29.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1726

tat-28 ta’ Settembru 2021

b’appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab — Fażi II

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Istrateġija tal-2018 tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir Illeċiti (SALW) u l-munizzjon tagħhom intitolata “Sigurtà tal-Armi, Protezzjoni taċ-Ċittadini” (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) tiddikjara li l-Unjoni tagħti prominenza partikolari lill-kooperazzjoni reġjonali bħala mezz effiċjenti ta’ kontroll tal-armi ħfief.

(2)

L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni u l-assistenza għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“PtA tan-NU”).

(3)

Skont l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-PaA tan-NU, ser jinkludi l-ġbir u l-qerda ta’ SALW u munizzjon żejda, is-sigurtà fiżika u l-ġestjoni ta’ ħażniet li nġemgħu ta’ SALW u munizzjon, l-iżvilupp tal-kapaċità għall-immarkar, iż-żamma ta’ rekords u r-rintraċċar, l-iżvilupp tal-kapaċità għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, l-iżvilupp tal-kapaċità għall-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu, l-appoġġ għall-monitoraġġ tal-embargi u t-traċċar ta’ armi ddevjati.

(4)

Fir-rigward tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-forzi lokali tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà fir-rigward tas-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet, il-qerda tal-armi żejda u d-dokumentazzjoni u t-traċċar ta’ SALW illeċiti.

(5)

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, adottata fil-25 ta’ Settembru 2015, tafferma li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ SALW hija meħtieġa għall-kisba ta’ bosta għanijiet, inkluż dawk relatati mal-paċi, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom, it-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku, is-saħħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u bliet u komunitajiet sikuri.

(6)

Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm “Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna”, li tnediet fl-24 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU jappella għal approċċ inklużiv, integrat u parteċipatorju għall-kontroll tal-armi ħfief fil-livell tal-pajjiżi u, f’ċerti sitwazzjonijiet, fil-livell subreġjonali.

(7)

Fit-tielet Konferenza tan-NU għar-Rieżami tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-PtA tan-NU, li saret f’Ġunju 2018, l-Istati Membri tan-NU ntrabtu li jsaħħu, kif adatt, is-sħubijiet u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ SALW, b’mod partikolari fil-kontroll tal-fruntieri, il-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet li nġemgħu, il-qerda u d-disponiment, l-immarkar, iż-żamma ta’ rekords u t-traċċar, u s-senserija illeċita. L-Istati Membri tan-NU ntrabtu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet subreġjonali u reġjonali rilevanti sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-PtA tan-NU u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar.

(8)

Il-Lega tal-Istati Għarab (LAS) hija organizzazzjoni reġjonali li tiġbor flimkien il-pajjiżi Għarab kollha, bil-għan li tippromwovi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-membri tagħha.

(9)

Fl-2016 l-Unjoni u l-LAS ħolqu d-Djalogu Strateġiku UE-LAS u stabbilew għadd ta’ gruppi ta’ ħidma.

(10)

Il-Grupp ta’ Ħidma tad-Djalogu Strateġiku dwar l-Armi ta’ Qerda Massiva u l-Kontroll tal-Armi iddefinixxa l-oqsma ta’ prijorità għal kooperazzjoni konkreta eventwali.

(11)

L-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1789 (1), appoġġat il-fażi I ta’ proġett b’appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta’ SALW fl-Istati Membri tal-LAS, u issa tixtieq tappoġġa l-Fażi II ta’ dak il-proġett,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb li tappoġġa lill-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS) fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“PtA tan-NU”) u tal-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, l-Unjoni ser issegwi l-objettivi li ġejjin:

tinbena b’mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW), jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu s-sigurtà f’sitwazzjonijiet ta’ wara konflitt b’rispett sħiħ għall-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

tinbena b’mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li tindirizza l-istess sfidi;

jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji kruċjali taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda.

2.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa, permezz ta’ din id-Deċiżjoni, azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:

kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta’ SALW (ġlieda kontra flussi ta’ armi illeċiti);

identifikazzjoni u eliminazzjoni tas-sorsi ta’ armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi);

miżuri oħra marbuta mal-kontroll tal-armi ħfief, inkluż ġestjoni tal-ħażniet li nġemgħu, kontroll tal-provvisti relatati, u sigurtà;

diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni;

għoti ta’ informazzjoni b’rabta ma’ SALW illeċiti u t-tisħiħ tal-kontroll ta’ SALW.

3.   Il-proġett imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 jinsab deskritt fid-dettall fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha ssir mis-Small Arms Survey (SAS), irrappreżentat mill-Graduate Institute of International and Development Studies, bl-assistenza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol) u tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal-LAS.

3.   L-SAS, assistit mill-Interpol u d-WCO, għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-SAS.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 5 991 726.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-SAS. Il-ftehim għandu jistipula li l-SAS irid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod xieraq imqabbel mad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għandha tgħarraf lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni permezz ta’ rapporti regolari trimestrali mħejjija mill-SAS.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f’dak il-perijodu..

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

S. KUSTEC


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1789 tad-19 ta’ Novembru 2018 b’appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 24).


ANNESS

DOKUMENT TA' PROĠETT

Proġett b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (Fażi 2, 2021–2024) – HR(2021) 125

Sfond

Dan il-proġett (proġett UE-LAS - fażi 2) ser jibni fuq l-isforzi preċedenti mwettqa mill-Lega tal-Istati Għarab (LAS) u l-Unjoni, inkluż dawk imwettqa matul il-fażi 1 tal-proġett (2019-2021), biex jiġu assistiti l-Istati Membri tal-LAS fil-ġlieda kontra l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) illeċiti fir-reġjun Għarbi (1).

Il-Grupp ta' Ħidma tad-Djalogu Strateġiku dwar Armi ta' Qerda Massiva, is-SALW u l-Kontroll tal-Armi UE-LAS iddefinixxa oqsma prijoritarji għal kooperazzjoni konkreta possibbli. Il-fażi 1 tal-proġett UE-LAS tejbet l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda f’dawn l-oqsma permezz ta’ sensiela ta’ laqgħat reġjonali u subreġjonali. Din il-fażi pprovdiet ukoll lill-Istati Membri tal-LAS b’taħriġ prattiku mfassal biex jibni b’mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali u reġjonali (LAS) biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mis-SALW illeċiti, speċifikament fl-oqsma prijoritarji.

Fil-perijodu ta’ qabel il-pandemija tas-SARS-CoV-2, saru l-laqgħa ta' tnedija (Kajr, Ġunju 2019) u l-ewwel sessjoni ta' ħidma subreġjonali (Abu Dhabi, Frar 2020) tal-proġett. F’Novembru u Diċembru 2019, twettqu wkoll tliet missjonijiet ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet fil-kuntest tal-proġett, , li wittew it-triq għal programmi ta’ taħriġ fil-pajjiż li saru f’Abu Dhabi, fl-Emirati Għarab Magħquda u fir-Rabat, il-Marokk f’Jannar u Frar 2020.

Mal-bidu tal-pandemija, f’Marzu 2020, il-proġett mexxa l-attivitajiet ta’ taħriġ tiegħu online. Mit-30 ta’ April 2021, il-proġett kien ipprovda taħriġ online lil sitt Stati Membri tal-LAS, b’taħriġ addizzjonali online, inkluż taħriġ ta’ segwitu, skedat għal Mejju u Ġunju 2021. Saru wkoll diskussjonijiet biex jiġi żgurat li t-tieni sessjoni ta' ħidma (finali) subreġjonali u l-laqgħa reġjonali tal-għeluq tal-proġett jsiru, f’format online, qabel tmiem il-fażi 1 fil-31 ta’ Lulju 2021.

L-uffiċjali tal-Istati Membri tal-LAS li pparteċipaw f’laqgħat u programmi ta’ taħriġ tal-proġett irrappurtaw konsistentement livelli għolja ta’ sodisfazzjon b’dawn l-avvenimenti u proporzjon għoli ta’ parteċipanti fil-programm ta’ taħriġ indikaw li kien biħsiebhom jużaw l-informazzjoni u l-għarfien espert kondiviż matul il-programm fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

Il-fażi 2 tal-proġett ser tikkonsolida u ssaħħaħ il-pedamenti stabbiliti matul l-ewwel fażi tal-proġett. L-isforzi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li bdew fil-fażi 1 ser jitkomplew, jiġu estiżi u approfonditi sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul. L-Istati Membri tal-LAS li ma rċevewx it-taħriġ fl-ewwel fażi tal-proġett jistgħu jirċevuh fit-tieni fażi. L-Istati Membri tal-LAS li jfittxu li jsaħħu l-kapaċitajiet miksuba matul l-ewwel fażi ser jirċievu l-appoġġ meħtieġ fit-tieni fażi. Barra minn hekk, għall-ewwel darba l-proġett ser ilaqqa’ avvenimenti ta’ taħriġ fir-reġjun kollu li ser jippermettu lill-Istati Membri tal-LAS isaħħu l-kapaċità nazzjonali għat-taħriġ dwar il-kontroll tas-SALW (avvenimenti ta’ ħarreġ lil min iħarreġ).

It-tnaqqis u l-qerda tal-armi ħfief illeċiti fir-reġjun Għarbi jibqgħu kruċjali biex jitnaqqsu l-forom kollha ta' vjolenza u jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) — kemm fir-reġjun Għarbi kif ukoll fir-reġjuni ġirien, inkluż l-Ewropa. B'mod aktar speċifiku, il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA) u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI) skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS.

Il-qafas normattiv għall-proġett jinkludi wkoll l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-mira 16.4, u r-Riżoluzzjoni 2370 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bil-għan li t-terroristi ma jitħallewx jakkwistaw armi. Fl-istess ħin, il-proġett jagħti espressjoni konkreta lill-wegħda li tittieħed azzjoni miftiehma kontra t-traffikar ta' armi illegali, li tinsab fid-dikjarazzjoni tas-summit ta' Sharm El-Sheikh bejn l-UE u l-LAS tal-25 ta’ Frar 2019.

Skont il-preferenzi tal-Istat Membru tal-LAS ospitanti, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jistgħu wkoll iservu ta' punti ta' riferiment għall-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-proġett (kontroll tal-esportazzjoni/importazzjoni, prevenzjoni tad-devjazzjoni, eċċ.).

Objettivi u sostenibbiltà fit-tul tal-proġett

Bħal fil-fażi 1, l-għan sottostanti tal-fażi 2 tal-proġett huwa li tissaħħaħ b'mod sostenibbli l-kapaċità tal-Istati Membri tal-LAS li jimplimentaw il-PtA u l-ITI, inkluż għall-fini li jiġu miġġielda l-armi ħfief illeċiti u t-terroriżmu, skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-proġett għandu l-objettivi ewlenin li ġejjin:

a)

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta' SALW, jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu s-sigurtà f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt;

b)

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li jindirizzaw l-istess sfidi;

c)

jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; u

d)

jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda.

Il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri tal-LAS jindikaw li huma jfittxu l-assistenza u l-appoġġ f'oqsma speċifiċi, b'attenzjoni prevalenti fuq it-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali biex jiġu miġġielda l-flussi tal-armi illeċiti (ara t-taqsima li jmiss għal aktar dettalji). Il-komponenti kollha tal-proġett fil-fatt huma mfassla biex jiżguraw li l-proġett jipprovdi kapaċità sostenibbli lill-benefiċjarji maħsuba tiegħu, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tal-gvern fi Stati Membri tal-LAS, kif ukoll is-Segretarjat tal-LAS (id-Dipartiment ta' Kontroll tal-Armi u d-Diżarm).

Deskrizzjoni tal-azzjoni

Il-proġett tal-Unjoni biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni tas-SALW fl-Istati Membri tal-LAS (fażi 2, 2021-2024) huwa mfassal biex jirrispondi għall-ħtiġijiet li l-Istati Membri tal-LAS esprimew fl-oqsma prijoritarji li ġejjin:

Qasam 1:

Kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta' SALW (ġlieda kontra l-flussi ta' armi illeċiti)

1.1.

Liċenzjar u kontroll tal-esportazzjoni/l-importazzjoni/it-tranżitu (valutazzjoni tar-riskju, eċċ.)

1.2.

Prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' SALW lil destinatarji mhux awtorizzati

1.3.

Identifikazzjoni ta' SALW u l-partijiet tagħhom matul l-ispezzjoni ta' oġġetti u merkanzija ttrasportati (metodi ta' spezzjoni, tekniki u tagħmir, eċċ.)

Qasam 2:

Identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi)

2.1.

Kontroll fuq il-fruntieri fl-art, fl-ajru u dawk marittimi, inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija

2.2.

Immarkar, żamma ta' rekords u traċċar

2.3.

Tekniki u metodi addizzjonali għall-investigazzjoni u l-ispezzjoni tal-armi (użu ta' informazzjoni ballistika, identifikazzjoni/interruzzjoni ta' rotot u metodi ta' traffikar, eċċ.)

Qasam 3:

Miżuri oħra ta' kontroll tal-armi ħfief

3.1.

Ġestjoni u sigurtà tal-ħażniet

Qasam 4: Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR)

4.1.

Skambju tal-għarfien espert, l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tad-DDR

4.2.

Assistenza fit-tfassil tal-programmi DDR nazzjonali

4.3.

Forom oħra ta' appoġġ lill-Istati Membri tal-LAS matul il-fażi ta' wara l-konflitt

Ta' min jinnota li dan il-komponent, filwaqt li ntalab minn xi Stati Membri tal-LAS, irċieva inqas interess ġenerali mill-oqsma l-oħra elenkati f'din it-taqsima. Għal din ir-raġuni, dan il-proġett mhux ser jiffoka fuqu.

Qasam 5:

Għoti ta' informazzjoni rilevanti għas-SALW illeċiti u kontroll imsaħħaħ tas-SALW

5.1.

Evalwazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri tal-LAS; pariri dwar emendi u reviżjonijiet possibbli.

5.2.

Traduzzjoni għall-Għarbi ta' riċerka rilevanti, studji ppubblikati u dokumenti oħra.

Sabiex jindirizza l-ħtiġijiet ta' hawn fuq, il-proġett ser jinkludi l-elementi li ġejjin:

1.

Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija fil-Kajr

2.

Koordinazzjoni reġjonali: żewġ sessjonijiet ta' ħidma reġjonali

3.

Koordinazzjoni reġjonali: Laqgħa tal-għeluq tal-Kajr

4.

Taħriġ nazzjonali

5.

Taħriġ reġjonali

6.

Appoġġ għall-proġetti għall-iżvilupp ta’ kurrikuli nazzjonali ta’ taħriġ

7.

Faċilitazzjoni tal-proġett ta’ operazzjonijiet nazzjonali konġunti fuq il-post

8.

Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi

9.

Laqgħat ta’ koordinazzjoni tal-proġett

10.

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett (inkluż awditu finanzjarju)

1.   Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija fil-Kajr

1.1.

Objettiv: Titqajjem kuxjenza dwar il-proġett; tiġi diskussa l-fażi 1 u jiġu identifikati t-tagħlimiet rilevanti għall-fażi 2; u jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-attivitajiet tal-fażi 2 (it-tisħiħ tal-kuntatti mal-Istati Membri tal-LAS, l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet nazzjonali speċifiċi u l-bidu ta’ ppjanar għall-attivitajiet tal-fażi 2, inkluż it-taħriġ) (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

1.2.

Attivitajiet: Laqgħa ta' tnedija ta' tlett ijiem fil-kwartieri ġenerali tal-LAS fil-Kajr, li tkopri l-aspetti kollha tal-proġett (oqsma prijoritarji 1 sa 5), immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll il-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.

1.3.

Riżultati tal-azzjoni: It-twassil ta’ preżentazzjonijiet dettaljati li jkopru l-aspetti kollha tal-proġett; l-identifikazzjoni tal-lezzjonijiet rilevanti għall-fażi 2; it-tisħiħ ta' kuntatti mal-Istati Membri tal-LAS; l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet nazzjonali speċifiċi; il-bidu tal-ippjanar tal-fażi 2; il-produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.

2.   Koordinazzjoni reġjonali: żewġ sessjonijiet ta' ħidma reġjonali

2.1.

Objettiv: Li jissaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda li nbdew fil-fażi 1 tal-proġett u jiġu identifikati l-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali f’oqsma relatati mal-proġetti (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

2.2.

Attivitajiet: Żewġ sessjonijiet ta' ħidma ta’ erbat ijiem li saru fi bliet kapitali Għarab differenti (dati fil-mira: l-ewwel nofs tal-2022, l-aħħar nofs tal-2023). Is-suġġetti possibbli jinkludu: leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-armi (qasam ta’ prijorità 5.1) u suġġetti ttrattati bħala parti miċ-ċiklu tal-laqgħa tal-PtA–ITI.

2.3.

Riżultati tal-azzjoni: L-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda f’oqsma relatati mal-proġetti; l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-istess oqsma; il-produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tas-sessjoni ta' ħidma.

3.   Koordinazzjoni reġjonali: Laqgħa tal-għeluq fil-Kajr

3.1.

Objettiv: Tiġi evalwata l-fażi 2 tal-proġett u l-pjan għal kooperazzjoni futura (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

3.2.

Attivitajiet: Laqgħa ta' jumejn fil-kwartieri ġenerali tal-LAS fil-Kajr fi tmiem il-proġett, immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS u l-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.

3.3.

Riżultati tal-azzjoni: Diskussjoni u evalwazzjoni tal-fażi 2 tal-proġett; elaborazzjoni ta' pjanijiet għal kooperazzjoni futura dwar il-kontroll ta' armi ħfief; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.

4.   Taħriġ nazzjonali

4.1.

Objettiv: Tinbena kapaċità sostenibbli għall-kontroll tal-armi żgħar fl-Istat Membru tal-LAS ospitanti f'konformità mal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tiegħu (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

4.2.

Attivitajiet: Sa 154 jum ta’ taħriġ nazzjonali, għal kull aġenzija ta’ implimentazzjoni, li jinkludi sett ta’ programmi potenzjali li l-Istati Membri tal-LAS jistgħu jagħżlu f'konformità mal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tagħhom u jikkonfermaw permezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali mas-Segretarjat tal-LAS (ara l-punti a–d, hawn taħt). Mill-154 jum ta’ taħriġ nazzjonali, 94 ser isiru online u 60 fil-pajjiż (pereżempju, 12-il avveniment ta’ ħamest ijiem).

Meta jsegwu talbiet speċifiċi għal taħriġ, l-aġenziji ta’ implimentazzjoni, f’kollaborazzjoni mas-Segretarjat tal-LAS, ser jagħtu preċedenza lill-kuntatt mill-bogħod mal-gvernijiet tal-LAS (telefon, posta elettronika, u vidjokonferenzi online).

Bħala parti mill-offerta ta’ taħriġ nazzjonali, l-aġenziji ta’ implimentazzjoni ser joffru t-tipi ta’ programmi li ġejjin (lista mhux eżawrjenti):

(a)

korsijiet introduttorji minn jumejn sa ħamest ijiem (online);

(b)

avvenimenti ta’ taħriġ nazzjonali li jikkumplimentaw dawk imwettqa fil-fażi 1, bħal:

ripetizzjonijiet ta' korsijiet għal gruppi ġodda ta’ parteċipanti;

korsijiet ta’ aġġornament;

korsijiet li jipprovdu trattament fil-fond ta’ suġġetti speċifiċi (tlieta sa ħamest ijiem) jew ta’ firxa usa’ ta’ suġġetti (aktar minn ħamest ijiem); u

korsijiet speċjalizzati mmirati lejn udjenzi partikolari (eż. kors ta’ loġistika għall-uffiċjali li jimmaniġġjaw ħażniet ta’ armi u munizzjon);

(c)

kors għal parteċipanti ġodda (kors fil-fond, li jdum għaxart ijiem jew aktar, għal uffiċjali li jieħdu responsabbiltajiet relatati mas-SALW); u

(d)

programm ta’ taħriġ fil-pajjiż fi Stat tal-LAS li mhuwiex il-benefiċjarju meta l-ivvjaġġar lejn dan tal-aħħar ikun prekluż (żewġ avvenimenti ta’ ħamest ijiem kull wieħed, inkluż it-trasport u l-ikliet/l-akkomodazzjoni għall-parteċipanti).

Ta' min jinnota li, kif xieraq, il-proġett ser japplika approċċ ta’ tagħlim imħallat (ibridu) għall-attivitajiet ta’ taħriġ tiegħu, billi jgħaqqad l-użu ta’ riżorsi online ma’ taħriġ personali u online.

4.3.

Riżultati tal-azzjoni: L-impatti tal-avvenimenti ta’ taħriġ nazzjonali ser jiġu vvalutati, fi tmiem l-avveniment u diversi xhur wara l-avveniment, sabiex jiġi determinat sa liema punt ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-proġett fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

5.   Taħriġ reġjonali

5.1.

Objettiv: Tinbena kapaċità sostenibbli għall-kontroll tal-armi żgħar fl-Istat Membri tal-LAS parteċipanti, inkluż il-kapaċità għat-taħriġ (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

5.2.

Attivitajiet: Sa 40 jum ta’ taħriġ personali, għal kull aġenzija ta’ implimentazzjoni, li jibbenefikaw minn parteċipanti minn diversi Stati Membri tal-LAS fl-istess ħin, inkluż avvenimenti ta’ ħarreġ lil min iħarreġ (erba' avvenimenti ta’ ħamest ijiem jew għaxart ijiem kull wieħed, għal kull aġenzija ta’ implimentazzjoni, li jsiru fi Stat Membru tal-LAS).

Ta' min jinnota li, kif xieraq, il-proġett ser japplika approċċ ta’ tagħlim imħallat (ibridu) għall-attivitajiet ta’ taħriġ tiegħu, billi jgħaqqad l-użu ta’ riżorsi online ma’ taħriġ personali u online.

5.3.

Riżultati tal-azzjoni: L-impatti tal-avvenimenti ta’ taħriġ reġjonali ser jiġu vvalutati, fi tmiem l-avveniment u diversi xhur wara l-avveniment, sabiex jiġi determinat sa liema punt ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-proġett fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

6.   Appoġġ għall-proġetti għall-iżvilupp ta’ kurrikuli nazzjonali ta’ taħriġ

6.1.

Objettiv: Li jissaħħu s-sjieda nazzjonali u s-sostenibbiltà fit-tul ta’ avvenimenti ta’ taħriġ tal-proġetti (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

6.2.

Attivitajiet: Fejn mitlub, l-aġenziji ta’ implimentazzjoni ser jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kurrikuli ta’ taħriġ nazzjonali permezz tal-għoti ta’ għarfien espert u dokumentazzjoni rilevanti.

6.3.

Riżultati tal-azzjoni: L-impatti tal-appoġġ tal-proġett għall-iżvilupp tal-kurrikuli tat-taħriġ nazzjonali ser jiġu vvalutati malli jitlesta l-intervent u diversi xhur wara.

7.   Faċilitazzjoni tal-proġett ta’ operazzjonijiet nazzjonali konġunti fuq il-post

7.1.

Objettiv: Li jiġi ttestjat u msaħħaħ l-użu effettiv tal-informazzjoni mwassla matul avvenimenti ta’ taħriġ bejn l-UE u l-LAS, biex b’hekk tissaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul tat-taħriġ tal-proġetti (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

7.2.

Attivitajiet: Il-proġett ser jiffaċilita t-tħejjija, it-twettiq u l-analiżi ta’ żewġ operazzjonijiet konġunti fuq il-post, imwettqa fuq bażi volontarja mill-forzi tas-sigurtà nazzjonali mill-Istati Membri tal-LAS. It-tħejjija u l-analiżi tal-operazzjonijiet konġunti fuq il-post ser jitmexxew mill-aġenziji ta’ implimentazzjoni u ser isiru online (żewġ avvenimenti ta’ jumejn, fejn il-proġett ikopri l-ispejjeż tal-interpretazzjoni bejn l-Għarbi u l-Ingliż u l-Franċiż għal kull avveniment). L-Istati parteċipanti tal-LAS ser ikollhom responsabbiltà operazzjonali u finanzjarja għat-twettiq tal-operazzjonijiet konġunti fuq il-post.

7.3.

Riżultati tal-azzjoni: L-impatti tal-operazzjonijiet konġunti fuq il-post ser jiġu vvalutati malli jitlestew u diversi xhur wara.

8.   Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi

8.1.

Objettiv: Jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-LAS għal informazzjoni indipendenti u affidabbli bl-Għarbi dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata (qasam prijoritarju 5).

8.2.

Attivitajiet: Traduzzjoni għall-Għarbi ta' pubblikazzjonijiet u dokumenti ewlenin (rapporti ppubblikati, linji gwida dwar l-aħjar prattiki, eċċ.). L-eżempji jistgħu jinkludu dokumenti ġodda tal-UE dwar is-SALW, Manwal SAS dwar il-kontroll tal-armi ta’ kalibru żgħir li jkun sensittiv għall-ġeneru u l-kapitolu dwar is- “Sigurtà” fir-Rapport tal-Kummerċ Illeċitu annwali tad-WCO.

8.3.

Riżultati tal-azzjoni: Riżultati speċifiċi ser jinkludu t-traduzzjoni ta' kotba, rapporti, dokumenti ta' tagħrif importanti u dokumenti oħra relatati mal-armi żgħar, kif ukoll il-produzzjoni ta' podcasts u blog posts bl-Għarbi. B'mod ġenerali, din l-azzjoni ser tirriżulta f'żieda sinifikanti fid-disponibbiltà ta' informazzjoni indipendenti u affidabbli bil-lingwa Għarbija dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata, li tibni fuq il-pedamenti stabbiliti fil-fażi 1 tal-proġett.

9.   Laqgħat ta’ koordinazzjoni tal-proġett

9.1.

Objettiv: Li jiġu żgurati l-aħjar koordinazzjoni u ppjanar tal-proġett.

9.2.

Attivitajiet: Laqgħat personali fil-kwartieri ġenerali tal-aġenzija ta’ implimentazzjoni fi Brussell, Ġinevra u Lyon (total ta’ tliet laqgħat), li jlaqqgħu flimkien it-tliet aġenziji ta’ implimentazzjoni, kif ukoll is-Segretarjat tal-LAS, għal diskussjoni ta’ sfidi u prijoritajiet relatati mal-proġett, kif ukoll pjanijiet u strateġiji ta’ implimentazzjoni.

9.3.

Riżultati tal-azzjoni: Il-produzzjoni ta’ rapport qasir li jiddeskrivi l-isfidi u l-prijoritajiet relatati mal-proġett, kif ukoll il-pjanijiet u l-istrateġiji ta’ implimentazzjoni (rapport wieħed għal kull laqgħa).

10.   Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett

10.1.

Objettiv: Li jiġi żgurat li l-proġett ikun laħaq l-objettivi tiegħu u li l-infiq kollu tal-proġett ikun sar skont il-baġit maqbul.

10.2.

Attivitajiet: Il-fażi 2 tal-proġett ser tinkludi valutazzjoni interna u esterna tal-impatti tal-proġett. Il-valutazzjoni interna ser titwettaq mill-persunal tal-proġett bl-appoġġ tal-Ispeċjalista tal-Monitoraġġ, l-Evalwazzjoni u t-Tagħlim (MEL) tal-SAS. Konsulent estern ser iwettaq l-evalwazzjoni esterna, u ser jivvjaġġa, għal dan il-għan billi jivvjaġġa għal-laqgħa tal-għeluq fil-Kajr, fi Stati magħżula tal-LAS (erbgħa) u lejn il-kwartieri ġenerali tal-aġenziji ta’ implimentazzjoni. Il-proġett ser jinkludi wkoll awditu finanzjarju skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni.

10.3.

Riżultati tal-azzjoni: It-tlestija tal-valutazzjonijiet interni u esterni tal-impatti tal-proġett; tlestija tal-awditu finanzjarju.

Implimentazzjoni ta' aġenziji u sħubiji

Il-fażi 2 tal-proġett ser terġa’ tiġi implimentata fi sħubija mas-Segretarjat tal-LAS fil-qafas tad-Djalogu Strateġiku UE-LAS dwar l-Armi ta' Qerda Massiva, is-SALW u l-Kontroll tal-Armi. Is-Segretarjat tal-LAS ospita l-laqgħa ta' tnedija tal-fażi 1 tal-proġett fil-Kajr, l-Eġittu f’Lulju 2019. Il-persunal tas-Segretarjat ipparteċipa f'żewġmissjonijiet ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet minn dawk imwettqa mill-proġett f’Novembru-Diċembru 2019, kif ukoll fl-ewwel sessjoni ta' ħidma subreġjonali tal-proġett, li saret f’Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda fi Frar 2020. L-appoġġ kontinwu u qawwi tas-Segretarjat tal-LAS jibqa’ vitali għall-kontinwazzjoni b’suċċess tal-proġett fil-fażi 2.

Bħal fil-fażi 1 tal-proġett, is-Small Arms Survey (“SAS”), programm assoċjat fil-Graduate Institute of International and Development Studies, li jinsab f’Ġinevra, l-Iżvizzera, ser ikun l-aġenzija ta’ implimentazzjoni ewlenija. Fl-implimentazzjoni tal-fażi 2, is-SAS ser ikompli jibbaża ruħu, b'mod partikolari, fuq il-kontributi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (INTERPOL) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). Id-WCO ser ikollha r-responsabbiltà primarja għall-oqsma prijoritarji 1 u 2.1 (kontrolli internazzjonali tat-trasferimenti, inkluż kontrolli fuq il-fruntieri), INTERPOL għall-oqsma 2.2 u 2.3 (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi) u SAS għall-oqsma 3 sa 5 (ġestjoni u sigurtà tal-ħażniet, DDR, u l-provvista ta’ informazzjoni relatata mas-SALW).

Din is-sħubija tirrappreżenta mudell ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-SALW. Il-proġett jisfrutta l-għarfien komplementari u l-għarfien espert ta’ kull aġenzija ta’ implimentazzjoni biex joffri programm komprensiv ta’ għarfien u ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet li jkopri l-komponenti ewlenin tal-PtA u l-ITI. B’dan il-mod, il-proġett isarraf il-kunċetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali u l-multilateraliżmu, enfasizzati f’dokumenti bħall-PtA u l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, f’riżultati tanġibbli, jiġifieri l-implimentazzjoni effettiva tal-PtA u l-ITI u t-tisħiħ tas-sigurtà interreġjonali.

Kif meħtieġ, f’koordinazzjoni mas-Segretarjat tal-LAS, is-SAS ser jissottokuntratta organizzazzjonijiet oħra biex jassistu f’komponenti oħra tal-proġett. Skont il-ħtiġijiet u l-preferenzi ta' Stati Membri tal-LAS parteċipanti, organizzazzjonijiet oħra, inkluż organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ċerti aġenziji speċjalizzati tal-LAS, jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġett.

L-aġenziji ta' implimentazzjoni ser jikkoordinaw ukoll mal-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi li jaħdmu fl-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll kwalunkwe programm tal-Unjoni bi preżenza hemmhekk, sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha mwettqa fi ħdan il-qafas tal-proġett jikkomplementaw u jibnu fuq inizjattivi eżistenti. Ta' min jinnota li dan il-proġett jibni fuq l-appoġġ ipprovdut mill-Unjoni f’dawn l-aħħar snin għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Reġistrar u t-traċċar ta' Armi Illeċiti tal-INTERPOL (iARMS), il-komponent ewlieni tal-offerta ta’ taħriġ UE-LAS tal-INTERPOL.

L-aġenziji ta' implimentazzjoni ser jieħdu wkoll miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-proġett skont il-linji gwida tal-Unjoni.

Durata

Il-proġett huwa previst li jdum 36 xahar.


(1)  DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1789 tad-19 ta' Novembru 2018 b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab