20.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/35


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1380

tad-19 ta’ Awwissu 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Ukrajna maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta l-Kummissjoni ssib li dawn iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu skont standards li jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jridu japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirresjedu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Ukrajna liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Ukrajna għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fis-16 ta’ Lulju 2021, l-Ukrajna pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim, tal-ittestjar u tal-irkupru tal-COVID-19 skont is-sistema bit-titolu “Portal Uniku tal-Istat tas-servizzi elettroniċi” (il-portal u l-applikazzjoni mobbli tad-Diia) l-Ukrajna infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati tagħha tal-COVID-19 qed jinħarġu f’konformità ma’ standard u sistema teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, l-Ukrajna infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Ukrajna skont is-sistema tal-“Portal Uniku tal-Istat tas-servizzi elettroniċi” (il-portal u l-applikazzjoni mobbli tad-Diia) fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Fl-4 ta’ Awwissu 2021, wara talba mill-Ukrajna, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tat-tilqim, tal-ittestjar u tal-irkupru tal-COVID-19 jinħarġu mill-Ukrajna skont sistema, il-“Portal Uniku tal-Istat tas-servizzi elettroniċi” (il-portal u l-applikazzjoni mobbli tad-Diia), li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u li tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità tagħhom. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati tat-tilqim, tal-ittestjar u tal-irkupru maħruġa mill-Ukrajna skont il-“Portal Uniku tal-Istat tas-servizzi elettroniċi (il-portal u l-applikazzjoni mobbli tad-Diia) fihom id-data meħtieġa.

(5)

Minbarra dan, l-Ukrajna infurmat lill-Kummissjoni li se toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Bħalissa dawn jinkludu Vaxzevria, Comirnaty, Spikevax, COVID-19 Vaccine Janssen, CoronaVac-COVID-19 Vaccine (Vero Cell) Inactivated, Covishield, u NVX-CoV2373.

(6)

L-Ukrajna infurmat ukoll lill-Kummissjoni li se toħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli biss għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku jew għat-testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (4).

(7)

Barra minn hekk, l-Ukrajna infurmat lill-Kummissjoni li hija toħroġ ċertifikati interoperabbli ta’ fejqan mhux qabel 14-il jum wara test pożittiv. Dawk iċ-ċertifikati huma validi għal mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel test pożittiv.

(8)

L-Ukrajna infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija taċċetta ċertifikati ta’ tilqim, ittestjar u rkupru maħruġa mill-Istati Membri, il-pajjiżi taż-ŻEE, u pajjiżi oħra li fir-rigward tagħhom tiġi adottata deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953. L-Ukrajna infurmat ukoll lill-Kummissjoni li persuni b’Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE għal test tan-NAAT negattiv u Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE għal test RAT negattiv huma permessi jidħlu fl-Ukrajna, iżda bħal fil-każ taċ-ċittadini Ukreni, huwa meħtieġ li jagħmlu test NAAT\RAT addizzjonali fi żmien 72 siegħa.

(9)

Barra minn hekk, l-Ukrajna infurmat lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fl-Ukrajna jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom se tiġi pproċessata biss biex tivverifika u tikkonferma l-istatus tat-tilqim tar-riżultat tat-test jew ta’ rkupru tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(10)

Għalhekk, l-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mas-sistema tal-“Portal Uniku tal-Istat tas-servizzi elettroniċi” (il-portal u l-applikazzjoni mobbli tad-Diia) għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma ssodisfati.

(11)

Għalhekk, iċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Ukrajna skont is-sistema tal-“Portal Uniku tal-Istat tas-servizzi elettroniċi” (il-portal u l-applikazzjoni mobbli tad-Diia) jenħtieġ li jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-Ukrajna tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Fid-dawl tal-ħtieġa li l-Ukrajna tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Ukrajna skont il-“Portal Uniku tal-Istat tas-servizzi elettroniċi” (il-portal u l-applikazzjoni mobbli tad-Diia) għandhom, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa skont ir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

L-Ukrajna għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).