15.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/42


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1479

tal-14 ta’ Settembru 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn Monaco maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn Monaco liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn Monaco liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fid-29 ta’ Lulju 2021, Monaco pprovda lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan taħt is-sistema bit-titolu “SUIVTST” (“Suivi des tests biologiques”). Monaco informa lill-Kummissjoni li huwa jqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tiegħu qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li jkunu interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, Monaco informa lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn Monaco f’konformità mas-sistema “SUIVTST” fihom id-data msemmija fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Minbarra dan, Monaco informa lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim għall-vaċċin kontra l-COVID-19 Comirnaty.

(5)

Barra minn hekk, Monaco informa lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati tat-testijiet biss wara testijiet għas-SARS-CoV-2 permezz ta’ traskriptażi inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi (RT-PCR).

(6)

Fit-2 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa minn Monaco f’konformità mas-sistema “SUIVTST” huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, li jippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità tagħhom. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn Monaco f’konformità mas-sistema “SUIVTST” fihom id-data meħtieġa.

(7)

Fit-3 ta’ Settembru 2021, Monaco informa wkoll lill-Kummissjoni li se jaċċetta ċ-ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. Monaco informa lill-Kummissjoni li se jaċċetta prova tat-tilqim għall-vaċċini b’awtorizzazzjoni għall-UE kollha kif ukoll vaċċini oħrajn aċċettati minn Franza. Monaco informa wkoll lill-Kummissjoni li se taċċetta ċertifikati tat-testijiet ibbażati fuq testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku (NAAT) (bħall-RT-PCR) u testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fl-aħħar nett, Monaco informa lill-Kummissjoni li se jaċċetta ċertifikati ta’ fejqan ibbażati fuq riżultat pożittiv ta’ test NAAT.

(8)

Fit-3 ta’ Settembru 2021, Monaco informa wkoll lill-Kummissjoni li, meta jivverifika ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati għandha tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew il-fejqan tad-detentur u wara ma tibqax tinżamm.

(9)

Għalhekk, l-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn Monaco f’konformità mas-sistema “SUIVTST” iridu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma ssodisfati.

(10)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn Monaco f’konformità mas-sistema “SUIVTST” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(11)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li Monaco jkun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(13)

Fid-dawl tal-ħtieġa li Monaco jiġi konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa minn Monaco f’konformità mas-sistema “SUIVTST” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Monaco għandu jkun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).