18.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/986

tad-29 ta’ April 2021

li tapprova d-Deċiżjoni tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li tadotta r-Regoli l-ġodda tal-Aġenzija li jistabbilixxu l-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, materji primi u materjali speċjali fissili

(notifikata bid-dokument C(2021) 2893)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 60, is-sitt subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”), il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika trid tiżgura li l-utenti kollha fil-Komunità jirċievu provvista regolari u ekwa ta’ minerali u ta’ fjuwils nukleari permezz ta’ politika komuni ta’ provvista msejsa fuq il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għal sorsi ta’ provvista.

(2)

Għal dik il-fini, l-Artikolu 52(2)(b) tat-Trattat Euratom stabbilixxa Aġenzija.

(3)

Ir-regoli adottati mill-Aġenzija jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, u jridu jiddeterminaw il-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, ta’ materji primi u ta’ materjali speċjali fissili.

(4)

Filwaqt li taġixxi skont it-Trattat Euratom u l-istatuti tagħha, bid-Deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Jannar 2021, l-Aġenzija adottat regoli ġodda biex taġġorna u tissostitwixxi r-regoli tal-Aġenzija attwalment fis-seħħ.

(5)

Skont l-Artikolu 60, is-sitt subparagrafu tat-Trattat Euratom, jenħtieġ li r-regoli tal-Aġenzija jiġu approvati mill-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-15 ta’ Jannar 2021 li tadotta r-Regoli tal-Aġenzija li jistabbilixxu l-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, ta’ materji primi u ta’ materjali speċjali fissili, u li tħassar ir-Regoli tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-5 ta’ Mejju 1960, hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni