11.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 207/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/929
tas-6 ta’ Mejju 2021
dwar ir-regolamentazzjoni tal-kuntatti bejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 11(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jesiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) jesiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. |
(2) |
L-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li, sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ. |
(3) |
Skont l-Artikolu 298 TFUE, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti. |
(4) |
Biex l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (“l-istituzzjonijiet tal-Unjoni”) jaħdmu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jitħallew jipprovdu l-fehmiet u l-għarfien espert tagħhom matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jitjiebu l-kwalità tad-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu u l-appoġġ għalihom. |
(5) |
Biex tinżamm il-fiduċja fil-proċessi politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-kuntatti mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess isiru b’mod trasparenti u etiku. |
(6) |
Għal dan il-għan, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kkonkludew Ftehim Interistituzzjonali dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju (1) (“il-Ftehim Interistituzzjonali”). |
(7) |
Il-Kunsill huwa impenjat li jistabbilixxi qafas għall-kuntatti trasparenti u etiċi bejn ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u l-uffiċjali u l-aġenti (il-“persunal”) tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu, billi jintroduċi prinċipju ta’ kondizzjonalità. Skont dak il-prinċipju, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ trasparenza hija prekondizzjoni neċessarja biex ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess ikunu jistgħu jwettqu ċerti attivitajiet koperti mill-Ftehim Interistituzzjonali. |
(8) |
Il-Kunsill iqis li l-istabbiliment ta’ reġistru ta’ trasparenza, komuni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u miftuħ għal istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, huwa l-aktar mod effettiv biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ kondizzjonalità. Jenħtieġ li r-rispett tal-kodiċi ta’ kondotta anness mal-Ftehim Interistituzzjonali jkun prekondizzjoni għar-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ trasparenza. |
(9) |
Jenħtieġ li l-organi tar-reġistru ta’ trasparenza jkollhom is-setgħa li jadottaw, anki f’isem il-Kunsill, deċiżjonijiet individwali dwar applikanti u reġistranti, skont il-Ftehim Interistituzzjonali. |
(10) |
Xejn f’din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat bħala li jagħti lil rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess irreġistrati fir-reġistru ta’ trasparenza dritt privileġġjat ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Kunsill, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Prinċipju ta’ kondizzjonalità
Fil-każijiet previsti f’din id-Deċiżjoni u f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ trasparenza għandha tkun prekondizzjoni meħtieġa biex ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess ikunu jistgħu jwettqu ċerti attivitajiet.
Artikolu 2
Reġistru ta’ trasparenza
1. Il-Ftehim Interistituzzjonali jiddefinixxi l-ambitu tal-attivitajiet imwettqa minn rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li huma soġġetti għal reġistrazzjoni, kif ukoll il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà u r-reġistrazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess fir-reġistru ta’ trasparenza.
2. Il-Kunsill għandu jkun rappreżentat fil-Bord tat-Tmexxija tar-reġistru ta’ trasparenza mis-Segretarju Ġenerali tiegħu. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi b’kunsens u jkun assistit minn Segretarjat konġunt skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali.
3. Il-Bord tat-Tmexxija u s-Segretarjat għandu jkollhom is-setgħa li jadottaw f’isem il-Kunsill deċiżjonijiet individwali dwar applikanti u reġistranti, skont il-Ftehim Interistituzzjonali.
Artikolu 3
Laqgħat ma’ persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
1. Il-laqgħat organizzati bejn ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u s-Segretarju Ġenerali u d-Diretturi Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom ikunu bil-kondizzjoni li ssir reġistrazzjoni minn qabel tar-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess fir-reġistru ta’ trasparenza.
2. Meta jkun f’kuntatt ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, il-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jirrispetta r-regoli u l-istandards ta’ mġiba stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (2), u r-regoli interni pertinenti l-oħra tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jadotta kull struzzjoni addizzjonali lill-persunal li tista’ tkun meħtieġa biex jiġu implimentati dawk ir-regoli u l-istandards, skont il-prinċipji stipulati f’din id-Deċiżjoni.
3. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jieħu miżuri biex iqajjem kuxjenza fost il-persunal dwar ir-regoli applikabbli għal kuntatti ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.
Artikolu 4
Laqgħat ta’ informazzjoni tematiċi
Il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess f’laqgħat ta’ informazzjoni tematiċi, li jkunu organizzati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, fejn adatt u wara konsultazzjoni mal-Presidenza tal-Kunsill, għandha tkun bil-kondizzjoni tar-reġistrazzjoni minn qabel tagħhom fir-reġistru ta’ trasparenza.
Artikolu 5
Attivitajiet pubbliċi
Il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, fil-kapaċità professjonali tagħhom, bħala kelliema f’attivitajiet pubbliċi organizzati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandha tkun bil-kondizzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ tali rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess fir-reġistru ta’ trasparenza.
Artikolu 6
Aċċess għall-bini tal-Kunsill
1. Biex jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħti lir-rappreżentanti ta‘ gruppi ta’ interess badges nominattivi li jagħtuhom aċċess temporanju għall-bini tal-Kunsill, soġġett għal reġistrazzjoni minn qabel fir-reġistru ta’ trasparenza u r-rispett għar-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill. Rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess ma għandhomx jattendu laqgħat tal-Kunsill jew tal-korpi preparatorji tiegħu, sakemm il-preżenza tagħhom ma tkunx awtorizzata f’konformità mad-Deċiżjoni ta-Kunsill 2009/937/UE (3) (ir-“Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill”).
2. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jiddetermina r-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ identità għall-ħruġ ta’ badges lil rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.
Artikolu 7
Aċċess għal dokumenti
L-aċċess għal dokumenti tal-Kunsill minn rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess għandu jkun irregolat bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
Artikolu 8
Implimentazzjoni
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju (ara paġna 1 ta’ da nil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).
(4) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).