4.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/1


IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/132

tat-2 ta’ Frar 2021

li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 77(2)(b) u (e) u 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (1).

(2)

Il-kriterji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 jirreferu għar-rata medja ta’ notifika ta’ 14-il jum tal-UE tal-15 ta’ Ġunju 2020. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, adottata fit-13 ta’ Ottubru 2020, tuża kriterji addizzjonali li jirriflettu l-aktar parir xjentifiku reċenti (2).

Varjanti ġodda tal-virus SARS COV-2 huma raġuni serja għat-tħassib. Il-varjanti jidhru li huma bejn 50–70 % aktar trażmissibbli (3) u jżidu l-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.

Għalhekk jenħtieġ li jiġu aġġornati l-kriterji u l-limiti stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912.

(3)

Fit-22 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rreaġixxiet għat-tfaċċar ta’ wieħed minn dawn il-varjanti billi adottat ir-Rakkomandazzjoni dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant tas-SARS-COV-2 innutat fir-Renju Unit. (4)

(4)

Fid-19 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar front magħqud biex negħlbu l-COVID-19 appellat għal azzjoni urġenti biex jitrażżan ir-riskju ta’ tielet mewġa ta’ infezzjonijiet potenzjalment aktar ħarxa.

(5)

Fl-istess Komunikazzjoni, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li jenħtieġ li l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu, speċjalment lejn u minn żoni ta’ riskju għoli, jiġi skoraġġut ħafna sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun tjiebet b’mod konsiderevoli.

(6)

Fil-21 ta’ Jannar 2021, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ħareġ l-aħħar valutazzjoni tar-riskju tiegħu dwar it-tixrid tal-varjanti l-ġodda tas-SAR-CoV-2 ta’ tħassib fl-UE/ŻEE (5), fejn irrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri aktar stretti u ta’ gwida dwar l-evitar tal-ivvjaġġar mhux essenzjali, inkluż bl-għan li jitnaqqsu l-importazzjoni u t-tixrid tal-varjanti l-ġodda ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2. Minbarra r-rakkomandazzjonijiet kontra l-ivvjaġġar mhux essenzjali, u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal dawk infettati, jenħtieġ li jinżammu miżuri tal-ivvjaġġar bħall-ittestjar u l-kwarantina tal-vjaġġaturi, b’mod partikolari għall-vjaġġaturi minn żoni b’inċidenza ogħla tal-varjanti l-ġodda. Jekk is-sekwenzjar ikun għadu insuffiċjenti biex jeskludi l-possibbiltà ta’ inċidenza ogħla tal-varjanti l-ġodda, skont il-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar is-sekwenzjar ġenomiku, jenħtieġ li jitqiesu wkoll miżuri proporzjonati tal-ivvjaġġar minn żoni fejn hemm livell għoli kontinwu ta’ trażmissjoni komunitarja.

(7)

Fil-konklużjonijiet orali li ħarġu wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021, il-President tal-Kunsill Ewropew innota li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri li jirrestrinġu l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u fl-UE biex titrażżan il-firxa tal-virus u appella lill-Kunsill biex jirrevedi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-ivvjaġġar intra-UE u l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fid-dawl tar-riskji maħluqa mill-varjanti l-ġodda tal-virus.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, trid tiddeċiedi, fi żmien perijodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha.

(9)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (6); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (8) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (10), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (11),

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 hija emendata kif ġej:

1.

It-tieni paragrafu tal-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jiġu ddeterminati l-pajjiżi terzi li r-restrizzjoni attwali fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għalihom jenħtieġ li titneħħa, jenħtieġ li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-pajjiżi terzi rispettivi u l-kriterji ulterjuri kif stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni.”

2.

Il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fir-rigward tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, jenħtieġ li japplikaw il-kriterji li ġejjin:

ir-‘rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19’, jiġifieri, l-għadd totali ta’ każijiet ta’ COVID-19 ġodda nnotifikati għal kull 100 000 abitant matul l-14-il jum preċedenti;

ix-xejra ta’ każijiet ġodda tul l-istess perijodu meta mqabbla mal-14-il jum ta’ qabel hija stabbli jew qed tonqos;

ir-‘rata tal-ittestjar’, jiġifieri, l-għadd ta’ testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 għal kull 100 000 abitant imwettqa matul is-sebat ijiem preċedenti;

ir-‘rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv’, jiġifieri, il-perċentwal tat-testijiet b’riżultat pożittiv minn fost it-testijiet kollha għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettqa matul is-sebat ijiem preċedenti;

in-natura tal-virus preżenti fil-pajjiż, b’mod partikolari jekk instabux varjanti ta’ tħassib tal-virus. Il-varjanti ta’ tħassib huma vvalutati bħala tali miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) abbażi ta’ elementi ewlenin tal-virus bħat-trażmissjoni, is-severità u l-kapaċità li jaħrab mir-reazzjoni immuni.

Biex jiġu inklużi fl-Anness I, il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw il-limiti li ġejjin: rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ mhux aktar minn 25, rata tal-ittestjar ogħla minn 300, u rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv ta’ mhux aktar minn 4 %. Barra minn hekk, jista’ jittieħed kont tar-rispons ġenerali għall-COVID-19, b’mod partikolari l-informazzjoni disponibbli dwar aspetti bħas-sorveljanza, it-traċċar tal-kuntatti, il-konteniment, it-trattament u r-rappurtar kif ukoll l-affidabbiltà tal-informazzjoni u s-sorsi tad-data disponibbli u, jekk ikun meħtieġ, għandu jittieħed kont ukoll tal-punteġġ medju totali dwar id-dimensjonijiet kollha tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR).

Id-data dwar ir-“rata tal-ittestjar” u r-“rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv” għandha tiġi pprovduta miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-ECDC. Tali data tista’ tiġi kkomplementata b’informazzjoni pprovduta mid-delegazzjonijiet tal-UE, meta disponibbli, ibbażata wkoll fuq il-lista ta’ kontroll annessa għall-Komunikazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020.”

3.

Il-punt 4 huwa emendat kif ġej:

a)

It-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew jew jiġu introdotti mill-ġdid totalment jew parzjalment għal pajjiż terz speċifiku diġà elenkat fl-Anness I, skont bidliet f’xi wħud mill-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq u, bħala konsegwenza, fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.”

b)

Jiżdiedu l-paragrafu li ġejjin:

“Fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar malajr u, b’mod partikolari, fejn tiġi skoperta inċidenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib tal-virus, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid malajr għal vjaġġar mhux essenzjali għall-pajjiżi terzi diġà elenkati fl-Anness I.

Sabiex titneħħa r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, jenħtieġ li l-Istati Membri, fuq bażi ta’ każ b’każ, jikkunsidraw ir-reċiproċità mogħtija liż-żona UE+.”

4.

Il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt 4:

“Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskoraġġixxu bil-qawwa l-ivvjaġġar mhux essenzjali miż-żona tal-UE+ lejn pajjiżi oħra minbarra dawk elenkati fl-Anness I.”

Il-punti li ġejjin jiġu nnumerati mill-ġdid kif meħtieġ.

5.

Il-punt 6 l-ġdid huwa emendat kif ġej:

(a)

It-tieni paragrafu jitħassar.

(b)

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara t-tieni paragrafu li tħassar:

“Fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar malajr u, b’mod partikolari, fejn tiġi skoperta inċidenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib tal-virus, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw temporanjament il-kategoriji ta’ vjaġġaturi elenkati fl-Anness II. L-ivvjaġġar iġġustifikat minn raġunijiet konvinċenti jenħtieġ li jibqa’ possibbli.”

(c)

L-aħħar paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II tista’ tiġi riveduta mill-Kunsill, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, skont konsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi kif ukoll skont il-valutazzjoni kumplessiva tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, abbażi tal-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija hawn fuq.”

6.

Il-punt 7 il-ġdid huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-persuni li jivvjaġġaw għal raġuni, funzjoni jew ħtieġa essenzjali jew mhux essenzjali, bl-eċċezzjoni tat-trasport u l-ħaddiema transfruntiera, ikunu rriżultaw negattivi għall-COVID-19 abbażi ta’ test tar-reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) li jkun sar mhux qabel 72 siegħa qabel it-tluq, u li jippreżentaw il-prova xierqa ta’ tali riżultat tat-test fil-forma stipulata mill-awtoritajiet.

Jekk it-testijiet mat-tluq ma jkunux possibbli, il-persuni msemmija fil-punt 6 (a) u (b) għandu jkollhom il-possibbiltà li jwettqu t-test wara l-wasla, f’konformità mal-proċeduri nazzjonali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu li wieħed jgħaddi minn kwalunkwe miżura ulterjuri, inkluża l-kwarantina, wara l-wasla.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu awtoiżolament, kwarantina u traċċar tal-kuntatti għal perijodu ta’ mhux aktar minn 14-il jum, kif ukoll ittestjar ulterjuri għall-COVID-19 kif meħtieġ matul l-istess perijodu, dment li jimponu l-istess rekwiżiti fuq iċ-ċittadini tagħhom stess meta jivvjaġġaw mill-istess pajjiż terz. Għal dawk il-vjaġġaturi li jaslu minn pajjiż terz fejn ikun instab varjant tal-virus ta’ tħassib, jenħtieġ li l-Istati Membri jimponu tali rekwiżiti u b’mod partikolari, il-kwarantina mal-wasla u ttestjar addizzjonali mal-wasla jew wara.

Fir-rigward tal-ivvjaġġar li jsir b’konnessjoni ma’ funzjoni jew ħtieġa essenzjali kif stabbilit fl-Anness II:

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, b’mod ikkoordinat, li jirrinunzjaw għal xi wħud mill-miżuri ta’ hawn fuq jew għal kollha kemm huma f’dawk il-każijiet fejn tali miżura timpedixxi l-iskop proprju tal-vjaġġ;

Għall-ħaddiema tat-trasport, baħħara u l-ħaddiema transfruntiera, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux aktar minn Test Rapidu tal-Antiġeni negattiv mal-wasla biex jidħlu fiż-żona UE+. Fil-każ speċifiku ta’ persunal tat-trasport li jkun ġej minn pajjiż fejn tiġi skoperta inċidenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib tal-virus, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu Test Rapidu tal-Antiġeni negattiv qabel it-tluq;

Jenħtieġ li l-ekwipaġġi tal-ajru jiġu eżentati minn kwalunkwe ttestjar jekk is-soġġorn tagħhom f’pajjiż terz kien ta’ inqas minn 12-il siegħa, sakemm ma jaslux minn pajjiż terz fejn ikun instab varjant ta’ tħassib, u f’dak il-każ ikun jenħtieġ li jagħmlu testijiet proporzjonati.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa pubblika li jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri bħal tbegħid fiżiku u r-rekwiżit li tintlibes maskra.”

7.

Il-punt il-ġdid li ġej jiddaħħal wara l-punt 7:

“L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw Formola għal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (PLF) u jeħtieġu li l-persuni li jidħlu fl-UE jissottomettu PLF f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni tad-data. Qed tiġi żviluppata Formola Ewropea għal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri komuni għall-użu possibbli mill-Istati Membri. Kull fejn ikun possibbli, għandha tintuża għażla diġitali għall-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar u jitħaffef it-traċċar tal-kuntatti, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi.”

8.

Il-punti li ġejjin jiġu nnumerati mill-ġdid kif meħtieġ.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU LI 208, 1.7.2020, p. 1).

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3).

(3)  Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECDC: Riskju relatat mat-tixrid ta’ varjanti ġodda ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2 fl-UE/fiż-ŻEE, tinsab hawnhekk: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/covid-19-risk-assessment-spread-new-sars-cov-2-variants-eueea

(4)  C(2020) 9607 final.

(5)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Riskju relatat mat-tixrid ta’ varjanti ġodda ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2 fl-UE/fiż-ŻEE, l-ewwel aġġornament–21 ta’ Jannar 2021. ECDC: Stokkolma; 2021. Jinsab hawnhekk: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-risk-related-to-spread-of-new-SARS-CoV-2-variants-EU-EEA-first-update.pdf

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).