29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 386/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1885

tal-20 ta’ April 2021

Dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.43127 — 2018/C (ex 2015/NN) (ex 2015/N) implimentata mill-Polonja għal Przewozy Regionalne Sp. z o.o.

(notifikata bid-dokument C(2021) 855)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, il-punt (a) tal-Artikolu 62(1) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-21 ta’ Settembru 2015, il-Polonja nnotifikat għajnuna għar-ristrutturar għal Przewozy Regionalne Sp. z o.o. (“PR”) fl-ammont ta’ PLN 770,3 miljun (madwar EUR 181 miljun) (2) (“l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata”). L-għajnuna ngħatat fit-30 ta’ Settembru 2015 fil-forma ta’ investiment fl-ekwità mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (“IDA”) li hija 100 % proprjetà tal-Istat. Peress li l-għajnuna ngħatat mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, ġiet irreġistrata bħala għajnuna illegali (2015/NN).

(2)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali f’dawn id-dati (i) is-27 ta’ Novembru 2015, (ii) it-23 ta’ Novembru 2016 u (iii) it-30 ta’ Ġunju 2017, li għalihom il-Polonja wieġbet f’dawn id-dati (i) is-16 ta’ Frar 2016, l-4 ta’ Marzu 2016 u t-3 ta’ Ġunju 2016, (ii) id-9 ta’ Jannar 2017 u (iii) t-28 ta’ Lulju 2017, rispettivament. Barra minn hekk, il-Polonja ssottomettiet informazzjoni fil-11 ta’ Jannar 2017, fl-1 ta’ Frar 2017 u fl-20 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni organizzat laqgħat mal-Polonja fit-8 ta’ April 2016, fis-26 ta’ April 2016, fil-21 ta’ Settembru 2016, fil-11 ta’ Jannar 2017, fl-4 ta’ Lulju 2017, u fit-13 ta’ Settembru 2019.

(3)

Matul il-valutazzjoni preliminari u qabel il-bidu tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), il-Kummissjoni rċiviet ittri mingħand partijiet interessati li allegaw li PR kienet diġà rċiviet għajnuna mill-Istat qabel l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata. Peress li dawk l-ittri ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (3), il-Kummissjoni rreġistrathom bħala informazzjoni ġenerali dwar is-suq u kkunsidrathom fil-valutazzjoni preliminari.

(4)

Permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni informat lill-Polonja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE. Wara l-bidu tal-proċedura, il-Polonja ppreżentat il-kummenti tagħha fil-25 ta’ April 2018. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) fl-4 ta’ Mejju 2018. Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

(5)

Bejn l-20 ta’ Ġunju 2018 u d-29 ta’ Ġunju 2018, żewġ partijiet interessati, European Passenger Transport Operators, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit) (“EPTO”) u Fundacja ProKolej, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja) (“ProKolej”) (5) ipprovdew lill-Kummissjoni b’xi kummenti. Fid-9 ta’ Lulju 2018 u fl-4 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni għaddiet dawk il-kummenti lill-Polonja. Il-Polonja ssottomettiet osservazzjonijiet dwar dawk il-kummenti fit-2 ta’ Ottubru 2018.

(6)

Fit-28 ta’ Jannar 2019 u fil-11 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni organizzat laqgħat ma’ EPTO.

(7)

Fl-20 ta’ Mejju 2019, fil-25 u fil-31 ta’ Ottubru 2019, fid-29 ta’ Novembru 2019, fl-4 ta’ Diċembru 2020 u fit-30 ta’ Marzu 2021, il-Polonja ssottomettiet informazzjoni addizzjonali.

2.   SFOND U DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

2.1.   Il-benefiċjarju

(8)

PR hija l-akbar operatur ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri fil-Polonja, b’sehem ta’ madwar 27 % mis-suq Pollakk f’termini tan-numru ta’ passiġġieri ttrasportati u 50 % f’termini ta’ volum tat-traffiku f’ferrovija/km. PR, li hija bbażata f’Varsavja, topera fi 15 mis-16-il reġjun Pollakk (provinċji) u hija l-uniku fornitur tat-trasport ferrovjarju reġjonali pubbliku tal-passiġġieri f’seba’ provinċji, l-aktar f’dawk l-anqas żviluppati ekonomikament.

(9)

Qabel, PR kienet proprjetà ta’ 16-il gvern ta’ provinċji (reġjonali). Bħala riżultat tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturar notifikata, bħalissa hija proprjetà tal-IDA, li għandha 50 % + 1 ishma f’PR, u minn 16-il gvern ta’ provinċji (reġjonali). Timpjega madwar 9 000 persuna u hija kklassifikata bħala intrapriża kbira. Ir-reġjuni kollha li fihom topera PR huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE.

(10)

L-attività ewlenija ta’ PR hija l-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija fil-livell reġjonali taħt kuntratti pubbliċi għal servizz konklużi ma’ gvernijiet ta’ provinċji (reġjonali). Barra minn hekk, fuq skala ħafna iżgħar, PR tipprovdi servizzi tat-trasport internazzjonali u “transfruntiera” u tikri u ssewwi rolling stock. Fil-passat, PR ipprovdiet ukoll servizzi tat-trasport interreġjonali kummerċjali iżda ma baqgħetx toperahom f’Settembru 2015.

2.2.   Trasport ferrovjarju reġjonali fil-Polonja

(11)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-kuntratti pubbliċi għal servizzi għal servizzi domestiċi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija jistgħu jingħataw direttament sa Diċembru 2023, għal durata massima ta’ 10 snin, jiġifieri sa Diċembru 2033. Xi Stati Membri diġà fetħu s-swieq tagħhom (jew parti minnhom) għall-kompetizzjoni fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali applikabbli. Fil-Polonja, il-kuntratti mogħtija permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti kienu jammontaw għal madwar [4-30] % tal-volum totali tat-traffiku skedat fl-iskeda tal-2016/2017. B’maġġoranza kbira ta’ kuntratti li ma ntemmux qabel tmiem l-2020, is-sitwazzjoni tas-suq ma nbidlitx b’mod sinifikanti mill-iskeda tal-2016/17. Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Novembru 2019, il-Polonja kkonfermat (fuq il-bażi tad-data tal-2018) li s-sitwazzjoni tas-suq ma nbidlitx b’mod sinifikanti.

(12)

Skont il-liġi tal-Polonja, it-trasport ferrovjarju fil-livell reġjonali huwa organizzat mill-provinċji u huwa pprovdut fuq il-bażi ta’ kuntratt pubbliku għal servizz konkluż bejn l-organizzatur ta’ tali trasport (il-gvern ta’ provinċja) u l-operatur. L-organizzatur jista’ jakkwista servizzi tat-trasport jew permezz ta’ għoti dirett jew permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti. Fil-prattika, tal-ewwel intuża l-aktar ta’ spiss. Fl-iskeda tal-2016/2017, madwar [70-95] % tal-volum tat-traffiku jitwettaq taħt kuntratti mogħtija direttament.

(13)

Fit-22 ta’ Marzu 2018, il-qafas leġiżlattiv Pollakk li jirregola l-akkwist ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri ġie emendat bl-adozzjoni tal-Att li jemenda l-Att dwar it-Trasport Pubbliku (l-“Att tal-2018”) (7). L-Att tal-2018 jipprevedi, b’mod partikolari, li:

(a)

It-12 ta’ Diċembru 2020 se tkun l-iskadenza aħħarija għall-konklużjoni mir-reġjuni ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz fit-trasport ferrovjarju reġjonali mogħtijin direttament (mingħajr offerti pubbliċi);

(b)

L-14 ta’ Diċembru 2030 se tkun l-iskadenza aħħarija għad-durata tal-kuntratti pubbliċi għal servizz fit-trasport ferrovjarju reġjonali mogħtijin direttament mir-reġjuni (mingħajr offerti pubbliċi).

(14)

Il-kompetituri ta’ PR jinkludu tmien operaturi “interni” (l-hekk imsejħa “in-house”) (8), li joperaw essenzjalment fi provinċja waħda u li huma proprjetà tal-awtoritajiet ta’ dik il-provinċja (il-gvernijiet ta’ provinċji), kif ukoll operatur “estern” wieħed, Arriva RP, sussidjarja ta’ Deutsche Bahn AG u membru ta’ EPTO. Il-kompetituri ta’ PR joperaw fuq rotot partikolari, normalment madwar bliet akbar. Bħala riżultat ta’ dan, anke fir-reġjuni fejn hemm aktar minn operatur wieħed, PR spiss ikollha sehem sinifikanti fis-suq.

(15)

Skont il-Polonja, fejn ġiet organizzata proċedura kompetittiva ta’ offerti fil-passat, PR spiss kienet l-uniku offerent. Dan għaliex l-operaturi l-oħrajn qiesu r-rotot taħt il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti bħala mhux ekonomikament attraenti jew, fil-każ tal-operaturi “interni”, ma kinux interessati li jagħmlu offerti barra mill-provinċji fejn kienu l-operatur preeżistenti. Skont il-Polonja, minbarra Arriva RP, l-ebda operatur estern ieħor, domestiku jew barrani, ma esprima interess li jidħol fis-suq ferrovjarju reġjonali Pollakk f’xi żmien.

3.   ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI LI TIFTAĦ IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(16)

Skont id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat sitt miżuri addizzjonali li ngħataw lil PR qabel l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata. Tnejn minn dawk is-sitt miżuri nstabu li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-punt (b)(i) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1589 u, għalhekk, ma għadhomx jiġu vvalutati skont din id-Deċiżjoni. L-erba’ miżuri addizzjonali li jifdal instabu li jikkostitwixxu għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1589. Għal dawk l-erba’ miżuri addizzjonali, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.

(17)

B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta biss il-ħames miżuri deskritti fil-premessi (18) sa (22).

3.1.   Il-miżuri li qed jiġu vvalutati

(18)

Miżura 1 (l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata): Fit-30 ta’ Settembru 2015, l-IDA, li hija kkontrollata mill-Istat, akkwistat sehem ta’ 50 % + 1 f’PR għall-korrispettiv ta’ PLN 770,3 miljun (madwar EUR 181 miljun). Parti min-notifika hija pjan ta’ ristrutturar, li jirreferi wkoll għal tħassir tal-interess mill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Istat PKP Polskie Linie Kolejowe (“PKP PLK”) fl-ammont ta’ PLN […] (madwar EUR […]).

(19)

Miżura 2: Qabel l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata, il-Polonja tat lil PR (i) fl-2008 ammont ta’ PLN 2 160 miljun (madwar EUR 508 miljun) u (ii) fl-2006 u fl-2007, ammont ta’ PLN 242,9 miljun (madwar EUR 57 miljun). Fl-4 ta’ Diċembru 2020, il-Polonja ċċarat li dawk il-pagamenti saru fil-kuntest tar-ristrutturar kontinwu ta’ PR, sabiex jiġi kopert it-telf iġġenerat fil-passat. Il-Polonja indikat ukoll li tali pagamenti huma ta’ natura differenti mill-pagamenti li saru skont il-kuntratti pubbliċi għal servizz miftehmin bejn il-provinċji u PR bejn l-1 ta’ Ottubru 2001 u t-30 ta’ April 2004. F’din id-deċiżjoni, il-Miżura 2 se tissejjaħ “kopertura tat-telf tal-passat”.

(20)

Miżura 3: Qabel l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata, fid-29 ta’ Marzu 2004, PR ikkonkludiet ftehim ta’ ristrutturar tad-dejn ma’ PKP PLK li jipprovdi għar-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet ta’ PR fl-ammont ta’ PLN 1 902 miljun (madwar EUR 448 miljun), lejn il-kumpaniji tal-Grupp PKP li huma proprjetà tal-Istat (PKP PLK, PKP S.A., PKP Cargo, PKP Energetyka u PKP Intercity) (9). Il-ftehim kien jipprevedi tħassir ta’ 40 % tad-dejn u posponiment tal-ħlas lura tal-bilanċ pendenti tad-dejn sal-31 ta’ Diċembru 2007. Il-ftehim ġie mmodifikat bejn l-2005 u l-2008 bl-effett li l-perjodu tal-ħlas lura ġie estiż sad-29 ta’ Novembru 2009.

(21)

Miżura 4: Qabel l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata, bejn l-2009 u l-2014 PR ikkonkludiet 25 ftehim mal-kredituri li huma proprjetà tal-Istat (PKP S.A., PKP Energetyka, PKP Intercity, PKP PLK u l-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali (“ZUS”)) li jipprovdu għad-differiment tal-obbligazzjonijiet arretrati tagħha lejn dawk il-kredituri fl-ammont totali ta’ PLN [900-1 300 mln] (madwar EUR [235-282] miljun).

(22)

Miżura 5: Il-Polonja tat lil PR: (i) bejn l-2006 u l-2010, għajnuna għat-taħriġ ta’ PLN 0,97 ta’ miljun (madwar EUR 0,23 miljun); (ii) fl-2012 u fl-2013, għajnuna għar-reklutaġġ ta’ PLN 39 000 (madwar EUR 0,01 miljun) u (iii) bejn l-2010 u l-2015 għajnuna mogħtija mill-Polonja bħala għajnuna de minimis ta’ PLN 0,7 tmiljun (madwar EUR 0,17 miljun).

4.   KUMMENTI MILL-POLONJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(23)

Fir-rigward tal-Miżura 1, u b’mod partikolari l-pjan ta’ ristrutturar sottomess bħala parti min-notifika, il-Polonja spjegat li t-tħassir ippjanat tal-imgħax minn PKP PLK kien parti minn ftehim bejn PKP PLK u PR datat il-21 ta’ Marzu 2013 li rriżulta minn medjazzjoni bejniethom. Il-Polonja spjegat ukoll li d-deċiżjoni li jidħol fi ftehim kienet ibbażata fuq is-suq. Skont il-Polonja, il-konklużjoni tal-ftehim kienet aktar favorevoli għal PKP PLK milli t-tentattiv li jiġu rkuprati d-djun minn PR permezz ta’ proċedimenti ġudizzjarji. Il-Polonja żiedet li t-tħassir tal-imgħax huwa miżura li tintuża spiss fil-proċessi ta’ ristrutturar tad-dejn finanzjarju sabiex jiġi mmassimizzat l-irkupru mistenni tal-kapital tad-dejn.

(24)

Fir-rigward tal-Miżura 2, inizjalment il-Polonja spjegat li s-somma mħallsa kienet pjuttost il-pagament tardiv ta’ kumpens pendenti, li ma kienx tħallas qabel lil PR minħabba restrizzjonijiet baġitarji marbutin mar-riforma tas-settur ferrovjarju fil-Polonja. Sussegwentement, il-Polonja kkomplementat is-sottomissjoni inizjali tagħha billi spjegat li l-Miżura 2 hija kopertura tat-telf iġġenerat fil-passat u ngħatat fil-kuntest tar-ristrutturar kontinwu tal-kumpanija kkonċernata. F’dak ir-rigward, il-Polonja spjegat li r-restrizzjonijiet baġitarji, id-defiċits tal-finanzi pubbliċi u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fil-bidu tas-snin 2000 kienu jimpedixxu l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali tas-settur ferrovjarju fil-Polonja. Dan kellu impatt dirett fuq l-għoti ta’ finanzjament għall-operazzjonijiet ta’ PR (trasferiment ittardjat tal-assi ewlenin, eċċ.) u wassal għal deterjorament gradwali fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija u fid-defiċit tagħha. Għalhekk, il-Polonja ħadet miżuri xierqa matul il-ftit snin segwenti sabiex tindirizza l-kwistjonijiet u s-sitwazzjoni li rriżultaw mill-implimentazzjoni tar-riformi strutturali fis-settur ferrovjarju, inkluża l-kopertura tat-telf imsemmija aktar ’il fuq.

(25)

Fir-rigward tal-Miżura 3, il-Polonja spjegat li r-riforma tas-settur ferrovjarju Pollakk wasslet għad-defiċit ta’ PR. Fid-29 ta’ Marzu 2004, ġie konkluż ftehim ta’ ristrutturar tad-dejn sabiex tiġi solvuta s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ PR. Imbagħad, il-ftehim ġie mmodifikat bejn l-2005 u l-2008 iżda, skont il-Polonja, it-termini ewlenin tal-ftehim baqgħu l-istess. Il-Polonja spjegat ukoll li kien aktar ta’ vantaġġ għall-kredituri li jiġi mmodifikat il-ftehim milli li jitfittex rimedju permezz ta’ proċedimenti ġudizzjarji. Il-Polonja pprovdiet paragun tal-valur preżenti tal-flussi tal-flus tal-kredituri taħt żewġ xenarji alternattivi (l-implimentazzjoni tal-ftehim modifikat jew tal-proċedimenti ġudizzjarji) sabiex issostni l-asserzjonijiet tagħha. Il-Polonja żiedet li l-attivitajiet ta’ PR kienu jirrappreżentaw parti sinifikanti mid-dħul rispettiv tal-kredituri. F’dak iż-żmien, ma kienx hemm atturi mhux domestiċi oħrajn li esprimew interess li jidħlu fis-suq Pollakk, u, għalhekk, ma setgħux jikkumpensaw għat-telf ta’ dħul mill-attivitajiet ta’ PR.

(26)

Fir-rigward tal-Miżura 4, il-Polonja ma qablitx mas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni li, skont dawn, il-ftehimiet ta’ ristrutturar tad-dejn konklużi bejn l-2009 u l-2014 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat minħabba li ma ġewx konklużi skont it-termini tas-suq. Il-Polonja spjegat li għall-kredituri kienet prattika komuni li jivvalutaw liema metodu ta’ rkupru kien aktar effiċjenti u jiżgura probabbiltà ogħla ta’ redditu massimu tad-dejn. Skont il-Polonja, il-prattika tal-iskedar mill-ġdid tad-dejn u tat-tnaqqis tal-imgħax kienet komuni u l-istituzzjonijiet finanzjarji użaw proċessi ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-Polonja spjegat ukoll li konsulent indipendenti wettaq analiżi bbażata fuq suppożizzjonijiet konservattivi sabiex jidentifika l-aħjar metodu ta’ rkupru. Ir-riżultati tal-analiżi wrew li l-ftehim dwar ir-ristrutturar tad-dejn ikun aħjar minn metodi oħrajn ta’ rkupru. Il-Polonja żiedet li PR ħallset id-djun lill-kredituri individwali f’konformità mas-saldi ffirmati.

(27)

Fir-rigward tal-Miżura 5, il-Polonja spjegat li matul il-perjodu 2009-2011, PR irċiviet għajnuna ta’ PLN 1 177 421 (madwar EUR 277 040). Il-Polonja stqarret li parti mill-għajnuna (PLN 350 007, madwar EUR 82 350) kienet għajnuna de minimis. Il-bqija tal-għajnuna (PLN 827 414, madwar EUR 194 690) ingħatat fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna għat-taħriġ Nru X152/2009 (10) f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (11) (“GBER 2008”). Għalhekk, il-limitu tal-għajnuna de minimis ma nqabiżx.

(28)

Lil hinn minn kummenti speċifiċi dwar il-Miżuri identifikati fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Polonja għamlet il-kummenti li ġejjin.

(29)

Il-Polonja sostniet li, qabel l-2015, PR ma setgħetx titqies bħala “impriża f’diffikultà” skont it-tifsira tal-punt 10(a) tal-Linji Gwida tal-2004 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (il-“Linji Gwida tal-2004”) (12). Il-Polonja spjegat li bejn l-2004 u l-2014, PR ma kinitx tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti għal “impriża f’diffikultà” previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li: ikun sparixxa aktar minn nofs il-kapital reġistrat tagħha u matul it-12-il xahar preċedenti jkun intilef aktar minn kwart ta’ dak il-kapital. Il-Polonja argumentat li matul il-perjodu 2004-2014, PR tilfet aktar minn nofs il-kapital reġistrat tagħha, iżda PR tilfet aktar minn kwart ta’ dak il-kapital fi 12-il xahar biss fl-2005. Skont il-Polonja, minkejja li r-rekwiżiti t-tnejn li huma ġew issodisfati fl-2005, ma jistax jiġi preżunt li PR kienet “impriża f’diffikultà” matul il-perjodu kollu bejn l-2004 u l-2014. Il-Polonja ddikjarat li l-analiżi tad-data finanzjarja ta’ PR tappoġġa din il-konstatazzjoni. Il-Polonja żiedet li r-rekwiżiti għat-trattament bħala “impriża f’diffikultà” skont il-Linji Gwida tal-2004 ma humiex kompatibbli mas-sitwazzjoni speċifika tas-settur ferrovjarju riformat fil-Polonja wara l-2004 li fih kienet qed topera PR. Il-Polonja spjegat li s-settur ferrovjarju riformat ma kienx strutturalment iffinanzjat biżżejjed, u, bħala riżultat tar-riforma, PR ma rċevitx ir-riżorsi finanzjarji li jikkorrispondu għall-obbligi tas-servizz pubbliku tagħha. Il-Polonja sostniet li jenħtieġ li dan l-isfond jiġi kkunsidrat fil-valutazzjoni.

(30)

Fir-rigward tal-volum ta’ xogħol li jirriżulta mill-kuntratti ta’ servizz pluriennali assunti fil-pjan ta’ ristrutturar, il-Polonja stqarret li s-suppożizzjonijiet ta’ użu attwali huma konsistenti mas-suppożizzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ ristrutturar, jiġifieri t-tnaqqis tax-xogħol operazzjonali annwali matul il-perjodu 2016-2020. Il-Polonja spjegat li l-volum ta’ xogħol operazzjonali mwettaq minn PR skont il-kuntratti ta’ servizzi pluriennali ma huwiex anqas mil-livell stabbilit fil-pjan ta’ ristrutturar. Ix-xogħol operazzjonali mwettaq minn PR kien kemxejn ogħla mis-suppożizzjonijiet fil-pjan ta’ ristrutturar oriġinali, ikkawżat minn fatturi esterni mhux prevedibbli, bħall-inabbiltà ta’ operaturi oħrajn li jipprovdu servizzi ppjanati mill-provinċji. Il-Polonja ddikjarat li PR qed issegwi l-objettivi dwar ix-xogħol operazzjonali mingħajr devjazzjonijiet negattivi mis-suppożizzjonijiet li saru fil-pjan ta’ ristrutturar. Kif mitlub fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja pprovdiet data u spjegazzjonijiet dwar id-devjazzjonijiet mill-pjan ta’ ristrutturar. Il-Polonja spjegat li kien hemm devjazzjonijiet żgħar mis-suppożizzjonijiet fil-pjan ta’ ristrutturar minħabba ċirkostanzi indipendenti minn PR. Bl-istess mod, kif mitlub mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja pprovdiet aġġornament tal-pjan ta’ ristrutturar kif ukoll projezzjoni finanzjarja sħiħa tal-agħar xenarju possibbli.

(31)

Il-Polonja spjegat li PR ipprovat tikseb mingħajr suċċess finanzjament sabiex tinvesti f’rolling stock għall-perjodu 2010-2013. Il-Polonja spjegat li l-kuntratti pubbliċi għal servizz għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija huma bbażati fuq mekkaniżmi mfasslin sabiex jipprevjenu kumpens żejjed. Il-kuntratti jipprevedu redditu massimu fuq il-kapital impjegat (ROCE) ta’ 6 % u huma mmonitorjati regolarment u s-saldu tal-kumpens huwa soġġett għal awditi. Il-Polonja spjegat li l-kuntratti fihom dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni u s-saldu tal-kumpens kif ukoll dwar ir-rapportar u l-kontroll. Il-Polonja żiedet li l-ħlas tal-kumpens huwa soġġett għal awditi minn operaturi indipendenti, u li ma ġiet identifikata l-ebda irregolarità.

(32)

Il-Polonja argumentat li jenħtieġ li l-ispeċifiċitajiet tas-settur ferrovjarju fil-Polonja jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont it-Trattat u tal-miżuri ta’ kumpens proposti mill-Polonja. Il-Polonja essenzjalment spjegat li s-settur ferrovjarju fil-Polonja huwa kkaratterizzat minn nuqqas ta’ kompetizzjoni u minn nuqqas ta’ interess minn “atturi ġodda” minn Stati Membri oħrajn. Dawk il-karatteristiċi, flimkien man-nuqqas ta’ riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (li ma jeżistix) jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-għajnuna.

(33)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ ftuħ tas-suq proposti mill-Polonja u deskritti fil-premessi (180) u (181) tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja spjegat li l-proposta tagħha li tawtorizza l-għoti dirett ta’ kuntratti sat-12 ta’ Diċembru 2020, u sabiex tiġi limitata d-durata ta’ dawk il-kuntratti sal-14 ta’ Diċembru 2030, kien qed jiġi eżaminat quddiem il-Parlament Pollakk (13). Il-Polonja ddikjarat li ma kinitx impenjat ruħha li (i) tiżgura l-iskadenza ta’ kuntratti mogħtija direttament fuq xi wħud mir-rotot, li jirrappreżentaw madwar [4-30] % tas-suq, qabel tmiem l-2030 u (ii) iżżomm miftuħin għall-kompetizzjoni rotot diġà liberalizzati, li għalihom ġew organizzati proċeduri ta’ għoti kompetittivi fil-passat, li jirrappreżentaw madwar [4-30] % tas-suq, fuq il-bażi tal-volum totali tat-traffiku f’ferrovija/km fl-iskeda tal-2016/2017. Il-Polonja stqarret li s-sentenza “ir-rolling stock se jingħata lura lill-awtorità awtorizzanti jew se jiġi rrimunerat skont it-termini tas-suq” fil-premessa (181) tad-deċiżjoni tal-ftuħ hija ambigwa. Skont il-Polonja, dik is-sentenza tista’ tiġi interpretata li tfisser li kwalunkwe rolling stock, jekk mixtri kemm minn organizzatur kif ukoll minn trasportatur, ikun kopert. Il-Polonja ddikjarat li jenħtieġ li dik is-sentenza tiġi interpretata bħala li tfisser li huwa kkonċernat biss ir-rolling stock mixtri mill-organizzatur.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

5.1.   EPTO

(34)

EPTO stqarret li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tivvalutax biss il-Miżura 1 iżda wkoll l-obbligu għal ċerti provinċji li jagħtu direttament kuntratti tal-passiġġieri ta’ ħames snin lil PR. Skont l-EPTO, dak l-obbligu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, għalhekk, jenħtieġ li jiġi investigat mill-Kummissjoni. EPTO żiedet li l-obbligu li jingħataw kuntratti direttament lil PR ikun jipprekludi s-suq reġjonali Pollakk għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. EPTO argumentat li jenħtieġ li l-allegat nuqqas ta’ interess fis-suq Pollakk mill-kompetituri jiġi investigat aktar. EPTO stqarret li hemm kompetituri potenzjali li jistgħu jidħlu fis-suq Pollakk. EPTO argumentat ukoll li l-livell baxx ta’ kompetizzjoni huwa dovut għall-“ambjent tas-suq antikompetittiv” fil-Polonja li jirriżulta min-nuqqas ta’ prospetti tan-negozju għall-kumpaniji ferrovjarji. Jenħtieġ li dak l-isfond jitqies mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha.

(35)

EPTO stqarret li l-miżuri tal-ftuħ tas-suq proposti mill-Polonja ma jippermettux il-ftuħ tas-suq. EPTO qieset li l-miżuri tal-ftuħ tas-suq ma humiex deskritti biżżejjed sabiex tkun tista’ tipprovdi kummenti. Madankollu, EPTO ssuġġeriet li jenħtieġ li s-suq Pollakk jinfetaħ progressivament bejn l-2020 u l-2028 billi jsiru proċeduri ta’ offerti kompetittivi li jkollhom jikkonformaw ma’ numru ta’ rekwiżiti speċifiċi.

(36)

Il-kummenti ta’ EPTO dwar il-pjan ta’ ristrutturar iffokaw fuq l-argument tal-Polonja li skont dan PR ma setgħet twettaq l-ebda attività profittabbli minħabba li l-attività ewlenija tagħha kienet qed tagħmel it-telf u tnaqqis f’dik l-attività ma kienx ikun ta’ benefiċċju għal kwalunkwe kompetitur minħabba nuqqas ta’ kompetizzjoni. EPTO ma qablitx ma’ dan l-argument għaliex (i) jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ PR ikunu profittabbli bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju riċevut, u (ii) kien hemm kompetituri li jkunu interessati fil-ftuħ tas-suq.

(37)

EPTO qablet li l-Kummissjoni tista’ tadotta approċċ ġdid fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà sabiex tqis is-sitwazzjoni speċifika tas-settur domestiku tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. Madankollu, EPTO stqarret li approċċ ġdid jista’ jkun iġġustifikat biss jekk ikun jista’ jitwettaq flimkien ma’ miżuri effettivi u immedjati għall-ftuħ tas-suq.

5.2.   ProKolej

(38)

Il-kumpanija ProKolej sostniet li jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tkopri miżuri addizzjonali li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jiġifieri: (i) sussidju ta’ PLN 550 miljun (madwar EUR 129 miljun) mogħti lill-provinċji għax-xiri, għat-tiswija u għall-modernizzazzjoni tar-rolling stock għall-perjodu 2016-2020; u, (ii) l-għoti ta’ kuntratti ta’ ħames snin lil PR.

(39)

ProKolej argumentat li kien hemm alternattivi għall-pjan ta’ ristrutturar li kien ikollhom effetti anqas negattivi. L-ewwel nett, l-għajnuna setgħet tingħata mingħajr l-obbligu li jingħataw kuntratti ta’ ħames snin lil PR. Il-provinċji setgħu taw kuntratti permezz ta’ sejħiet għall-offerti. It-tieni, PR setgħet tinqasam f’kumpanija operattiva u f’kumpanija li żżomm il-vetturi. It-tielet, l-għajnuna setgħet tintrabat ma’ miżuri ta’ ftuħ tas-suq, li kienu jkunu s-“soluzzjoni legalment ippreferuta” għal ProKolej.

(40)

ProKolej indikat li l-miżuri ta’ ftuħ tas-suq proposti mill-Polonja jridu jiżguraw il-ftuħ effettiv, rapidu u notevoli tas-suq. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ProKolej qalet li l-miżuri tal-ftuħ tas-suq jenħtieġ li jissodisfaw numru ta’ rekwiżiti, inkluż dwar il-volum tat-trasport u d-durata tal-kuntratti.

(41)

ProKolej żiedet li PR diġà hija ppreparata għall-ftuħ tas-suq bis-saħħa tal-għajnuniet riċevuti. ProKolej sostniet li jekk il-ftuħ tas-suq iseħħ gradwalment skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, PR tkun tista’ tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha u, għalhekk, kumpaniji oħrajn ikunu żvantaġġati. Għalhekk, ProKolej saħqet li l-għajnuniet riċevuti minn PR ifixklu l-kompetizzjoni fil-futur qrib. ProKolej talbet li jenħtieġ li l-miżuri ta’ ftuħ tas-suq jiġu stabbiliti malajr sabiex dan jiġi evitat.

6.   OSSERVAZZJONIJIET SOTTOMESSI MILL-POLONJA DWAR IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(42)

Fir-rigward tal-finanzjament mill-Fond Ferrovjarju mogħti lill-provinċji għax-xiri, għat-tiswija u għall-modernizzazzjoni tar-rolling stock għall-perjodu 2016-2020 (ara l-premessa (38)), il-Polonja stqarret li l-Fond Ferrovjarju ġie stabbilit fl-2005 sabiex jiġbor riżorsi finanzjarji għall-investimenti fl-infrastruttura ferrovjarja, fir-rinnovazzjoni u fil-manutenzjoni tal-linji ferrovjarji u għall-eliminazzjoni ta’ linji ferrovjarji mhux neċessarji. Fl-2009, ġew promulgati miżuri leġiżlattivi li jippermettu lill-gvernijiet awtonomi tal-provinċji sabiex jużaw il-finanzjament mill-Fond Ferrovjarju għax-xiri, għall-modernizzazzjoni u għat-tiswija tar-rolling stock maħsub għat-trasport tal-passiġġieri skont kuntratt pubbliku għal servizz. Inizjalment, dak l-appoġġ finanzjarju kien ippjanat għall-perjodu 2009-2015 u mbagħad ġie estiż għall-perjodu 2016-2020. Fl-2016, il-Polonja spjegat li diversi kumpaniji tat-trasport ferrovjarju rċevew appoġġ finanzjarju għat-tiswija u għall-manutenzjoni tar-rolling stock. Għalhekk, PR ma bbenefikatx minn trattament privileġġat meta mqabbla ma’ kumpaniji oħrajn.

(43)

Fir-rigward tal-għoti dirett ta’ kuntratti pluriennali għall-forniment ta’ trasport ferrovjarju tal-passiġġieri reġjonali lil PR, il-Polonja spjegat li din il-prattika kienet konformi mar-regoli Ewropej u nazzjonali. Il-Polonja sostniet li l-konklużjoni ta’ kuntratti pluriennali għall-forniment ta’ trasport reġjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija tħalliet għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet provinċjali u ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Polonja spjegat ukoll li skont ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-azzjonisti ta’ PR u l-awtoritajiet provinċjali, dawn tal-aħħar ħadu impenn li jikkonkludu kuntratti pluriennali ma’ PR. Madankollu, il-ftehim ta’ kooperazzjoni ma ġiex implimentat mill-awtoritajiet tal-provinċji kollha li fihom topera PR. Skont il-Polonja, dan juri li ma kien hemm l-ebda obbligu li jiġu konklużi kuntratti pluriennali ma’ PR.

(44)

Fir-rigward tal-alternattivi għall-pjan ta’ ristrutturar, il-Polonja spjegat li l-għażla għar-ristrutturar kienet l-eżitu ta’ analiżi approfondita li matulha tqiesu għażliet oħrajn. Il-Polonja ma qablitx mal-qsim ta’ PR f’kumpanija tat-trasport u f’kumpanija tar-rolling stock bħala alternattiva għar-ristrutturar għal diversi raġunijiet. Il-Polonja spjegat b’mod partikolari x-xiri ta’ rolling stock jista’ jżid il-kostijiet operatorji għat-trasport ferrovjarju reġjonali mġarrbin mill-awtoritajiet lokali, bħala parti mill-kumpens imħallas lill-kumpaniji tat-trasport. Il-Polonja żiedet li l-kumpaniji tat-trasport diġà investew b’mod sinifikanti fir-rolling stock. Il-Polonja żiedet ukoll li kien meħtieġ persunal kwalifikat biex jipprovdi servizzi tat-trasport bil-ferrovija u, għalhekk, is-sempliċi sjieda tar-rolling stock ma tneħħix l-ostakli kollha għad-dħul għal kompetituri potenzjali.

(45)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ ftuħ tas-suq, il-Polonja spjegat li s-suq għat-trasport ferrovjarju reġjonali kien fil-biċċa l-kbira magħluq f’numru ta’ Stati Membri. Il-Polonja spjegat ukoll li s-suq Pollakk għat-trasport reġjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija ma kienx attraenti biżżejjed għal entranti ġodda u, għalhekk, kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ kompetizzjoni. Skont il-Polonja, jenħtieġ li kwalunkwe ftuħ tas-suq iqis l-ispeċifiċitajiet tas-suq Pollakk u jitwettaq bir-reqqa sabiex jiġu evitati żbalji strutturali li jxekklu l-funzjonament tas-suq. Il-Polonja argumentat li jenħtieġ li l-miżuri proposti għall-ftuħ tas-suq jitqiesu xierqa fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq Pollakk.

(46)

Il-Polonja stqarret li l-għażla tal-operaturi għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju reġjonali tħalliet għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kontraenti, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. L-istess Regolament jipprevedi l-għoti dirett ta’ kuntratti, bħala wieħed mill-modi ta’ għażla (flimkien ma’ offerti u ma’ konċessjonijiet ta’ servizz) li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu. Il-Polonja spjegat li fil-maġġoranza tal-offerti tal-passat, PR kienet l-uniku offerent u, għalhekk, ir-rebbieħ, u, għaldaqstant, l-eżiti tas-sejħiet għall-offerti kienu simili għall-għoti dirett ta’ kuntratti. Skont il-Polonja, f’dawk iċ-ċirkostanzi, is-sejħiet għall-offerti jiġġeneraw kostijiet addizzjonali mingħajr ma jiżguraw li l-kwalità tas-servizzi offruti tkun ogħla jew li l-prezzijiet tagħhom ikunu aktar baxxi. Il-Polonja żiedet li l-asserzjonijiet ta’ partijiet terzi dwar ir-rekwiżiti għas-sejħiet għall-offerti ma kinux rilevanti. Uħud minn dawk ir-rekwiżiti diġà kienu previsti fl-istrumenti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u jenħtieġ li rekwiżiti oħrajn jitħallew għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kontraenti. Il-Polonja żiedet li l-partijiet terzi għandhom l-opportunità li jappellaw l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti skont ir-regoli applikabbli għall-akkwisti.

7.   VALUTAZZJONI

7.1.   Eżistenza tal-għajnuna

(47)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-miżuri koperti minn din il-proċedura jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(48)

Bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(49)

Għalhekk, il-kwalifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni tirrikjedi li jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv il-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.1.   Miżura 1- Investiment fl-ekwità mill-IDA (l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata)

7.1.1.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(50)

L-IDA hija aġenzija tal-gvern 100 % proprjetà tal-Istat. Il-fondi għall-akkwist tal-ishma f’PR ġew ittrasferiti lill-IDA mill-Ministeru tal-Infrastruttura u tal-Iżvilupp mill-baġit tal-Istat abbażi ta’ ftehim ta’ sussidju. Għalhekk, il-miżura tirriżulta b’mod ċar mir-riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat. Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (81) sa (83), it-tħassir tal-imgħax minn PKP PLK ikun imputabbli wkoll lill-Istat u jinvolvi riżorsi tal-Istat.

7.1.1.2.   Selettività

(51)

Il-miżura ngħatat lil PR biss, u għalhekk hija selettiva. Kif iddikjaraw il-Qrati tal-Unjoni, meta tkun ikkonċernata għajnuna individwali, fil-prinċipju, il-konstatazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku hija biżżejjed sabiex tappoġġa l-preżunzjoni li miżura tkun selettiva (14). Dan huwa minnu irrispettivament minn jekk hemmx operaturi fis-swieq rilevanti li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli u legali.

7.1.1.3.   Vantaġġ

(52)

Qabel ma rċiviet l-għajnuna, PR kienet f’kundizzjoni finanzjarja diffiċli. Kienet ilha snin sħaħ tirrapporta telf, ekwità negattiva u dejn dejjem akbar u mill-2005 ikkwalifikat bħala impriża f’diffikultà (ara t-Tabella 1). Mill-bidu tal-proċess ta’ riorganizzazzjoni fl-2000, PR ma kellhiex biżżejjed likwidità interna, u lanqas aċċess għal finanzjament estern, neċessarju sabiex tħallas lura d-dejn tagħha u sabiex tiffinanzja l-operazzjonijiet tagħha.

(53)

Qabel l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturar notifikata, il-Polonja kienet diġà ppruvat tindirizza d-diffikultajiet finanzjarji ta’ PR billi tat diversi miżuri oħrajn (il-Miżuri 2, 3, u 4, kif deskritti fil-premessi (19) sa (21). Madankollu, il-problema tad-dejn laħqet il-quċċata tagħha f’Settembru 2015, meta l-akbar żewġ kredituri ta’ PR, PKP PLK u PKP Energetyka, talbu lid-debitur iħallas lura d-dejn tiegħu fi żmien ġimgħa. Dan tal-aħħar hedded li jieqaf jipprovdi l-enerġija. Mingħajr ma tħallas lura d-dejn tagħha, PR kienet issir insolventi.

(54)

Skont il-Polonja, mingħajr l-għajnuna, PR ma kinitx tkun tista’ tħallas lura d-dejn tagħha peress li ma kinitx kapaċi tikseb il-finanzjament neċessarju mis-suq. Dak kien iwassal għall-insolvenza u għal-likwidazzjoni probabbli tagħha. Fil-fatt, kif spjegat fil-premessa (53), l-akbar żewġ kredituri talbu lil PR tħallas lura l-obbligazzjonijiet tagħha lejhom fi żmien qasir.

(55)

Huwa f’dak il-kuntest li l-Polonja tat l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata lil PR. Fit-30 ta’ Settembru 2015, l-IDA akkwistat 50 % flimkien ma’ sehem wieħed f’PR għal korrispettiv ta’ PLN 770,3 miljun. L-għan ta’ dan l-investiment fl-ekwità kien li jiffinanzja l-proċess ta’ ristrutturar, l-aktar il-ħlas lura tad-dejn ta’ hawn fuq, bl-għan aħħari li tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul ta’ PR. L-IDA ma kinitx azzjonista qabel ma xtrat ishma f’PR u, għalhekk, ma kellha l-ebda skopertura preċedenti. Filwaqt li azzjonist eżistenti seta’ ħa deċiżjoni fid-dawl tal-investiment eżistenti tiegħu u kwalunkwe profitt futur potenzjali, l-IDA ddeċidiet li tixtri ishma f’kumpanija bi problemi finanzjarji strutturali sinifikanti pertinenti. Minħabba l-istorja finanzjarja ta’ PR ta’ tentattivi li ma rnexxewx sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul u t-talba taż-żewġ kredituri ewlenin tagħha għall-ħlas lura tad-dejn ta’ PR fi żmien qasir, investitur f’ekonomija tas-suq ma kienx jagħmel tali investiment sinifikanti f’PR.

(56)

Għalhekk, il-Miżura 1 tat vantaġġ ekonomiku lil PR, peress li PR ma kinitx tkun tista’ tikseb tali finanzjament taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tagħha.

7.1.1.4.   Tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ fost l-Istati Membri

(57)

F’deċiżjonijiet preċedenti meħudin qabel ma ġie lliberalizzat it-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri skont id-dritt tal-Unjoni, (15) il-Kummissjoni sostniet li l-għajnuna mogħtija lilhom kellha effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ. Ir-raġuni kienet li t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri ġie lliberalizzat u li xi Stati Membri fetħu b’mod unilaterali s-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri tagħhom. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li PR tipprovdi wkoll servizzi tat-trasport internazzjonali u transfruntiera. Barra minn hekk, hemm kompetizzjoni intermodali bejn il-ferroviji reġjonali u mezzi oħrajn tat-trasport fil-Polonja. Barra minn hekk, f’diversi provinċji hemm aktar minn operatur ferrovjarju reġjonali wieħed, inkluża sussidjarja tal-kumpanija minn Stat Membru ieħor. Għalhekk, il-miżura thedded biċ-ċar li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.1.5.   Konklużjoni

(58)

Fuq il-bażi ta’ dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

7.1.2.   Miżura 2 — Kopertura tat-telf fil-passat mogħtija fil-kuntest tar-ristrutturar kontinwu ta’ PR

7.1.2.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(59)

Il-kopertura tat-telf tal-passat ingħatat mill-baġit tal-Istat ibbażat, parzjalment fuq il-Liġi tat-25 ta’ April 2008 li temenda l-Liġi dwar PKP (16), il-ftehim bejn PR u l-Ministru responsabbli għat-trasport konkluż fit-23 ta’ Ġunju 2008, u parzjalment fiq il-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 2005 dwar il-Fond Ferrovjarju (17) u fuq ir-regolamenti tal-Ministru tal-Finanzi. Għalhekk, il-miżura tinvolvi biċ-ċar riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat.

7.1.2.2.   Vantaġġ

(60)

Fir-rigward tal-vantaġġ ekonomiku, il-miżura ngħatat fil-forma ta’ għotjiet diretti. L-għoti ta’ għotja ma huwiex att ta’ operatur f’ekonomija tas-suq, u jeħles lill-benefiċjarju minn kostijiet li normalment jiġġarrbu mill-baġit tiegħu stess. Il-miżura taffiet il-pressjoni finanzjarja fuq PR li rriżultat minn telf iġġenerat matul is-snin fil-kuntest tar-ristrutturar kontinwu ta’ PR. F’dan ir-rigward, il-pagamenti tal-2006 u tal-2007 stabbilizzaw ir-riżultati operatorji tal-kumpanija u l-pagamenti tal-2008 u tal-2009 appoġġaw il-pożizzjoni tal-ekwità tal-kumpanija.

(61)

Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li l-kopertura tat-telf fil-passat tat vantaġġ ekonomiku lil PR.

7.1.2.3.   Selettività, tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(62)

Il-konklużjoni dwar is-selettività, it-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ magħmula fil-premessi (51) u (57) fir-rigward tal-Miżura 1 tapplika kif xieraq għall-Miżura 2.

7.1.2.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna

(63)

Fuq il-bażi ta’ dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 2 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

7.1.3.   Miżura 3 — Ristrutturar tad-dejn fl-2004-2009

7.1.3.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(64)

Il-kredituri kollha tal-Grupp PKP li pparteċipaw fir-ristrutturar tad-dejn ta’ PR kienu impriżi pubbliċi. Fil-prinċipju, ir-riżorsi tal-impriżi pubbliċi jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li l-Istat huwa kapaċi jidderieġi l-użu ta’ dawn ir-riżorsi (18).

(65)

Tradizzjonalment, l-Istat eżerċita grad għoli ta’ superviżjoni fuq il-ġestjoni u fuq l-attivitajiet tal-kumpaniji tal-Grupp PKP, mhux l-anqas permezz tal-influwenza tiegħu fuq l-għażla tal-bordijiet tad-diretturi u tal-bordijiet maniġerjali tagħhom, li l-kompożizzjoni tagħhom spiss varjat fil-koinċidenza ma’ bidliet fix-xena politika.

(66)

Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-Grupp PKP mhux dejjem kienu awtonomi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali importanti. Pereżempju, l-Istat kien involut direttament fir-riorganizzazzjoni strutturali tas-settur ferrovjarju, fit-trasferiment tal-assi fost il-kumpaniji tal-Grupp PKP jew fir-ristrutturar finanzjarju. F’dak ir-rigward, l-Istat huwa kapaċi jidderieġi l-użu tar-riżorsi tal-Grupp PKP.

(67)

Barra minn hekk, kif previst fil-Liġi emendata dwar PKP, ir-ristrutturar tad-dejn ingħata bidu bid-deċiżjoni tal-Ministru responsabbli għat-trasport bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-finanzi pubbliċi. Għalhekk, kien imputabbli b’mod ċar lill-Istat.

7.1.3.2.   Vantaġġ

(68)

Skont il-ftehim oriġinali dwar ir-ristrutturar tad-dejn iffirmat fid-29 ta’ Marzu 2004 (il-ftehim tal-2004), 40 % tal-ammont tad-dejn ta’ kapital ta’ PR u l-imgħax dovut sad-dħul fis-seħħ tal-ftehim kellhom jitħassru, 19,18 % tal-ammont ta’ kapital kellu jitħallas lura fi tliet pagamenti parzjali indaqs fit-30 ta’ April 2004, fil-31 ta’ Mejju 2004 u fit-30 ta’ Ġunju 2004 u l-ammont tal-kapital tal-bilanċ li jifdal kellu jitħallas lura f’24 pagamenti parzjali ta’ kull xahar, pagabbli minn Jannar 2006 sa Diċembru 2007. L-imgħax akkumulat wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim kellu jitħassar fil-jum finali tal-implimentazzjoni tal-ftehim, jiġifieri mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007. Fl-aħħar nett, PR kellha tħallas lura f’kull sena kalendarja tal-anqas 54 % tal-obbligazzjonijiet kurrenti tagħha li jirriżultaw minn kuntratti ffirmati mal-kumpaniji tal-Grupp PKP u li ssalda l-obbligazzjonijiet kurrenti pendenti kollha dovuti mill-perjodi preċedenti sal-31 ta’ Diċembru 2007 (19).

(69)

Fl-20 ta’ Diċembru 2005 u fit-28 ta’ Diċembru 2006, PR iffirmat ftehimiet ma’ PKP PLK li kkonfermaw il-kanċellazzjoni tal-imgħax akkumulat fl-2005 u fl-2006 (20). Fit-2 ta’ April 2007, PR iffirmat mal-kumpaniji tal-Grupp PKP anness għall-ftehim tal-2004 (ara l-premessa (68)), li kien jipprevedi b’mod partikolari estensjoni tal-perjodu ta’ ħlas lura mill-31 ta’ Diċembru 2007 sad-29 ta’ Novembru 2009. L-obbligazzjonijiet kurrenti ġodda kollha kellhom jitħallsu lura kompletament mill-1 ta’ Jannar 2008, kif previst fil-ftehim tal-2004. Fis-6 ta’ Mejju 2008, PR iffirmat ftehim ma’ PKP PLK u fid-29 ta’ Lulju 2008, PR iffirmat ftehim ma’ PKP Cargo. Dawk il-ftehimiet ikkonfermaw l-ammont ta’ obbligazzjonijiet dovuti minn PR lil PKP PLK u lil PKP Cargo fil-31 ta’ Diċembru 2007 (PLN 1 908 miljun) u pprovdew għal skeda dettaljata tal-ħlasijiet lura sad-29 ta’ Novembru 2009. Ġie miftiehem ukoll li l-imgħax fuq id-dejn ristrutturat skont il-ftehim tal-2004 mhux se jakkumula qabel id-29 ta’ Novembru 2009 (skont il-ftehim tal-2004 l-imgħax ma kellux jakkumula sal-31 ta’ Diċembru 2007).

(70)

Fir-rigward tal-ftehim tal-2004, ikkunsidrat fuq bażi awtonoma (jiġifieri mingħajr il-modifiki sussegwenti), ma hemmx bżonn li jiġi vvalutat jekk dan tax vantaġġ ekonomiku lil PR, minħabba li ġie ffirmat aktar minn 10 snin qabel in-notifika tal-għajnuna għar-ristrutturar preżenti, jiġifieri barra mill-perjodu ta’ limitazzjoni għall-irkupru tal-għajnuna mill-Kummissjoni stabbilit fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589. Konsegwentement, dik l-għajnuna titqies bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17(3) tiegħu.

(71)

Fir-rigward tal-modifiki sussegwenti deskritti fil-premessa (69), sabiex jiġi ddeterminat jekk tawx vantaġġ ekonomiku lil PR, Il-Kummissjoni jeħtiġilha tistabbilixxi jekk billi qablu li jipposponu l-ħlas lura tad-dejn skont it-termini miftiehma, il-kredituri ta’ PR aġixxewx b’mod komparabbli mal-aġir ta’ kreditur privat f’sitwazzjoni simili (l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ kreditur f’ekonomija tas-suq, jew “MECP”). ll-valutazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka fuq it-tranżazzjoni mill-perspettiva tal-kreditur privat prudenti ipotetiku (21).

(72)

Kreditur privat razzjonali normalment iqabbel l-eżitu finanzjarju ta’ korsijiet ta’ azzjoni kkontemplati, jiġifieri (i) l-estensjoni tal-perjodu ta’ ħlas lura tad-dejn u (ii) l-infurzar tal-ftehim tal-2004, sabiex jagħżel dak li jagħmel l-ogħla ammont ta’ rkupru possibbli.

(73)

F’dan il-każ, il-Polonja ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi li l-kredituri ta’ PR wettqu xi analiżi komparattiva bħal din, u lanqas li l-perkors magħżul ta’ azzjoni, jiġifieri l-modifika tal-ftehim oriġinali dwar ir-ristrutturar tad-dejn, kien jiżgura l-ogħla rkupru tad-dejn mistenni. Għall-kuntrarju, il-Polonja tqis li l-miżura kollha (jiġifieri kemm il-ftehim tal-2004 kif ukoll il-modifiki sussegwenti tiegħu) tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, b’hekk, timplika li tat vantaġġ ekonomiku lil PR.

(74)

Il-Kummissjoni tinnota li l-modifiki tal-ftehim tal-2004 deskritti fil-premessa (69), b’mod partikolari dawk li saru fl-2007 u fl-2008, effettivament jikkonsistu f’posponiment mingħajr imgħax għal 23 xahar tal-ħlas lura tal-obbligazzjonijiet dovuti minn PR lill-kumpaniji tal-Grupp PKP (meta mqabblin mat-termini tal-ftehim tal-2004) fl-ammont ta’ mill-inqas PLN 1 908 miljun (22). Tali posponiment mingħajr imgħax tal-perjodu ta’ ħlas lura bi kważi sentejn ħeles lil PR mill-issodisfar tal-obbligi ta’ ħlas tagħha skont l-iskeda oriġinali skont il-ftehim tal-2004 u, b’hekk, ipprovda lil PR b’likwidità addizzjonali, li setgħet tintuża sabiex tiffinanzja l-operazzjonijiet ta’ PR. PR ma kinitx tkun kapaċi tiġġenera tali likwidità mingħajr imgħax fis-suq mingħand kredituri privati anki li kieku kienet f’sitwazzjoni finanzjarja tajba ħafna, aħseb u ara bħala kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji. Fil-prattika tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li posponiment simili mingħajr imgħax tal-ħlas lura tad-dejn kien jikkostitwixxi għajnuna (23).

(75)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ma tikkonformax mal-MECP u, għalhekk, tagħti vantaġġ ekonomiku lil PR.

7.1.3.3.   Selettività, tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(76)

Il-konklużjoni dwar is-selettività, it-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ magħmula fil-premessi (51) u (57) fir-rigward tal-Miżura 1 tapplika kif xieraq għall-Miżura 3.

7.1.3.4.   Konklużjoni

(77)

Fuq il-bażi ta’ dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-Miżura 3 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

7.1.4.   Miżura 4 — Differiment tal-obbligazzjonijiet fl-2009-2014

7.1.4.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(78)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-kredituri kollha li ffirmaw ftehimiet ta’ differiment ma’ PR kienu jew impriżi tal-Istat jew istituzzjoni pubblika (ZUS).

(79)

Fir-rigward ta’ ZUS, din hija parti mill-amministrazzjoni pubblika, taħt superviżjoni sħiħa mill-Istat u hija ffinanzjata mill-baġit tal-Istat. Għalhekk, ma hemm l-ebda dubju li d-deċiżjonijiet tagħha li tiddifferixxi l-obbligazzjonijiet ta’ PR huma imputabbli lill-Istat u li dawk id-differimenti jinvolvu riżorsi tal-Istat.

(80)

Fir-rigward tal-kredituri li jifdal, kif spjegat fil-premessa (64), ir-riżorsi tal-impriżi pubbliċi jikkostitwixxu fil-prinċipju riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li l-Istat huwa kapaċi jidderieġi l-użu ta’ dawk ir-riżorsi. Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (65) u (66), l-Istat kapaċi jidderieġi l-użu tar-riżorsi tal-Grupp PKP. Id-differimenti jinvolvu telf potenzjali ta’ riżorsi minn dawk il-kredituri. Għalhekk, dawn iridu jitqiesu li jinvolvu riżorsi tal-Istat.

(81)

Rigward l-imputabbiltà, il-Kummissjoni tinnota li fl-2009-2014, PKP S.A., PKP Intercity, PKP PLK u PKP Energetyka lkoll kienu jappartjenu għall-Grupp PKP, li huwa 100 % proprjetà tal-Istat u huwa ssorveljat mill-Ministru responsabbli għat-trasport. Għalkemm is-sempliċi fatt li miżura tittieħed minn impriża pubblika minnu nnifsu ma huwiex biżżejjed sabiex din titqies imputabbli lill-Istat, l-imputabbiltà tista’ tiġi dedotta minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi tal-każ u mill-kuntest li fih tkun ittieħdet il-miżura (24). Dawk l-indikaturi jinkludu, eż., in-natura tal-attivitajiet tal-impriża pubblika u l-eżerċizzju ta’ dawk l-attivitajiet fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati, il-grad tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni ta’ impriża u jekk impriża tistax tieħu deċiżjoni b’mod awtonomu inkwistjoni jew kwalunkwe indikatur ieħor li juri l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni jew in-nuqqas ta’ probabbiltà li ma jkunux involuti, filwaqt li jitqiesu l-ambitu tal-miżura, il-kontenut tagħha jew il-kundizzjonijiet li jkun fiha.

(82)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li PR tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku li ma humiex eżerċitati f’kundizzjonijiet normali tas-suq, iżda li fil-biċċa l-kbira jiġu akkwistati u ffinanzjati direttament mill-Istat. Barra minn hekk, il-kredituri, tal-anqas PKP PLK (il-maniġer tal-infrastruttura monopolista) u PKP Intercity (peress li kienet tipprovdi servizzi interreġjonali pubbliċi), ma kinux jikkompetu f’kundizzjonijiet normali tas-suq ma’ operaturi privati. Barra minn hekk, l-insolvenza ta’ PR, l-uniku fornitur tat-trasport ferrovjarju reġjonali fi kważi nofs ir-reġjuni, setgħet twassal għal tfixkil serju fil-forniment ta’ servizz pubbliku importanti. Għalhekk, l-Istat kellu interess partikolari li jiżgura l-likwidità ta’ PR.

(83)

Tradizzjonalment, l-Istat eżerċita grad għoli ta’ superviżjoni fuq il-ġestjoni u fuq l-attivitajiet tal-kumpaniji tal-Grupp PKP, mhux l-anqas permezz tal-influwenza tiegħu fuq l-għażla tal-bordijiet tad-diretturi u tal-bordijiet maniġerjali tagħhom, li l-kompożizzjoni tagħhom spiss varjat fil-koinċidenza ma’ bidliet fix-xena politika. Barra minn hekk, fil-passat, il-kumpaniji tal-Grupp PKP mhux dejjem kienu awtonomi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali importanti. Pereżempju, l-Istat kien involut direttament fir-riorganizzazzjoni strutturali tas-settur ferrovjarju, fit-trasferiment tal-assi fost il-kumpaniji tal-Grupp PKP jew fir-ristrutturar finanzjarju. B’mod partikolari, l-Istat beda r-ristrutturar tad-dejn ta’ PR (il-Miżura 3), li kien jinkludi l-istess kredituri li aktar tard qablu li jiddifferixxu l-obbligazzjonijiet ta’ PR. Dan ma huwiex sorprendenti, minħabba li l-Grupp PKP huwa wieħed mill-akbar impjegaturi fil-Polonja (il-kredituri kkonċernati kienu jimpjegaw aktar minn 50 000 persuna fl-2014) u għandu rwol importanti fit-tfassil tal-politika tat-trasport tal-Istat.

(84)

Fl-aħħar nett, meta jitqiesu l-ambitu tal-miżura (l-ammont ta’ obbligazzjonijiet differiti kien jirrappreżenta madwar [aktar minn 120] % tad-dħul annwali medju ta’ PR fil-perjodu kkonċernat), l-impatt tagħha fuq il-kredituri (PR kienet it-tielet l-akbar klijent ta’ PKP PLK u ta’ PKP Energetyka), ir-rabtiet organizzazzjonali b’saħħithom bejn id-debitur, il-kredituri u l-Istat u, l-aħħar iżda mhux l-anqas, il-kundizzjonijiet li jidhru li ma humiex tas-suq li fuq il-bażi tagħhom ingħataw id-differimenti (ara l-premessi (86) sa (95)), jidher improbabbli li d-deċiżjonijiet tal-impriżi pubbliċi kkonċernati li jiddifferixxu l-obbligazzjonijiet ta’ PR setgħu ttieħdu mingħajr kwalunkwe involviment tal-Istat.

(85)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jitqiesu bħala li kienu involuti b’xi mod jew ieħor fid-deċiżjonijiet ta’ differiment tal-obbligazzjonijiet ta’ PR. Il-Polonja nnifisha ma argumentatx li l-miżura ma hijiex imputabbli lill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija imputabbli lill-Istat.

7.1.4.2.   Vantaġġ

(86)

Sabiex tiddetermina jekk il-miżura tatx vantaġġ ekonomiku lil PR, il-Kummissjoni jeħtiġilha tistabbilixxi jekk, billi qablu li jiddifferixxu l-obbligazzjonijiet ta’ PR, il-kredituri aġixxewx b’mod komparabbli mal-aġir ta’ kreditur privat f’sitwazzjoni simili. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(87)

Huwa fatt li, bejn l-2009 u l-2014, erba’ impriżi tal-Istat u ZUS ikkonkludew ma’ PR, kumpanija f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli u wkoll proprjetà tal-Istat, 25 ftehim għad-differiment tal-ħlas lura ta’ obbligazzjonijiet arretrati li b’kollox kienu jammontaw għal PLN [900-1 300] miljun, li jirrappreżentaw, kif imsemmi fil-premessa (84), [aktar minn 120] % tad-dħul annwali medju ta’ PR f’dak il-perjodu.

(88)

Il-Polonja ma ssottomettiet l-ebda evidenza kontemporanja li turi li d-deċiżjoni li jiġu ddifferiti l-obbligazzjonijiet skont it-termini miftiehma kienet aktar favorevoli għall-kredituri minn perkorsi alternattivi, bħal pereżempju l-eżekuzzjoni tad-dejn. L-analiżi ex post tal-valur preżenti nett (VPN) ma tistax titqies bħala evidenza affidabbli biżżejjed minħabba li tħejjiet ex post, jiġifieri wara li ttieħdu d-deċiżjonijiet ta’ differiment tal-obbligazzjonijiet. Kreditur tas-suq razzjonali kien jivvaluta xenarji differenti qabel ma jieħu deċiżjoni dwar id-differiment tal-obbligazzjonijiet, bl-għan li jagħżel dak li kien jiggarantixxi l-ogħla rata ta’ rkupru mistennija. Barra minn hekk, l-analiżi ex post tonqos milli tindirizza kif xieraq id-diffikultajiet finanzjarji ta’ PR. Fis-snin mill-2005 sal-2010, PR darba biss kellha introjtu operatorju pożittiv u riżultat nett pożittiv. Fis-snin ta’ wara, is-sitwazzjoni kienet simili. Kien hemm inċertezza konsiderevoli li PR setgħet tagħti servizz u tħallas lura l-obbligazzjonijiet. Dan kien magħruf mill-kredituri ta’ PR, b’mod partikolari minn PKP PLK, li diġà kienet ipparteċipat fir-ristrutturar tad-dejn 2004–2009 (il-Miżura 3). Dak ir-riskju messu kellu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu għal PR u rata tal-imgħax għolja u kollateral ferm aħjar. Madankollu, l-istudju japplika klassifikazzjoni ta’ “B” (dgħajfa) fl-2009-2013 u “CCC” (ħażina/diffikultajiet finanzjarji) mill-2014 ’il quddiem. Kif deskritt fil-premessa (90), PR kienet impriża f’diffikultà u kien jistħoqqilha klassifikazzjoni agħar minn “B”. L-analiżi tal-VPN mhux biss saret ex post facto iżda wkoll b’mod żbaljat.

(89)

Barra minn hekk, it-termini sottostanti għad-differimenti kienu pjuttost favorevoli, fid-dawl tal-kundizzjoni finanzjarja ħażina tad-debitur. B’mod aktar konkret, il-perjodi ta’ differiment kienu twal, u varjaw minn 6 xhur sa 21 xahar, u fil-każ ta’ ftehim wieħed konkluż ma’ PKP PLK, dak il-perjodu kien jammonta għal […] xahar, jiġifieri, ferm itwal mill-perjodu medju tal-eżekuzzjoni tad-dejn minn debitur insolventi, kif iddikjarat mill-Polonja. B’mod partikolari, dak il-ftehim kien jirrappreżenta […] % tal-obbligazzjonijiet totali differiti kkonċernati (25). Barra minn hekk, ir-rati tal-imgħax applikati mill-kredituri kienu baxxi jekk jitqabblu mal-valur referenzjarju plawżibbli, bħar-rati tas-suq ta’ sostituzzjoni (“rati ta’ referenza”) li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza (26). B’mod partikolari, skont il-ftehimiet kollha, ir-rati tal-imgħax applikati kienu aktar baxxi mir-rata ta’ referenza applikabbli għal impriża f’diffikultà, bħal PR. (27) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni trid tivvaluta l-affermazzjoni tal-Polonja li PR ma kinitx impriża f’diffikultà fil-perjodu kollu bejn l-2004 u l-2014 (ara l-premessa (29)).

(90)

Kif tammetti l-Polonja, fl-2005 PR kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ impriża f’diffikultà skont il-Linji Gwida tal-2004. Fil-fatt, aktar minn nofs il-kapital reġistrat ta’ PR kien sparixxa sa dak iż-żmien u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital kien intilef matul it-12-il xahar preċedenti. Ladarba l-kundizzjoni tal-aħħar tiġi ssodisfata għal ċertu perjodu ta’ 12-il xahar, id-ditta kkonċernata tibqa’ f’diffikultà hekk kif l-ewwel kundizzjoni tibqa’ ssodisfata. Dan kien il-każ ta’ PR fis-snin mill-2006 ’il quddiem. Għalhekk, għall-perjodu mill-2005, PR titqies bħala impriża f’diffikultà.

(91)

Anke jekk wieħed jassumi, kif iddikjarat mill-Polonja, li PR kien jistħoqqilha klassifikazzjoni “B” (dgħajfa) fl-2009-2013 u “CCC” (ħażina/diffikultajiet finanzjarji) mill-2014 ’il quddiem, ir-rati tal-imgħax li fil-fatt ġew applikati kienu aktar baxxi mir-rati ta’ referenza korrispondenti skont sa 18-il ftehim, li jirrappreżentaw […] % tal-obbligazzjonijiet totali differiti. Barra minn hekk, skont sitt ftehimiet (li jirrappreżentaw […] % tal-obbligazzjonijiet totali differiti) ir-rati tal-imgħax kienu saħansitra aktar baxxi mir-rata ta’ referenza applikabbli għal kumpanija bi klassifikazzjoni “AAA” (b’saħħitha). Fl-aħħar nett, il-kollateral kien dgħajjef taħt kull ftehim ħlief wieħed (ara n-nota 27 f’qiegħ il-paġna) u kien jikkonsisti biss fis-sottomissjoni għall-eżekuzzjoni (28). Skont 18-il ftehim (li jirrappreżentaw […] % tal-obbligazzjonijiet totali differiti) ma kien hemm l-ebda kollateral affattu.

(92)

Il-Polonja targumenta li PR kienet klijent importanti ta’ PKP PLK u ta’ PKP Energetyka, u għalhekk dawk il-kredituri kellhom interess partikolari li jkomplu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma’ PR. Tabilħaqq, kif imsemmi hawn fuq, PR kienet it-tielet l-akbar klijent ta’ PKP PLK u ta’ PKP Energetyka matul il-perjodu kkonċernat, u tirrappreżenta medja ta’ […] % u ta’ […] % tad-dħul tagħhom, rispettivament. Dan jista’ jkun wieħed mill-fatturi li kreditur privat kien iqis, iżda fih innifsu ma jkunx biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konformità mas-suq tad-differimenti skont it-termini miftiehma. Fi kwalunkwe każ, dak l-argument ma japplikax għall-kredituri li jifdal, li għalihom PR ma kinitx klijent importanti bħal dan.

(93)

L-argument tal-Polonja li PKP PLK u PKP Energetyka kkonkludew ftehimiet ta’ differiment simili ma’ sħab kummerċjali oħrajn ma huwiex evidenza biżżejjed ta’ konformità mas-suq tal-ftehimiet tagħhom ma’ PR. Mingħajr ma jkunu magħrufin il-kundizzjonijiet preċiżi ta’ dawk il-ftehimiet u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debituri, ma jistax jiġi eskluż li dawk id-differimenti lanqas ma ngħataw skont it-termini tas-suq. Fi kwalunkwe każ, dak li huwa ċar huwa li dawk id-differimenti kienu jinvolvu ammonti iżgħar ta’ obbligazzjonijiet u perjodi iqsar ta’ ħlas lura. Fi kwalunkwe każ, sabiex targumenta l-konformità mas-suq, il-Polonja pjuttost ikollha turi li l-kredituri privati taw jew kienu jagħtu differimenti lil PR skont termini simili bħall-kredituri pubbliċi kkonċernati. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li PR fil-fatt iffirmat ftehimiet ta’ differiment ma’ żewġ kredituri privati. Madankollu, dawk il-ftehimiet lanqas ma jidhru li juru konformità mas-suq, peress li kienu jinvolvu ammont iżgħar ta’ obbligazzjonijiet u, b’mod kruċjali, kienu jipprevedu taħlita ta’ rati tal-imgħax ogħla u perjodi iqsar ta’ ripagament mill-ftehimiet ta’ differiment iffirmati minn PR mal-kumpaniji tal-Grupp PKP u ma’ ZUS.

(94)

Il-Polonja targumenta li r-rati tal-imgħax applikati fil-ftehimiet ta’ differiment ġew stabbiliti f’livelli komparabbli mar-rati medji tal-imgħax mitlubin fis-settur mhux finanzjarju fil-Polonja (29). Madankollu, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jiġġustifika li kienu konformi mas-suq, minħabba li d-debitur medju fis-settur mhux finanzjarju seta’ kien f’kundizzjoni finanzjarja aħjar u/jew seta’ offra kollateral aħjar, u għalhekk seta’ kellu affidabbiltà tal-kreditu ogħla minn PR. Bl-istess mod, l-argument li l-ħlas tard tal-obbligazzjonijiet huwa allegatament prattika komuni tas-suq fil-Polonja ma huwiex prova li t-termini tal-ftehimiet ta’ differiment kienu konformi mas-suq.

(95)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura tat vantaġġ ekonomiku lil PR.

7.1.4.3.   Selettività, tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(96)

Il-konklużjonijiet dwar is-selettività, it-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ magħmula fil-premessi (51) u (57) fir-rigward tal-Miżura 1 japplikaw kif xieraq għall-Miżura 4.

7.1.4.4.   Konklużjoni

(97)

Fuq il-bażi ta’ dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 4 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

7.1.5.   Miżuri 1 sa 4 bħala intervent uniku

(98)

Fil-każ ta’ diversi miżuri konsekuttivi ta’ intervent mill-Istat, anki jekk tali miżuri ma jkunux l-istess iżda jieħdu diversi forom, il-Kummissjoni jeħtiġilha teżamina jekk dawk l-interventi jkunux tant marbutin mill-qrib li jkunu inseparabbli minn xulxin u li, għalhekk, dawk l-interventi jridu, għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed (30). Il-valutazzjoni dwar jekk diversi miżuri konsekuttivi ta’ intervent mill-Istat ikunux inseparabbli u, għalhekk, jikkostitwixxux intervent wieħed trid titwettaq fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza. Dawk il-kriterji jinkludu l-kronoloġija ta’ dawk l-interventi, l-iskop tagħhom u ċ-ċirkostanzi tal-impriża benefiċjarja fiż-żmien ta’ dawk l-interventi (31).

(99)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri li qed jiġu vvalutati, għalkemm mogħtija f’ħinijiet differenti u f’forom differenti, huma relatati ma’ xulxin. Kollha kellhom l-għan li jindirizzaw il-problemi rikorrenti ta’ likwidità ta’ PR li joriġinaw mill-implimentazzjoni bla suċċess tar-riforma strutturali tas-settur ferrovjarju li bdiet fis-sena 2000, fuq il-bażi tal-Liġi dwar PKP, u li terġa’ tinkiseb il-vijabbiltà fit-tul ta’ PR.

(100)

L-ammonti mħallsin fil-kuntest tar-ristrutturar kontinwu ta’ PR bejn l-2006 u l-2009 għall-kopertura tat-telf fil-passat (il-Miżura 2) indirizzaw id-defiċit finanzjarju ta’ PR maħluq fis-snin preċedenti meta, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, PR irċiviet biss frazzjoni mill-finanzjament meħtieġ sabiex tkopri l-kostijiet tagħha. Tali ħlas differit iddeterjora l-flussi tal-flus, u b’hekk PR ma setgħetx tisservizzja d-dejn tagħha. Sabiex tiġi indirizzata dik il-problema, il-Liġi emendata dwar PKP tat lil PR il-possibbiltà li tikkonkludi ftehim ta’ ristrutturar tad-dejn mal-kredituri. F’Marzu 2004, PR ikkonkludiet ftehim bħal dan mal-kumpaniji tal-Grupp PKP, madankollu rriżulta li ma kienx biżżejjed peress li l-kumpanija ma setgħetx tħallas lura d-dejn tagħha lanqas skont it-termini ristrutturati. Sabiex jittaffa aktar il-piż tad-dejn, il-ftehim ġie mmodifikat fis-snin 2005-2008 (il-Miżura 3). Minkejja dan, il-problemi ta’ likwidità ta’ PR komplew u ma setgħetx issalda l-obbligazzjonijiet tagħha fil-ħin. Bejn l-2009 u l-2014, il-kumpanija kkonkludiet 25 ftehim li kienu jipprevedu differiment tal-obbligazzjonijiet arretrati tagħha (il-Miżura 4). Lanqas dawn ma kienu biżżejjed. L-obbligazzjonijiet ta’ PR baqgħu jiżdiedu tant li laħqu livell li fih żewġ kredituri talbu l-ħlas lura immedjat tar-riċevibbli tagħhom. Sabiex tiġi evitata l-insolvenza ta’ PR, il-Polonja tatha finanzjament addizzjonali fil-forma tal-għajnuna għar-ristrutturar notifikata (il-Miżura 1), li l-biċċa l-kbira tagħha ntużat sabiex jitħallsu lura l-obbligazzjonijiet arretrati.

(101)

Dan juri li l-miżuri li qed jiġu vvalutati ma kinux indipendenti, iżda li kienu inseparabbli, fis-sens li waħda waħedha ma kinitx biżżejjed sabiex tindirizza l-problema tal-likwidità u sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul. Fil-fatt, dawn jikkomplementaw lil xulxin sakemm l-aħħar waħda minnhom għamlet lill-kumpanija likwida u profittabbli. Minn dik il-perspettiva, l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata u l-miżuri ta’ qabel ir-ristrutturar jistgħu jitqiesu li jifformaw parti mill-istess proċess ta’ riorganizzazzjoni. Jekk dan ħa aktar żmien milli kien mistenni, ma kienx minħabba li PR ma kinitx vijabbli minnha nnifisha, iżda minħabba li ma kellhiex biżżejjed riżorsi sabiex tlesti r-riorganizzazzjoni aktar malajr.

(102)

Fuq il-bażi tar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (99) sa (101), il-Kummissjoni tqis li l-miżuri li qed jiġu vvalutati jikkostitwixxu riorganizzazzjoni waħda, jew intervent wieħed, jew miżura waħda, implimentati f’intervalli. Għalhekk, huwa xieraq li l-miżuri individwali jiġu vvalutati mhux separatament, iżda flimkien.

(103)

Għalhekk, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-Miżuri 1 sa 4 bħala intervent uniku jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(104)

Kif spjegat fil-premessa (49), il-kwalifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni tirrikjedi li jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv il-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.5.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(105)

Kif spjegat fil-premessi (50), (59), (64) sa (67), u (79) sa (85), il-Miżuri 1 sa 4 ittieħdu individwalment jew minn entitajiet differenti li jappartjenu għall-amministrazzjoni pubblika, jew minn impriżi pubbliċi, u b’hekk jinvolvu riżorsi tal-Istat.

(106)

L-evidenza fil-fajl turi wkoll li d-deċiżjonijiet li jingħataw il-Miżuri 1 sa 4 ittieħdu jew direttament mill-awtoritajiet pubbliċi jew li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti f’dawn id-deċiżjonijiet, jew li l-imputabbiltà tista’ tiġi dedotta mill-indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi u mill-kuntest li fih ittieħdu l-miżuri. Konsegwentement, il-Miżuri 1 sa 4 kienu imputabbli individwalment lill-Istat.

(107)

Kull waħda mill-Miżuri 1 sa 4 tinvolvi r-riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżuri 1 sa 4 flimkien bħala intervent uniku, huma imputabbli lill-Istat u jinvolvu riżorsi tal-Istat.

7.1.5.2.   Vantaġġ

(108)

L-intervent uniku jkopri l-perjodu mill-2005, meta ngħatat il-Miżura 3, sal-2015, meta ngħatat il-Miżura 1.

(109)

L-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija lil PR taħt l-intervent uniku qabeż b’mod sinifikanti l-valur kontabilistiku tal-kumpanija (ara t-Tabella 1). Barra minn hekk, bejn l-2005 u l-2015 PR kienet tirrapporta telf u żieda fid-dejn b’mod regolari. Operatur f’ekonomija tas-suq ma kienx jintervjeni dawk id-drabi kollha u b’mod tant sinifikattiv fuq perjodu ta’ żmien twil bħal dan mingħajr ebda sinjal ta’ titjib fis-sitwazzjoni tal-kumpanija li diġà kien ilha f’diffikultajiet tal-anqas mill-2005. L-għan sottostanti tal-intervent kien l-evitar ta’ tfixkil fil-forniment ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri permezz ta’ tentattiv ta’ rimedju tal-problemi ta’ likwidità ta’ PR li reġgħu feġġew. Mingħajr l-intervent kontinwu mill-Istat, PR ma kinitx tkun tista’ tipprovdi s-servizzi tagħha u, f’xi mument, kien ikollha tiddikjara insolvenza. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Miżuri 1 sa 4 flimkien bħala intervent uniku taw vantaġġ ekonomiku lil PR.

7.1.5.3.   Selettività, tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(110)

Il-konklużjoni dwar is-selettività, it-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ magħmula fil-premessi (51) u (57) fir-rigward tal-Miżura 1 tapplika kif xieraq għall-intervent uniku.

7.1.5.4.   Konklużjoni

(111)

Fuq il-bażi ta’ dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżuri 1–4 bħala l-intervent uniku jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(112)

Il-Miżuri 1 sa 4, individwalment jew flimkien jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. It-teħid tal-miżuri bħala intervent uniku jew separatament ma jbiddilx l-eżitu tal-valutazzjoni, peress li n-natura tal-partijiet individwali tal-intervent ma tkunx differenti.

7.1.6.   Miżura 5 — Taħriġ, reklutaġġ u għajnuna de minimis mogħtija mill-2006 sal-2015

7.1.6.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(113)

Il-miżuri li flimkien jifformaw il-Miżura 5 ingħataw mill-awtoritajiet pubbliċi, bħall-Aġenzija tal-Polonja għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi, l-Uffiċċju tax-Xogħol u l-Fond tal-Istat għar-Riabilitazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità. Għalhekk, hija tinvolvi b’mod ċar riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat.

7.1.6.2.   Vantaġġ

(114)

Il-Miżura 5 ingħatat lil PR biss u kopriet biss il-kostijiet li, kieku, PR kienet iġġarrab f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, il-miżura tat vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil PR.

7.1.6.3.   Selettività

(115)

Il-konklużjoni dwar is-selettività li saret fil-premessa (51) fir-rigward tal-Miżura 1 tapplika kif xieraq għall-Miżura 5.

7.1.6.4.   Tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ fost l-Istati Membri

(116)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (32) (“ ir-Regolament de minimis”) jipprevedi li l-għajnuna mogħtija lil impriża waħda għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jekk l-ammont totali ta’ tali għajnuna ma jaqbiżx il-EUR 200 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Kif tispjega l-premessa (3) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-għajnuna mogħtija lil impriża waħda li ma taqbiżx dak il-limitu titqies li ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tiegħu, dak ir-Regolament japplika wkoll għall-għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu (jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2014).

(117)

Skont il-Polonja (ara l-premessa (27)), l-għajnuna mogħtija lil PR skont il-Miżura 5 ma kinitx taqbeż il-limitu de minimis fil-perjodu mill-2009 sal-2011. Filwaqt li b’kollox kienet tammonta għal PLN 1 177 421 (madwar EUR 277 040), PLN 350 007 (EUR 82 355) biss minn dan l-ammont ingħataw bħala għajnuna de minimis.

(118)

Kif spjegat fil-premessa (22), il-Miżura 5 tikkonsisti f’(i) għajnuna għat-taħriġ ta’ PLN 0,97 ta’ miljun (madwar EUR ta’ 0,23 miljun); (ii) għajnuna għar-reklutaġġ ta’ PLN 39 000 (madwar EUR 0,01 ta’ miljun) u (iii) għajnuna de minimis ta’ PLN 0,7 miljun (madwar EUR 0,17-il miljun). Dawn l-għajnuniet flimkien jippermettu lil PR tħarreġ u timpjega persunal neċessarju sabiex tiżgura l-forniment kontinwu ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri. Għalhekk, flimkien jifformaw miżura waħda. L-ammonti rispettivi tagħhom iridu jitqiesu b’mod kumulattiv għall-finijiet tar-Regolament de minimis. L-ammont totali tal-Miżura 5 jaqbeż il-limitu de minimis fil-perjodu mill-2009 sal-2011. Għalhekk, ir-rekwiżiti tar-Regolament de minimis ma ġewx issodisfati għal dak il-perjodu.

(119)

Konsegwentement, għall-perjodu mill-2009 sal-2011, il-Miżura 5 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u, għall-istess raġunijiet kif stabbilit fil-premessa (57) fir-rigward tal-Miżura 1, il-Miżura 5 fixklet jew heddet li tfixkel il-kompetizzjoni u kellha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.6.5.   Konklużjoni

(120)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-Miżura 5 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

7.2.   Legalità tal-għajnuna

7.2.1.   Legalità tal-Miżuri 1 sa 4 (l-intervent uniku)

(121)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw kwalunkwe pjan għall-għoti jew għat-tibdil tal-għajnuna, u ma jridux idaħħlu fis-seħħ il-miżuri proposti sakemm il-proċedura ta’ notifika tkun irriżultat f’deċiżjoni finali. L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/1589 jipprevedi li l-għajnuna ma għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet, jew titqies li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza tali għajnuna.

(122)

Sabiex tiġi vvalutata aktar il-legalità tal-għajnuna, il-Kummissjoni jeħtiġilha teżamina jekk tikkwalifikax għal xi eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika.

(123)

L-ebda waħda mill-miżuri li qed jiġu vvalutati (il-Miżuri 1, 2, 3 u 4) ma taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GBER tal-2008, fuq kollox minħabba li impriża f’diffikultà, bħal PR, ma hijiex eliġibbli għall-għajnuna skont il-GBER.

(124)

Il-Miżuri 2, 3, u 4 ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni. Il-Miżura 1 ġiet innotifikata fil-21 ta’ Settembru 2015. Madankollu, il-Polonja tat il-Miżura 1 fit-30 ta’ Settembru 2015 (ara l-premessa (1)) mingħajr ma stenniet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, anke li kieku l-Polonja stenniet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-Miżura 1, kif stabbilit fil-premessi (99) sa (102) aktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-Miżuri 1 sa 4 jifformaw intervent wieħed, u dan ma kienx ikollu effett fuq il-legalità tal-għajnuna, peress li l-Miżuri 2 sa 4 ingħataw mingħajr xi deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna.

(125)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma kinitx eżentata mill-obbligu ta’ notifika u ngħatat mill-Polonja mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE u tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/1589. Għalhekk, ingħatat b’mod illegali.

7.2.2.   Legalità tal-Miżura 5

(126)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw kwalunkwe pjan għall-għoti jew għat-tibdil tal-għajnuna, u jeħtiġilhom ma jdaħħlux fis-seħħ il-miżuri proposti sakemm il-proċedura ta’ notifika tkun irriżultat f’deċiżjoni finali. L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/1589 jipprevedi li l-għajnuna ma għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet, jew titqies li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza tali għajnuna.

(127)

Sabiex tiġi vvalutata l-legalità tal-għajnuna, il-Kummissjoni jeħtiġilha teżamina jekk tikkwalifikax għal xi eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika.

(128)

Il-Kummissjoni tinnota li parti mill-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 tikkwalifika bħala għajnuna de minimis, li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha tar-Regolament de minimis. Il-parti l-oħra setgħet ikkwalifikat għal eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika skont il-GBER tal-2008 li kieku PR ma kinitx impriża f’diffikultà fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

(129)

Peress li PR trid titqies bħala impriża f’diffikultà għall-perjodu mill-2005 (33) (ara l-premessi (90) u (132)), il-Kummissjoni tikkonkludi li ma ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli kollha tal-GBER tal-2008. Għalhekk, l-għajnuna għat-taħriġ inkwistjoni u kwalunkwe għajnuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tar-Regolament de minimis ma kinux eżentati mill-obbligu ta’ notifika. Konsegwentement, l-għajnuna ngħatat b’mod illegali.

7.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

(130)

Skont it-Taqsima 7.1, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Miżuri 1 sa 4, kemm individwalment (il-premessi (58), (63), (77), (97)) kif ukoll flimkien bħala miżura ta’ intervent uniku (il-premessa (111)), u l-Miżura 5 (il-premessa (120)) jikkostitwixxu għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Għalhekk, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-Miżuri 1 sa 4 jifformaw intervent wieħed (ara l-premessi (99) sa (102)), fl-alternattiva, il-Kummissjoni xorta tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-Miżuri 1 sa 4, kemm bħala intervent uniku (it-Taqsima 7.3.1) kif ukoll individwalment (it-Taqsima 7.3.2), u fi kwalunkwe każ separatament għall-Miżura 5 (it-Taqsima 7.3.3).

7.3.1.   Miżuri 1 sa 4 (l-intervent uniku)

(131)

L-ewwel nett, kif stabbilit fil-premessi (99) sa (102), il-Kummissjoni tqis li l-Miżuri 1 sa 4 jifformaw intervent wieħed. Għalhekk, il-kompatibbiltà tal-għajnuna ma tiġix ivvalutata għal kull miżura individwali iżda għall-intervent uniku sħiħ li jinkludi l-miżuri individwali.

(132)

Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-għajnuna mogħtija lil impriża f’diffikultà, bħal PR, tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (il-“Linji Gwida tal-2014”) (34). L-intervent uniku jkopri l-perjodu bejn l-2005, meta ngħatat il-Miżura 3, u l-2015, meta ngħatat il-Miżura 1. Skont l-informazzjoni mill-Polonja, PR kellha ekwità negattiva f’kull sena tal-perjodu bejn l-2005 u l-2015, qabel l-akkwiżizzjoni tal-ishma mill-IDA (il-Miżura 1). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li PR kienet “impriża f’diffikultà” bejn l-2005 u l-2015 skont it-tifsira tal-punt 20 tal-Linji Gwida tal-2014 (ikkonfermat ukoll mill-Polonja, ara l-premessa (29)). Il-Kummissjoni tinnota li parti mill-intervent uniku (jiġifieri l-Miżura 1) ingħatat f’Settembru 2015, jiġifieri wara l-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014. Il-punt 137 tal-Linji Gwida tal-2014 jipprevedi li l-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe għajnuna għar-ristrutturar mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha skont il-Linji Gwida tal-2014 “jekk xi għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni [tagħhom]”. Għalhekk, il-Linji Gwida tal-2014 ikunu japplikaw għal dan il-każ.

(133)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-suq għas-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri operati taħt kuntratti pubbliċi għal servizz jinsab f’sitwazzjoni speċifika, li tiġġustifika l-valutazzjoni tal-għajnuna mogħtija lil impriżi f’diffikultà li joperaw f’dan is-settur taħt bażi ġuridika differenti.

(134)

Xi segmenti tat-trasport ferrovjarju (bħall-passiġġieri internazzjonali) diġà ġew illiberati bis-sħiħ fil-livell tal-Unjoni. B’kuntrast ma’ dan, is-suq domestiku tal-passiġġieri, infetaħ biss fil-kuntest tar-raba’ pakkett ferrovjarju (35), formalment b’effett minn Jannar 2019 (36). Fir-rigward tal-modalitajiet għall-għoti ta’ kuntratti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kif imsemmi fil-premessa (11), is-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri, inklużi s-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri, ipprovduti taħt kuntratti pubbliċi għal servizz xorta jistgħu jingħataw direttament għal perjodu ta’ tranżizzjoni li jdum sal-24 ta’ Diċembru 2023 u għal durata ta’ mhux aktar minn 10 snin (37). Dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni japplika biss għal servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri pprovduti taħt kuntratti pubbliċi għal servizz. Is-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri li ma jiġux ipprovduti taħt kuntratti pubbliċi għal servizz ma jibbenefikawx minn dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni u l-liberalizzazzjoni daħlet fis-seħħ minn Jannar 2019 (38). Il-biċċa l-kbira tas-servizzi reġjonali tal-passiġġieri huma pprovduti taħt kuntratti pubbliċi għal servizz. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni xorta jista’ jipprovdi xi protezzjoni għall-operaturi preeżistenti minn entranti ġodda potenzjali fis-suq. B’mod ġenerali, is-settur għadu ddominat minn operaturi preeżistenti u ftit li xejn hemm kompetizzjoni, ħlief f’dawk il-ftit Stati Membri li (parzjalment) fetħu s-swieq tagħhom skont il-liġi nazzjonali.

(135)

Barra minn hekk, is-suq għall-passiġġieri ferrovjarji reġjonali taħt kuntratti pubbliċi għal servizz jinvolvi servizz pubbliku importanti u jippreżenta karatteristiċi speċifiċi. Peress li l-operaturi preeżistenti mhux dejjem ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti fil-pront u b’mod suffiċjenti minn operaturi oħrajn (39), il-ħruġ tagħhom mis-suq spiss iwassal għal tfixkil fil-forniment ta’ servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri u, b’hekk, ikollu konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji. Dan jagħmel is-settur tal-passiġġieri ferrovjarji reġjonali taħt kuntratti pubbliċi għal servizz differenti minn setturi li qabel ġew illiberati fl-Unjoni, kemm jekk bil-ferrovija kif ukoll jekk b’oħrajn, bħal pereżempju t-telekomunikazzjoni jew il-linji tal-ajru.

(136)

Jidher li xi operaturi stabbiliti, bħal PR, jistgħu jiffaċċjaw legat ta’ ristrutturar mhux komplut minħabba ċirkostanzi li spiss ma setgħux jikkontrollaw, bħal pereżempju riorganizzazzjoni fit-tul mill-Istat tas-settur ferrovjarju kollu. B’riżultat ta’ dan, setgħu rċevew għajnuna li, għalkemm formalment tikkwalifika bħala għajnuna għar-ristrutturar, ma ntużatx sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul tagħhom iżda sabiex jiġu rrimedjati l-problemi rikorrenti ta’ likwidità. Jista’ jkun li ma kellhomx l-opportunità li jwettqu ristrutturar xieraq qabel il-liberalizzazzjoni li jmiss tas-settur fl-Unjoni. L-aħħar opportunità għar-ristrutturar tista’ tkun iġġustifikata sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul u sabiex dawn ikunu ppreparati aħjar bl-għan li jikkompetu fis-suq waħedhom.

(137)

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni qatt ma applikat għall-kumpaniji ferrovjarji tal-passiġġieri l-Linji Gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji jindika għarfien tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq domestiċi tal-passiġġieri, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi reġjonali pprovduti taħt kuntratti pubbliċi għal servizz, li jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tas-servizzi ferrovjarji domestiċi.

(138)

Huwa rrikonoxxut fil-ġurisprudenza (40) li l-Kummissjoni tista’ titbiegħed mil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fejn ċirkostanzi eċċezzjonali mhux previsti f’dawk il-linji gwida jiddistingwu settur partikolari minn setturi oħrajn tal-ekonomija. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tat-Trattat b’mod dirett. Fid-dawl ta’ (i) il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur (ara l-premessi (134) sa (136)), (ii) l-impatt ta’ PR kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak nazzjonali (ara l-premessi (147) u (152)), b’mod partikolari l-impatt fuq ir-reġjuni li huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, u (iii) il-fatt li l-Kummissjoni qatt ma applikat il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji għal kumpaniji ferrovjarji tal-passiġġieri f’diffikultà (ara l-premessa (137)), il-Kummissjoni tqis li huwa ġġustifikat li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat direttament sabiex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil PR (ara l-premessa (234)).

(139)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE jistipula li l-għajnuna sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern. Meta jitqiesu n-natura tal-attivitajiet ta’ PR u l-impatt ekonomiku tagħhom kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak nazzjonali (ara l-premessi (147) u (152)), il-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE jidher li jkun l-aktar bażi ġuridika xierqa sabiex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà.

(140)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-Miżuri 1 sa 4, meħudin bħala miżura kombinata waħda, direttament skont il-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali ta’ valutazzjoni.

(141)

L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jistipula li l-għajnuna maħsuba sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern meta dik l-għajnuna ma taffettwax b’mod avvers il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Għalhekk, sabiex tkun tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern skont dik id-dispożizzjoni, l-għajnuna mill-Istat trid tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, bl-ewwel waħda li tkun li trid tkun maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ oqsma żoni ekonomiċi u, it-tieni, tkun espressa f’termini negattivi, jiġifieri li ma tistax taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni (41).

(142)

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni teżamina jekk l-għajnuna hijiex maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni trid tiżen l-effetti pożittivi tal-għajnuna fuq l-iżvilupp ta’ attivitajiet li l-għajnuna jkollha l-ħsieb li tappoġġa kontra l-effetti negattivi tagħha fis-suq intern, f’termini ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni u ta’ effetti avversi tal-għajnuna fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ.

7.3.1.1.   L-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika jew ta’ qasam ekonomiku

(143)

Skont il-Polonja, mingħajr l-għajnuna PR ma kinitx tkun tista’ tħallas lura d-dejn tagħha, peress li ma kinitx kapaċi tikseb finanzjament mis-suq qabel ma rċiviet l-għajnuna. Dan kien iwassal għall-insolvenza u għal-likwidazzjoni probabbli ta’ PR.

(144)

Il-Polonja targumenta li l-likwidazzjoni ta’ PR tkun twassal għall-interruzzjoni tal-kontinwità tal-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI) peress li PR hija l-uniku operatur ferrovjarju reġjonali f’sebgħa minn 16-il provinċja u l-uniku operatur li jipprovdi servizzi madwar il-pajjiż kollu. Għalhekk, ma setgħetx tiġi ssostitwita b’mod suffiċjenti fit-terminu qasir sa medju minn fornitur differenti.

(145)

Il-Polonja targumenta li l-likwidazzjoni ta’ PR kienet tikkawża tbatija soċjali serja bl-interruzzjoni għall-kontinwità tal-forniment ta’ SGEI. Fil-fehma tal-Polonja, kienet iżżid ukoll il-qgħad u kien ikollha effett negattiv fuq l-ekonomija. Il-Polonja tistma li l-likwidazzjoni ta’ PR kienet twassal għat-telf ta’ 15 000 sa 17 500 impjieg u tikkawża tnaqqis akkumulat fil-valur miżjud fl-ekonomija Pollakka ta’ PLN 1 100-1 700 miljun fi ħdan sentejn sa tliet snin.

(146)

Il-Polonja analizzat xenarji alternattivi għall-għajnuna li jassumu l-kontinwità tas-servizzi, bħall-ġenerazzjoni ta’ kapital privat, id-disponiment tal-assi u r-riorganizzazzjoni tad-dejn, iżda sabet li dawn kollha ma humiex realistiċi.

(147)

Il-Kummissjoni tinnota, l-ewwel nett, li PR hija tabilħaqq l-uniku operatur ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri f’seba’ reġjuni u għandha sehem sinifikanti mis-suq (bejn 66 % u 95 %) fi tlieta oħrajn. It-tieni, hemm ostakli kbar għad-dħul fis-settur (investiment kapitali inizjali kbir meħtieġ sabiex jinbdew l-operazzjonijiet), li jillimita n-numru ta’ entranti potenzjali. It-tielet, skont il-Polonja, l-ebda operatur “estern”, domestiku jew barrani (ħlief l-operatur Arriva, li għandu sehem stmat ta’ 2 % fis-suq), għadu ma esprima interess li jidħol fis-suq ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri tal-Polonja. Barra minn hekk, l-operaturi “interni” ma jistgħux jipprovdu servizzi barra mir-reġjuni ta’ oriġini tagħhom, peress li b’dan il-mod jitilfu l-istatus tagħhom bħala “operatur intern” (42). Ir-raba’, meta fl-imgħoddi l-awtoritajiet responsabbli kienu jakkwistaw servizzi tat-trasport permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti, PR spiss kienet l-uniku offerent. Fuq dik il-bażi, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li, kieku PR falliet, l-ebda operatur ieħor ma kien ikun jista’ jiħdilha postha fuq skala suffiċjenti fit-terminu qasir sa medju.

(148)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-asserzjoni tal-Polonja li mingħajr l-għajnuna PR kienet issir insolventi tidher plawżibbli, meta jitqies id-dejn għoli ta’ PR, in-nuqqas ta’ likwidità interna suffiċjenti tagħha u l-inabbiltà li tiġġenera finanzjament mis-suq.

(149)

L-analiżi kontrofattwali tal-Polonja li tinvolvi xenarji alternattivi, li wassluha għall-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda alternattiva reali għall-għajnuna (ara l-premessa (146)) tidher plawżibbli wkoll. Huwa improbabbli li kwalunkwe investitur privat kien jesprimi interess fl-akkwist ta’ PR, fid-dawl tal-kundizzjoni finanzjarja prekarja tagħha. Id-disponiment tal-assi kien ikun insuffiċjenti sabiex jiġu ssaldati d-djun u, aktar importanti, kien jimmina r-restawr tal-vijabbiltà, peress li l-biċċa l-kbira tal-assi huma neċessarji sabiex jitkomplew l-operazzjonijiet. Fir-rigward tar-riorganizzazzjoni tad-dejn mill-kredituri eżistenti, din inevitabbilment kienet tinvolvi aktar għajnuna, minħabba li l-akbar kredituri ta’ PR kienu proprjetà tal-Istat.

(150)

Min-naħa l-oħra, l-għajnuna ppermettiet lil PR tnaqqas id-dejn tagħha u twettaq ir-riorganizzazzjoni bl-għan li tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul. Il-proċess jidher li ġab effetti pożittivi hekk kif il-kumpanija saret profittabbli fl-2016, għandha ekwità pożittiva u hija mistennija tiġġenera profitti sal-2020. Barra minn hekk, l-għajnuna wasslet sabiex l-awtoritajiet lokali li qabel ma tantx kellhom rieda jikkonkludu kuntratti pubbliċi għal servizz fit-tul ma’ PR, spiċċaw għamlu dan għall-perjodu 2015-2021. Dan jipprovdi lil PR bi stabbiltà finanzjarja, li hija neċessarja sabiex il-proċess ta’ riorganizzazzjoni jitlesta b’suċċess.

(151)

Fl-aħħar nett, kif innotat fil-premessa (9), ir-reġjuni kollha li fihom topera PR huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE. Reġjuni bħal dawn huma kkaratterizzati minn standard tal-għajxien li huwa baxx b’mod anormali jew b’sottoimpjieg serju. PR timpjega direttament madwar 9 000 persunal u tipprovdi madwar 50 % tal-kilometri ferrovjarji annwali. Minbarra l-impatt dirett fuq l-impjegati u fuq il-kuntratturi ta’ PR, likwidazzjoni ta’ PR ikollha impatt sinifikanti fuq il-mobilità tal-forza tax-xogħol fir-reġjuni kollha b’theddida reali għall-possibbiltajiet eżistenti ta’ impjieg.

(152)

Barra minn hekk, il-provinċji li fihom PR hija l-uniku operatur jew għandha sehem sinifikanti mis-suq huma relattivament ifqar, għandhom rata ogħla ta’ qgħad u għażla iżgħar ta’ alternattivi tat-trasport pubbliku mill-provinċji li jifdal, li fihom huma attivi l-operaturi “interni”. Għalhekk, il-falliment ta’ PR kien jagħmel ħsara akbar lil tal-ewwel milli lil tal-aħħar, u b’hekk ikompli jżid id-disparitajiet reġjonali.

(153)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji reġjonali fil-Polonja peress li tipprevjeni interruzzjoni probabbli tal-forniment ta’ dawk is-servizzi f’każ ta’ falliment ta’ PR. Hija tindirizza wkoll l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni li x’aktarx kienu jiżdiedu li kieku PR falliet.

7.3.1.2.   L-għajnuna ma taffettwax indebitament il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni

(154)

Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna taffettwax indebitament il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ, huwa neċessarju li jiġu eżaminati n-neċessità tal-għajnuna, l-adegwatezza u l-proporzjonalità tagħha. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu eżaminati l-effetti tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ u li jitqiesu l-effetti pożittivi tal-għajnuna fuq l-iżvilupp ta’ attivitajiet li l-għajnuna għandha l-ħsieb li tappoġġa kontra l-effetti negattivi tagħha fis-suq intern.

7.3.1.3.   In-neċessità tal-għajnuna, l-adegwatezza u l-proporzjonalità tagħha

(155)

L-ewwel nett, kif innotat fil-premessi (143) sa (146), skont il-Polonja, mingħajr l-għajnuna, PR issir insolventi u tiġi llikwidata. Il-likwidazzjoni ta’ PR kienet tikkawża tbatija soċjali serja bl-interruzzjoni għall-kontinwità tal-forniment ta’ SGEI u ż-żieda fil-qgħad. Kien ikollha wkoll effett negattiv ġenerali fuq l-ekonomija. Fl-aħħar nett, il-Polonja kkonkludiet li xenarji alternattivi li jassumu l-kontinwità tas-servizz mingħajr l-għajnuna ma kinux realistiċi.

(156)

Kif osservat fil-premessi (148) sa (153), fil-fehma tal-Kummissjoni, l-argumenti tal-Polonja huma plawżibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija neċessarja sabiex tiġi evitata tbatija soċjali serja relatata mal-waqfien probabbli fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri f’każ ta’ falliment ta’ PR.

(157)

It-tieni, fir-rigward tal-adegwatezza tal-għajnuna, ta’ min jinnota li qabel ma rċiviet l-għajnuna, PR kienet f’kundizzjoni finanzjarja diffiċli. Kienet ilha snin tirrapporta telf, ekwità negattiva u dejn dejjem akbar u mill-2005 ikkwalifikat bħala impriża f’diffikultà. Mill-bidu tal-proċess ta’ riorganizzazzjoni fl-2000, PR ma kellhiex biżżejjed likwidità interna, u lanqas aċċess għal finanzjament estern, neċessarju sabiex tħallas lura d-dejn tagħha u sabiex tiffinanzja l-operazzjonijiet tagħha. Il-problema tad-dejn laħqet il-quċċata tagħha f’Settembru 2015, meta l-akbar żewġ kredituri ta’ PR, PKP PLK u PKP Energetyka, talbu lid-debitur iħallas lura d-dejn tiegħu fi żmien ġimgħa. Dan tal-aħħar hedded li jieqaf jipprovdi l-enerġija. Mingħajr ma tħallas lura d-dejn tagħha, PR kienet issir insolventi. F’dak il-kuntest, ma huwiex probabbli li kwalunkwe strument anqas distorsiv mill-għajnuna, pereżempju bidliet regolatorji waħedhom, kien jipprevjeni l-falliment ta’ PR u, b’hekk, jiżgura l-kontinwità tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri.

(158)

Id-diffikultajiet finanzjarji ta’ PR kienu kkawżati primarjament minn telf akkumulat matul is-snin u minn dejn eċċessiv. L-għajnuna, li ġiet fil-forma tal-kopertura tat-telf tal-passat u tar-ristrutturar tad-dejn (inkluż id-differiment tal-obbligazzjonijiet), indirizzat dawk id-diffikultajiet b’mod adegwat. L-investiment fl-ekwità fl-2015 mar lil hinn mill-indirizzar tal-problemi immedjati ta’ likwidità billi pprovda lil PR bil-finanzjament fit-tul, neċessarju sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul.

(159)

Mir-riżultati finanzjarji attwali, jidher li s’issa l-għajnuna qed tilħaq l-objettivi previsti peress li l-kumpanija saret profittabbli u bniet mill-ġdid l-ekwità tagħha (ara t-Tabella 1). B’riżultat ta’ dan, setgħet tikseb finanzjament mis-suq (u b’hekk żdiedu l-obbligazzjonijiet fl-2017), li jservi bħala kontribuzzjoni proprja għall-kost tar-riorganizzazzjoni.

Tabella 1

Data finanzjarja magħżula ta’ PR fl-2011–2017 u previżjoni għall-2018, għall-2019 u għall-2020, f’miljuni ta’ PLN

 

2011

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Dħul

1 797,8

1 746,4

1 498,8

1 474,0

1 383,4

1 317,7

1 334,6

Introjtu operatorju

10,2

-74,0

-31,1

10,0

-96,1

51,0

68,2

Riżultat nett

-52,7

-44,3

-54,0

-5,5

-88,4

51,2

75,2

Marġni nett

-2,9  %

-2,5  %

-3,6  %

-0,3  %

-6,4  %

3,9  %

5,6  %

Ekwità

- 292,4

- 336,7

- 390,7

- 396,2

285,7

336,9

412,1

Obbligazzjonijiet

784,7

834,6

898

884,2

287,4

225,3

463,2

 

2018(F)

2019(F)

2020(F)

 

 

 

 

Dħul

[1 161,1 -1 570,9 ]

[1 139,8 -, ]

[1 092,7 -1 478,3 ]

 

 

 

 

Introjtu operatorju

[59,0 –79,8 ]

[41,0 –55,4 ]

[35,4 –48,0 ]

 

 

 

 

Riżultat nett

[41,7 -56,4 ]

[22,7 -30,7 ]

[23,5 -31,9 ]

 

 

 

 

Marġni nett

[3,1 -4,1 ]%

[1,7 -2,3 ]%

 

 

 

 

 

Ekwità

[391,9 -530,3 ]

[414,5 -560,9 ]

[438,2 -592,8 ]

 

 

 

 

Obbligazzjonijiet

[592,5 -801,6 ]

[510,3 -690,5 ]

[311,8 -421,8 ]

 

 

 

 

Sors: Rapporti finanzjarji ta’ PR għas-snin 2011-2017; “F” — tbassir skont il-pjan ta’ ristrutturar aġġornat f’Diċembru 2017 għas-snin 2018-2020

(160)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija adattata sabiex tilħaq l-objettiv tagħha.

(161)

It-tielet, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna, il-Kummissjoni tinnota li l-proporzjon kbir tal-għajnuna ntuża sabiex ikopri t-telf operatorju tal-passat jew sabiex jitnaqqas il-piż tad-dejn (ristrutturar tad-dejn u differiment tal-obbligazzjonijiet), li fl-aħħar mill-aħħar tħallas lura minn PR. B’hekk, ma pprovdietx lil PR b’likwidità żejda li setgħet tintefaq għal skopijiet oħra għajr l-iżgurar tal-kontinwità tal-operazzjonijiet.

(162)

Fir-rigward tal-investiment fl-ekwità fl-2015, […] % tal-ammont totali tiegħu ntefaq minnufih sabiex jitħallsu lura d-djun arretrati lil PKP PLK u lil PKP Energetyka. L-ammont li jifdal ta’ PLN […] (madwar EUR […]) intefaq għall-modernizzazzjoni tar-rolling stock u għar-ristrutturar tal-impjiegi, jiġifieri sabiex jiġu rrimedjati l-kawżi ewlenin l-oħra tad-diffikultajiet ta’ PR (minbarra d-dejn għoli), jiġifieri l-kwalità batuta u l-kwantità insuffiċjenti ta’ rolling stock u l-effiċjenza operattiva baxxa, bl-għan li jitlesta l-proċess ta’ riorganizzazzjoni u tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul.

(163)

Min-naħa l-oħra, PR refgħet piż sinifikanti tal-kostijiet tar-riorganizzazzjoni billi ġġenerat ammont konsiderevoli ta’ kontribuzzjoni proprja fil-forma ta’ finanzjament estern (self bankarju skont it-termini tas-suq). Dik il-kontribuzzjoni proprja, li PR ikollha tħallas lura mir-riżorsi proprji tagħha, tammonta għal PLN […] (madwar EUR […]) u tirrappreżenta sehem sinifikanti mill-kostijiet totali tar-riorganizzazzjoni.

(164)

Ir-riżultati finanzjarji attwali kif ukoll il-projezzjonijiet finanzjarji juru li l-għajnuna ma kinitx eċċessiva. Il-kumpanija ġġenerat telf nett għal disa’ snin konsekuttivi bejn l-2008 u l-2015, u ekwità negattiva kull sena tal-anqas mill-2004 sal-2014. Fl-2016 u fl-2017, hija rrapportat profitti netti, madankollu l-marġni ta’ profitt ta’ 3,9 % u 5,6 %, rispettivament, ma jidhirx li huwa għoli b’mod irraġonevoli (43). B’mod simili, fil-perjodu 2018-2020 PR kienet mistennija tiġġenera marġni nett pjuttost moderat ta’ [1,7 sa 4,1] %. Il-marġnijiet ta’ profitt moderati juru li bħalissa PR hija kkumpensata b’mod adegwat għall-forniment tagħha ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri.

(165)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija limitata għal dik li hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha, u għalhekk hija proporzjonata.

7.3.1.4.   Effetti fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

(166)

Għalkemm is-suq għat-trasport ferrovjarju reġjonali domestiku tal-passiġġieri għadu ma ġiex illiberalizzat għalkollox skont id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ġġudikat f’deċiżjonijiet preċedenti li l-għajnuna mogħtija lil kumpaniji ferrovjarji tal-passiġġieri (44) kellha effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ, minħabba li t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri ġie lliberalizzat u xi Stati Membri fetħu b’mod unilaterali s-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri tagħhom. Barra minn hekk, hemm kompetizzjoni intermodali bejn il-ferroviji reġjonali u mezzi oħrajn tat-trasport fil-Polonja. Barra minn hekk, f’diversi provinċji hemm aktar minn operatur ferrovjarju reġjonali wieħed, inklużi operaturi minn Stat Membru ieħor.

(167)

Is-sehem ta’ PR fis-suq tas-servizzi ferrovjarji intrareġjonali naqas gradwalment, minn 50 % fl-2014 għal 42,5 % fl-ewwel nofs tal-2017 (f’termini ta’ volum tat-traffiku f’ferrovija/km). Barra minn hekk, skont il-pjan ta’ ristrutturar li jkopri l-perjodu li jintemm fl-2020, PR qed tippjana li tnaqqas il-volum tat-traffiku tagħha b’[…] % u n-numru tagħha ta’ unitajiet elettriċi multipli b’[…] %. Jenħtieġ li dan jagħti lok għal kapaċità addizzjonali għall-kompetituri.

(168)

Il-kompetituri “interni” kollha ta’ PR (ħlief PKP Szybka Kolej Miejska) iffirmaw direttament kuntratti fit-tul mal-awtoritajiet lokali sa tal-anqas Novembru 2023. Dan ifisser li PR ma tistax tieħu r-rotot tagħhom għal diversi snin oħrajn. Arriva, il-kompetitur “estern” ta’ PR, kellha kuntratt li baqa’ għaddej sa Diċembru 2020.

(169)

Għalhekk, il-miżura għandha effetti fuq il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (45).

7.3.1.5.   L-użin tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effett negattiv fuq is-suq intern

(170)

Miżura ta’ għajnuna tiġi stabbilita b’mod adegwat meta tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(171)

Fuq il-bażi tal-osservazzjoni ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq is-settur tas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri fil-Polonja huma limitati.

(172)

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (134), għalkemm huwa soġġett għall-prinċipju ta’ għoti kompetittiv ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz minn Diċembru 2019, is-suq għall-passiġġieri ferrovjarji reġjonali taħt kuntratti pubbliċi għal servizz għadu f’perjodu ta’ tranżizzjoni li taħtu l-kuntratti pubbliċi għal servizz jistgħu jibqgħu jingħataw direttament mingħajr kundizzjoni sal-2023. Il-Polonja ħadet impenn li tlesti dan il-proċess tliet snin qabel (ara l-premessi (33) u (213)). Dan se jwassal għal ftuħ aċċellerat tas-suq u jikkontribwixxi għall-objettiv tal-Unjoni li toħloq żona ferrovjarja unika Ewropea. Għalhekk, l-ibbilanċjar tal-effetti tal-Miżuri 1 sa 4 qies l-impenji tal-Polonja li huma deskritti u vvalutati fil-premessi (212) sa (229) aktar ’il quddiem.

7.3.2.   Il-Miżuri 1 sa 4 bħala miżuri separati

(173)

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (138) u (139), il-Kummissjoni temmen li huwa ġġustifikat li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat direttament sabiex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil PR u li l-punt (c) tal-Artikolu 107(3) huwa l-aktar bażi xierqa għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà.

7.3.2.1.   L-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika jew ta’ qasam ekonomiku

(174)

Kif spjegat fil-premessa (153), l-għajnuna mill-Istat tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività meta tipprevjeni l-interruzzjoni tal-forniment ta’ servizz billi tirrestawra l-vijabbiltà fit-tul ta’ impriża li, mingħajr l-għajnuna, kienet toħroġ mis-suq. Fiż-żmien tal-għoti ta’ kull miżura individwali, PR kienet f’diffikultà, kif definita fil-Linji Gwida tal-2004 u fil-Linji Gwida tal-2014 (ara l-premessi (29) u (132)).

(175)

PR hija l-operatur ewlieni tas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri u tiffaċċja kompetizzjoni biss mill-operaturi “interni” tar-reġjuni, li joperaw biss fir-reġjun rispettiv tagħhom, u sa ċertu punt limitat ħafna minn Arriva.

(176)

Jeżistu ostakli kbar entranti potenzjali. Dan iżid ir-riskju li, fil-każ li PR twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha, operatur ieħor ma jkunx jista’ jieħu post PR malajr u fuq skala suffiċjenti (ara l-premessa (147)).

(177)

Barra minn hekk, likwidazzjoni ta’ PR ikollha kemm impatt sinifikanti fuq, (i) l-impjegati u l-kuntratturi ta’ PR, u (ii) il-mobilità tal-forza tax-xogħol f’reġjuni li huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE (ara l-premessa (151)).

(178)

Filwaqt li twettqet minn atturi differenti, kull miżura individwali kkontribwiet għal objettiv komuni, jiġifieri: li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet ta’ PR.

(179)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li kull waħda mill-Miżuri 1 sa 4 tiffaċilita individwalment l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri fil-Polonja billi tipprevjeni tbatija soċjali serja relatata mal-interruzzjoni probabbli tal-forniment ta’ servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri f’każ ta’ falliment ta’ PR.

7.3.2.2.   L-għajnuna ma taffettwax indebitament il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni

(180)

Id-diffikultajiet finanzjarji ta’ PR kienu kkawżati primarjament minn telf akkumulat matul is-snin u minn dejn eċċessiv. L-ewwel waħda ġiet indirizzata b’mod adegwat bil-kopertura tat-telf tal-passat (il-Miżura 2). It-tieni ġiet indirizzata bir-ristrutturar tad-dejn mill-kredituri ta’ PR (il-Miżuri 3 u 4) u finalment mill-akkwiżizzjoni tal-ishma mill-IDA (il-Miżura 1), meta l-akbar żewġ kredituri ta’ PR talbu l-ħlas lura tad-dejn.

(181)

L-istrumenti użati kienu adegwati sabiex jindirizzaw il-kawżi tad-diffikultajiet finanzjarji, jiġifieri t-telf akkumulat ġie indirizzat permezz tal-kopertura ta’ pagamenti ta’ telf fil-passat u s-sitwazzjoni kritika ta’ solvenza ta’ PR ġiet indirizzata minn strumenti li jaffettwaw is-solvenza ta’ kumpanija (ristrutturar tad-dejn, investiment fl-ekwità).

(182)

Kif deskritt fil-premessi (147) sa (152), PR kienet il-fornitur ewlieni tas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri fil-Polonja. Fiż-żmien tal-għoti u tal-iżborż tal-miżuri individwali, is-suq għas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri ma kienx liberalizzat u ma kienx hemm numru kbir ta’ kompetituri fir-reġjuni individwali u l-ebda kompetitur madwar il-pajjiż kollu fil-Polonja. F’dan il-kuntest, kif iddikjarat ukoll fil-premessa (157), ma huwiex probabbli li fi kwalunkwe ħin kwalunkwe strument anqas distorsiv, pereżempju tibdiliet regolatorji waħedhom, kien jiżgura l-kontinwità tal-forniment ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri f’livell komparabbli li ma kienx jaffettwa b’mod negattiv l-ekonomiji tar-reġjuni f’każ ta’ falliment ta’ PR.

(183)

Kif iddikjarat fil-premessa (132), PR kellha ekwità negattiva f’kull sena individwali tal-perjodu bejn l-2005 u l-2015 (qabel l-akkwiżizzjoni tal-ishma). Barra minn hekk, fil-perjodu kollu, PR kisbet riżultat nett pożittiv darba biss. Bl-eċċezzjoni tal-2007, PR ipproduċiet biss telf. Is-sitwazzjoni ma kinitx ferm aħjar meta jitqies ir-riżultat mill-operazzjonijiet. PR kisbet introjtu operatorju tliet darbiet biss (fl-2007, fl-2011 u fl-2014). Dan ifisser li fil-maġġoranza tas-snin, l-operazzjonijiet ta’ PR ma ġġenerawx biżżejjed dħul sabiex ikopru l-kostijiet tagħhom.

(184)

Kif iddikjarat il-Polonja (ara l-premessa (143)), PR ma setgħetx tikseb finanzjament mis-suq. Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja kontinwa tal-kumpanija, dan jidher plawżibbli għall-perjodu kollu. Barra minn hekk, jidher ukoll improbabbli li investitur privat kien ikun interessat li jinvesti f’PR. Minkejja li s-suq ma ġiex illiberalizzat u peress li PR kienet l-attur ewlieni, PR ma setgħetx tiġġenera profitti netti u, għalhekk, ma setgħetx tiżborża l-profitti għall-azzjonisti tagħha jew iżżid il-valur tal-parteċipazzjoni azzjonarja.

(185)

Kif iddikjarat fil-premessa (149), lanqas disponiment tal-assi ma kien realistiku, peress li l-biċċa l-kbira tal-assi kienu neċessarji sabiex jitkomplew l-operazzjonijiet. Għalhekk, il-kredituri pubbliċi eżistenti kienu s-sorsi potenzjali għal ħelsien parzjali mid-dejn eċċessiv (il-Miżuri 3 u 4). Fir-rigward tal-Miżura 2, it-telf akkumulat storikament ikkontribwixxa għall-ekwità negattiva. L-istess limitazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament minbarra l-Istat għall-Miżuri 3 u 4 tapplika għall-Miżura 2. Fir-rigward tal-Miżura 1, kif iddikjarat fil-premessa (157), il-kredituri ewlenin ta’ PR diġà talbu l-ħlas tad-dejn. F’din is-sitwazzjoni, huwa probabbli li ma kien hemm l-ebda investitur privat jew kreditur potenzjali li jipprovdi fondi lil PR mingħajr parteċipazzjoni mill-Istat.

(186)

Kwalunkwe għajnuna trid tkun proporzjonata, li jfisser li jenħtieġ li tkun limitata għall-minimu possibbli. Il-Miżura 2 ġiet indirizzata sabiex tkopri t-telf operatorju tal-passat akkumulat matul is-snin, il-Miżuri 3 u 4 sabiex inaqqsu l-piż tad-dejn. Kif iddikjarat fil-premessa (161), dawn il-miżuri ma pprovdew lil PR b’xi likwidità żejda li setgħet tintefaq għal skopijiet oħra għajr l-iżgurar tal-kontinwità tal-operazzjonijiet. Fir-rigward tal-Miżura 1, kif spjegat fil-premessi (162) sa (164), il-maġġoranza l-kbira tal-ammont totali ntefaq sabiex jitħallas id-dejn dovut u PR iġġenerat ammont sinifikanti ta’ kontribuzzjoni proprja. Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji attwali kif ukoll il-projezzjonijiet finanzjarji juru li l-għajnuna ma kinitx eċċessiva.

(187)

Kif spjegat fil-premessa (178), il-miżuri individwali kkondividew objettiv komuni, jiġifieri l-kontinwazzjoni tal-attività ta’ PR u l-kisba tal-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija. Kif muri fil-premessi (148) sa (150) u (182), huwa plawżibbli li wieħed jassumi li fin-nuqqas tal-għajnuna, PR kienet tfalli, li kien iwassal għal tfixkil serju fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. F’każ bħal dan, ma kienx jintlaħaq l-objettiv kondiviż.

(188)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li kull għajnuna mogħtija skont il-Miżuri 1 sa 4 individwalment hija xierqa u proporzjonata. Barra minn hekk, kull għajnuna hija neċessarja sabiex tiġi evitata tbatija soċjali serja relatata mal-waqfien probabbli fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri f’każ ta’ falliment ta’ PR.

(189)

Fir-rigward tal-effetti tal-Miżuri 1 sa 4 fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ, l-osservazzjonijiet magħmulin fil-premessi (170) sa (172) fir-rigward ta’ dawn il-Miżuri meħudin flimkien bħala intervent uniku japplikaw kif xieraq għal kull waħda mill-Miżuri 1 sa 4 individwalment.

7.3.3.   Miżura 5

(190)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Miżura 5 hija differenti mill-Miżuri 1 sa 4 fis-sens li ma tindirizzax direttament il-problemi ta’ likwidità li PR ilha tiffaċċja tal-anqas mill-2005.

(191)

L-objettivi tal-Miżura 5 kienu li tappoġġa t-taħriġ għall-persunal ta’ PR, li tappoġġa l-attivitajiet ta’ reklutaġġ u li tipprovdi appoġġ ġenerali fil-forma ta’ għajnuna de minimis.

(192)

Kif spjegat fil-premessa (118), il-Miżura 5 ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament de minimis matul il-perjodu 2009-2011 u, għalhekk, kienet tikkostitwixxi għajnuna matul dan il-perjodu.

(193)

Kif spjegat fil-premessi (132) u (133), fil-prinċipju, jenħtieġ li għajnuna mogħtija lil impriża f’diffikultà, bħal PR, tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mogħtija lil impriżi f’diffikultà li joperaw fis-suq għal servizzi reġjonali domestiċi tal-passiġġieri operati taħt kuntratti pubbliċi għal servizz trid tiġi vvalutata taħt bażi ġuridika differenti.

(194)

Peress li PR kienet impriża f’diffikultà tal-anqas mill-2005 (ara l-premessa (90)), f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 1(6) tal-GBER tal-2008, ma kienet intitolata li tirċievi l-ebda għajnuna b’eżenzjoni ta’ kategorija. Għalhekk, dik l-għajnuna ma tistax titqies kompatibbli f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(195)

Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk kwalunkwe dispożizzjoni oħra dwar il-kompatibbiltà tistax tapplika għal dik l-għajnuna u, b’mod partikolari, jekk l-għajnuna tistax tiġi approvata direttament skont il-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat.

(196)

Fil-valutazzjoni tal-intervent uniku, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li PR ma kinitx iffinanzjata biżżejjed sa livell sinifikanti (ara l-premessi (157) għal (159)). Il-Kummissjoni sabet ukoll li PR tipprovdi servizzi reġjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri f’suq fejn hemm biss kompetizzjoni limitata minħabba n-natura mhux liberalizzata tiegħu u l-inċentivi neqsin għall-operaturi esterni sabiex jidħlu fis-suq, u fejn interruzzjoni tal-attivitajiet ta’ PR ma setgħetx tiġi rreplikata faċilment (ara l-premessi (134) sa (137) u (144) sa (152)). Għalkemm il-Miżura 5 ma kkontribwietx għar-rimedjar ta’ kwistjonijiet ta’ vijabbiltà ta’ PR, hija kkontribwiet għall-kapaċità ta’ PR li tipprovdi s-servizzi tagħha fis-suq ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri (ara l-premessi (197) sa (201). Għalhekk, meta jitqiesu n-natura tal-attivitajiet ta’ PR u l-impatt ekonomiku tagħhom kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak nazzjonali, il-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE jidher li jkun ukoll l-aktar bażi xierqa tal-kompatibbiltà għall-Miżura 5.

7.3.3.1.   L-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika jew ta’ qasam ekonomiku

(197)

Kif spjegat fil-premessa (165), l-għajnuna mill-Istat tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività meta tipprevjeni l-interruzzjoni tal-forniment ta’ servizz.

(198)

Il-Kummissjoni tinnota li għalkemm l-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 ma kinitx tindirizza direttament il-problemi ta’ likwidità ta’ PR, hija xorta waħda kkontribwiet għall-iffaċilitar tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri minn PR.

(199)

It-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri huwa soġġett għal rekwiżiti stretti ta’ sikurezza. Persunal imħarreġ u b’ħiliet għolja jipparteċipa b’mod sinifikanti fl-issodisfar ta’ dawk ir-rekwiżiti billi jiżgura li t-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri jopera b’mod sikur. Għalhekk, il-persunal huwa assi importanti għall-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li ma jistgħux joperaw mingħajru.

(200)

L-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 kellha l-għan li tiżgura li PR tkun tista’ tiddependi fuq persunal imħarreġ u b’ħiliet għolja għall-operat tagħha. Minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta’ PR, jidher plawżibbli li, fin-nuqqas tal-Miżura 5, PR ma kinitx tkun kapaċi tħarreġ u tirrekluta persunal b’mod adegwat, u b’hekk twettaq l-attivitajiet tagħha. Dan seta’ jwassal għal interruzzjoni sinifikanti tas-servizzi reġjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li kieku l-ferroviji ma setgħux jitħaddmu minħabba raġunijiet ta’ sikurezza,. Għalhekk, l-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 żgurat li PR tkompli tipprovdi servizzi reġjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. Bl-istess mod bħall-intervent uniku, il-Miżura 5, billi ppermettiet lil PR tkompli tipprovdi s-servizzi tagħha, tikkontribwixxi għall-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri fil-Polonja. Tindirizza wkoll l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni li x’aktarx kienu jiżdiedu li kieku PR ma kinitx kapaċi tipprovdi servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri (ara l-premessa (152)).

(201)

Jidher plawżibbli li fin-nuqqas tal-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5, PR ma kienx ikollha l-kapaċità li tħarreġ u tirrekluta persunal, li x’aktarx kien iwassal għal waqfien fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport pubbliku.

(202)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 5 tiffaċilita l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri fil-Polonja fis-sens li tipprevjeni tbatija soċjali serja relatata mal-interruzzjoni probabbli tal-forniment tas-servizzi ferrovjarji.

7.3.3.2.   L-għajnuna ma taffettwax indebitament il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni

(203)

Kif spjegat fil-premessa (154), huwa neċessarju li jiġu eżaminati n-neċessità tal-għajnuna, l-adegwatezza u l-proporzjonalità tagħha. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu eżaminati l-effetti tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ u li jitqiesu l-effetti pożittivi tal-għajnuna fuq l-iżvilupp ta’ attivitajiet li l-għajnuna għandha l-ħsieb li tappoġġa kontra l-effetti negattivi tagħha fis-suq intern.

(204)

Rigward il-ħtieġa u l-adegwatezza tal-għajnuna, kif spjegat fil-premessi (90) u (157), PR kienet f’kundizzjoni finanzjarja diffiċli. Dan seta’ impedixxa l-kapaċità ta’ PR li tħarreġ u tirrekluta persunal, li kien neċessarju sabiex PR tkompli tipprovdi servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri. Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ PR, meta jitqies id-dejn għoli ta’ PR, in-nuqqas ta’ likwidità interna suffiċjenti u l-inabbiltà li tiġġenera finanzjament mis-suq, jidher plawżibbli li mingħajr l-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5, PR ma kinitx tkun tista’ tħarreġ u tirrekluta l-persunal neċessarju għall-operazzjonijiet tagħha. Dan kien jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità ta’ PR li tipprovdi servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u, għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar kien jimmina r-restawr tal-vijabbiltà ta’ PR. Il-Kummissjoni tinnota li l-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri minn PR ma ġiex interrott bejn l-2005 u l-2013.

(205)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 kienet neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha, billi tiżgura li PR tkun tista’ tħarreġ u tirrekluta l-persunal neċessarju għall-forniment ta’ servizzi ferrovjarji pubbliċi tal-passiġġieri.

(206)

Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 kienet tammonta għal madwar PLN 1 miljun (madwar EUR 240 000) fil-perjodu mill-2006 sal-2013. Il-Kummissjoni tinnota li l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 huwa ferm anqas minn […] % tad-dħul annwali ta’ PR.

(207)

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li PR użat l-għajnuna għal skopijiet oħrajn minbarra l-għoti ta’ taħriġ jew ir-reklutaġġ ta’ persunal.

(208)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 hija limitata għal dik li hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha, u għalhekk hija proporzjonata.

(209)

Fir-rigward tal-effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ, għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (166) sa (169), l-għajnuna mogħtija skont il-Miżura 5 għandha xi effett fuq il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(210)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, minħabba l-ammont relattivament żgħir tagħha ta’ madwar PLN 1 miljun (madwar EUR 240 000), jenħtieġ li l-effetti distorsivi ta’ dik l-għajnuna jkunu aktar limitati minn dawk tal-intervent uniku.

(211)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impatt pożittiv tal-Miżura 5 fuq l-iżvilupp tal-attività ekonomika u tar-reġjuni kkonċernati jisboq l-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ. Għalhekk, dawn tal-aħħar ma humiex affettwati b’mod avvers sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

7.3.4.   Impenn tal-Polonja favur miżuri għall-ftuħ tas-suq

7.3.4.1.   Deskrizzjoni tal-miżuri għall-ftuħ tas-suq li l-Polonja ħadet impenn għalihom

(212)

Fis-7 ta’ Lulju 2017, il-Polonja pproponiet miżuri għall-ftuħ tas-suq sabiex tikkumpensa għall-effetti distortivi tal-għajnuna mogħtija skont il-Miżuri 1 sa 4 u l-Miżura 5. Dawk il-miżuri ta’ ftuħ tas-suq huma deskritti fil-premessi (180) u (181) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(213)

Matul il-proċedura, il-Polonja rrevediet il-miżuri proposti għall-ftuħ tas-suq. Fil-31 ta’ Ottubru 2019, il-Polonja ppreżentat ittra li tinkludi l-iskeda għall-ftuħ tas-suq li għandha ssir qabel l-2031 (l-“iskeda tal-ftuħ tas-suq”) (46). Fid-29 ta’ Novembru 2019, il-Polonja ppreżentat il-verżjoni finali tal-miżuri għall-ftuħ tas-suq. Il-Polonja tieħu impenn li tintroduċi t-tliet miżuri għall-ftuħ tas-suq li ġejjin (minn hawn ’il quddiem, “Impenn 1”, “Impenn 2” u “Impenn 3”):

“1.

Tmiem l-2020 se jkun l-iskadenza aħħarija għall-konklużjoni mir-reġjuni ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz mogħtijin direttament (mingħajr offerti pubbliċi). Il-Polonja tikkonferma (data għall-2018) li s-sitwazzjoni tas-suq ma nbidlitx b’mod sostanzjali mill-2016/2017.

2.

Fir-rigward tal-perjodu sal-aħħar tal-2030:

(a)

il-Polonja timpenja ruħha li twettaq proċeduri kompetittivi ta’ offerti sa tmiem l-2020 għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri li jikkonċernaw rotot ta’ daqs ta’ xogħol operazzjonali f’livell ta’ minimu ta’ [4 000-30 000]elf kilometri ferrovjarji (li jikkorrispondi għal madwar [4-30] % tax-xogħol operazzjonali totali mkejjel f’kilometri ferrovjarji previsti fl-iskeda għas-sena 2016/2017). Il-valur jinkiseb bħala riżultat ta’ proċeduri kompetittivi ta’ offerti li jitwettqu f’tal-anqas tnejn mill-provinċji li ġejjin: Kujawsko-Pomorskie, Podlaskie, Podkarpackie u Lubuskie.

(b)

il-Polonja timpenja ruħha li twettaq proċeduri kompetittivi ta’ offerti addizzjonali sa tmiem l-2030 għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri li jikkonċernaw rotot ta’ daqs ta’ xogħol operazzjonali f’livell ta’ [4 000-30 000]elf kilometri ferrovjarji (li jikkorrispondi għal madwar [4-30] % tax-xogħol operazzjonali totali mkejjel f’kilometri ferrovjarji previsti fl-iskeda għas-sena 2016/2017). Dan il-valur jinkiseb bħala riżultat ta’ proċeduri kompetittivi ta’ offerti li jitwettqu f’waħda jew aktar mill-provinċji li ġejjin:

[…];

[…];

[…];

[…];

[…].

Ix-xogħol operazzjonali mwettaq abbażi ta’ kuntratti konklużi bħala riżultat tal-proċeduri ta’ offerti msemmijin aktar ’il fuq se jiġi introdott b’mod gradwali. Ittieħed impenn speċifiku rigward il-bullets fl-iskeda tal-ftuħ tas-suq ġie stabbilit fl-ittra SP-EU-WEH-336/2019/UEEU ([RESTREINT UE/RESTRIZZJONI TAL-UE]), datata l-31 ta’ Ottubru 2019, bi kjarifika li l-ewwel ftuħ se jseħħ mill-2021/2022. Fir-rigward tal-kompetenzi tar-reġjuni bħala organizzaturi tat-trasport, dawn il-bullets fl-iskeda jikkostitwixxu anness tal-impenn 2 u għadhom ristretti.

3.

Konferma tal-prinċipju li jenħtieġ li kull rolling stock mixtri mill-organizzatur mill-fondi tal-Istat ikun disponibbli għal trasportaturi individwali u jintuża esklussivament sabiex jipprovdi servizzi pubbliċi; jenħtieġ li r-rolling stock jingħadda lill-operatur/lit-trasportatur f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta (u jiġi rritornat jew remunerat kif xieraq wara t-terminazzjoni tal-kuntratt pubbliku għal servizzi).” (47)

(214)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Impenn 2 jirreferi b’mod espliċitu għall-iskeda tal-ftuħ tas-suq bħala anness għall-Impenn 2. Għalhekk, l-iskeda tal-ftuħ tas-suq hija parti integrali mill-Impenn 2 u hija riprodotta fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(215)

Fl-4 ta’ Diċembru 2020, il-Polonja bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni relatata mal-eżekuzzjoni tal-Impenn 2a). Il-Polonja informat lill-Kummissjoni li kien preżunt li l-proċeduri kompetittivi ta’ offerti jsiru fil-provinċji ta’ Podkarpackie u ta’ Kujawsko-Pomorskie. Proċedura ta’ sejħa għall-offerti twettqet mill-provinċja ta’ Podkarpackie u kopriet aktar minn 4 000 000 kilometru ferrovjarju. Madankollu, fil-pandemija attwali bla preċedent tal-COVID-19, il-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie ma rnexxilhiex tagħmel sejħa għall-offerti li twassal għall-għażla ta’ fornitur ta’ servizz pubbliku qabel tmiem l-2020.

(216)

Minħabba din is-sitwazzjoni, il-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie ppreżentat dikjarazzjoni li fiha hija timpenja ruħha li tikkonkludi kuntratt pubbliku għal servizz għat-trasport ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri fi proċedura kompetittiva ta’ offerti mill-iskeda tal-2021/2022. Skont il-pożizzjoni meħuda mill-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie, il-volum tax-xogħol operazzjonali li għandu jiġi kkuntrattat bħala riżultat tas-sejħa għall-offerti huwa stmat għal minimu ta’ 5,8 miljun kilometru ferrovjarju għal kull skeda (jiġifieri madwar 5,8 % tax-xogħol operazzjonali mkejjel f’kilometri ferrovjarji fuq l-iskeda tal-2016/2017). B’riżultat ta’ dan, l-ewwel stadju tal-liberalizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport (aktar minn [4 000 000-30 000 000] kilometru ferrovjarju) jitlesta sa tmiem l-2021, minflok l-2020, kif ippjanat oriġinarjament.

7.3.4.2.   Valutazzjoni tal-miżuri għall-ftuħ tas-suq li l-Polonja ħadet impenn għalihom

Impenn 1

(217)

Kif spjegat fil-premessa (13), l-Att li jemenda l-Att dwar it-Trasport Pubbliku ġie adottat fit-22 ta’ Marzu 2018. L-Att tal-2018 jipprevedi, b’mod partikolari, li:

(a)

It-12 ta’ Diċembru 2020 se tkun l-iskadenza aħħarija għall-konklużjoni mir-reġjuni ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz fit-trasport ferrovjarju reġjonali mogħtijin direttament (mingħajr offerti pubbliċi);

(b)

L-14 ta’ Diċembru 2030 se tkun l-iskadenza aħħarija għall-kuntratti pubbliċi għal servizz fit-trasport ferrovjarju reġjonali mogħtijin direttament mir-reġjuni (mingħajr offerti pubbliċi).

(218)

Minn dan isegwi li s-suq ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri tal-Polonja kollu se jkun miftuħ għall-kompetizzjoni sal-14 ta’ Diċembru 2030, jiġifieri tliet snin qabel l-iskadenza stabbilita fir-raba’ Pakkett Ferrovjarju.

(219)

Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprevedi li l-Artikolu 5, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz, għandu japplika għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri mit-3 ta’ Diċembru 2019. L-Artikolu 8(2)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, jipprevedi li l-Artikoli 5(6) u 7(3), li jippermettu għotjiet diretti għal kuntratti pubbliċi għal servizz, ma għandhomx jibqgħu japplikaw minn Diċembru 2023 ’il quddiem. Għalhekk, l-impenn 1 inaqqas il-perjodu li matulu l-kuntratti pubbliċi għal servizz jistgħu jingħataw direttament, u jillimitah għat-12 ta’ Diċembru 2020. Għaldaqstant, inaqqas l-opportunità għal provinċji li jagħtu kuntratti direttament, sitwazzjoni li tista’ kemm tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftuħ effettiv tas-suq kif ukoll iddewmu.

(220)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, meta jitqies il-kuntest speċifiku tal-ftuħ kontinwu tas-suq ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri tal-Polonja, il-Kummissjoni tqis li l-Impenn 1 huwa xieraq. Jiżgura ftuħ effettiv aktar bikri ta’ dak is-suq meta mqabbel mal-obbligi legali tal-Polonja skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

Impenn 2

(221)

L-impenn 2 jiżgura li l-ftuħ tas-suq se jespandi gradwalment sal-14 ta’ Diċembru 2030:

(a)

L-ewwel, l-Impenn 2 a) jiżgura li l-proċess ta’ ftuħ tas-suq jiddependi fuq bażi b’saħħitha, bħala limitu ta’ mill-inqas [4 000-30 000] elf (jiġifieri [4-30]) kilometru ferrovjarju, li jikkorrispondi għal madwar [4-30] % tax-xogħol operazzjonali totali fl-iskeda għas-sena 2016/2017, se jinkiseb permezz ta’ proċeduri kompetittivi ta’ offerti sa tmiem l-2020, f’reġjuni differenti. F’dak ir-rigward, huwa nnotat li l-kriżi bla preċedent ikkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 ġabet dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dak l-impenn (ara l-premessi (215) u (216)). Huwa nnotat ukoll li jenħtieġ li l-ewwel stadju tal-proċess ta’ ftuħ tas-suq jitlesta fil-provinċja ta’ Kujawsko-Pomorskie sal-aħħar tal-2021.

(b)

It-tieni, l-Impenn 2 b) se jibni fuq il-parti tas-suq li diġà hija miftuħa billi jiżgura li gradwalment iseħħ ftuħ tas-suq addizzjonali u sinifikanti bejn l-aħħar tal-2020 u l-aħħar tal-2030. Dak il-ftuħ addizzjonali tas-suq se jitwettaq permezz proċeduri kompetittivi ta’ offerti f’numru ta’ reġjuni. Se jkopri [4 000-30 000] elf (jiġifieri [4-30]) kilometru ferrovjarju, li jikkorrispondu għal madwar [4-30] % tax-xogħol operazzjonali totali fl-iskeda għas-sena 2016/2017. Konsegwentement, sa tmiem l-2030, id-daqs tas-suq miftuħ għall-kompetizzjoni se jkun żdied b’aktar mid-doppju, minn madwar [4-30] % sa tmiem l-2020 għal madwar [10-35] % sa tmiem l-2030. Għalhekk, madwar għoxrin fil-mija tas-suq ġenerali se jkun miftuħ għall-kompetizzjoni mhux biss minn ġewwa l-Polonja (operaturi interni) iżda wkoll minn Stati Membri oħrajn (48).

(222)

Barra minn hekk, il-proċess ta’ ftuħ tas-suq jidher li joħloq opportunitajiet attraenti għal entranti ġodda. Skont l-iskeda tal-ftuħ tas-suq li hija parti mill-Impenn 2, il-ftuħ tas-suq se jseħħ gradwalment fuq perjodu ta’ 10 snin u f’numru ta’ provinċji differenti. Għalhekk, entranti ġodda jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’diversi sejħiet għall-offerti, u possibbilment jirbħu. Barra minn hekk, ir-reġjuni koperti mill-iskeda jidhru li huma ekonomikament dinamiċi (abbażi tal-istandards tal-kapaċità tal-akkwist per capita) fejn is-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri huma aktar probabbli li jiżviluppaw.

(223)

Fil-kuntest speċifiku tal-ftuħ kontinwu tas-suq ferrovjarju tal-passiġġieri reġjonali tal-Polonja, il-Kummissjoni tqis li l-Impenn 2 huwa sodisfaċenti wkoll. Jiżgura li l-ftuħ tas-suq se jespandi gradwalment sal-14 ta’ Diċembru 2030. Filwaqt li l-ewwel fażi tal-proċess ta’ ftuħ tas-suq se titlesta parzjalment biss fl-2021, minflok fl-2020, dak id-dewmien huwa ġġustifikat mill-kriżi mingħajr preċedent.

Impenn 3

(224)

L-Impenn 3 jiżgura li l-provinċji jagħmlu disponibbli rolling stock mixtri b’fondi pubbliċi lill-operatur ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz fuq bażi mhux diskriminatorja u f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, matul il-kuntratti pubbliċi għal servizz. Dak l-Impenn huwa allinjat mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, li jipprevedi obbligu għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jivvalutaw jekk ikunux neċessarji miżuri sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għal rolling stock adegwat.

7.3.4.3.   Konklużjoni

(225)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ssib li l-impenji proposti mill-Polonja se jiżguraw ftuħ aktar bikri u sinifikanti tas-suq għas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri.

(226)

Il-Kummissjoni tosserva li, fil-kuntest speċifiku tal-ftuħ kontinwu tas-suq ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri tal-Polonja, l-impenji proposti mill-Polonja se jippermettu lill-kompetituri attwali u potenzjali ta’ PR jagħmlu offerti għal kuntratti aktar kmieni milli meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, sa ċertu punt se jtaffu l-effetti distorsivi tal-għajnuna.

(227)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija skont il-Miżuri 1 sa 4 u l-Miżura 5 ma tfixkilx il-kompetizzjoni mingħajr bżonn u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(228)

L-impenji proposti mill-Polonja huma mfasslin sabiex jirrimedjaw l-effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ tal-għajnuna kollha mogħtija kemm taħt l-intervent uniku (il-Miżuri 1 sa 4) kif ukoll taħt il-Miżura 5.

(229)

Peress li kull waħda mill-Miżuri 1 sa 4 individwalment għandha effett distorsiv iżgħar mill-Miżuri 1 sa 4 flimkien bħala intervent uniku, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenji proposti mill-Polonja huma biżżejjed sabiex itaffu l-effett distorsiv ta’ kull Miżura 1 sa 4 individwalment.

7.3.5.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(230)

B’bilanċ, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-effetti pożittivi tal-għajnuna mogħtija skont il-Miżuri 1 sa 4, kemm bħala l-intervent uniku kif ukoll individwalment, u l-Miżura 5, rispettivament, dwar l-iżvilupp tal-attività ekonomika u tar-reġjuni kkonċernati jisbqu l-effetti negattivi potenzjali ta’ dawn il-Miżuri fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kundizzjonijiet ta tal-kummerċ. Għalhekk, dawn tal-aħħar ma humiex affettwati b’mod avvers sa punt li jmur kontra l-interess komuni. […].

(231)

[…].

(232)

Il-Polonja jeħtiġilha tikkomunika lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar il-miżuri meħudin sabiex tikkonforma mal-impenji proposti mill-Polonja u imposti wkoll bħala kundizzjonijiet, fuq bażi annwali sal-31 ta’ Diċembru 2030.

(233)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni futura li tista’ titwettaq fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi reġjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri tal-provinċji, inkluż il-finanzjament ta’ rolling stock skont l-obbligi ta’ servizz pubbliku, skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

(234)

Il-Kummissjoni tindika li din id-deċiżjoni tapplika standard ġdid ta’ valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat lil ditti f’diffikultà fis-settur tat-trasport ferrovjarju reġjonali tal-passiġġieri (49). Fil-futur, il-Kummissjoni se tapplika l-istess standard għal każijiet komparabbli li jippreżentaw l-istess karatteristiċi u, għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà, tipprevedi li tiċċara kif xieraq il-Linji Gwida pertinenti f’dan ir-rigward.

8.   KONKLUŻJONI

(235)

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Polonja daħħlet fis-seħħ l-għajnuna, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija skont il-Miżuri 1 sa 4 u 5 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li ngħatat b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE u tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/1589, u li hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li ġejjin implimentati mill-Polonja favur Przewozy Regionalne sp. z o.o. (“PR”) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

(a)

Investiment fl-ekwità mill-IDA fit-30 ta’ Settembru 2015 (l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata, il-Miżura 1)

(b)

Kopertura tat-telf tal-passat mogħtija bejn l-2006 u l-2008 fil-kuntest tar-ristrutturar kontinwu ta’ PR (il-Miżura 2)

(c)

Ristrutturar tad-dejn fl-2004-2009 (il-Miżura 3)

(d)

Differiment tal-obbligazzjonijiet fl-2009-2014 (il-Miżura 4)

(e)

Taħriġ, reklutaġġ u għajnuna de minimis mogħtija mill-2006 sal-2015 li jaqbżu l-limitu de minimis fil-perjodu mill-2009 sal-2011 (il-Miżura 5)

Artikolu 2

Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 1 huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4.

Artikolu 3

Il-Polonja għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

L-aħħar tal-2020 hija l-iskadenza aħħarija għall-awtoritajiet reġjonali sabiex jagħtu direttament kuntratti pubbliċi għal servizz (mingħajr offerti pubbliċi). Il-Polonja tikkonferma li, fuq il-bażi tad-data dwar is-sena 2018, is-sitwazzjoni tas-suq ma nbidlitx b’mod sostanzjali mill-2016/2017.

2.

Fir-rigward tal-perjodu sal-aħħar tal-2030:

(a)

il-Polonja timpenja ruħha li twettaq proċeduri kompetittivi ta’ offerti sa tmiem l-2021 għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri li jikkonċernaw rotot ta’ daqs ta’ xogħol operazzjonali f’livell ta’ minimu ta’ [4 000-30 000]elf kilometri ferrovjarji (li jikkorrispondi għal madwar [4-30] % tax-xogħol operazzjonali totali mkejjel f’kilometri ferrovjarji previsti fl-iskeda għas-sena 2016/2017). Il-valur jinkiseb bħala riżultat ta’ proċeduri kompetittivi ta’ offerti li jitwettqu f’tal-anqas tnejn mill-provinċji li ġejjin: Kujawsko-Pomorskie, Podlaskie, Podkarpackie u Lubuskie.

(b)

il-Polonja timpenja ruħha li twettaq proċeduri kompetittivi ta’ offerti addizzjonali sa tmiem l-2030 għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri li jikkonċernaw rotot ta’ daqs ta’ xogħol operazzjonali f’livell ta’ [4 000-30 000]elf kilometri ferrovjarji (li jikkorrispondi għal madwar [4-30] % tax-xogħol operazzjonali totali mkejjel f’kilometri ferrovjarji previsti fl-iskeda għas-sena 2016/2017). Dan il-valur jinkiseb bħala riżultat ta’ proċeduri kompetittivi ta’ offerti li jitwettqu f’waħda jew aktar mill-provinċji li ġejjin:

[…];

[…];

[…];

[…];

[…].

Ix-xogħol operazzjonali mwettaq abbażi ta’ kuntratti konklużi bħala riżultat tal-proċeduri ta’ offerti msemmijin aktar ’il fuq se jiġi introdott b’mod gradwali. Ittieħed impenn speċifiku rigward il-bullets fl-iskeda tal-ftuħ tas-suq ġie stabbilit fl-ittra SP-EU-WEH-336/2019/UEEU (RESTREINT EU/RESTRIZZJONI TAL-UE), datata l-31 ta’ Ottubru 2019, bi kjarifika li l-ewwel ftuħ se jseħħ mill-2021/2022. Fir-rigward tal-kompetenzi tar-reġjuni bħala organizzaturi tat-trasport, dawn il-bullets fl-iskeda jikkostitwixxu anness tal-impenn 2 u għadhom ristretti.

3.

Konferma tal-prinċipju li jenħtieġ li kull rolling stock mixtri mill-organizzatur mill-fondi tal-Istat ikun disponibbli għal trasportaturi individwali u jintuża esklussivament sabiex jipprovdi servizzi pubbliċi; jenħtieġ li r-rolling stock jingħadda lill-operatur/lit-trasportatur f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta (u jiġi rritornat jew remunerat kif xieraq wara t-terminazzjoni tal-kuntratt pubbliku għal servizzi).

Artikolu 4

Il-Polonja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar il-miżuri meħudin sabiex tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, fuq bażi annwali sal-31 ta’ Diċembru 2030.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 158, 4.5.2018, p. 10.

(2)  EUR 1 = PLN 4,25.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(4)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(5)  Ara t-Taqsima 5.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija.

(7)  Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Liġijiet tal-2018, il-pożizzjoni 907.

(8)  Koleje Mazowieckie, Warszawska Kolej Dojazdowa, PKP Szybka Kolej Miejska, Koleje Śląskie, Koleje Wielkopolskie, Koleje Dolnośląskie, Łódzka Kolej Aglomeracyjna, Koleje Małopolskie.

(9)  F’konformità mal-Liġi emendata dwar PKP, kien biżżejjed li PR tikkonkludi l-ftehim ma’ PKP PLK biss minħabba li dan il-maniġer tal-infrastruttura msemmi l-aħħar kellu aktar minn 50 % tad-dejn ta’ PR.

(10)  Fil-kumment tagħha, il-Polonja elenkat ukoll żewġ skemi oħrajn (XT91/04 u X307/2009). XT91/04 kienet skema għall-għajnuna għat-taħriġ li ma baqgħetx tapplika mill-2006. X307/2009 kienet skema ta’ għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati mingħajr ebda għajnuna mogħtija lil PR fil-perjodu 2009-2011.

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(12)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(13)  Kif spjegat fil-premessa (13), din il-proposta ġiet implimentata permezz tal-adozzjoni tal-Att tal-2018 mill-Parlament Pollakk.

(14)  Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P EU:C:2015:362, il-punt 60.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1040 tat-16 ta’ Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32544 (2011/C) implimentata mill-Greċja favur il-Grupp Ferrovjarju Grieg TRAINOSE S.A. (ĠU L 186, 24.7.2018, p. 25); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2372 tat-16 ta’ Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31250 — 2011/C (ex 2011/N) ippjanata li tiġi implimentata mill-Bulgarija favur BDZ Holding EAD SA, BDZ Passenger EOOD u BDZ Cargo EOOD u miżuri oħra (ĠU L 337, 19.12.2017, p. 35).

(16)  Il-Liġi tal-25 ta’ April 2008 li temenda l-Liġi dwar PKP (il-Ġurnal Uffiċjali tal-Liġijiet tal-2008, in-numru 97, il-pożizzjoni 624).

(17)  Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Liġijiet tal-2005, in-numru 12, il-pożizzjoni 61.

(18)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs il-Kummissjoni (Stardust), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-punt 38. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs il-Kummissjoni, C-278/00, ECLI:EU:C:2004:239, il-punti 53 u 54, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia SpA vs il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, ECLI:EU:C:2003:252, il-punti 33 u 34.

(19)  Dawk it-termini ta’ ristrutturar tad-dejn kienu applikabbli għall-kredituri mill-Grupp PKP, li jirrappreżentaw 99,3 % tal-ammont tad-dejn ristrutturat. Id-dejn lejn kredituri oħrajn kellu jiġi rristrutturat kif ġej: 30 % tal-ammont ta’ kapital, l-imgħax akkumulat sad-dħul fis-seħħ tal-ftehim u minn hemm ’il quddiem kellu jitħassar u 70 % tal-ammont ta’ kapital kellu jitħallas lura fi 28 pagament parzjali ta’ kull xahar, li jibdew sena wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim. Mill-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, jidher li t-termini oriġinali tar-ristrutturar tad-dejn lejn dawk il-kredituri (li ma jappartjenux għall-Grupp PKP) miftiehma fl-2004 ma ġewx immodifikati sussegwentement.

(20)  Kien hemm differenzi fl-interpretazzjoni bejn PR u PKP PLK fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-2004 dwar l-imgħax akkumulat wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Fl-aħħar nett, il-partijiet ikkonfermaw l-interpretazzjoni oriġinali li skont din il-ftehim tal-2004 kien jipprevedi t-tħassir tal-imgħax kollu, inkluż l-imgħax akkumulat mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-2004 sas-saldu finali tiegħu.

(21)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C-300/16P, ECLI:EU:C:2017:706, il-punt 28.

(22)  Dan huwa l-ammont ta’ obbligazzjonijiet dovuti lil PKP PLK u lil PKP Cargo sal-31 ta’ Diċembru 2007, kif ikkonfermat mill-ftehimiet iffirmati fis-6 ta’ Mejju 2008 u fid-29 ta’ Lulju 2008, rispettivament. Dak l-ammont ma jinkludix l-obbligazzjonijiet dovuti minn PR lill-kumpaniji li jifdal tal-Grupp PKP (PKP S.A., PKP Intercity u PKP Energetyka) li pparteċipaw fil-ftehim oriġinali dwar ir-ristrutturar tad-dejn, li l-ħlas lura tagħhom ġie pospost ukoll (bl-anness tat-2 ta’ April 2007), peress li l-Polonja ma pprovdietx l-ammont rilevanti.

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża SA.38324 Għajnuna għar-ristrutturar għal Alestis, ĠU C 418, 21.11.2014, p. 1, il-premessi 38-39.

(24)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs il-Kummissjoni (Stardust), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-punt 55.

(25)  L-ishma tal-obbligazzjonijiet ipprovduti f’din il-premessa ġew ikkalkolati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

(26)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(27)  Ir-rata ta’ referenza hija stabbilita billi wieħed jassumi kollateral “baxx” għall-ftehimiet kollha (sottomissjoni għall-eżekuzzjoni jew l-ebda kollateral affattu) ħlief għal ftehim wieħed ma’ PKP PLK tal-2013 fejn il-kollateral jista’ jitqies bħala “għoli” (rahan fuq ir-rolling stock li, skont il-Polonja, ikopri 100 % tal-ammont ta’ obbligazzjoni garantita).

(28)  Is-sottomissjoni għall-eżekuzzjoni, prevista fl-Artikolu 777 tal-Kodiċi tal-Proċedimenti Ċivili, hija forma popolari tal-kollateral fil-Polonja li tippermetti lil kreditur jibda l-eżekuzzjoni mingħajr il-ħtieġa li jiftaħ proċedimenti tal-qorti u li jissostanzja d-drittijiet tal-kreditur. Il-qorti għandha tlett ijiem sabiex tivvalida talba reġistrata ta’ kreditur, li warajhom il-kreditur jista’ jitlob lil bailiff sabiex jimplimenta l-eżekuzzjoni.

(29)  Skont il-Bank Nazzjonali tal-Polonja, ir-rata medja tal-imgħax fuq is-self lill-intrapriżi b’maturità sa sena kienet ta’ 6,5 % fl-2009, ta’ 6,2 % fl-2010 u fl-2011, ta’ 6,4 % fl-2012, ta’ 5,0 % fl-2013 u ta’ 4,3 % fl-2014.

(30)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2015, Franza vs il-Kummissjoni (Seafrance), t-1/12, ECLI:EU:T:2015:17, il-punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs il-Kummissjoni, C-399/10 P u C-401/10 P, ECLI:EU:C:2013:175, il-punt 103.

(31)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2015, Franza vs il-Kummissjoni (Seafrance), t-1/12, ECLI:EU:T:2015:17, il-punt 34, is-sentenza tal-Qorti tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs il-Kummissjoni, C-399/10 P u C-401/10 P, ECLI:EU:C:2013:175, il-punt 104, u s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs il-Kummissjoni, T-11/95, ECLI:EU:T:1998:199, il-punt 171.

(32)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(33)  Kif deskritt fil-premessa (22), il-Miżura 5 tinkludi l-għajnuna mogħtija fil-perjodu 2006-2015. Kif stabbilit fil-premessa (132), il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà japplikaw għall-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar li ngħatat parzjalment wara l-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida. Dan huwa l-każ għall-Miżura 5, u għalhekk il-Kummissjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2014 għall-valutazzjoni ta’ jekk PR kinitx impriża f’diffikultà jew le.

(34)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

(35)  Ir-raba’ pakkett ferrovjarju huwa sett ta’ sitt testi leġiżlattivi adottati fl-2016 maħsubin sabiex iwettqu s-suq uniku għas-servizzi ferrovjarji, li jinkludi r-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1), id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44), id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102), ir-Regolament (UE) 2016/2337 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta’ intrapriżi tal-ferrovija (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 20), ir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 22), id-Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 1).

(36)  Ara d-Direttiva 2012/34/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/2370. Għas-servizzi pprovduti taħt kuntratti pubbliċi għal servizz, hemm perjodu ta’ tranżizzjoni: filwaqt li l-proċedura ta’ offerti kompetittiva saret in-norma għall-għoti ta’ tali kuntratti fit-3 ta’ Diċembru 2019, l-għoti dirett mingħajr kundizzjoni ta’ tali kuntratti se jibqa’ possibbli sal-24 ta’ Diċembru 2023. Il-kuntratti mogħtija direttament jista’ jkollhom biss durata ta’ 10 snin, jiġifieri sa Diċembru 2033 (ara l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338).

(37)  Il-kuntratti li jingħataw direttament qabel it-3 ta’ Diċembru 2019 jista’ jkollhom id-durata tagħhom estiża b’50 % skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

(38)  Għas-servizzi kummerċjali, il-liberalizzazzjoni sħiħa kienet effettiva mill-iskeda tax-xogħol li bdiet fit-12 ta’ Diċembru 2020.

(39)  Dan huwa kkawżat ukoll mil-liberalizzazzjoni mhux kompluta li twassal sabiex operaturi oħrajn ma jkunux jistgħu jissostitwixxu l-volum kbir ta’ traffiku li jirrappreżentaw l-operaturi preeżistenti. Barra minn hekk, l-interoperabbiltà limitata tar-rolling stock iżżid mal-frammentazzjoni tas-swieq.

(40)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2016, Ir-Repubblika Ellenika vs il-Kummissjoni, C-431/14 P, ECLI:EU:C:2016:145, il-punti 70-72.

(41)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija/il-Kummissjoni (Hinkley Point C), C-594/18 P, ECLI:EU:C:2020:742, il-punti 18-19.

(42)  “Operaturi interni” kif definiti fil-punt (j) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

(43)  Il-profitti ma jidhrux li ma humiex raġonevoli bħal, pereżempju, id-dħul, li huwa kostanti, u ż-żieda fil-profittabbiltà, li hija sostnuta minn tnaqqis fil-kostijiet. Barra minn hekk, il-profitti qed jonqsu maż-żmien. Bħala paragun, kumpaniji ferrovjarji nazzjonali preeżistenti oħrajn li jipprovdu servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri għandhom marġni ta’ profitt ta’ madwar 4 % sa 6 % u aktar.

(44)  Il-profitti ma jidhrux li ma humiex raġonevoli bħal, pereżempju, id-dħul, li huwa kostanti, u ż-żieda fil-profittabbiltà, li hija sostnuta minn tnaqqis fil-kostijiet. Barra minn hekk, il-profitti qed jonqsu maż-żmien. Bħala paragun, kumpaniji ferrovjarji nazzjonali preeżistenti oħrajn li jipprovdu servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri għandhom marġni ta’ profitt ta’ madwar 4 % sa 6 % u aktar.

(45)  Kif imsemmi fil-premessa (162), PR użat kważi l-ammont sħiħ tal-għajnuna sabiex tkopri t-telf operatorju tal-passat u sabiex tħallas lura d-djun tagħha. Dan sempliċiment ippermetta lill-kumpanija tevita l-insolvenza minflok ma tiffinanzja l-estensjoni tal-operazzjonijiet għad-detriment tal-kompetituri. L-ammont relattivament żgħir li jifdal tal-għajnuna ([…]), lanqas ma ntuża għall-espansjoni tas-suq, iżda sabiex jiġu implimentati l-miżuri neċessarji għat-tlestija tal-proċess ta’ riorganizzazzjoni (modernizzazzjoni tar-rolling stock u ristrutturar tal-impjiegi) u tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul.

(46)  L-ittra EU-WEH-336/2019/UEEU; l-iskeda tal-ftuħ tas-suq tinkludi l-provinċji koperti mill-ftuħ tas-suq, l-ammont ta’ kilometri ferrovjarji minn provinċja koperti mill-ftuħ tas-suq u s-sena tal-ftuħ tas-suq. Il-ftuħ tas-suq se jibda fl-2021/22, minflok fl-2020/21, kif indikat inizjalment fl-iskeda tal-miżuri għall-ftuħ tas-suq.

(47)  L-ittra oriġinali mill-Polonja mibgħuta bl-Ingliż.

(48)  Bħalissa, madwar 2 % tas-suq huwa moqdi minn operatur estern wieħed.

(49)  Ara b’mod partikolari l-premessi (131)–(140) u l-impenji stabbiliti fil-premessi (212)–(229).