21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 432/1


REGOLAMENT (UE) 2020/2170 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2020

dwar l-applikazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-Ħruġ (il-“Protokoll”) itenni li l-Irlanda ta’ Fuq hija parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit u li xejn fil-Protokoll ma jipprevjeni lir-Renju Unit milli jinkludi lill-Irlanda ta’ Fuq fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Iskedi ta’ Konċessjonijiet tagħha annessi mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT 1994).

(3)

L-Artikolu 13(1) tal-Protokoll jipprevedi li, minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-Protokoll, kwalunkwe referenza għat-territorju doganali tal-Unjoni fid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Protokoll jew fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-Protokoll għandha tinqara bħala li tinkludi t-territorju tal-art tal-Irlanda ta’ Fuq.

(4)

Skont l-Artikolu 5(3) tal-Protokoll, il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni kif definita fil-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tapplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Dawk id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll fir-rigward ta’ merkanzija li tidħol fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni, ifissru li l-miżuri tariffarji tal-Unjoni, inklużi l-kwoti tariffarji skont it-Tariffa Doganali Komuni jew il-ftehimiet internazzjonali rilevanti, ikunu applikabbli għal tali merkanzija fejn dik il-merkanzija titqies f’riskju li sussegwentement tiġi mċaqalqa lejn l-Unjoni. Dawk il-kwoti tariffarji jinkludu kwoti tariffarji tal-importazzjoni fl-iskedi ta’ impenji tal-Unjoni taħt il-GATT 1994, kwoti tariffarji tal-importazzjoni miftiehma fil-ftehimiet internazzjonali bilaterali tal-Unjoni, inklużi kwoti ta’ deroga tal-oriġini, kwoti tariffarji tal-importazzjoni skont ir-reġimi ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni, kwoti tariffarji awtonomi oħra tal-importazzjoni u kwoti tariffarji tal-esportazzjoni previsti fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi.

(5)

Skont l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll, tapplika wkoll il-liġi tal-Unjoni elenkata fl-Anness 2 tal-Protokoll għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness. Dak l-Anness jinkludi leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprevedi ċerti kwoti tal-importazzjoni.

(6)

L-arranġamenti bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit taħt il-Protokoll ma jagħtux lok għal drittijiet u obbligi għal pajjiżi terzi. Konsegwentement, kwalunkwe importazzjoni skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jew kwoti oħra tal-importazzjoni li japplikaw għal merkanzija li toriġina minn pajjiż terz li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq ma tistax tiġi attribwita għad-drittijiet ta’ dak il-pajjiż terz fil-konfront tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm qbil dwar dan mill-pajjiż terz. Din is-sitwazzjoni toħloq riskju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-Unjoni u għall-integrità tal-Politika Kummerċjali Komuni billi tippermetti l-evażjoni possibbli tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni jew ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni.

(7)

Sabiex jiġi indirizzat dak ir-riskju, il-kwoti tariffarji tal-importazzjonijiet tal-Unjoni u kwoti oħra tal-importazzjoni jenħtieġ li jkunu disponibbli biss għal merkanzija importata u rilaxxata fiċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni u mhux fl-Irlanda ta’ Fuq.

(8)

Kwalunkwe ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz li jipprevedi kwoti tariffarji tal-esportazzjoni japplika biss għall-merkanzija importata fl-Unjoni. Għalhekk, dak il-pajjiż terz jista’ jirrifjuta li joħroġ liċenzji tal-esportazzjoni għal importazzjonijiet diretti lejn l-Irlanda ta’ Fuq.

(9)

Bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) u (4) tal-Protokoll flimkien mal-Artikolu 13(3) tiegħu, dan ir-Regolament japplika wkoll għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-merkanzija importata minn barra l-Unjoni għandha tkun eliġibbli għal trattament skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jew kwoti oħra ta’ importazzjoni jew skont kwoti tariffarji tal-esportazzjoni applikati minn pajjiżi terzi biss jekk dik il-merkanzija tiġi rilaxxata f’ċirkolazzjoni libera fit-territorji li ġejjin:

it-territorju tar-Renju tal-Belġju,

it-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija,

it-territorju tar-Repubblika Ċeka,

it-territorju tar-Renju tad-Danimarka, minbarra l-Gżejjer Faroe u l-Groenlandja,

it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minbarra l-Gżira ta’ Heligoland u t-territorju ta’ Büsingen (it-Trattat tat-23 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Żvizzera),

it-territorju tar-Repubblika tal-Estonja,

it-territorju tal-Irlanda,

it-territorju tar-Repubblika Ellenika,

it-territorju tar-Renju ta’ Spanja, minbarra Ceuta u Melilla,

it-territorju tar-Repubblika Franċiża, minbarra l-pajjiżi u t-territorji Franċiżi extra-Ewropej li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżda inkluż it-territorju ta’ Monaco kif definit fil-Konvenzjoni Doganali ffirmata f’Pariġi fit-18 ta’ Mejju 1963 (Journal officiel de la République française tas-27 ta’ Settembru 1963, p. 8679),

it-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja,

it-territorju tar-Repubblika Taljana, minbarra l-muniċipalità ta’ Livigno,

it-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003,

it-territorju tar-Repubblika tal-Latvja,

it-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja,

it-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

it-territorju tal-Ungerija,

it-territorju ta’ Malta,

it-territorju tar-Renju tan-Netherlands fl-Ewropa,

it-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija,

it-territorju tar-Repubblika tal-Polonja,

it-territorju tar-Repubblika Portugiża,

it-territorju tar-Rumanija,

it-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja,

it-territorju tar-Repubblika Slovakka,

it-territorju tar-Repubblika tal-Finlandja,

it-territorju tar-Renju tal-Iżvezja, u

it-territorju tal-Arei ta’ Bażi Sovrana tar-Renju Unit ta’ Akrotiri u Dhekelia kif definit fit-Trattat dwar l-Istabbiliment tar-Repubblika ta’ Ċipru, iffirmat f’Nicosia fis-16 ta’ Awwissu 1960.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2020.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).