekniċi fil-lista tal-użu doppju, jew it-talbiet għal modifika jqajmu tħassib dwar l-applikazzjonijiet potenzjali tal-prodott adattat;

ir-riċerka tiegħek ikollha utilità medja jew għolja magħrufa jew suspettata f’applikazzjonijiet b’użu doppju, militari jew sensittivi.

Użu finali u utent finali

is-sieħeb/l-utent finali jkun ġdid għalik (jew għall-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek) u l-għarfien tiegħek dwaru ma jkunx komplut jew ikun inkonsistenti jew ikun diffiċli biex issib informazzjoni dwar is-sieħeb f’sorsi miftuħa;

is-sieħeb/l-utent finali jkollu xi rabta mal-militar, l-industrija tad-difiża jew xi korp governattiv tar-riċerka f’pajjiż b’embargo fuq l-armi u l-użu finali ddikjarat ikun ċivili;

is-sieħeb/l-utent finali jkun konness ma’ organizzazzjoni li tkun involuta f’riċerka militari, relatata mal-AQM jew maċ-ċibersigurtà;

is-sieħeb/l-utent finali ma jidhirx li huwa familjari mar-riċerka tiegħek u mal-karatteristiċi tal-prestazzjoni tagħha (eż. nuqqas ovvju ta’ għarfien tekniku; il-pubblikazzjonijiet jew is-siti web pubbliċi ma jiżvelawx attivitajiet ta’ riċerka rilevanti);

Is-sieħeb/l-utent finali jfittex approvazzjoni mill-organizzazzjoni tar-riċerka, jew jitlob lir-riċerkatur jaġixxi bħala “ambaxxatur” biex jattira riċerkaturi minn istituzzjonijiet oħra għall-kollaborazzjoni;

is-sieħeb/l-utent finali jitlob rekwiżiti ta’ żvilupp, produzzjoni jew użu atipiċi li jidhru kapaċi żżejjed għall-applikazzjoni maħsuba;

l-informazzjoni ta’ kuntatt fit-talbiet (eż. in-numri tat-telefown, il-posta elettronika u l-indirizzi) tinsab f’pajjiżi differenti minn dak tal-affiljazzjoni ddikjarata tas-sieħeb, jew inbidlet għal dik maż-żmien;

is-sieħeb ikollu isem ta’ entità f’lingwa jew b’referenza li ma tkunx mistennija għall-pajjiż ta’ stabbiliment jew ta’ residenza;

is-sit web imsemmi jkun nieqes mill-kontenut meta mqabbel ma’ dak li normalment jinstab fuq sit web leġittimu;

is-sieħeb/l-utent finali ma jkunx irid joffri informazzjoni dwar l-użu finali tal-oġġetti (eż. permezz ta’ dikjarazzjoni tal-użu finali), jew li jipprovdi tweġibiet ċari għal mistoqsijiet kummerċjali jew tekniċi li huma rutina f’negozjati normali jew li jipprovdi dikjarazzjoni tal-użu finali;

tingħata spjegazzjoni mhux konvinċenti tar-raġunijiet għaliex tkun meħtieġa l-kollaborazzjoni, minħabba n-negozju normali tas-sieħeb/l-utent finali, jew is-sofistikazzjoni teknika tal-oġġetti;

rekwiżiti mhux tas-soltu għal kunfidenzjalità eċċessiva dwar il-klijenti, ir-riżultati tanġibbli jew l-ispeċifikazzjonijiet tar-riċerka?

proġett ta’ riċerka mhux tas-soltu b’xi mod, eż. sħab tar-riċerka, limiti ta’ prestazzjoni, passi ta’ riċerka u riżultati tanġibbli atipiċi, mingħajr spjegazzjoni sodisfaċenti.

Spedizzjoni

għal oġġetti tanġibbli: jintalbu arranġamenti mhux tas-soltu għall-ispedizzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar; jiġu rifjutati l-incoterms tas-soltu għall-ispedizzjoni, l-issiġillar tal-kontejners/tat-trakkijiet u l-konferma tal-wasla mid-destinatarju/l-utent finali; is-sieħeb/l-utent finali jkun talab li l-oġġetti jiġu trasferiti f’indirizz ta’ spedizzjoni;

Finanzjament, finanzi u kundizzjonijiet tal-kuntratt

il-finanzjament jiġi offrut minn entità atipika għas-sħab tar-riċerka normali tiegħek;

il-finanzjatur jitlob li ma jiġux ippubblikati r-riżultati jew li tinżamm id-disseminazzjoni tar-riżultati għal użu proprjetarju, jew b’rekwiżiti eċċessivi dwar il-Proprjetà Intellettwali jew il-kunfidenzjalità;

il-finanzjatur jirrifjuta li jaċċetta klawżola li ma tippermettix l-użu finali militari;

ma jkunx ċar min hu l-finanzjatur (l-ebda sit web jew xi informazzjoni pubblika disponibbli);

il-finanzjatur jikkomunika biss b’indirizz elettroniku li ma jirreferix għal organizzazzjoni tar-riċerka, korp pubbliku jew kumpanija;

il-finanzjatur jipprovdi baġit kbir mhux spjegat jew ġeneruż b’mod mhux tas-soltu għal ftehim ta’ riċerka li ma jkunx fih riżultati jew stadji importanti konkreti;

finanzjament minn kumpanija barranija li toffri finanzjament mingħajr aspettattivi jew rekwiżiti lil hinn mill-aċċess għas-sejbiet tar-riċerka;

termini ta’ pagament favorevoli b’mod mhux tas-soltu bħall-pagament ta’ prezz għoli mhux raġonevoli jew il-pagament sħiħ bil-quddiem;

il-pagament isir minn partijiet oħra għajr il-klijent jew l-intermedjarji ddikjarati u jsegwi rotta differenti minn dik tal-prodotti;

jiġu rifjutati servizzi ta’ rutina ta’ installazzjoni, taħriġ jew manutenzjoni;

is-sit tal-installazzjoni jkun f’żona taħt kontroll strett tas-sigurtà jew ikun qiegħed f’żona li l-aċċess għaliha jkun severament ristrett;

rekwiżiti mhux tas-soltu ta’ kunfidenzjalità eċċessiva dwar id-destinazzjonijiet finali, jew dwar il-klijenti, jew l-ispeċifikazzjonijiet tal-oġġetti.

Appendiċi 4

Mistoqsijiet utli meta jiġi stabbilit l-ICP ta’ organizzazzjoni tar-riċerka

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka jistgħu jużaw il-lista mhux eżawrjenti li ġejja ta’ mistoqsijiet utli meta jiżviluppaw ICP, jew fi stadju aktar tard biex jirrieżaminaw ICP eżistenti. It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jenħtieġ li lanqas ma jinftehmu bħala riassigurazzjoni ta’ ICP xieraq għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

1.   Impenn għall-konformità mill-maniġment superjuri

Jeżisti impenn mill-maniġment superjuri li jiddikjara b’mod ċar l-impenn tal-organizzazzjoni tar-riċerka għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju?

Id-dikjarazzjoni hija faċilment aċċessibbli għall-impjegati kollha?

2.   Struttura organizzattiva, responsabbiltajiet u riżorsi

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek innominat il-persuna (jew persuni) responsabbli biex iwieġbu l-mistoqsijiet tal-impjegati dwar il-proċeduri ta’ konformità tal-organizzazzjoni tar-riċerka, dwar xi talba suspettuża jew dwar ksur possibbli? Id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna (jew persuni) responsabbli huma disponibbli għall-persunal kollu?

X’inhuma l-partijiet jew l-attivitajiet tal-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek li huma kkonċernati mill-kontroll u l-konformità tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju?

F’liema parti tal-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek jinsab il-persunal responsabbli mill-konformità tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju? Jista’ jkun hemm xi kunflitt ta’ interessi bejn ir-responsabbiltajiet ta’ konformità u r-responsabbiltajiet li jikkonċernaw l-attirar tal-finanzjament għar-riċerka jew l-iżgurar tal-valorizzazzjoni tar-riċerka?

F’każ li l-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek tiddeċiedi li testernalizza l-ġestjoni tal-konformità tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju, kif inhi organizzata l-interazzjoni mal-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek?

Kemm hemm nies li, jew huma impjegati biss biex jittrattaw il-kontroll tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju, jew li għandhom responsabbiltà għalih ma’ kompiti oħra? Hemm min jista’ jaġixxi ta’ sostitut flokhom f’każ ta’ bżonn?

Kif inhi organizzata r-relazzjoni bejn il-persunal ta’ kontroll tal-esportazzjoni u l-maniġment superjuri, pereżempju, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni?

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek tiddokumenta u tqassam is-sett ta’ politiki u proċeduri li jindirizzaw il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju lill-persunal rilevanti kollu? F’liema format?

Hemm għodod elettroniċi disponibbli li jassistu l-proċeduri ta’ konformità tal-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek?

3.   Taħriġ u sensibilizzazzjoni

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek tipprovdi għal taħriġ (imfassal apposta) dwar il-konformità jew għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni?

X’formati ta’ taħriġ dwar il-konformità jew ta’ sensibilizzazzjoni toffri l-organizzazzjoni tar-riċerka? Eżempji huma: seminars esterni, abbonament għal sessjonijiet ta’ informazzjoni offruti mill-awtoritajiet kompetenti, avvenimenti ta’ taħriġ intern, eċċ.

Kif jiġi żgurat li l-persunal ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jkun imħarreġ u infurmat sewwa dwar il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti kollha

4.   Proċeduri ta’ skrinjar tal-esportazzjoni

4.1.   Klassifikazzjoni tal-oġġetti

Il-prodotti rilevanti kollha għall-esportazzjoni jiġu valutati skont il-listi ta’ kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju jew miżuri restrittivi tal-UE u nazzjonali, u min huwa responsabbli għal dan?

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek hija involuta fit-trażmissjoni elettronika ta’ software jew teknoloġija b’użu doppju? Jekk iva, l-organizzazzjoni tar-riċerka kif tiżgura l-konformità tal-kontrolli fuq is-software jew it-teknoloġija?

Hemm fis-seħħ proċeduri għall-impjegati li jaċċessaw teknoloġija jew software kkontrollati meta jagħmlu żjarat barra mill-pajjiż?

Il-klassifikazzjoni tal-prodotti li l-organizzazzjoni tar-riċerka tirċievi jew timmanifattura tiġi rreġistrata?

Il-bidliet fil-listi ta’ kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju nazzjonali u tal-UE jiġu tradotti fil-proċeduri ta’ klassifikazzjoni tal-organizzazzjoni tar-riċerka?

Meta jitqies l-Artikolu 11(9) tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju, id-dokumenti kummerċjali relatati mat-trasferimenti intra-UE ta’ oġġetti b’użu doppju tanġibbli jsemmu li dawk l-oġġetti huma soġġetti għal kontrolli jekk jiġu esportati mill-UE?

4.2.   Valutazzjoni tar-riskju tal-attività kkontrollata

Ara l-Appendiċi 3 ta’ din il-gwida għal lista mhux eżawrjenti ta’ mistoqsijiet dwar “sinjali ta’ allert” li jistgħu jappoġġaw il-proċess ta’ skrinjar tal-esportazzjoni tal-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek għad-detezzjoni ta’ talbiet suspettużi mingħand il-klijenti.

X’inhuma l-proċeduri biex jiġu ttrattati r-riżultati pożittivi u negattivi mill-valutazzjoni tar-riskju tal-attività kkontrollata?

Kif jiġu riżolti r-riżultati “pożittivi foloz” (jiġifieri hit mhux meħtieġa li tkun qajmet tħassib) mill-valutazzjoni tal-iskrinjar tal-esportazzoni?

Kontrolli fuq destinazzjonijiet u entitajiet taħt embargo, taħt sanzjonijiet jew sensittivi

Matul il-valutazzjoni tar-riskju tal-attività kkontrollata, l-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek kif tqis il-miżuri restrittivi (inklużi s-sanzjonijiet)?

Skrinjar tal-użu finali ddikjarat u tal-partijiet involuti

X’inhuma l-proċeduri interni għall-proċess ta’ skrinjar tal-użu finali ddikjarat u tal-partijiet involuti?

Kif jiġu skrinjati partijiet (ġodda) involuti? Tiskrinja perjodikament mill-ġdid is-sħab jew il-finanzjaturi eżistenti?

Kontrolli “onnikomprensivi” għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati

L-informazzjoni ta’ tħassib dwar l-użu finali ddikjarat (fis-sens tad-dispożizzjonijiet onnikomprensivi (48)) kif tinġabar u tintuża?

Skrinjar tar-riskju ta’ devjazzjoni

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek għandha proċeduri biex tiskrinja r-riskju ta’ devjazzjoni?

4.3.   Determinazzjoni u applikazzjoni għal-liċenzji, inkluż għall-attivitajiet ikkontrollati ta’ senserija, trasferiment u tranżitu

Kif jiġi żgurat, li f’kull każ individwali ssir applikazzjoni għal/jintuża t-tip korrett ta’ liċenzja (liċenzji individwali, globali jew ġenerali)?

Kif jiġi żgurat, li tipi anqas ovvji ta’ esportazzjonijiet u attivitajiet oħra li huma soġġetti għal restrizzjonijiet jiġu rikonoxxuti bħala tali u ma jseħħux bi ksur tal-liġijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar il-kontroll tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju?

4.4.   Proċedura ta’ wara l-liċenzjar, inkluż il-kontroll tal-ispedizzjoni u l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni

Issir valutazzjoni tar-riskju finali tal-attività kkontrollata qabel l-ispedizzjoni jew it-trażmissjoni ta’ oġġetti b’użu doppju?

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek kif tiżgura li t-termini u l-kundizzjonijiet (inkluż ir-rappurtar) tal-liċenzja(i) jiġu mħarsa?

5.   Rieżamijiet tal-prestazzjoni, awditi, rapportar intern u azzjonijiet korrettivi

Il-proċeduri operattivi relevanti ta’ kuljum jiġu soġġetti għal analiżi (għal għarrieda) tal-prestazzjoni tal-kontroll tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju?

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek għandha fis-seħħ proċeduri tal-awditjar interni jew esterni?

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek għandha fis-seħħ proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta jew ta’ eskalazzjoni?

X’azzjonijiet korrettivi tieħu l-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità?

6.   Żamma tar-rekords u dokumentazzjoni

X’inhuma l-proċeduri tal-organizzazzjoni tar-riċerka għall-arkivjar u l-irkupru tad-dokumenti relatati mal-kontroll tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju? L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek qatt ikkunsidrat li tinkludi rekord tal-kuntatti passati mal-awtorità kompetenti?

Ir-rekwiżiti legali għaż-żamma tar-rekords huma magħrufa mill-persunal ta’ kontroll tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju u mis-sħab kummerċjali rilevanti?

Ir-rekords jiġu spezzjonati għall-kompletezza, il-preċiżjoni u l-kwalità?

7.   Sigurtà fiżika u tal-informazzjoni

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek timplimenta miżuri ta’ ċibersigurtà biex tipproteġi s-software u t-teknoloġija b’użu doppju u tiżgura li dawn ma jintilfux, jinsterqu faċilment jew jiġu esportati mingħajr liċenzja valida?

L-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek tista’ tidentifika passi kritiċi u vulnerabbiltajiet relatati mas-sigurtà fiżika u tal-informazzjoni fir-rigward ta’ oġġetti b’użu doppju?

Appendiċi 5

Dijagramma sekwenzjali tar-rekwiżiti ta’ liċenzja għall-esportazzjonijiet u t-trasferimenti intra-UE ta’ oġġetti b’użu doppju (49)

Image 2

Appendiċi 6

Eżempji ta’ struttura possibbli tal-organizzazzjoni tal-konformità f’organizzazzjoni tar-riċerka

Dawn l-eżempji juru min jista’ jassumi rwoli u responsabbiltajiet ta’ konformità f’organizzazzjoni tar-riċerka. L-ewwel figura tibbaża fuq struttura ta’ organizzazzjoni tar-riċerka aktar “tradizzjonali” bħal università; tal-aħħar tibbaża aktar fuq struttura ta’ ċentru ta’ riċerka applikata. Dawn l-eżempji nġabru fl-iżvilupp tat-tfassil tal-gwida u ġew anonimizzati.

Image 3

Image 4

Appendiċi 7

Sommarju tar-rekwiżiti ta’ liċenzja għal oġġetti b’użu doppju (50)

Image 5

Appendiċi 8

Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika

Image 6

Appendiċi 9

Referenzi u kuntatti

Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri tal-UE hija disponibbli fil-paġna web li ġejja:

 

https://ec.europa.eu/trade/import-and-export-rules/export-from-eu/dual-use-controls/

Il-lista ta’ miżuri nazzjonali tal-UE hija disponibbli fil-paġna web li ġejja:

 

https://ec.europa.eu/trade/import-and-export-rules/export-from-eu/dual-use-controls/

Ikkonsulta kwalunkwe materjal ta’ gwida nazzjonali addizzjonali mill-awtorità kompetenti tiegħek, fejn ikun disponibbli.


(1)  Għall-finijiet ta’ din il-gwida, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka huma entitajiet li jwettqu r-riċerka li huma attivi fis-settur akkademiku jew tar-riċerka, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom (organizzati skont il-liġi pubblika jew privata) jew mill-mod ta’ finanzjament, li l-għan primarju tagħhom huwa li jwettqu b’mod indipendenti riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li jxerrdu b’mod wiesa’ r-riżutati ta’ dawk l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, pubblikazzjoni jew trasferiment tal-għarfien. Dan jinkludi universitajiet, kulleġġi universitarji, akkademji ta’ ċentri ta’ riċerka applikata tax-xjenza, u laboratorji.

(2)  Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti hija inkluża fl-Appendiċi 9.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1318 tat-30 ta’ Lulju 2019 dwar programmi ta’ konformità interna għal kontrolli kummerċjali ta’ oġġetti b’użu doppju skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 ippubblikata fil-5 ta’ Awwissu 2019 (ĠU L 205, 30.7.2019, p. 15) – Ara wkoll: http://data.europa.eu/eli/reco/2019/1318/oj

(4)  Id-dettalji tal-konsultazzjoni pubblika jistgħu jinstabu minn: https://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=292

(5)  ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1.

(6)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(7)  Pereżempju, kopja stampata jew forom elettroniċi ta’ disseminazzjoni, pubblikazzjoni, preżentazzjoni, komunikazzjoni u kollaborazzjoni li fihom ir-riżultati tar-riċerka jkunu disponibbli għal persuni oħra għajr l-awturi.

(8)  L-Artikolu 13 tal-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” ippubblikata fis-7 ta’ Ġunju 2016 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 389) - http://data.europa.eu/eli/treaty/char_2016/oj

(9)  Tista’ teżisti wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-libertà akkademika u l-limiti fiha.

(10)  Relatat ma’ materjal nukleari, pereżempju, l-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jipprevedi eċċezzjoni għal kwantitajiet ta’ erba’ grammi jew anqas ta’ uranju naturali jew ta’ uranju mfaqqar meta jkun jinsab f’komponent ta’ rilevament fl-istrumenti.

(11)  It-tagħlim ġeneralment ma jindirizzax ir-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju. L-informazzjoni edukattiva użata għat-tagħlim ġeneralment tkun diġà fl-isfera pubblika u għalhekk hija eżentata mill-kontrolli tal-esportazzjoni. Madankollu, l-eżenzjoni tat-tagħlim b’mod awtomatiku mill-iskrutinju tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, mhijiex korretta. Biex nagħtu eżempju: materjal edukattiv li ma jkunx disponibbli fl-isfera pubblika u li jkun importanti għad-disinn, il-kostruzzjoni, it-tħaddim jew il-manutenzjoni ta’ impjant tal-arrikkiment tal-uranju jew ta’ pproċessar mill-ġdid tal-fjuwil nukleari, jista’ jkun soġġett għal kontrolli tal-esportazzjoni.

F’ħafna każijiet, il-kontrolli tal-esportazzjoni ma japplikawx għall-attivitajiet ta’ tagħlim. Iżda t-tagħlim lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Doganali tal-Unjoni jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “assistenza teknika” kif previst mir-regolamenti tal-UE dwar miżuri restrittivi u sanzjonijiet, jew miżuri nazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

(12)  L-iskrinjar tal-viża għal riċerkaturi barranin li jżuru organizzazzjonijiet tar-riċerka tal-UE spiss jitwettaq b’mod distint mill-kontrolli tal-esportazzjoni fl-organizzazzjonijiet tar-riċerka u minn awtoritajiet kompetenti differenti.

(13)  Ara https://eur-lex.europa.eu/, is-sit web tal-awtorità kompetenti tiegħek għall-kontroll tal-esportazzjoni jew sors intern fl-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek għall-aħħar verżjoni tal-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

(14)  Eżempji ta’ oġġetti militari jinkludu t-tagħmir għall-kontroll tan-nirien u għall-immaġini termali, l-armi, il-munizzjon, il-vetturi tal-gwerra, l-inġenji tal-ajru tal-gwerra bl-ekwipaġġ u mingħajr ekwipaġġ, il-bastimenti tal-gwerra (tal-wiċċ u ta’ taħt l-ilma), il-miri tal-armi, it-tagħmir blindat jew protettiv, xi sustanzi kimiċi bħall-aġenti nervini, l-isplussivi u l-propellanti.

(15)  Tabella ta’ Korrelazzjoni bejn in-numri tal-lista ta’ kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju u l-kodiċijiet doganali tal-komoditajiet (kodiċijiet NM) hija pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea u hija disponibbli fuq il-paġna web dwar l-oġġetti b’użu doppju tad-DĠ KUMMERĊ. Madankollu, il-klassifikazzjoni tal-komoditajiet skont il-lista ta’ kontroll tal-oġġetti b’użu doppju tal-UE abbażi biss tal-kodiċijiet doganali (l-hekk imsejħa Tabella ta’ Korrelazzjoni) mhijiex suffiċjenti, minħabba l-grad differenti ta’ korrelazzjoni ta’ kull kodiċi NM man-numru ta’ klassifikazzjoni korrispondenti tal-oġġetti b’użu doppju. F’każ li wieħed juża t-Tabella ta’ Korrelazzjoni, wieħed irid jivverifika jekk l-oġġett jissodisfax tabilħaqq l-ispeċifikazzjoni teknika tan-numru ta’ klassifikazzjoni tal-oġġett b’użu doppju korrispondenti.

(16)  Bħala eżempju: 2B350.e. jikkontrolla ċerti kolonni tad-distillazzjoni. Il-kolonna tad-distillazzjoni nnifisha hija oġġett tanġibbli. Id-data teknika relatata mad-disinn ta’ din il-kolonna tad-distillazzjoni tista’ tkun teknoloġija kkontrollata intanġibbli. Din it-teknoloġija intanġibbli tista’ ssir disponibbli għal persuna ta’ pajjiż terz f’format tanġibbli (blueprint jew tpinġija fuq il-karta) jew f’format intanġibbli (bħal blueprint jew tpinġija f’email, spezzjoni viżwali online/irreġistrata jew deskrizzjoni orali bit-telefown).

(17)  Il-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea b’tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari. Din il-Lista Militari Komuni tiġi aġġornata kull sena f’konformità mal-emendi tal-Lista tal-Munizzjon tal-Ftehim ta’ Wassenaar.

(18)  Dan is-sett ta’ definizzjonijiet globali jista’ jinstab fl-Anness I tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju taħt l-intestatura “Definizzjonijiet tat-termini użati f’dan l-Anness”. Id-definizzjonijiet lokali jinsabu fil-viċinanza diretta tal-entrata ta’ kontroll.

(19)  Dan l-eżempju huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe klassifikazzjoni ulterjuri tal-aġent tas-SARS-CoV-2, li huwa l-kawża għas-sitwazzjoni pandemika tal-COVID-19. Fiż-żmien tal-kitba ta’ din il-gwida, is-SARS-CoV-2 tqies li huwa ġenetikament distint biżżejjed mis-SARS-CoV sabiex ma jaqax taħt 1C351.a.57.

(20)  “Programm” tfisser sekwenza ta’ struzzjonijiet biex jitwettaq proċess f’forma eżegwibbli minn kompjuter elettroniku jew konvertibbli f’din il-forma.

(21)  Mikroprogramm tfisser sekwenza ta’ struzzjonijiet elementari, miżmuma fi ħżin speċjali, li l-eżekuzzjoni tagħhom tinbeda bl-introduzzjoni tal-istruzzjoni ta’ referenza tiegħu f’reġistru ta’ struzzjonijiet.

(22)  Dan jista’ jkun ukoll preżentazzjoni, posta elettronika, konverżazzjoni bit-telefown, eċċ.

(23)  Avviż ta’ Informazzjoni dwar miżuri adottati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikoli 4, 6, 7, 9, 11, 12, 22 u 23 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Din hija disponibbli fuq il-paġna web dwar l-oġġetti b’użu doppju tad-DĠ KUMMERĊ (https://ec.europa.eu/trade/import-and-export-rules/export-from-eu/dual-use-controls/).

(24)  Lista ta’ NGEAs validi hija disponibbli fuq https://trade.ec.europa.eu/doclib/html/158576.htm

(25)  Attwalment, l-embargos fuq l-armi skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (b) tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju japplikaw għall-pajjiżi li ġejjin: ara https://www.sanctionsmap.eu

(26)  https://ec.europa.eu/trade/import-and-export-rules/export-from-eu/dual-use-controls/

(27)  Ara l-Appendiċi 9 għad-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti jew ikkuntattja lill-uffiċjal tal-konformità fl-organizzazzjoni tar-riċerka tiegħek biex tiddetermina x’inhi s-sitwazzjoni fl-Istat Membru tiegħek tal-UE.

(28)  C. Charatsis, “Interferences between non-proliferation and science: ‘exporting’ dual-use know-how and technology in conformity with security imperatives”, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka- Il-Kummissjoni Ewropea u l-Université de Liège), Diċembru 2017, p. 153-155. Ara wkoll il-Kapitolu 8 tal-istess pubblikazzjoni għal eżempju ta’ valutazzjoni tar-riskju inizjali f’kuntest ta’ riċerka.

(29)  Ħarsa ġenerali lejn l-obbligi ta’ kontroll tal-esportazzjoni fil-livell tal-UE hija offruta fit-Taqsima 2 ta’ din il-Gwida.

(30)  L-organizzazzjonijiet tar-riċerka jistgħu jikkunsidraw ukoll li jxerrdu d-dikjarazzjoni kemm fis-siti web pubbliċi kif ukoll f’dawk interni, fil-kodiċijiet ta’ kondotta u fir-regolamenti tal-persunal biex jinfurmaw lill-persunal dwar l-importanza tal-kontrolli kummerċjali u l-kost tan-nuqqas ta’ konformità għall-komunità tar-riċerka u għall-università.

(31)  Skont l-istruttura ta’ organizzazzjoni, l-esperjenza fit-trattament ta’ dawn il-kompiti probabbilment se tkun fl-“uffiċċju tal-konformità”, id-“dipartiment legali”, l-“uffiċċju tar-riċerka”, id-“dipartiment tas-sigurtà” jew, fl-“uffiċċju tat-trasferiment tat-teknoloġija”. It-termini speċifiċi użati huma ismijiet suġġestivi użati ta’ spiss minn diversi organizzazzjonijiet tar-riċerka. Il-lista b’eżempji ta’ dipartimenti offruta mhijiex eżawrjenti.

(32)  Pereżempju, waqt li jkun qiegħed jipproċessa kuntratti u ftehimiet, il-persunal amministrattiv imħarreġ jista’ jidentifika rekwiżiti kuntrattwali li potenzjalment joħolqu kwistjonijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni (eż. restrizzjonijiet għall-aċċess għar-riżultati tar-riċerka), jalludu għal suġġetti sensittivi ta’ riċerka applikata, u/jew jippreżentaw suspetti dwar l-utenti finali/l-użi finali u d-destinazzjonijiet/in-nazzjonalitajiet involuti. Bl-istess mod, l-amministrazzjoni tista’ tiltaqa’ ma’ u tirrapporta lill-funzjoni ta’ konformità tal-esportazzjoni inkonsistenzi mat-termini tal-liċenzji tal-esportazzjoni jew rekwiżiti oħra tal-ICP matul l-eżekuzzjoni tal-proġetti u l-attivitajiet ta’ riċerka.

(33)  Organizzazzjoni tar-riċerka u b’mod partikolari università tista’ tieħu aktar inizjattivi biex tinkludi taqsima ta’ sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ nonproliferazzjoni u kontroll tal-esportazzjoni fil-kurrikuli tal-aktar dixxiplini sensittivi.

(34)  Dan jinkludi ftehimiet dwar il-finanzjament u l-kooperazzjoni taħt kuntratti, Memoranda ta’ Qbil, eċċ.

(35)  Għodda bħal din tista’ tiġi ppubblikata online, fis-sit web intern tal-organizzazzjoni, pereżempju, fit-taqsima dwar l-integrità tar-riċerka jew il-konformità mar-regolamenti dwar is-sigurtà u s-sikurezza. Jista’ jkollha xi utilità wkoll f’termini ta’ sensibilizzazzjoni.

(36)  Huwa rikonoxxut li mhux l-organizzazzjonijiet tar-riċerka kollha għandhom fis-seħħ politiki istituzzjonali għall-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet kollha li potenzjalment jippreżentaw riskju ta’ kontroll tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, l-iskambji u l-kollaborazzjonijiet informali normalment ma jkunux awtorizzati permezz ta’ mekkaniżmu istituzzjonali.

(37)  Id-destinazzjonijiet u l-entitajiet sensittivi mhumiex taħt embargo jew taħt sanzjonijiet, iżda l-ispedizzjoni jew it-trażmissjoni ta’ (ċerti) oġġetti b’użu doppju lejhom tista’ tkun kritika f’każijiet individwali, pereżempju minħabba tħassib dwar il-proliferazzjoni jew dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-gvernijiet tal-Istati Membri jistgħu jimplimentaw l-approċċ tagħhom stess dwar din il-kwistjoni. Kull meta jkun hemm dubju, kun ċert li tikkuntattja lill-awtorità kompetenti tiegħek.

(38)  Innota li t-taqsima 2.3.7 telenka t-tipi differenti ta’ awtorizzazzjonijiet li jistgħu japplikaw għal attività speċifika. Skont id-destinazzjonijiet u l-oġġetti marbuta ma’ attività kkontrollata, organizzazzjoni tar-riċerka tista’ tagħmel użu minn proċeduri ta’ liċenzja simplifikati bħal dawk previsti taħt l-EUGEAs.

(39)  Eżempju ta’ dijagramma sekwenzjali tar-rekwiżiti ta’ liċenzja għall-esportazzjonijiet u t-trasferimenti intra-UE ta’ oġġetti b’użu doppju huwa pprovdut fl-Appendiċi 5. L-organizzazzjonijiet jistgħu jikkunsidraw li jiżviluppaw internament dijagrammi sekwenzjali u għodod online oħra li jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom.

(40)  Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat għodda għall-estrazzjoni tat-test li tista’ tgħin lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka jivvalutaw il-produzzjoni xjentifika mgħoddija tagħhom biex jidentifikaw artikli, privattivi jew eżiti ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE diġà prodotti u ppubblikati, li seta’ kellhom kontenut potenzjali b’użu doppju. B’dan il-mod, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jistgħu jimmiraw aħjar l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni interni tagħhom u jirrinforzaw il-miżuri ta’ konformità tagħhom. Għal aktar informazzjoni, ikkonsulta l-Pjattaforma dwar l-Użu Doppju tat-TIM: https://knowledge4policy.ec.europa.eu/text-mining/tim-dual-use_en.

(41)  Il-mappa tas-sanzjonijiet tal-UE hija għodda utli li tista’ tgħin organizzazzjoni tar-riċerka biex tidentifika r-restrizzjonijiet applikabbli tal-UE: https://www.sanctionsmap.eu/#/main.

(42)  Il-lista konsolidata ta’ sanzjonijiet tal-UE hija disponibbli fil-link li ġejja: https://eeas.europa.eu/topics/sanctions-policy/8442/consolidated-list-of-sanctions_en. Barra minn hekk, ara n-nota f’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq dwar il-Mappa tas-Sanzjonijiet tal-UE.

(43)  F’każ li s-sieħeb tiegħek ma jkunx familjari mat-talba għal dikjarazzjoni tal-użu finali, għandek tikkunsidra li tfassal ittra ta’ akkumpanjament (ta’ paġna) li tispjega l-elementi bażiċi tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u li tindika li d-dokument mitlub iħaffef l-applikazzjoni għal liċenzja jew jista’ jkun saħansitra meħtieġ biex tingħata liċenzja.

(44)  L-Artikolu 12(4) tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju jsostni li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jista’ jkun soġġett għal obbligu li tiġi pprovduta dikjarazzjoni tal-użu finali. Għalhekk, għandek tinforma ruħek dwar jekk l-awtorità kompetenti għall-kontroll tal-esportazzjoni teħtieġx (1) dikjarazzjoni mimlija u ffirmata sewwa tal-użu finali għal awtorizzazzjoni waħda jew aktar; u (2) jekk id-dikjarazzjoni tal-użu finali għandux ikun fiha l-letterhead tal-utent finali/id-destinatarju fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali. Anki mingħajr obbligu nazzjonali li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni mimlija u ffirmata kif suppost tal-użu finali, dikjarazzjoni tal-użu finali hija mezz utli biex tiġi verifikata l-affidabbiltà tal-utent finali/id-destinatarju u l-informazzjoni tista’ tintuża biex jiġi determinat jekk tkunx meħtieġa awtorizzazzjoni għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati, meta jkun hemm tħassib iddikjarat dwar l-użu finali fis-sens tad-dispożizzjonijiet onnikomprensivi fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

(45)  Ara l-obbligi ġenerali stipulati fl-Artikolu 27 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju u kkonsulta, fejn xieraq, l-awtorità nazzjonali tiegħek għall-ispeċifiċitajiet tal-obbligi taż-żamma tar-rekords.

(46)  Skont il-proċeduri ta’ liċenzjar tal-Istat Membru, huwa possibbli li l-koordinatur tal-konsorzju – meta jkun ibbażat fl-UE- japplika għal liċenzja f’isem l-organizzazzjonijiet sħab tiegħu. Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lill-awtorità nazzjonali tiegħek.

(47)  Fir-rigward tal-kjarifiki li jista’ jkollok bżonn b’rabta mal-istandards rakkomandati tas-sigurtà tal-IT, indirizza l-mistoqsijiet tiegħek lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni tiegħek.

(48)  L-Artikoli 4, 5, 9 u 10 tar-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

(49)  Din l-iskema ma tinkludix ir-rekwiżiti ta’ liċenzja għal oġġetti li huma ddisinjati jew modifikati apposta għall-użu militari. Ikkonsulta l-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-organizzazzjoni tar-riċerka jew mill-awtorità kompetenti tiegħek. It-terminoloġija b’marki ta’ kwotazzjoni doppji, (jiġifieri “software”) tirreferi għad-definizzjonijiet kif ipprovduti mir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju.

(50)  L-Appendiċi 7 huwa sommarju tar-rekwiżiti ta’ liċenzja għal oġġetti b’użu doppju skont ir-Regolament tal-UE dwar l-użu doppju. Ir-regolamenti nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżiti addizzjonali ta’ liċenzjar. Dan l-Appendiċi ma jinkludix ir-rekwiżiti ta’ liċenzja għal oġġetti li huma ddisinjati jew modifikati apposta għall-użu militari. Ikkonsulta l-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-awtorità kompetenti tiegħek.