19.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 413/34


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2021

tat-18 ta’ Novembru 2021

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja

(notifikata bid-dokument C(2021) 8468)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer hu marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi, u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti ta’ kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini miżmuma, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali porċini miżmuma.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ aktar żoni ristretti madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 (4) jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer. B’mod partikolari, il-punt (a) tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona ristretta fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini miżmuma, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tagħha, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fl-istat ta’ Mecklenburg-Vorpommern ikkonfermata fil-15 ta’ Novembru, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(6)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta, li tinkludi ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, b’rabta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja u b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(7)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, huwa importanti li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja għandha tiżgura li ż-żona ristretta stabbilita minn dak l-Istat Membru, li fiha japplikaw il-miżuri previsti għaż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta’ Frar 2022.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 tas-7 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer (ĠU L 129, 15.4.2021, p. 1).


ANNESS

Iż-żoni stabbiliti bħala ż-żona ristretta fil-Ġermanja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Id-data sa meta applikabbli

Iż-żona ta’ protezzjoni

Landkreis Rostock:

Gemeinde Lalendorf mit den Ortsteilen Vogelsang, Raden, Lalendorf, Mamerow und Bergfeld.

il-15 ta’ Frar 2022

Iż-żona ta’ sorveljanza

Landkreis Rostock

Gemeinde Dahmen mit den Ortsteilen Barz, Bockholt und Neu Ziddorf,

Gemeinde Dalkendorf mit den Ortsteilen Amalienhof, Appelhagen, Bartelshagen, Dalkendorf,

Gemeinde Dobbin-Linstow mit dem Hallaliter Forst,

Gemeinde Groß Roge mit den Ortsteilen Groß Roge, Klein Roge, Mieckow, Neu Rachow, Rachow, Wotrum und Zierstorf,

Gemeinde Groß Wokern mit den Ortsteilen Groß Wokern, Klein Wokern, Neu Wokern, Nienhagen, Uhlenhof und Waldschmidt,

Gemeinde Hohen Demzin mit den Ortsteilen Burg Schlitz, Görzhausen, Grambzow, Groß Köthel, Hohen Demzin, Karstorf und Klein Köthel,

Gemeinde Hoppenrade mit den Ortsteilen Koppelow, Schwiggerow und Striggow,

Gemeinde Kuchelmiß mit den Ortsteilen Ahrenshagen nördlich der L11, Hinzenhagen, Kuchelmiß und Wilsen,

Stadt Laage mit dem Ortsteil Pölitz,

Gemeinde Lalendorf mit den Ortsteilen Bansow, Carlsdorf, Dersentin, Friedrichshagen, Gremmelin, Klaber, Krassow, Krevtsee, Langhagen, Lübsee, Neu Krassow, Neu Zierhagen, Niegleve, Nienhagen, Reinshagen, Roggow, Rothspalk, Schlieffenberg, Tolzin, Vietgest und Wattmannshagen,

Stadt Teterow — Stadtgebiet bis Bergringstadion/Malchiner Straße,

Gemeinde Warnkenhagen mit den Ortsteilen Hessenstein und Warnkenhagen,

Landkreis Mecklenburgische Seenplatte

Gemeinde Vollrathsruhe, Ortsteil Klein Luckow.