|
16.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 292/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1344
tad-9 ta’ Awwissu 2021
li tistabbilixxi kriterji li jiddefinixxu l-perijodu ta’ żmien li fih il-persuni li huma ta’ theddida għas-sigurtà jistgħu jiġu pprojbiti mill-bini tal-Kummissjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1)(b) u l-Artikolu 21 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni teħtieġ li topera f’ambjent sigur u mingħajr periklu. Għaldaqstant teħtieġ approċċ koerenti u integrat fir-rigward tas-sigurtà tagħha, li jipprovdi livell xieraq ta’ protezzjoni għall-persuni, għall-assi u għall-informazzjoni, li jkun f’relazzjoni xierqa mar-riskji identifikati, u li jiżgura l-forniment effiċjenti u f’waqtu tas-sigurtà. Il-Kummissjoni tiffaċċja theddid u sfidi kbar fil-qasam tas-sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward tat-terroriżmu u l-ispjunaġġ politiku u kummerċjali. |
|
(2) |
Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-persuni, tal-assi u tal-informazzjoni, il-Kummissjoni, b’mod partikolari d-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà, tieħu miżuri skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 li japplikaw għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni u fil-bini kollu tal-Kummissjoni. Dawn il-miżuri jinkludu miżuri limitati li jikkonċernaw persuni li huma ta’ theddida għas-sigurtà, inkluż il-projbizzjoni ta’ persuni mill-bini tal-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien skont l-Artikolu 12(1)(b) ta’ dik id-Deċiżjoni. |
|
(3) |
Il-persunal tal-Kummissjoni b’mandat kif dovut f’konformità mal-Artikoli 5 u 12 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, jenħtieġ li, meta jiddeċiedi dwar il-projbizzjoni ta’ persuna jew persuni mill-bini tal-Kummissjoni fejn, skont l-Artikolu 12(1)(b) ta’ dik id-Deċiżjoni, jitqies li huma ta’ theddida għas-sigurtà tagħha, jivvaluta dik it-theddida fuq bażi ta’ każ b’każ waqt li jirrispetta ċ-ċirkostanzi individwali rilevanti. |
|
(4) |
Ir-restrizzjoni tal-aċċess tista’ tapplika għal bini wieħed, diversi binjiet jew saħansitra għall-bini kollu tal-Kummissjoni. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-perjodu tal-projbizzjoni jqis il-probabbiltà, in-natura serja u d-durata tat-theddida. |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma tapplikax għal projbizzjoni għall-bini tal-Kummissjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
(7) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jenħtieġ li jkun soġġett għar-regoli ta’ sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
|
(8) |
F’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta’ sigurtà ngħata s-setgħa, bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2797 (2), biex jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kriterji meħtieġa għad-definizzjoni tal-perjodi ta’ żmien applikabbli għal projbizzjoni tal-aċċess għall-bini tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Din is-setgħa ġiet sottodelegata lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2684 (3). |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-miżuri ta’ sigurtà skont din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-prinċipji għas-sigurtà fil-Kummissjoni stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, b’mod partikolari r-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kriterji biex tiddefinixxi l-perjodu ta’ żmien li matulu persuni li jkunu ta’ theddida għas-sigurtà jistgħu jiġu pprojbiti mis-siti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(1)(b) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni u fis-siti kollha tal-Kummissjoni. Il-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem f’Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandu jkun soġġett għar-regoli ta’ sigurtà għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (4).
3. Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għal proċedimenti ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (5).
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni
1. Il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) tista’ tapplika għal sit wieħed, għal bosta siti jew għas-siti kollha tal-Kummissjoni.
2. Jekk il-Kummissjoni tkun taqsam sit ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE, il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni tal-aċċess għall-partijiet tal-Kummissjoni fis-sit lill-parti l-oħra.
Artikolu 3
Perjodu ta’ projbizzjoni
1. Il-perjodu tal-projbizzjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkun ibbażat fuq it-tul ta’ żmien stmat, il-probabbiltà u s-serjetà tat-theddida għas-sigurtà.
2. Il-kriterji għall-valutazzjoni tas-serjetà tat-theddida għas-sigurtà għandhom jinkludu:
|
(a) |
il-grad ta’ ħsara li tista’ twassal għalih, fir-rigward tal-ħajja, tal-integrità fiżika, tal-benesseri jew tas-saħħa tal-persuni, u d-dannu potenzjali għall-assi u l-informazzjoni; |
|
(b) |
jekk it-theddida hijiex marbuta mat-twettiq ta’ reat kriminali; |
|
(c) |
jekk it-theddida hijiex ibbażata fuq negliġenza, negliġenza gravi jew intenzjoni; |
|
(d) |
jekk l-imġiba tal-persuna li toħloq it-theddida hijiex vjolenti, aggressiva jew ripetittiva; |
|
(e) |
l-estent tat-telf finanzjarju potenzjali għall-Kummissjoni; |
|
(f) |
l-estent tal-ħsara potenzjali għar-reputazzjoni tal-Kummissjoni. |
3. Jekk id-durata tat-theddida ma tkunx tista’ tiġi stmata b’ċertezza suffiċjenti u t-theddida tkun serja ħafna, il-persuna li qed toħloq it-theddida tista’ tiġi pprojbita sakemm jingħata avviż ieħor. Dan japplika b’mod partikolari jekk it-theddida jkollha waħda mill-karatteristiċi li ġejjin:
|
(a) |
tkun tikkonsisti f’involviment ta’ attivitajiet u networks terroristiċi jew ta’ spjunaġġ; |
|
(b) |
tista’ twassal għal telf ta’ ħajja, dannu jew ħsara serja, jew ħsara sinifikanti lill-proprjetà, tikkomprometti informazzjoni sensittiva jew klassifikata, jew tfixkel is-sistemi tal-IT jew il-kapaċitajiet operazzjonali essenzjali tal-Kummissjoni; |
|
(c) |
tkun tikkonsisti f’imġiba vjolenti, aggressiva jew ripetittiva li jkollha l-effett li tfixkel serjament il-funzjonament tas-servizzi tal-Kummissjoni. |
Artikolu 4
Rieżami tal-projbizzjonijiet
Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina kull deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 12(1)(b) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 wara talba mill-persuna kkonċernata, dment li tal-aħħar turi elementi sostanzjali ġodda li jippermettu eżami mill-ġdid tal-projbizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibbaża r-rieżami tagħha fuq il-kriterji li wasslu għall-projbizzjoni inizjali.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2021.
Għall-Kummissjoni
Gertrud INGESTAD
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà
(1) ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2797 tal-4 ta’ Mejju 2016 dwar l-għoti tas-setgħa relatata mas-sigurtà.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2684 tat-13 ta’ April 2021 li tagħti sottodelega ta’ setgħat mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2797 dwar l-għoti tas-setgħa relatata mas-sigurtà.
(4) Id-Deċiżjoni ADMIN(2017) 10 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-19 ta’ Settembru 2017 dwar ir-regoli tas-sigurtà għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU C 126, 10.4.2018, p. 1).
(5) Ir-Regolament Nru 31(KEE), 11(KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU P 045, 14.6.1962, p. 1385).