7.1.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 4/1 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/3
tat-23 ta’ Novembru 2020
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li ser terġa’ titlaqqa’, dwar l-iskedar tal-kannabis u s-sustanzi relatati mal-kannabis taħt il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, (“il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi”), daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 1975. |
(2) |
Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) tista’ tiddeċiedi li żżid sustanzi mal-Iskedi ta’ dik il-Konvenzjoni. Tista’ tagħmel bidliet fl-Iskedi biss skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), iżda tista’ wkoll tiddeċiedi li ma tagħmilx il-bidliet rakkomandati mid-WHO. |
(3) |
Il-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 (il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”) daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 1976. |
(4) |
Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, is-CND tista’ tiddeċiedi li żżid sustanzi mal-Iskedi ta’ dik il-Konvenzjoni, jew li tneħħihom, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. Is-CND għandha setgħat diskrezzjonali wiesgħa biex tieħu kont ta’ fatturi ekonomiċi, soċjali, legali, amministrattivi u ta’ fatturi oħra, iżda ma tistax taġixxi b’mod arbitrarju. |
(5) |
Il-bidliet fl-Iskedi tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi għandhom riperkussjonijiet diretti fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-drogi. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI (1) tapplika għas-sustanzi elenkati fl-Iskedi ta’ dawk il-Konvenzjonijiet. Għalhekk, kwalunkwe bidla fl-Iskedi ta’ dawk il-Konvenzjonijiet hija direttament inkorporata fir-regoli komuni tal-Unjoni. |
(6) |
Is-CND, matul it-tlieta u sittin sessjoni tagħha li mistennija terġa’ titlaqqa’ mit-2 sal-4 ta’ Diċembru 2020 fi Vjenna, għandha tadotta deċiżjonijiet dwar il-kannabis u sustanzi relatati mal-kannabis, li diġà qed jiġu kkontrollati abbażi tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. |
(7) |
L-Unjoni mhijiex Parti għall-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Hija għandha status ta’ osservatur fi ħdan is- CND, fejn 12-il Stat Membru huma membri bid-dritt għall-vot fit-tlieta u sittin sessjoni tagħha li ser terġa’ titlaqqa’. Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lil dawk l-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi peress li d-deċiżjonijiet dwar l-iskedar internazzjonali ta’ sustanzi skont dawk il-Konvenzjonijiet huma kompetenza tal-Unjoni. |
(8) |
Fl-24 ta’ Jannar 2019, id-WHO ħarġet sitt rakkomandazzjonijiet wara r-rieżami kritiku tal-41 laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti tagħha dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (il-“Kumitat ta’ Esperti tad-WHO”) dwar il-kannabis u sustanzi relatati mal-kannabis. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet ma għandhomx l-għan li jawtorizzaw l-użu rikreattiv tal-kannabis jew ta’ sustanzi relatati mal-kannabis. |
(9) |
Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO, il-kannabis u r-raża tal-kannabis mhumiex partikularment suxxettibbli li jipproduċu effetti ħżiena simili għall-effetti tas-sustanzi l-oħra fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Barra minn hekk, il-preparazzjonijiet orali tal-kannabis urew potenzjal terapewtiku għat-trattament tal-uġigħ u kundizzjonijiet mediċi oħra bħall-epilessija u l-ispastiċità assoċjata mal-isklerożi multipla. |
(10) |
Id-WHO kkunsidrat li l-kannabis u r-raża tal-kannabis jenħtieġ li jiġu skedati f’livell ta’ kontroll li jipprevjeni l-ħsara kkawżata mill-użu tal-kannabis u fl-istess ħin dan ma jaġixxix bħala ostaklu għall-aċċess u għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ preparazzjonijiet relatati mal-kannabis għal użu mediku. Għaldaqstant, id-WHO kkonkludiet li l-inklużjoni tal-kannabis u r-raża tal-kannabis fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi mhix konsistenti mal-kriterji biex droga tiġi inkluża f’ dik l-Iskeda. |
(11) |
Dik ir-rakkomandazzjoni ma timplika l-ebda bidla fil-livell ta’ kontroll internazzjonali tal-kannabis u r-raża tal-kannabis. Hija tqis kif xieraq l-iżviluppi xjentifiċi fil-qasam sa mill-ewwel inklużjoni tal-kannabis u r-raża tal-kannabis fil-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. It-tħassir tal-kannabis u tar-raża tal-kannabis mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tkun ta’ ġid għall-progress tal-għarfien kollettiv tal-utilità terapewtika kif ukoll ta’ kwalunkwe ħsara assoċjata mal-kannabis. |
(12) |
Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-kannabis u r-raża tal-kannabis jitħassru mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
(13) |
Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO, id-delta-9-tetraidrokannabinol u l-istereoisomeru attiv tiegħu d-dronabinol, speċjalment f’forom ta’ purità għolja derivati b’mod illeċitu, jistgħu jipproduċu effetti ħżiena, dipendenza, u potenzjal ta’ abbuż li huwa tal-inqas kbir daqs dak għall-kannabis, li hija inkluża fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Sustanza li hija suxxettibbli għal abbuż simili u li tipproduċi effetti ħżiena simili bħal dik ta’ sustanza diġà skedata fil-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi normalment tkun skedata bl-istess mod bħal dik is-sustanza. Peress li d-delta-9-tetraidrokannabinol huwa suxxettibbli għal abbuż simili bħall-kannabis u għandu effetti ħżiena simili, jissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
(14) |
Id-WHO fehmet li l-inklużjoni tad-delta-9-tetraidrokannabinol taħt l-istess Konvenzjoni u fl-istess skeda bħall-kannabis, jiġifieri l-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, tiffaċilita bil-kbir l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal- Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi fl-Istati Membri. Għalhekk, id-WHO rrakkomandat li d-delta-9-tetraidrokannabinol u l-istereoisomeru attiv tiegħu d-dronabinol jiġu inklużi fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u, jekk tiġi adottata dik ir-rakkomandazzjoni, jitħassru mill-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. |
(15) |
Dik ir-rakkomandazzjoni ma timplika l-ebda bidla fil-livell ta’ kontroll internazzjonali tad-delta-9-tetraidrokannabinol u l-istereoisomeru attiv tiegħu d-dronabinol. Din tista’ wkoll tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll fl-Istati Membri. |
(16) |
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li jiżdiedu d-delta-9-tetraidrokannabinol u l-istereoisomeru attiv tiegħu d-dronabinol fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u, jekk tiġi adottata dik ir-rakkomandazzjoni, jitħassru mill-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. |
(17) |
Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO, it-tetraidrokannabinol (isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol), li huwa inkluż fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, ma għandux effetti ħżiena u ta’ abbuż simili għal dawk assoċjati mad-delta-9-tetraidrokannabinol iżda, minħabba s-similarità kimika ta’ kull wieħed mis-sitt isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol, huwa diffiċli ħafna li ssir distinzjoni bejn kwalunkwe wieħed minn dawk is-sitt isomeri mid-delta-9-tetraidrokannabinol bl-użu ta’ metodi standard ta’ analiżi kimika. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ dawk is-sitt isomeri taħt l-istess Konvenzjoni u fl-istess Skeda bħad-delta-9-tetraidrokannabinol, jiġifieri l-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kontroll internazzjonali tad-delta-9-tetraidrokannabinol, u tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll fil-livell nazzjonali. Għalhekk, id-WHO rrakkomandat li t-tetraidrokannabinol (isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol) jiżdied fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi soġġett għall-adozzjoni mis-CND tar-rakkomandazzjoni biex jiżdiedu d-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu (id-delta-9-tetraidrokannabinol) fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, u, jekk tiġi adottata dik ir-rakkomandazzjoni, titħassar mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. |
(18) |
Dik ir-rakkomandazzjoni ma timplika l-ebda bidla fil-livell ta’ kontroll internazzjonali tat-tetraidrokannabinol (isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol). Hija konformi mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar u tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll fl-Istati Membri. |
(19) |
Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li t-tetraidrokannabinol (isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol) jiżdied fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, soġġett għall-adozzjoni mis-CND tar-rakkomandazzjoni li jiżdiedu d-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu (id-delta-9-tetraidrokannabinol) fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, u, jekk tiġi adottata dik ir-rakkomandazzjoni, jitħassru mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. |
(20) |
Biex tiġi żgurata l-koerenza tal-iskedar tad-delta-9-tetraidrokannabinol u l-istereoisomeru attiv tiegħu d-dronabinol, kif ukoll tat-tetraidrokannabinol (isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol), u biex jiġi evitat ir-riskju li kwalunkwe sustanza minn dawk tiġi skedata taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi kif ukoll taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li huma membri tas-CND li jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-iskedar ta’ dawn is-sustanzi f’vot konġunt. |
(21) |
Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO, il-varjabbiltà fil-proprjetajiet psikoattivi ta’ estratti u tinturi tal-kannabis, kif stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, hija dovuta prinċipalment minħabba konċentrazzjonijiet ta’ delta-9-tetraidrokannabinol li jvarjaw f’dawk l-estratti u tinturi. Xi estratti u tinturi tal-kannabis mingħajr proprjetajiet psikoattivi u li jinkludu b’mod predominanti l-kannabidjol għandhom applikazzjonijiet terapewtiċi promettenti. Il-fatt li diversi preparazzjonijiet b’konċentrazzjoni varjabbli ta’ delta-9-tetraidrokannabinol huma kkontrollati fl-istess entrata “Estratti u Tinturi” u huma inklużi fl-istess skeda huwa sfida għall-awtoritajiet responsabbli li jimplimentaw miżuri ta’ kontroll fil-pajjiżi. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ preparazzjonijiet skont il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tkopri l-prodotti kollha li huma “estratti u tinturi” tal-kannabis bħala “preparazzjonijiet” tal-kannabis, u anke, jekk ir-rakkomandazzjoni tal- Kumitat Espert tad-WHO li d-dronabinol jitmexxa għall-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi ġew segwiti, bħala “preparazzjonijiet” tad-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-estratti u t-tinturi tal-kannabis jitħassru mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
(22) |
L-informazzjoni pprovduta mid-WHO wara l-ħruġ ta’ dik ir-rakkomandazzjoni u l-analiżi tal-impatt ta’ dik ir-rakkomandazzjoni mill-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB) jiċċaraw li dik ir-rakkomandazzjoni ma twassal għal ebda bidla fil-livell ta’ kontroll internazzjonali ta’ estratti u tinturi tal-kannabis u li r-rakkomandazzjoni mhija mistennija li jkollha l-ebda impatt fuq il-kontroll jew l-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri. Barra minn hekk, it-tħassir ta’ estratti u tinturi tal-kannabis mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jġib miegħu aktar ċertezza fil-kontroll ta’ prodotti derivati mingħajr l-użu ta’ solvent iżda permezz tal-applikazzjoni ta’ sħana u pressjoni. |
(23) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tivvota favur ir-rakkomandazzjoni li jitħassru “estratti u tinturi” tal-kannabis mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
(24) |
Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO, il-kannabidjol jinsab fil-kannabis u r-raża tal-kannabis iżda ma għandux proprjetajiet psikoattivi u ma għandu l-ebda potenzjal għal abbuż u ebda potenzjal li jipproduċi dipendenza. Ma għandux effetti ħżiena sinifikanti. Barra minn hekk, intwera li l-kannabidjol huwa effettiv fil-ġestjoni ta’ ċerti disturbi tal-epilessija mit-tfulija li huma reżistenti għat-trattament. |
(25) |
Id-WHO nnutat li mediċini mingħajr effetti psikoattivi li huma prodotti bħala preparazzjonijiet mill-pjanta tal-kannabis ikun fihom traċċi ta’ delta-9-tetraidrokannabinol u rrikonoxxiet li l-analiżi kimika tad-delta-9-tetraidrokannabinol għal preċiżjoni ta’ 0,15 % tista’ tkun diffiċli għal xi Stati Membri. Għaldaqstant, id-WHO rrakkomandat li tiżdied nota f’qiegħ il-paġna mal-entrata għall kannabis u r-raża tal-kannabis fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li taqra: “Il-preparazzjonijiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom fihom il-kannabidjol u mhux aktar minn 0,2 % ta’ delta-9-tetraidrokannabinol mhumiex taħt kontroll internazzjonali.”. |
(26) |
Madankollu, dik ir-rakkomandazzjoni tbaxxi l-livell ta’ kontroll attwali għal dawk il-preparazzjonijiet. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ dak il-limitu ta’ 0,2 fil-mija ta’ delta-9-tetraidrokannabinol mhuwiex appoġġat biżżejjed mill-evidenza xjentifika, il-formulazzjoni ta’ dik ir-rakkomandazzjoni ma teskludix interpretazzjonijiet diverġenti possibbli dwar il-mod kif jiġi kkalkulat dak il-limitu ta’ 0,2 fil-mija ta’ delta-9-tetraidrokannabinol, u l-implimentazzjoni teknika ta’ dik ir-rakkomandazzjoni ser tkun diffiċli għal raġunijiet ta’ kapaċità teknika u amministrattiva. It-trattament differenzjat tal-kannabidjol meta mqabbel ma’ kannabinojdi oħra mhuwiex konformi mal-istruttura eżistenti tal-Iskedi tal- Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Dik ir-rakkomandazzjoni, kif ġiet abbozzata, ma toffrix iċ-ċertezza legali meħtieġa. |
(27) |
Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun ta’ vot kontra r-rakkomandazzjoni li tiżdied nota f’qiegħ il-paġna dwar “preparazzjonijiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom ikun fihom il-kannabidjol u mhux aktar minn 0,2 fil-mija ta’ delta-9-tetraidrokannabinol” mal-entrata għall-kannabis u r-raża tal-kannabis fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
(28) |
Madankollu, l-Unjoni tilqa’ konsultazzjoni ulterjuri mal-partijiet ikkonċernati kollha rigward rakkomandazzjoni riveduta dwar il-livell adegwat ta’ kontroll internazzjonali għall-preparazzjonijiet tal-kannabis b’kontenut baxx ta’ delta-9-tetrahydrocannabinol, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u l-benesseri tal-pubbliku, filwaqt li titqies l-istruttura eżistenti tas-sistema internazzjonali tal-kontroll tad-droga għall-kannabis kif ukoll il-kapaċità teknika u amministrattiva li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ tali rakkomandazzjoni. |
(29) |
Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO, il-mediċini li fihom id-delta-9-tetraidrokannabinol mhumiex assoċjati ma’ problemi ta’ abbuż u dipendenza u mhumiex iddevjati għall-fini ta’ użu mhux mediku. Barra minn hekk, id-WHO rrikonoxxiet li tali preparazzjonijiet huma fformulati b’mod li x’aktarx ma jiġux abbużati u li ma hemm l-ebda evidenza ta’ abbuż jew effetti ħżiena reali sal-punt li jkun jiġġustifika l-livell attwali ta’ kontroll assoċjat mal-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew il-livell ta’ kontroll assoċjat mal-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Għaldaqstant, id-WHO rrakkomandat li preparazzjonijiet prodotti jew b’sinteżi kimika jew bħala preparazzjoni tal-kannabis, li huma komposti bħala preparazzjonijiet farmaċewtiċi ma’ ingredjent ieħor wieħed jew aktar u b’tali mod li d-delta-9-tetraidrokannabinol ma jkunx jista’ jiġi rkuprat b’mezzi faċilment disponibbli jew fi kwantità li tikkostitwixxi riskju għas-saħħa pubblika, jiżdiedu fl-Iskeda III tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
(30) |
Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dik ir-rakkomandazzjoni dwar preparazzjonijiet farmaċewtiċi mhija ibbażata fuq l-ebda terminu definit fil-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Barra minn hekk, dik ir-rakkomandazzjoni tista’ ġġib magħha piż regolatorju addizzjonali fuq l-Istati Membri, li jkollhom bżonn jiddefinixxi l-kunċetti użati f’dik ir-rakkomandazzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha u jkollhom jaċċertaw jekk il-kundizzjoni li ma jkunx jista’ jiġi rkuprat b’mezzi faċilment disponibbli tiġix issodisfata jew le għal kull prodott. |
(31) |
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li tivvota kontra r-rakkomandazzjoni li preparazzjonijiet prodotti jew b’sinteżi kimika jew bħala preparazzjoni tal-kannabis, li huma komposti bħala preparazzjonijiet farmaċewtiċi ma’ ingredjent ieħor wieħed jew aktar jew b’tali mod li d-delta-9-tetraidrokannabinol (id-dronabinol) ma jkunx jista’ jiġi rkuprat b’mezzi faċilment disponibbli jew fi kwantità li tikkostitwixxi riskju għas-saħħa pubblika tiżdied mal-Iskeda III tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
(32) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CND fir-rigward ta’ tibdil għall-iskedar tal-kannabis u s-sustanzi relatati mal-kannabis, peress li d-deċiżjonijiet dwar l-iskedar fir-rigward tas-sustanzi tal-kannabis u r-raża tal-kannabis imsemmija hawn fuq ser jaffettwaw direttament il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI. |
(33) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CND, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. |
(34) |
Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(35) |
L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri fit-tlieta u sittin sessjoni li ser terġa’ titlaqqa’ tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND), li mistennija ssir mit-2 sal-4 ta’ Diċembru 2020, meta dak il-korp ser jintalab jadotta deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi fl-Iskedi tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata bil-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971, jew it-tħassir tagħhom minnhom, għandha tkun f’konformità ma’ dik stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CND, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8) (test mhux disponibbli bil-Malti).
ANNESS
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND), filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fit-tlieta u sittin sessjoni li ser terġa’ titlaqqa’ tas-CND, li mistennija ssir mit-2 sal-4 ta’ Diċembru 2020:
(1) |
il-kannabis u r-raża tal-kannabis għandhom jitħassru mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (1); |
(2) |
Id-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu (id-delta-9-tetraidrokannabinol) għandhom jiżdiedu mal-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u, jekk dik ir-rakkomandazzjoni tiġi adottata, għandhom jitħassru mill-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi; |
(3) |
it-tetraidrokannabinol (isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol) għandu jiżdied mal-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar Drogi Narkotiċi, soġġett għall-adozzjoni min-naħa tas-CND tar-rakkomandazzjoni biex jiżdied id-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu (id-delta-9-tetraidrokannabinol) fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u, jekk dik ir-rakkomandazzjoni tiġi adottata, għandu jitħassar mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi; |
(4) |
it-terminu “estratti u tinturi” għandu jitħassar mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi; |
(5) |
in-nota f’qiegħ il-paġna li taqra “Preparazzjonijiet li fihom fil-biċċa l-kbira kannabidjol u mhux aktar minn 0,2 fil-mija ta’ delta-9-tetraidrokannabinol mhumiex taħt kontroll internazzjonali.” m’għandhiex tiżdied mal-entrata għall-kannabis u r-raża tal-kannabis fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi; |
(6) |
preparazzjonijiet prodotti jew b’sinteżi kimika jew bħala preparazzjoni tal-kannabis, li huma komposti bħala preparazzjonijiet farmaċewtiċi ma’ ingredjent ieħor wieħed jew aktar jew b’tali mod li d-delta-9-tetraidrokannabinol (id-dronabinol) ma jkunx jista’ jiġi rkuprat b’mezzi faċilment disponibbli jew fi kwantità li tikkostitwixxi riskju għas-saħħa pubblika, m’għandhomx jiżdiedu mal-Iskeda III tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. |
Biex tiġi żgurata koerenza tal-iskedar u biex jiġi evitat ir-riskju li sustanza tiġi skedata taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi kif ukoll taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, l-Istati Membri li huma membri tas-CND jistgħu jaċċettaw vot konġunt dwar ir-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati.
(1) Jibqgħu elenkati fl-Iskeda I ta’ dik il-Konvenzjoni.