6.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/738

tal-4 ta’ Mejju 2021

dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali “Biobor JF” f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 3016)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Settembru 2020, l-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi (“l-awtorità kompetenti”) adotta deċiżjoni applikabbli mill-5 ta’ Ottubru 2020 u f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali “Biobor JF” għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”) sat-3 ta’ April 2021. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha.

(2)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjwuil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magni tal-inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet li saru fuq it-titjiriet minħabba fiha wasslu biex bosta inġenji tal-ajru jkollhom jibqgħu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hi fattur aggravanti ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(3)

Il-prodott “Biobor JF” fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis-(4,4,6-trimetil-1,3,2-dioksaborinan) (bin-numru tal-CAS 14697-50-8), li huma sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 6 bħala preservattivi tal-prodotti waqt il-ħażna, kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Dawk is-sustanzi attivi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), u għalhekk mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li jkun hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għalihom u jeħtieġu valutazzjoni u approvazzjoni qabel ma jiġu awtorizzati l-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawk is-sustanzi attivi, anki fil-livell nazzjonali.

(4)

Fl-20 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex testendi l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret minħabba tħassib ta’ periklu għas-sikurezza tat-trasport bl-ajru minħabba kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru wara t-3 ta’ April 2021 u sar l-argument li “Biobor JF” hu essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(5)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (il-Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq minħabba inċidenti relatati mas-sikurezza li ġew osservati wara t-trattament b’dak il-prodott.

(6)

Kif indikat mill-awtorità kompetenti, it-tindif manwali tat-tankijiet tal-fjuwil hu possibbli biss meta sar isir skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur. Madankollu, ħafna drabi t-tindif manwali jkun akkumpanjat minn trattament bijoċidali, kif meħtieġ skont proċeduri tal-avjazzjoni miftiehma, u jeħtieġ ir-rimi tal-fjuwil tal-avjazzjoni kkontaminat kollu, u xogħol impenjattiv fiżikament u mentalment fit-tank dejjaq tal-fjuwil skont bosta prekawzjonijiet tas-sikurezza. Għalhekk, it-tindif manwali tat-tankijiet tal-fjuwil jenħtieġ jiġi evitat kemm jista’ jkun.

(7)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, il-manifattur ta’ “Biobor JF” ħa passi għall-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott, u fil-futur qrib mistennija titressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew.

(8)

In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi jista’ jestendi l-azzjoni sas-6 ta’ Ottubru 2022 biex ikunu jistgħu jsiru t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali “Biobor JF” mill-utenti professjonali għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294 10.10.2014, p. 1).