3.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/35


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1284

tat-2 ta’ Awwissu 2021

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva fosfur tal-aluminju ddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex tintuża fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18, u b’hekk skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija meqjusa li hi approvata skont dak ir-Regolament soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(2)

L-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 se tiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2021 u fil-31 ta’ Jannar 2022, rispettivament. Fit-26 ta’ Frar 2020, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18.

(3)

Fil-25 ta’ Mejju 2020, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni kienet meħtieġa. Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, jekk ikun hemm il-bżonn, titlob li l-applikant jipprovdi biżżejjed data għat-twettiq tal-evalwazzjoni. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li b’kollox ma jistax jaqbeż total ta’ 180 jum sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba t-tip ta’ data li tintalab jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji u tissottometti lill-Kummissjoni opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi eżaminata. Meta wieħed iqis il-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni tal-opinjoni mill-Aġenzija, jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 għall-31 ta’ Lulju 2024.

(7)

Minbarra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-fosfur tal-aluminju tibqa’ approvata għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 hija posposta għall-31 ta’ Lulju 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).