6.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 433/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2144

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-32 sessjoni tal-Assemblea tagħha dwar l-adozzjoni ta’ emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima u li jiġi protett l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem.

(2)

L-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), matul it-32 sessjoni tagħha mis-6 sal-15 ta’ Diċembru 2021 (“A 32”), hi mistennija tadotta l-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC) (‘Linji Gwida għall-Istħarriġ’), 2021, u tirrevoka r-Riżoluzzjoni A.1140(31) tal-Assemblea tal-OMI li fiha l-Linji Gwida għall-Istħarriġ, 2019.

(3)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-A 32, peress li l-emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(4)

L-adozzjoni tal-Linji Gwida għall-Istħarriġ, 2021 u r-revoka tal-Linji Gwida għall-Istħarriġ, 2019 huma parti minn rieżami regolari. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi għaliex jiżguraw li l-Linji Gwida għall-Istħarriġ jibqgħu aġġornati.

(5)

L-Unjoni la hija membru tal-OMI, u lanqas ma hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni waqt l-A 32.

(6)

Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jkunu jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-32 sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni, 2021, kif stipulat fid-dokument tal-OMI III 7/17/Add.1, taqsima 8 u anness 6, u r-revoka konsegwenti tar-Riżoluzzjoni A.1140(31) tal-Assemblea tal-OMI.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni kif tinsab fl-Artikolu 1 tkopri l-emendi kkonċernati sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u sa fejn dawn jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Hija għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-OMI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

2.   Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 3

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jagħtu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikolu 1, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VRTOVEC


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11).