21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2154

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ notifika dwar is-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir- Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 166(3), 168(3) u 169(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw, inter alia, il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri. Jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta atti delegati dwar rekwiżiti dettaljati li jissupplimentaw ir-regoli diġà stabbiliti f’dak ir-Regolament u, b’mod partikolari, dwar miżuri preventivi, inkluż miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju, u restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri, kif ukoll notifika antiċipata dwar tali movimenti, sabiex jiġi żgurat li tali prodotti ma jikkawżawx it-tixrid tal-mard elenkat jew ta’ mard emerġenti fl-Unjoni.

(2)

Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti f’dan l-att jenħtieġ li jqisu r-regoli tal-Unjoni dwar il-movimenti tal-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri fl-Unjoni stabbiliti f’atti tal-Unjoni adottati qabel ir-Regolament (UE) 2016/429, u b’mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE (2), peress li dawn urew li huma effettivi fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ mard tal-annimali. Ir-regoli stabbiliti f’dan l-att jenħtieġ ukoll li jqisu l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’dawk l-atti preċedenti, u jenħtieġ li r-regoli jiġu adattati għall-qafas leġiżlattiv il-ġdid għas-saħħa tal-annimali stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/429.

(3)

L-Artikolu 166 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi l-obbligi ġenerali relatati mas-saħħa tal-annimali imposti fuq l-operaturi fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri, inkluż il-movimenti tal-konsenji ta’ dawk il-prodotti fl-Unjoni. B’mod partikolari, jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-operaturi fir-rigward tat-tixrid tal-mard elenkat u ta’ mard emerġenti, u b’mod aktar partikolari meta l-awtorità kompetenti tkun qiegħdet fis-seħħ miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-moviment fil-post tal-produzzjoni jew tal-ipproċessar ta’ dawk il-prodotti. Għalhekk, il-kontroll tat-tixrid tal-mard elenkat u ta’ mard emerġenti mhuwiex biss ir-responsabbiltà tal-operaturi, iżda wkoll ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligu ċar fuq l-operaturi biex iċaqilqu konsenji ta’ tali prodotti, prodotti jew ipproċessati f’postijiet soġġetti għal miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-moviment, wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti u soġġetti għal kwalunkwe kundizzjoni imposta għal dik l-awtorizzazzjoni.

(4)

L-Artikolu 168 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jakkumpanja l-movimenti tal-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jissupplimentaw dik l-informazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jakkumpanja l-konsenji ta’ tali prodotti, prodotti u pproċessati f’postijiet soġġetti għal miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-moviment kif imsemmi fl-Artikolu 166(2) tar-Regolament (UE) 2016/429. Jenħtieġ li dan jinkludi informazzjoni dwar il-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni stabbilita mill-awtorità kompetenti fir-rigward tal-movimenti ta’ dawk il-konsenji. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jridu jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament iridu jitqiesu fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġejjin mill-annimali stabbilit f’att ta’ implimentazzjoni separat li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tar-Regolament dwar il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali (UE) 2016/429 dwar il-mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali, l-attestazzjonijiet uffiċjali u l-mudelli tad-dikjarazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u prodotti ġerminali ġejjin minnhom.

(5)

L-Artikolu 169 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għan-notifikat antiċipata tal-movimenti tal prodotti ġejjin mill-annimali terrestri lejn Stati Membri oħrajn u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal tali notifika antiċipata u għal proċeduri ta’ emerġenza għan-notifika antiċipata fil-każ ta’ qtugħ tal-elettriku u tfixkil ieħor fis-sistema “TRACES”. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuq l-operaturi għan-notifika antiċipata. Sabiex tiġi armonizzata l-informazzjoni pprovduta fin-notifika antiċipata biex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti fid-destinazzjoni tirċievi d-dettalji kollha meħtieġa dwar il-konsenja, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tan-notifika antiċipata abbażi tas-sitwazzjonijiet fejn dan ikun meħtieġ f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, u l-kundizzjonijiet li jenħtieġ li jikkonformaw magħhom il-prodotti ġejjin mill-annimali biex jitħallew jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħrajn u d-dettalji dwar il-proċeduri ta’ emerġenza għal tali notifiki.

(6)

Peress li s-sistema “TRACES” hija komponent integrat tas-sistema kompjuterizzata bl-isem Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) kif imsemmi fl-Artikoli 131 sa 136 tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li japplikaw l-arranġamenti ta’ kontinġenza stabbiliti għall-IMSOC skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (4).

(7)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sett komplut ta’ regoli li jirregolaw l-aspetti tas-saħħa tal-annimali tal-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri fl-Unjoni, il-kontenut taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jakkumpanja tali konsenji u l-obbligi ta’ notifika antiċipata. Peress li dawn ir-regoli jridu jiġu applikati flimkien u huma interkonnessi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att uniku aktar milli f’atti separati b’bosta kontroreferenzi, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom, fl-interess tat-trasparenza, u biex tiġi evitata duplikazzjoni tar-regoli. Dan huwa wkoll konformi mal-approċċ adottat mir-Regolament (UE) 2016/429.

(8)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-21 ta’ April 2021 f’konformità mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jissupplimenta r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tal-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri b’rabta ma’:

(a)

l-obbligi imposti fuq l-operaturi għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri prodotti u pproċessati fi stabbilimenti, negozji tal-ikel jew żoni soġġetti għal miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-movimenti kif imsemmi fl-Artikolu 166(2) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(b)

ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għaċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali previsti fl-Artikolu 167(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 (ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali);

(c)

ir-rekwiżit ta’ informazzjoni għan-notifika antiċipata tal-movimenti ta’ dawn il-konsenji lejn Stati Membri oħrajn, previsti fl-Artikolu 169(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 (notifika antiċipata);

(d)

il-proċeduri ta’ emerġenza għan-notifika antiċipata tal-movimenti ta’ dawk il-konsenji, previsti fl-Artikolu 169(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, fil-każ ta’ qtugħ tal-elettriku u tfixkil ieħor fis-sistema TRACES.

Artikolu 2

Obbligi imposti fuq l-operaturi li jċaqilqu konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali

L-operaturi għandhom iċaqilqu l-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri soġġetti għall-miżuri ta’ emerġenza jew għar-restrizzjonijiet tal-moviment imsemmijin fl-Artikolu 166(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 fl-Unjoni biss jekk:

(a)

tali movimenti huma awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini; u

(b)

il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni meħtieġa f’konformità mal-punt (a).

Artikolu 3

Ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali

Minbarra l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 168(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jkun fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-operaturi għan-notifika antiċipata tal-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali bejn l-Istati Membri

Fin-notifika antiċipata, l-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini l-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament minbarra l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 168(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, u għandhom jagħmlu dan għal kull konsenja ta’ prodotti ġejjin mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Proċeduri ta’ emerġenza

Fil-każ ta’ qtugħ tal-elettriku jew tfixkil ieħor fis-sistema TRACES, l-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini tal-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament li jridu jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru ieħor, għandha tikkonforma mal-arranġamenti ta’ kontinġenza għas-sistema TRACES u għas-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri fil-każ ta’ indisponibbiltà mhux ippjanata jew ippjanata, stabbiliti għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) fl-Artikolu 46 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas- 16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (ir-Regolament IMSOC) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).


ANNESS

Informazzjoni li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jakkumpanjaw il-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri

(a)

l-isem u l-indirizz tal-konsenjatur u tal-konsenjatarju;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment jew il-post tad-dispaċċ;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment jew il-post tad-destinazzjoni;

(d)

deskrizzjoni tal-prodott li ġej mill-annimali, inkluż:

(i)

il-kategorija tal-prodott, kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687:

laħam frisk (bl-ispeċifikazzjoni tal-kategorija, jekk ikun hemm bżonn);

prodotti tal-laħam;

budellati;

ħalib nej, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru;

prodotti tal-ħalib;

bajd;

prodotti tal-bajd;

prodotti komposti (bl-indikazzjoni tal-ingredjenti li ġejjin mill-annimali)

(ii)

l-ispeċi tal-annimali li minnu nkiseb il-prodott li ġej mill-annimali;

(iii)

l-Istat Membru jew ir-reġjun tal-oriġini tal-materja prima;

(iv)

it-trattament(i) li jkun għadda minnu/minnhom il-prodott li ġej mill-annimali;

(v)

l-immarkar applikat fuq il-prodott li ġej mill-annimali, fejn meħtieġ;

(vi)

il-post u d-data tal-produzzjoni jew tal-ipproċessar tagħhom;

(e)

il-kwantità tal-prodotti li ġejjin mill-annimali;

(f)

id-data u l-post tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali; l-isem, il-kapaċità u l-firma tal-veterinarju uffiċjali; u t-timbru tal-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini tal-konsenja;

(g)

l-isem tal-marda elenkata jew tal-marda emerġenti li qed tikkawża r-restrizzjonijiet tal-moviment fi [stabbiliment, negozju tal-ikel jew żona fil-post tad-dispaċċ];

(h)

id-dettalji dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, u jew:

(i)

it-titolu u d-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-att legali rilevanti adottat mill-Kummissjoni li jipprevedi dawk il-kundizzjonijiet; jew

(ii)

ir-referenza għall-att legali jew għall-istruzzjoni approvati u ppubblikati mill-awtorità kompetenti li tipprevedi dawk il-kundizzjonijiet.