27.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 267/17 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1220
tas-26 ta’ Lulju 2021
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 fir-rigward tal-istandards armonizzati dwar ir-regoli ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ liftijiet għall-pumpieri u l-imġiba tal-liftijiet f’każ ta’ ħruq
(Test b’ rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jkunu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom. |
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5884 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) għall-abbozzar u r-reviżjoni tal-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE biex jiġi żgurat li dawn ikomplu jirriflettu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza tal-Anness I tad-Direttiva 2014/33/UE u, fejn rilevanti, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) kif stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/33/UE. |
(3) |
Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 5884, is-CEN irreveda l-istandards armonizzati EN 81-72:2015 u EN 81-73:2016, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/76 (5). Ir-reviżjoni twettqet sabiex dawk l-istandards jiġu adattati għall-qafas legali tad-Direttiva 2014/33/UE u biex jiżdiedu ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali, inkluż bl-abbozzar ta’ Anness ZA aktar preċiż u bl-introduzzjoni ta’ referenzi normattivi datati. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 81-72:2020 dwar ir-regoli ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ liftijiet għall-pumpieri, u tal-istandard armonizzat EN 81-73:2020 dwar l-imġiba tal-liftijiet f’każ ta’ ħruq. Bħala riżultat tar-reviżjoni, ma saret l-ebda bidla teknika sostantiva għall-istandards armonizzati EN 81-72:2015 u EN 81-73:2016. |
(4) |
Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards armonizzati EN 81-72:2020 u EN 81-73:2020 jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 5884. |
(5) |
L-istandards armonizzati EN 81-72:2020 u EN 81-73:2020 jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2014/33/UE. Għalhekk huwa xieraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(6) |
L-istandards armonizzati EN 81-72:2020 u EN 81-73:2020 jissostitwixxu l-istandards armonizzati EN 81-72:2015 u EN 81-73:2016. Għalhekk, jeħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 81-72:2015 u EN 81-73:2016 jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(7) |
Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandards armonizzati EN 81-72:2020 u EN 81-73:2020, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenzi tal-istandards armonizzati EN 81-72:2015 u EN 81-73:2016 jiġi differit. |
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 tiġi emendata skont dan. |
(9) |
Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Punti (1) u (3) tal-Anness għandhom japplikaw mis-27 ta’ Jannar 2023.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula Von der Leyen
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) Id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 251).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5884 tal-21 ta’ Settembru 2016 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni rigward il-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4) Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/76 tas-26 ta’ Jannar 2021 dwar standards armonizzati għal-liftijiet u għall-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 27, 27.1.2021, p. 20).
ANNESS
L-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni (UE) 2021/76 huwa emendat kif ġej:
(1) |
titħassar l-entrata 9; |
(2) |
tiddaħħal l-entrata 9a li ġejja:
|
(3) |
titħassar l-entrata 10; |
(4) |
tiddaħħal l-entrata 10a li ġejja:
|