17.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 426/4


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2115

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni temporanja ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-liċenzji operattivi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat tas-servizzi tal-ajru fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1b) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta’ tnaqqis sinifikanti fid-domanda u ta’ miżuri diretti meħudin mill-Istati Membri kif ukoll minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija.

(2)

Dawk iċ-ċirkostanzi huma barra mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u l-kanċellazzjonijiet volontarji jew obbligatorji konsegwenti tas-servizzi tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru huma reazzjoni neċessarja għal dawk iċ-ċirkostanzi.

(3)

It-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni għadhom qegħdin jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità li jistgħu jwasslu, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, għas-sospensjoni jew għar-revoka tal-liċenzja operattiva tagħhom, jew għas-sostituzzjoni tagħha b’liċenzja temporanja, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ekonomika strutturali biex dan iseħħ. L-għoti ta’ liċenzja temporanja jista’ jibgħat sinjal negattiv lis-suq dwar il-kapaċità ta’ sopravivenza ta’ trasportatur tal-ajru, li min-naħa tiegħu dan jaggrava kwalunkwe problema finanzjarja, li altrimenti tkun temporanja.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ippermetta lill-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji tal-Istati Membri li ma jirrevokawx jew ma jissospendux il-liċenzja operattiva fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 jekk il-valutazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja tkun twettqet matul dak il-perjodu, u sakemm is-sikurezza ma kinitx f’riskju u kien hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fit-12-il xahar ta’ wara. Ir-Regolament (UE) 2020/696 ta wkoll setgħat delegati lill-Kummissjoni biex testendi l-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 imsemmi fl-Artikolu 9(1a).

(5)

Skont l-Artikolu 9(1c) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, il-Kummissjoni ppreżentat rapport fil-qosor lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-13 ta’ Novembru 2020.

(6)

Ir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni jindika li minkejja żieda gradwali bejn April u Awwissu 2020, f’Settembru 2020 il-livelli tat-traffiku tal-ajru kienu għadhom baxxi b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019. Skont id-data tal-Eurocontrol, fil-25 ta’ Novembru 2020, it-traffiku tal-ajru kien 63 % inqas milli kien fil-25 ta’ Novembru 2019.

(7)

Minkejja d-diffikultajiet fit-tbassir preċiż tal-perkors tal-irkupru tal-livelli tat-traffiku tal-ajru, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li s-sitwazzjoni tippersisti fil-futur qarib u li tkompli sa Diċembru 2021. Abbażi tal-aħħar tbassir tat-traffiku tal-ajru tal-Eurocontrol li sar f’Settembru 2020, huwa mistenni li fi Frar 2021, it-traffiku tal-ajru se jkun 50 % inqas meta mqabbel ma’ Frar 2020 (u jekk wieħed jassumi approċċ mhux koordinat fost l-Istati Membri biex jiġu stabbiliti proċeduri operattivi u jitneħħew ir-restrizzjonijiet nazzjonali). Id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi li n-numru ta’ każijiet ta’ COVID-19 irreġistrati fil-ġimgħa fl-Ewropa laħaq 1,77 miljun fit-22 ta’ Novembru 2020 (44 % tal-każijijet ġodda globali), li jaqbeż b’mod sinifikanti n-numru ta’ każijiet fir-rebbiegħa tal-2020. Data miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, turi li r-rata ta’ notifika ta’ każijiet fuq 14-il jum għaż-Żona Ekonomika Ewropea u għar-Renju Unit ilha tiżdied b’mod kostanti sa mis-sajf tal-2020. Skont ir-rapport ta’ sorveljanza ta’ kull ġimgħa tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2020, ir-rata laħqet 549 (medda tal-pajjiż: 58–1 186) kull 100 000 persuna.

(8)

Huwa raġonevoli li wieħed iqis li t-tnaqqis persistenti fil-livell tat-traffiku tal-ajru huwa r-riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Abbażi tad-data disponibbli dwar il-fiduċja tal-konsumaturi wara l-COVID-19, filwaqt li f’April 2020 madwar 60 % ta’ dawk li wieġbu indikaw li x’aktarx se jerġgħu lura għall-ivvjaġġar bl-ajru fi żmien ftit xhur wara li tkun għaddiet il-pandemija, dak il-perċentwal niżel għal 45 % f’Ġunju 2020. Għalhekk, id-data disponibbli tindika b’mod ċar rabta bejn il-pandemija tal-COVID-19 u d-domanda tal-konsumatur għat-traffiku tal-ajru u ma kien hemm l-ebda avveniment ieħor li seta’ jispjega t-tnaqqis fid-domanda għat-trasport bl-ajru.

(9)

Ir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni juri li anki r-restrizzjonijiet nazzjonali u mhux koordinati, ir-rekwiżiti tal-kwarantina u l-miżuri tal-ittestjar introdotti mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-każijiet ġodda ta’ COVID-19 fl-Ewropa minn nofs Awwissu, ħafna drabi mħabbra b’avviż qasir ħafna, inaqqsu l-fiduċja tal-konsumatur u jirriżultaw f’domanda aktar baxxa għat-traffiku tal-ajru.

(10)

Fid-dawl tal-livell estremament baxx ta’ prenotazzjonijiet tat-titjiriet, it-tbassir epidemjoloġiku u tat-traffiku tal-ajru msemmi hawn fuq, kif ukoll l-inċertezza u n-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-miżuri nazzjonali mmirati biex irażżnu l-pandemija tal-COVID-19, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-livelli baxxi tad-domanda tat-traffiku tal-ajru u tal-passiġġieri attribwibbli għall-pandemija tal-COVID-19 se jippersistu matul l-2021. Ritorn għal-livelli tat-traffiku ta’ qabel il-COVID mhuwiex mistenni għal bosta snin. Madankollu għadu kmieni wisq f’dan l-istadju biex jiġi konkluż jekk it-tnaqqis fil-kapaċità huwiex se jkompli jseħħ lil hinn mill-2021 f’livelli sinifikanti b’mod simili.

(11)

Tali livelli baxxi tat-traffiku tal-ajru u tad-domanda tal-passiġġieri jistgħu joħolqu problemi ta’ likwidità kontinwi għat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni matul il-perjodu mill-31 ta’ Diċembru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021 li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni jew għar-revoka tal-liċenzja operattiva tagħhom, jew għas-sostituzzjoni tagħha b’liċenzja temporanja, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ekonomika strutturali biex dan iseħħ.

(12)

Huwa għalhekk xieraq, sakemm is-sikurezza ma tkunx f’riskju u jekk ikun hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fi żmien 12-il xahar, li l-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji ma jissospendux jew ma jirrevokawx il-liċenzja operattiva abbażi tal-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni finanzjarja mwettqa matul il-perjodu estiż mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021. Fi tmiem dak il-perjodu, it-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni jenħtieġ li jkun soġġett għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(13)

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, b’mod partikolari għall-awtoritajiet tal-liċenzji u għall-operaturi tal-ajru, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza deskritta fl-Artikolu 25b tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, u għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   Abbażi tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, imwettqa mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista’ tiddeċiedi qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu li ma tissospendix jew li ma tirrevokax il-liċenzja operattiva tat-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx f’riskju, u li jkun hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fi żmien it-12-il xahar li jmiss. Għandha tirrieżamina l-prestazzjoni ta’ dan it-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ 12-il xahar u tiddeċiedi jekk il-liċenzja operattiva għandhiex tiġi sospiża jew revokata u jekk għandhiex tingħata liċenzja temporanja abbażi tal-paragrafu 1.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 1).