25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/18


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/54

tat-22 ta’ Jannar 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK (1).

(2)

Fit-12 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2551 (2020). Dik ir-Riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid embargo ġenerali u komplet fuq l-armi kontra s-Somalja u temenda n-notifiki dwar il-forniment ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra, u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari. Dik ir-Riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid ukoll il-projbizzjoni kontra l-importazzjoni tal-faħam mis-Somalja, u tikkonferma r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, il-forniment u t-trasferiment ta’ komponenti ta’ apparat esplożiv improvviżat lejn is-Somalja.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2010/231/PESK tiġi emendata skont dan.

(4)

Hija neċessarja aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip u l-forniment ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsubin biss għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, jew istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali ħlief dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja. Il-kunsinna tal-oġġetti stipulati fl-Annessi II u III, u l-għoti ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra, u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti ta’ approvazzjoni jew ta’ notifika kif ġej:

(i)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment tal-armi u materjal relatat ta’ kull tip kif stipulat fl-Anness II maħsubin biss għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, jew istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali ħlief dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ, kif stipulat fil-paragrafi 4a u 4b;

(ii)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment tal-armi u materjal relatat ta’ kull tip stipulat fl-Anness III maħsubin biss għall-iżvilupp tal-Forzi ta’ Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandhom ikunu soġġetti għal notifika minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif stipulat fil-paragrafi 4 u 4b;

(iii)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip kif stipulat fl-Anness III u l-forniment ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari mill-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali maħsubin biss għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali, ħlief dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandhom ikunu soġġetti għal notifika minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif stipulat fil-paragrafu 4b, u jistgħu jingħataw fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jirċievi tali notifika;”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Il-Gvern Federali tas-Somalja għandu r-responsabbiltà ewlenija li jinnotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel bi kwalunkwe kunsinna ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip li jinsabu fl-Anness III lill-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, kif stipulat fil-punt (f)(ii) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Alternattivament, l-Istati Membri li jikkunsinnaw armi u materjal relatat lill-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja jistgħu jinnotifikaw lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel, jinfurmaw lill-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni adatt fi ħdan il-Gvern Federali tas-Somalja dwar in-notifika u jagħtu lill-Gvern Federali tas-Somalja appoġġ tekniku bil-proċeduri ta’ notifika fejn xieraq, skont il-paragrafi 13 u 14 tal-UNSCR 2498 (2019). In-notifiki għandhom jinkludu dettalji tal-manifattur u l-fornitur tal-armi u materjal relatat ta’ kull tip, deskrizzjoni tal-armi u l-munizzjon inkluż it-tip, il-kalibru u l-kwantità, id-data proposta u l-post tal-kunsinna, u l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-unità ta’ destinazzjoni maħsuba fil-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, jew il-post maħsub għall-ħażna.”;

(2)

l-Anness IV huwa sostitwit mill-Anness I għal din id-Deċiżjoni;

(3)

l-Anness V huwa sostitwit mill-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17).


ANNESS I

“ANNESS IV

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1C(1)

1.   

Tetril (trinitrofenilmetilnitrammina).

2.   

Nitrogliċerina komposta jew imħallta mal-‘materjal enerġetiku’ speċifikat minn ML8.a. jew metalli fi trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (1) (ħlief meta ppakkjati/ippreparati f’dożi mediċinali individwali).

3.   

Tagħmir li jkun kemm iddiżinjat apposta għal użu militari kif ukoll iddiżinjat apposta biex jattiva, jimmotorizza b’output operattiv ta’ darba, jispara jew jiddetona Apparat Splussiv Improvviżat (IEDs).

4.   

‘Teknoloġija’‘meħtieġa’ għall-‘produzzjoni’ jew l-‘użu’ tal-oġġetti elenkati fil-paragrafi 1 u 2. (Id-definizzjonijiet tat-termini ‘teknoloġija’, ‘meħtieġa’, ‘produzzjoni’, u ‘użu’ huma derivati mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.)


(1)  ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.


ANNESS II

“ANNESS V

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1C(2)

1.   

Tagħmir u apparat, mhux speċifikati fil-punt 2 tal-Anness IV, li jkunu ddiżinjati apposta biex jinizjaw splussivi b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, (pereżempju, settijiet tal-isparar, detonaturi, tagħmir tat-tqabbid, ħabel detonanti).

2.   

‘Teknoloġija’‘meħtieġa’ għall-‘produzzjoni’ jew l-‘użu’ tal-oġġetti elenkati fil-paragrafu 1. (Id-definizzjonijiet tat-termini ‘teknoloġija’‘meħtieġa’, ‘produzzjoni’ u ‘użu’ huma derivati mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.)

3.   

Materjali splussivi, kif ġej, u taħlitiet li jkun fihom xi wieħed jew aktar minn dawn:

(a)

Żejt Kombustibbli tan-Nitrat tal-Ammonju (ANFO);

(b)

Nitroċellulożju (li fih aktar minn 12,5 % nitroġenu skont il-piż);

(c)

Nitrogliċerina (ħlief meta ppakkjata/preparata f’dożi mediċinali individwali) sakemm ma tkunx komposta jew imħallta mal-“materjal enerġetiku” speċifikat minn ML8.a. jew metalli fi trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea;

(d)

Nitroglikol;

(e)

Tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN);

(f)

Klorur tal-pikril;

(g)

2,4,6-Trinitrotoluwen (TNT).

4.   

Prekursuri ta’ splussivi:

(a)

Nitrat tal-ammonju;

(b)

Nitrat tal-potassju;

(c)

Klorat tas-sodju;

(d)

Aċidu nitriku;

(e)

Aċidu sulfuriku.