10.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/3 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/754
tal-4 ta’ Mejju 2021
dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Bord Estonjan għas-Saħħa li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 3032)
(It-test Estonjan biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fid-19 ta’ Ġunju 2020, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Bord Estonjan għas-Saħħa (“l-awtorità kompetenti”) adotta deċiżjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”) sas-16 ta’ Diċembru 2020. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha. |
(2) |
Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għall-funzjonament ħażin tal-magni ta’ inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet li rriżultaw minnha wasslu biex bosta inġenji tal-ajru kellhom jibqgħu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hija fattur aggravanti tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika. |
(3) |
Il-Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 14697-50-8), li huma sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 bħala preservattivi tal-prodotti waqt il-ħżin, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Billi dawk is-sustanzi attivi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivieżistenti kollha li jinsabu fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għalihom u jridu jiġu vvalutati u approvati qabel ma jistgħu jiġu awtorizzati fil-livell nazzjonali wkoll il-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawk is-sustanzi attivi. |
(4) |
Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex tiġi estiża l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret minħabba tħassib li s-sikurezza tat-trasport bl-ajru tista’ tibqa’ pperikolata minħabba l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru wara s-16 ta’ Diċembru 2020, u fuq l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika. |
(5) |
Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv irrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (il-Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji serji fl-imġiba tal-magni li ġew osservati wara t-trattament b’dak il-prodott. |
(6) |
It-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u tas-sistemi tal-fjuwil mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri tal-avjazzjoni miftiehma jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta t-tindif mekkaniku jkun possibbli. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ li jiġi evitat. |
(7) |
Skont it-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi biex il-prodott jiġi awtorizzat b’mod regolari, u fil-futur qarib mistennija titressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda biex dawk il-proċeduri jitlestew, jieħdu ħafna żmien. |
(8) |
In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan sew bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għalhekk jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni. |
(9) |
Billi l-azzjoni skadiet fis-16 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv. |
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Bord Estonjan għas-Saħħa jista’ jestendi l-azzjoni sal-20 ta’ Ġunju 2022 biex jippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu mill-utenti professjonali tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bord Estonjan għas-Saħħa.
Għandha tapplika mis-17 ta’ Diċembru 2020.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294 10.10.2014, p. 1).