16.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1356

tat-30 ta’ Ġunju 2021

li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 4608)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(8) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (“CPC”), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. L-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”.

(2)

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(3)

B’ittra tas-6 ta’ Mejju 2021, l-Iżvezja ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 2(1), (3) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/267. L-Iżvezja pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2021.

(4)

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2021, l-Iżvezja naqqset il-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba motivata tagħha.

(5)

Permezz tat-talba motivata tagħha, l-Iżvezja tixtieq tikseb, l-ewwel nett, awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3); it-tieni nett, awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament; u fl-aħħar nett, awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodi ta’ 10 xhur speċifikati fl-Artikolu 2(1), (3) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/267, għalkemm applikabbli biss għat-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, għall-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, u għat-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(6)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa fl-Iżvezja x’aktarx jibqgħu imprattikabbli wara t-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħadet biex jiġi evitat jew jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(7)

Fost dawn il-miżuri, li skont l-Iżvezja, huma mistennija jillimitaw b’mod sever il-kapaċità għat-taħriġ tas-sewwieqa sal-aħħar tas-sena, l-Iżvezja imponiet limitu fuq l-għadd ta’ persuni li jistgħu jkunu preżenti f’sessjoni ta’ taħriġ perjodiku fl-istess ħin għal massimu ta’ tmienja. Skont dan l-Istat Membru, din il-miżura għandha tirriżulta f’nuqqas ta’ kapaċità fl-għoti ta’ taħriġ lis-sewwieqa, filwaqt ukoll li mhux se jkun possibbli li jiġġeddu ċ-ċertifikati kollha ta’ kompetenza professjonali (“CPCs”) li jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(8)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, kważi nofs is-CPCs validi f’dak l-Istat Membru se jkollhom jiġġeddu fil-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2021, li jikkorrispondi għal 85 000 CPCs minn total ta’ 190 000. Madankollu, l-istima preliminari tal-awtoritajiet Żvediżi hija li l-kapaċità ta’ taħriġ tagħhom se tkun limitata għal bejn madwar4 000 u 6 000 persuna fix-xahar, minħabba l-miżuri meħuda biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19.

(9)

Skont l-Iżvezja, anke jekk it-taħriġ perjodiku jitwettaq b’pass mgħaġġel u bil-kapaċità massima possibbli, eluf ta’ sewwieqa kull xahar xorta waħda ma jkunux jistgħu jiksbu t-taħriġ perjodiku meħtieġ tagħhom. Barra minn hekk, l-għadd kbir ta’ liv minħabba mard meħud mill-edukaturi u s-sewwieqa x’aktarx li jaffettwa dawn l-istimi, peress li l-Iżvezja ma tippermettilhomx ikunu preżenti waqt taħriġ perjodiku jekk ikollhom xi tip ta’ sintomu tal-COVID-19.

(10)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, mill-inqas 1 000 CPCs ma setgħux jinħarġu matul ix-xahar ta’ Marzu 2021 minħabba restrizzjonijiet fil-kapaċità, filwaqt li mill-inqas 5 000 CPCs ma setgħux jinħarġu matul ix-xahar ta’ April 2021. Dawn in-numri huma mistennija li jiżdiedu saħansitra aktar fix-xhur li ġejjin, hekk kif l-ammont ta’ CPCs li hemm bżonn li jiġġeddu se jkompli jiżdied. Skont l-istimi tal-awtoritajiet Żvediżi,9 500 CPCs huma mistennija li jiskadu fix-xahar ta’ Lulju 2021, mingħajr ma jitqiesu s-CPCs li l-validità tagħhom kienet diġà ġiet estiża bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/698 jew tar-Regolament (UE) 2021/267. B’riżultat ta’ dan, l-Iżvezja ma tistenniex li jkollha kapaċità ta’ taħriġ biex iġġedded is-CPCs kollha li jiskadu.

(11)

Is-sitwazzjoni hija partikolarment problematika fir-rigward tat-taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa b’CPCs validi għat-trasport tal-merkanzija, li għandhom liċenzja tal-kategorija C1, C1+E, C jew C+E. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, ħafna minn dawn is-sewwieqa kisbu CPC bħala dritt miksub skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/59/KE. Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/59/KE, l-Iżvezja ddeċidiet li s-sewwieqa kkonċernati jkollhom jagħmlu l-ewwel kors ta’ taħriġ perjodiku skont id-Direttiva wara perjodu ta’ seba’ snin. B’riżultat ta’ dan, ħafna mis-CPCs akkwistati bħala dritt miksub kellhom id-data tal-iskadenza tagħhom u ġew imġedda f’Settembru 2016, għal perjodu ta’ ħames snin. Għalhekk, il-validità ta’ dawk is-CPCs se tiskadi f’Settembru 2021.

(12)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, dan l-Istat Membru għadu f’nofs it-tielet mewġa tal-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, il-programm ta’ vaċċinazzjoni seħħ aktar bil-mod milli mistenni f’ħafna partijiet tal-Iżvezja. Fid-19 ta’ Mejju 2021, 40.7 % tal-popolazzjoni kienu ħadu l-ewwel doża, filwaqt li 12.6 % biss kienu ħadu t-tieni doża. Dan iġib inċertezza rigward meta se tittaffa s-sitwazzjoni, rigward meta l-miżuri meħuda biex jiġi evitat it-tixrid tal-COVID-19 se jitneħħew jew jitnaqqsu u rigward meta l-kapaċità ta’ taħriġ tista’, bħala konsegwenza, terġa’ lura għan-normal.

(13)

Abbażi tal-pjan attwali li sar mill-Aġenzija tas-Saħħa Pubblika tal-Iżvezja, ir-restrizzjoni skont liema jistgħu jinġemgħu ġewwa flimkien tmien persuni jenħtieġ li titnaqqas meta l-firxa tal-COVID-19 tiġi stabbilizzata, sabiex dak l-għadd jiżdied għal 50 persuna. Madankollu, għad m’hemmx data għal meta jista’ jseħħ dak it-tnaqqis fir-restrizzjonijiet, peress li dan se jiddependi fuq l-evoluzzjoni tal-pandemija fl-Iżvezja. Barra minn hekk, dak it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet xorta waħda ma jippermettix li l-kapaċità ta’ taħriġ tiġi restawrata, peress li diversi faċilitajiet ta’ taħriġ normalment jaqdu madwar 300 persuna.

(14)

L-Iżvezja tqis li hemm nuqqas ta’ sewwieqa b’CPC. Skont l-Iżvezja, fi stħarriġ riċenti, 49 % tal-impriżi tat-trasport Żvediżi żvelaw li kienu qed isibu diffikultajiet biex jirreklutaw sewwieqa. Filwaqt li r-restrizzjonijiet applikabbli fl-Iżvezja jagħmluha diffiċli li jitħarrġu sewwieqa ġodda, jista’ jkun li l-Iżvezja tiffaċċja nuqqas sinifikanti ta’ sewwieqa f’każ li s-CPCs tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu estiżi aktar.

(15)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, jeħtieġ li l-perjodi ta’ 10 xhur speċifikati fl-Artikoli 2(1), (3) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/267 jiġu estiżi biex jiġi żgurat li l-Iżvezja jkollha l-kapaċità li twettaq it-taħriġ perjodiku kollu meħtieġ. Madankollu, l-Iżvezja tqis li ma hemmx bżonn li l-perjodi ta’ 10 xhur speċifikati f’dawk l-Artikoli jiġu estiżi sakemm dawn japplikaw għat-taħriġ perjodiku u għaċ-ċertifikazzjoni tiegħu, għall-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, u għat-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa li kieku jiskadu fil-perjodu estiż il-ġdid bejn l-1 ta’ Lulju 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021.

(16)

Skont l-Iżvezja, ir-raġuni li jintalbu estensjonijiet għall-perjodi massimi permissibbli ta’ sitt xhur hija dovuta għall-akkumulazzjoni sinifikanti ħafna ta’ xogħol b’lura fit-taħriġ perjodiku, kif deskritt hawn fuq. L-għadd ta’ CPCs li għad iridu jiġġeddu huwa ferm ogħla mis-soltu, u l-Iżvezja mhux qed tistenna li tibda tara n-numri normalment mistennija qabel tmiem is-sena. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, hija mistennija domanda għolja għal taħriġ perjodiku għall-perjodu tal-ħarifa.

(17)

Skont l-Iżvezja, it-taħriġ perjodiku inkwistjoni jdum 35 siegħa, u l-biċċa l-kbira tas-sewwieqa li jkollhom CPCs fl-Iżvezja jagħżlu li jaqsmu dan it-taħriġ f’ħames partijiet differenti. Dan ifisser li maġġoranza ċara ta’ sewwieqa li s-CPC tagħhom jeħtieġ li jiġġedded sa tmiem is-sena diġà wettqu 28 siegħa ta’ taħriġ, u fadlilhom biss seba' (7) sigħat. Barra minn hekk, skont l-Iżvezja, ħafna minnhom huma sewwieqa b’esperjenza, li diġà għamlu l-biċċa l-kbira tat-taħriġ perjodiku regolat tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u sigurtà tat-trasport.

(18)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Iżvezja tiġi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), u fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2021/267.

(19)

Jenħtieġ ukoll li l-Iżvezja tiġi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodi ta’ 10 xhur speċifikati fl-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2021/267, sa fejn dawn huma applikabbli biss għat-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, għall-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, u għat-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(20)

L-Iżvezja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iżvezja hija awtorizzata tapplika l-estensjonijiet li ġejjin għall-perjodi speċifikati fl-Artikolu 2(1), (3) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/267:

(a)

estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament; kif ukoll

(c)

estensjoni ta’ sitt xhur għall-perjodu ta’ 10 xhur speċifikat fl-Artikolu 2(1), (3) u (5) ta’ dak ir-Regolament, applikabbli biss għat-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, għall-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, u għat-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa li kieku skadew jew kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 60, 22.2.2021, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta' prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).