10.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/753

tas-6 ta’ Mejju 2021

li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli: dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 37 000 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista tal-merkanzija; dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 24 300 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin); u dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 14 600 f’każijiet oħrajn, jiġifieri dawk li jipprovdu servizz b’valur miżjud għoli (inputs baxxi).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 (2) Malta ġiet awtorizzata tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2024, miżura speċjali li tidderoga mill-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 20 000.

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2020, Malta talbet awtorizzazzjoni biex tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2024, miżura ta’ deroga mill-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tippermetti lil Malta teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin), jew fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla minn EUR 30 000 (il-“miżura ta’ deroga”). Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni relatata mat-talba, li ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2020.

(4)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Diċembru 2020, bagħtet it-talba ta’ Malta lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil Malta li kellha l-informazzjoni kollha li hija kkunsidrat bħala meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

Minħabba li ż-żieda fil-livell limitu hija mistennija li tnaqqas l-obbligi tal-VAT u b’hekk il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar, u li tissimplifika l-ġbir tal-VAT għall-awtoritajiet tat-taxxa, u minħabba li l-impatt fuq id-dħul totali mill-VAT ta’ Malta miġbur fl-istadju tal-aħħar konsum huwa negliġibbli, jenħtieġ li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga.

(6)

Il-miżura ta’ deroga ma jkollhiex effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li Malta ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (3).

(7)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE tħassar bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (4), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin), jew fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi), u li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 30 000.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 b’dan titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 tal-20 ta’ Frar 2018 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 54, 24.2.2018, p. 14).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).