2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/151


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1273

tat-30 ta’ Lulju 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn San Marino maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta l-Kummissjoni ssib li dawn iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu skont standards li jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jridu japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirresjedu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa minn San Marino liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Wara talba minn San Marino, fit-30 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema ta’ San Marino ta’ Ċertifikat Covid Diġitali (“smdcc”) huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, li jippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità tagħhom. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” fihom id-data meħtieġa.

(4)

Fl-14 ta’ Lulju 2021, San Marino pprovda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan skont is-sistema msemmija “smdcc”. San Marino informa lill-Kummissjoni li huwa jqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tiegħu qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, San Marino informa lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” fihom id-data msemmija fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(5)

Minbarra dan, San Marino informa lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Bħalissa dawn jinkludu Comirnaty, Moderna, Vaxzevria, Janssen u Sputnik V.

(6)

Barra minn hekk, San Marino informa lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli biss għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku jew għat-testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (4).

(7)

San Marino informa wkoll lill-Kummissjoni li se jaċċetta ċ-ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. San Marino informa lill-Kummissjoni li se jaċċetta prova tat-tilqim għall-vaċċini b’awtorizzazzjoni fl-UE kollha (wara opinjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), vaċċini li ngħataw awtorizzazzjoni temporanja ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE u vaċċini li lestew il-proċedura tal-elenkar għall-użu ta’ emerġenza tad-WHO. San Marino informa lill-Kummissjoni wkoll li se jaċċetta ċertifikati tat-test ibbażati fuq in-NAAT (eż. RT-PCR) u testijiet rapidi tal-antiġeni fuq il-lista tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. San Marino se jaċċetta ċertifikati tal-fejqan ibbażati fuq in-NAAT (eż. RT-PCR).

(8)

Fit-22 ta’ Lulju 2021, San Marino informa lill-Kummissjoni wkoll li, meta jivverifika ċ-ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati għandha tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew il-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(9)

L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(10)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġin minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” jenħtieġ li jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(11)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li San Marino ikun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(13)

Fid-dawl tal-ħtieġa li San Marino jiġi konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

San Marino għandu jkun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).