7.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2165

tat-3 ta’ Diċembru 2021

dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Ministeru tas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 8684)

(It-test Ċek biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ April 2021, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Ministeru tas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka (“l-awtorità kompetenti”) adotta deċiżjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF mill-utenti professjonali għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru sat-12 ta’ Ottubru 2021 (“l-azzjoni”). F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha.

(2)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, peress li l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magna tal-inġenji tal-ajru u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħha, u minħabba f’hekk tpoġġi f’riskju s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet li saru fuq it-titjiriet minħabba fiha wasslu biex bosta inġenji tal-ajru jkollhom jibqgħu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hi fattur aggravanti fil-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(3)

Il-prodott Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 14697-50-8), li huma sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip tal-prodotti Nru 6 bħala “Preservattivi għal prodotti matul il-ħżin”, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Billi dawk is-sustanzi attivi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali.

(4)

Fis-7 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret minħabba tħassib li anki wara t-12 ta’ Ottubru 2021, it-trasport bl-ajru jista’ jibqa’ pperikolat minħabba xi kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u minħabba l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata kontaminazzjoni mikrobijoloġika bħal din.

(5)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji serji fl-imġiba tal-magni li kienu osservati wara t-trattament b’dak il-prodott.

(6)

Kif indikat mill-awtorità kompetenti, ma teżisti l-ebda alternattiva għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru bil-Biobor JF.

(7)

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi għall-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott. Jidher ukoll li applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih il-Biobor JF hija mistennija li tiġi sottomessa sa nofs l-2022. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew.

(8)

In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitnaqqas biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ministeru tas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka jista’ jestendi l-azzjoni sas-16 ta’ April 2023 li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mill-utenti professjonali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru tas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).