24.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 224/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1031

tal-24 ta’ Ġunju 2021

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1), dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja.

(2)

Fl-24 u l-25 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li fihom ikkundanna bil-qawwa l-inżul furzat ta’ titjira tar-Ryanair f’Minsk, il-Belarussja, fit-23 ta’ Mejju 2021 fejn ġiet ipperikolata s-sikurezza tal-avjazzjoni, u d-detenzjoni mill-awtoritajiet Belarussi tal-ġurnalist Raman Pratasevich u ta’ Sofia Sapega. Appella lill-Kunsill biex jadotta sanzjonijiet ekonomiċi mmirati ulterjuri.

(3)

Fid-dawl tal-gravità ta’ dak l-inċident, u minħabba l-eskalazzjoni tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, u r-repressjoni vjolenti tas-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni demokratika u l-ġurnalisti kif ukoll ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet nazzjonali, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri ekonomiċi mmirati addizzjonali.

(4)

F’dan il-kuntest, huwa xieraq li jiġu introdotti restrizzjonijiet ulterjuri marbuta mal-kummerċ tal-armi.

(5)

Huwa xieraq ukoll li jkun hemm projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament biex jintużaw fil-monitoraġġ jew l-interċezzjoni mill-awtoritajiet tal-Belarussja, jew f’isimhom, tal-internet u ta’ komunikazzjonijiet bit-telefon fuq networks mobbli jew fissi.

(6)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi pprojbit il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju għall-użu militari u lil persuni, entitajiet jew korpi speċifikati fil-Belarussja.

(7)

Huwa xieraq ukoll li jiġu introdotti aktar restrizzjonijiet kummerċjali li jikkonċernaw prodotti petrolifiċi, klorur tal-potassju (“potassa”) u oġġetti għall-produzzjoni jew il-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk.

(8)

Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq kapitali tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu imposti fir-rigward tal-Gvern tal-Belarussja, kif ukoll tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet finanzjarji tal-Istat tal-Belarussja. Jenħtieġ li tiġi introdotta wkoll projbizzjoni fuq l-għoti ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni lill-Gvern tal-Belarussja u lill-korpi u l-aġenziji pubbliċi tal-Belarussja.

(9)

Ċerti projbizzjonijiet jenħtieġ li jiġu imposti fuq il-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward ta’ proġetti fis-settur pubbliku. L-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jkunu meħtieġa jieħdu azzjonijiet sabiex jillimitaw l-involviment fil-Belarussja ta’ banek multilaterali tal-iżvilupp li tagħhom ikunu membri.

(10)

Tinħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 3, 4 u 5 huma mħassra;

(2)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2b

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja, ta’ tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għal użu ta’ monitoraġġ jew interċettazzjoni mill-awtoritajiet tal-Belarussja, jew f’isimhom, tal-internet u ta’ komunikazzjonijiet bit-telefon fuq networks mobbli jew fissi, inkluż l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ servizz ta’ monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet, kif ukoll l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja u teknika għall-installazzjoni, it-tħaddim jew l-aġġornament ta’ tali tagħmir, teknoloġija jew software, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri għandhom jiġu pprojbiti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software, inkluż l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ servizz ta’ monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet, kif ukoll l-għoti relatat ta’ għajnuna finanzjarja u teknika, imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma jkollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software ma jintużawx għar-repressjoni mill-Gvern, korpi, korporazzjonijiet jew aġenziji pubbliċi tal-Belarussja, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità li joperaw f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom jiġu koperti b’dan l-Artiklu.

Artikolu 2c

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, tal-oġġetti u t-teknoloġija kollha b’użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (2), għall-użu militari fil-Belarussja jew għal kwalunkwe utent finali militari fil-Belarussja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom għandhom ikunu pprojbiti, irrispettivament minn jekk dawn l-oġġetti u t-teknoloġija joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, għall-użu militari fil-Belarussja jew għal kwalunkwe utent aħħar fil-Belarussja;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, għall-użu militari fil-Belarussja jew għal kwalunkwe utent aħħar fil-Belarussja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 jew kuntratti anċillari meħtieġa għat-twettiq ta’ tali kuntratti.

Artikolu 2d

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju kif elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Belarussja kif elenkat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorju tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom għandhom ikunu pprojbiti, irrispettivament minn jekk dawn l-oġġetti u t-teknoloġija joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, kif elenkat fl-Anness II;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, kif elenkat fl-Anness II.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti, u għall-għoti ta’ assistenza meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta’ kapaċitajiet eżistenti fi ħdan l-Unjoni.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-esportazzjonijiet, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew l-għoti relatat ta’ assistenza teknika jew finanzjarja, għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili eżistenti, għall-użu mhux militari jew għal utent finali mhux militari.

Artikolu 2e

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja ta’ oġġetti użati fil-produzzjoni jew il-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom għandhom ikunu pprojbiti, irrispettivament minn jekk dawn l-oġġetti u t-teknoloġija joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

2.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

Artikolu 2f

1.   Ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment mill-Belarussja ta’ prodotti petrolifiċi għandhom ikunu pprojbiti.

2.   Għandu jkun ipprojbit l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew ta’ assistenza finanzjarja, inkluż derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal xiri fil-Belarussja ta’ prodotti petrolifiċi li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet essenzjali tax-xerrej fil-Belarussja jew ta’ proġetti umanitarji fil-Belarussja.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

Artikolu 2g

1.   Ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment mill-Belarussja ta’ prodotti tal-klorur tal-potassju (“potassa”) għandhom ikunu pprojbiti.

2.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

Artikolu 2h

Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment jew għajnuna għall-ħruġ ta’, jew inkella li jsir negozju ta’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq monetarji b’maturità itwal minn 90 jum, maħruġa wara d-29 ta’ Ġunju 2021 minn:

(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha;

(b)

istituzzjoni ewlenija ta’ kreditu jew istituzzjoni oħra stabbilita fil-Belarussja b’aktar minn 50 % ta’ sjieda pubblika jew kontroll pubbliku sa mid-29 ta’ Ġunju 2021, kif elenkat fl-Anness III;

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness III;

(d)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija ta’ persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punt (c) ta’ dan l-Artikolu jew elenkati fl-Anness III.

Artikolu 2i

1.   Għandu jkun ipprojbit it-twettiq jew l-appartenenza b’mod dirett jew indirett fi kwalunkwe arranġament biex jitwettaq self jew kreditu ġdid b’maturità li teċċedi 90 jum, wara d-29 ta’ Ġunju 2021, lil:

(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha;

(b)

istituzzjoni ewlenija ta’ kreditu jew istituzzjoni oħra stabbilita fil-Belarussja b’aktar minn 50 % ta’ sjieda pubblika jew kontroll pubbliku sa minn 29 Ġunju 2021* , kif elenkat fl-Anness III;

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness III;

(d)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija ta’ persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu jew elenkati fl-Anness III.

2.   Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal self jew krediti li għandhom objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdu finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż in-nefqa għal oġġetti u servizzi minn Stat terz ieħor li hija neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ esportazzjoni jew importazzjoni.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ wkoll tagħti, taħt dawk it-termini li tqis xierqa, awtorizzazzjoni biex tagħmel jew tkun parti miċ-self jew krediti msemmija fil-paragrafu 1 jekk l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li:

(a)

l-attivitajiet ikkonċernati huma għall-fini li jingħata appoġġ lill-popolazzjoni ċivili Belarussa, bħal assistenza umanitarja, proġetti ambjentali, u sikurezza nukleari jew is-self jew il-kreditu jkun neċessarju għall-konformità mar-riżerva minima legali jew regolatorja jew rekwiżiti simili biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ solvenza u likwidità għall-entitajiet finanzjarji fil-Belarussja li huma proprjetà maġġoritarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni; u

(b)

l-attivitajiet jew is-self jew kreditu kkonċernati ma jinvolvux li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, b’mod dirett jew indirett, lil jew għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 4.

Meta jiġu applikati l-kondizzjonijiet taħt il-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti għandha teħtieġ informazzjoni adegwata fir-rigward tal-użu tal-awtorizzazzjoni mogħtija, inkluż informazzjoni dwar l-għan tal-attivitajiet ikkonċernati u l-kontropartijiet tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mil-awtorizzazzjoni.

4.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandiex tapplika għal prelevamenti jew żborżi magħmulin skont kuntratt konkluż qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 kemm-il darba jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-termini u l-kondizzjonijiet kollha ta’ tali prelevamenti jew żborżi:

(i)

ġew maqbula qabel il-25 ta’ Ġunju 2021; u

(ii)

ma ġewx modifikati f’dik id-data jew warajha; u

(b)

qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 data tal-maturità kuntrattwali ġiet stabbilita għar-rimborż sħiħ tal-fondi kollha magħmula disponibbli u għall-kanċellazzjoni tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt; it-termini u l-kondizzjonijiet tal-prelevamenti jew żborżi msemmija fil-punt (a) jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perijodu tal-ħlas lura għal kull prelevament jew żborż, ir-rata tal-imgħax applikata jew il-metodu ta’ kalkolu tar-rata tal-imgħax, u l-ammont massimu.

Artikolu 2j

Għandu jkun ipprojbit il-provvediment ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni lil:

(a)

il-Gvern Belarussu, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tiegħu;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija ta’ persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-punt (a).

Artikolu 2k

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom bħala għan jew bħala effett, b’mod dirett jew indirett, li jevitaw il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2c, 2d, 2e, 2f, 2g, 2h, 2i u 2j.

Artikolu 2l

Minbarra l-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2i, għandu jkun ipprojbit dan li ġej:

(a)

kwalunkwe żborż jew ħlas mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) skont jew b’rabta ma’ kwalunkwe ftehim eżistenti bejn ir-Repubblika tal-Belarussja jew kwalunkwe awtorità pubblika tagħha u l-BEI;

(b)

il-kontinwazzjoni mill-BEI ta’ kwalunkwe Kuntratt eżistenti dwar Servizz ta’ Għajnuna Teknika relatat ma’ proġetti ffinanzjati skont il-ftehimiet imsemmijin fil-punt (a), u li huma maħsubin għall-benefiċċju dirett jew indirett tar-Repubblika tal-Belarussja jew ta’ kwalunkwe awtorità pubblika tagħha li għandhom jitwettqu fil-Belarussja.

Artikolu 2m

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni neċessarja biex jillimitaw l-involviment fil-Belarussja ta’ banek multilaterali tal-iżvilupp li tagħhom huma membri, b’mod partikolari l-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, inkluż billi jivvutaw kontra self ġdid jew forom oħra ta’ finanzjament lill-entitajiet msemmija fl-Artikolu 2i, ħlief għal dawk imsemmija fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu, u mingħajr ma jiġu effettwati proġetti li jiffinanzjaw appoġġ lis-settur provat għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.”;

(3)

l-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).


ANNESS

1.   

L-Anness għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK ingħata l-isem il-ġdid Anness I;

2.   

l-Annessi li ġejjin huma miżjuda:

“ANNESS II

LISTA TA’ PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2d

ANNESS III

LISTA TA’ PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2h U 2i

Belarusbank

Belinvestbank (Belarusian Bank for Development and Reconstruction)

Belagroprombank

”.