16.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 54/1


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/176

tal-5 ta’ Frar 2021

dwar il-konklużjoni tal-emendi tal-Ftehim għall-kooperazzjoni fit-trattament tat-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi (Il-Ftehim ta’ Bonn) fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim u dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja għal dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 196(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni ta-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim għall-Kooperazzjoni fit-Trattament tat-Tniġġis fil-Baħar tat-Tramuntana miż-Żejt u Sustanzi Oħra Perikolużi (il-“Ftehim ta’ Bonn”) (2) ġie konkluż mill-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 84/358/KEE (3) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1989. Il-Ftehim ta’ Bonn ġie emendat fl-1989. Dawk l-emendi ġew approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/540/KEE (4) u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 1994.

(2)

Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex twettaq negozjati f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ emendi għall-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografiku tal-Ftehim ta’ Bonn.

(3)

Skont l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim ta’ Bonn, il-Partijiet Kontraenti kkunsidraw proposta għal emenda biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Bonn biex tittejjeb il-kooperazzjoni dwar is-sorveljanza fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif issupplimentata mill-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978 (“il-Konvenzjoni MARPOL”). Barra minn hekk, il-Partijiet Kontraenti kkunsidraw ukoll l-emendi għall-Ftehim ta’ Bonn u l-Anness tiegħu minħabba l-adeżjoni ta’ Spanja ma’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 20 tiegħu.

(4)

Il-Kummissjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2019, innegozjat dawk l-emendi għall-Ftehim ta’ Bonn, li ġew adottati b’vot unanimu b’żewġ deċiżjonijiet fil-wieħed u tletin laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ta’ Bonn li saret f’Bonn mid-9 sal-11 ta’ Ottubru 2019.

(5)

Dawk l-emendi għall-Ftehim ta’ Bonn jenħtieġ li jiġu approvati f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emendi għall-Ftehim għall-kooperazzjoni fit-trattament tat-tniġġis fil-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u ta’ sustanzi oħra perikolużi (“il-Ftehim ta’ Bonn”) fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Bonn u dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja għall-Ftehim ta’ Bonn, li ġew adottati mill-Partijiet Kontraenti waqt il-wieħed u tletin laqgħa tagħhom li saret f’Bonn mid-9 sal-11 ta’ Ottubru 2019, huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni. (5)

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jagħmlu notifika, f’isem l-Unjoni, prevista fl-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Bonn. (6)

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Approvazzjoni tad-19 ta’ Jannar 2021.

(2)  ĠU L 188, 16.7.1984, p. 9.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 84/358/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1984 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għall-kooperazzjoni dwar kif jiġi trattat it-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana bħala riżultat taż-żejt u ta’ sustanzi oħra perikolużi (ĠU L 188, 16.7.1984, p. 7).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/540/KEE tat-18 ta’ Ottubru 1993 li tapprova ċerti emendi tal-Ftehim għall-kooperazzjoni dwar kif jiġi trattat it-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana bħala riżultat taż-żejt u ta’ sustanzi oħra perikolużi (Ftehim Bonn) (ĠU L 263, 22.10.1993, p. 51).

(5)  It-testi tad-Deċiżjonijiet dwar l-emendi għall-Ftehim ta’ Bonn huma ppubblikati fil-paġni 3 u 6 ta’ dan il-Gurnal Uffiċjali.

(6)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-Ftehim ta’ Bonn ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.