22.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 433/11 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2020/2093
tas-17 ta' Diċembru 2020
li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Meta titqies il-ħtieġa ta' livell adegwat ta' prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' investimenti fuq terminu medju, it-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jenħtieġ li jiġi stabbilit għal seba' snin li jibdew fl-1 ta' Jannar 2021. |
(2) |
L-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 jirrikjedi lill-Unjoni biex tipprovdi qafas finanzjarju fit-tul li jwitti t-triq għal tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn futur ekoloġiku u diġitali, li jappoġġa l-awtonomija strateġika aktar fit-tul tal-Unjoni u li jrendiha reżiljenti għal xokkijiet fil-futur. |
(3) |
Il-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta' pagament stabbiliti minn dan ir-Regolament iridu jirrispettaw il-limiti massimi applikabbli għall-impenji u r-riżorsi proprji, li huma stabbiliti f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ li ġiet adottata f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjaonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (id-"Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji"). |
(4) |
Fejn ikun neċessarju li jiġu mobbilizzati l-garanziji mogħtija skont il-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-assistenza finanzjarja għall-Istati Membri awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ("ir-Regolament Finanzjarju"), l-ammont neċessarju jenħtieġ li jiġi mobbilizzat lil hinn mil-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament tal-QFP, filwaqt li jiġi rispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji. |
(5) |
Il-QFP jenħtieġ li ma jqisx elementi tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fis-sens tar-Regolament Finanzjarju. |
(6) |
Il-QFP jenħtieġ li jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2018. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi annwali tal-QFP biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-limiti massimi u l-marġnijiet disponibbli. |
(7) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament tal-QFP. Tali aġġustamenti jistgħu jkunu relatati mal-adozzjoni tard ta' regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża, ma' miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew ma' miżuri adottati skont ir-Rgolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli għal mekkaniżmu għal aġġustament speċifiku tal-programm. |
(8) |
Jenħtieġ li tiġi implimentata flessibbiltà speċifika u dik massima possibbli biex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha f'konformità mal-Artikolu 323 TFUE. |
(9) |
L-istrumenti speċjali tematiċi li ġejjin huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi jew konsegwenzi speċifiċi mhux previsti u b'hekk il-proċedura baġitarja tkun tista' taħdem mingħajr diffikultà: il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza u r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit. Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza mhijiex immirata biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżijiet relatati mas-suq li jaffettwaw il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola. |
(10) |
L-istrumenti speċjali mhux tematiċi li ġejjin huma meħtieġa sabiex tkompli tissaħħaħ il-flessibbiltà: l-Istrument ta' Marġini Uniku u l-Istrument ta' Flessibbiltà. L-Istrument ta' Marġini Uniku jenħtieġ li jippermetti t-trasferiment ta' marġnijiet disponibbli taħt il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament bejn is-snin finanzjarji u, fil-każ ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, bejn l-intestaturi tal-QFP, mingħajr ma jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-perijodu sħiħ tal-QFP. L-Istrument ta' Flessibbiltà jenħtieġ li jippermetti l-finanzjament ta' nefqa speċifika mhux prevista għal sena finanzjarja partikolari. |
(11) |
Jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għall-possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom, lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali. |
(12) |
Jeħtieġ li tiġi stipulata reviżjoni tal-QFP f'każ ta' reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet għall-baġit, jew tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru jew tat-tkabbir tal-Unjoni, kif ukoll fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-baġit. |
(13) |
Jista' jkun meħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jiġi rivedut fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-QFP. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għar-reviżjoni tal-QFP f'każijiet bħal dawn. |
(14) |
Huma meħtieġa wkoll regoli speċifiċi sabiex jiġu ttrattati proġetti kbar li l-ħajja tagħhom tmur sostanzjalment lil hinn mill-perijodu stabbilit għall-QFP. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal dawk il-proġetti biex b'hekk jiġi żgurat li ma jkollhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati minn dak il-baġit. |
(15) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġenerali dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja, filwaqt li jiġu rispettati s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ('l-istituzzjonijiet') kif stabbilit fit-Trattati kif ukoll ir-rekwiżiti ta' trasparenza. |
(16) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid qabel l-1 ta' Lulju 2025, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jadottawha kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. F'konformità mal-Artikolu 312(4) TFUE, il-limiti massimi li jikkorrispondu mal-aħħar sena tal-QFP stabbilita f'dan ir-Regolament iridu jkomplu japplikaw fil-każ li qafas finanzjarju pluriennali ġdid ma jiġix adottat qabel tmiem it-terminu tal-QFP stabbilit f'dan ir-Regolament, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Qafas finanzjarju pluriennali
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (QFP).
Artikolu 2
Konformità mal-limiti massimi tal-QFP
1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ('l-istituzzjonijiet') għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, jikkonformaw mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fl-Anness I ("il-limiti massimi tal-QFP").
Is-sublimitu għall-intestatura 3, kif stabbilit fl-Anness I, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li jiġi applikat għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandu jiġi stabbilit fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.
2. Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 8, 9, 10 u 12, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP.
Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-Istrument ta' Marġini Uniku kif stabbilit fl-Artikolu 11, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP għal sena partikolari.
3. Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Istati Membri awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont neċessarju għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.
Artikolu 3
Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji
1. Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali ta' pagament meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustament jew reviżjoni oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) u (3), ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata ta' ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ li ġiet adottata f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE ('id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji').
2. Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi tal-QFP għandhom jitbaxxew sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.
KAPITOLU 2
AĠĠUSTAMENTI GĦALL-QFP
Artikolu 4
Aġġustamenti tekniċi
1. Kull sena l-Kummissjoni, qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:
(a) |
valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri globali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta' pagament; |
(b) |
kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; |
(c) |
kalkolu tal-ammont ta' approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu totali msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2); |
(d) |
kalkolu tal-aġġustament tal-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2); |
(e) |
kalkolu tal-allokazzjonijiet addizzjonali għal programmi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5(1) u r-riżultat tal-aġġustament annwali msemmi fl-Artikolu 5(2). |
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta' deflatur fiss ta' 2 % fis-sena.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6 u 7, l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korrezzjonijiet ex post fis-snin sussegwenti.
Artikolu 5
Aġġustament speċifiku għall-programm
1. Ammont ekwivalenti għad-dħul minn multi imposti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (3) u (KE) Nru 139/2004 (4) mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jiddaħħal fil-baġit tas-sena n-1 f'konformità mal-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju, wara li jitnaqqas l-ammont għas-sena n-1 imsemmi fl-Artikolu 141(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (5), għandu jkun disponibbli għal allokazzjoni addizzjonali ta':
(a) |
approprjazzjonijiet ta' impenn għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għall-programmi elenkati fl-Anness II, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk il-programmi fil-kolonna "Koeffiċjent tal-allokazzjoni" tat-tabella fl-Anness II; u |
(b) |
approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027. |
L-ammont totali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għall-perijodu 2022 sa 2027 għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament għandu jkun EUR 11 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Għal kull sena mill-2022 sal-2026, l-ammont annwali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament għandu jkun mill-inqas EUR 1 500 miljun (fi prezzijiet tal-2018) u m'għandux jaqbeż l-EUR 2 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
L-ammont totali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għal approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programmi fil-perijodu 2022 sa 2027 huwa stabbilit fil-kolonna "Allokazzjoni addizzjonali totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-Artikolu 5" tat-tabella fl-Anness II.
2. Il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn tal-intestaturi rilevanti għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk l-intestaturi fil-kolonna "Koeffiċjent tad-distribuzzjoni" tat-tabella fl-Anness II. Il-limitu massimu għal approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu awtomatikament aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1.
Artikolu 6
Aġġustamenti relatati ma' miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew ma' reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni
1. Fil-każ tat-tneħħija ta' sospensjoni ta' impenji baġitarji dwar fondi tal-Unjoni f'konformità mal-atti bażiċi rilevanti fil-kuntest ta' miżuri marbuta ma' governanza ekonomika tajba jew ma' miżuri adottati skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiġu ttrasferiti għas-snin ta' wara u l-limiti massimi tal-QFP li jikkorrispondu magħhom għandhom jiġu aġġustati skont dan.
2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.
3. L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni lilhinn mis-sena n+2.
Artikolu 7
Aġġustament wara regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża
1. Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2021 ta' regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi taħt il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-ammonti li jikkorrispondu għall-allokazzjonijiet mhux użati fl-2021 għandhom jiġu trasferiti fi proporzjonijiet indaqs għal kull sena mill-2022 sal-2025, u l-limiti massimi korrispondenti tal-QFP għandhom jiġu aġġustati skont dan.
2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.
KAPITOLU 3
STRUMENTI SPEĊJALI
TAQSIMA 1
Strumenti speċjali tematiċi
Artikolu 8
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
1. Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
2. L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.
Artikolu 9
Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza
1. Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza tista' tintuża biex jiġu ffinanzjati:
(a) |
assistenza biex jingħata rispons għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jirriżultaw minn diżastri kbar li huma koperti mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (6); u |
(b) |
risponsi rapidi għal ħtiġijiet speċifiċi ta' emerġenza fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi wara avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti meta ġie stabbilit il-baġit, b'mod partikolari għal operazzjonijiet ta' rispons u ta' appoġġ ta' emerġenza wara diżastri naturali mhux koperti mill-punt (a), diżastri kkawżati mill-bniedem, kriżijiet umanitarji f'każijiet ta' theddid għas-saħħa pubblika, theddid veterinarju jew theddid fitosanitarju fuq skala kbira, kif ukoll f'sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni li tirriżulta mill-flussi migratorji, fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu dan. |
2. Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 1 200 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista' jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.
3. L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.
4. Fl-1 ta' Ottubru ta' kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali msemmi fil-paragrafu 2 għandu jibqa' disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena.
Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, jistgħu jiġu mobilizzati l-perċentwali massimi li ġejjin tal-ammont ġenerali disponibbli sal-1 ta' Settembru ta' kull sena:
— |
50 % għal assistenza skont il-punt (a) tal-paragrafu 1; l-ammont li jirriżulta minn dak il-kalkolu għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont mobilizzat fis-sena preċedenti fl-applikazzjoni tal-paragrafu 5; |
— |
35% għal assistenza lil pajjiżi terzi skont il-punt (b) tal-paragrafu 1; |
— |
15% għal assistenza fl-Unjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1. |
Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, mill-1 ta' Settembru ta' kull sena, il-parti li jifdal mill-ammont disponibbli tista' tintuża għal kwalunkwe assistenza msemmija fit-tieni subparagrafu biex jiġu koperti l-ħtiġijiet li jirriżultaw sa tmiem dik is-sena.
5. F'każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli fir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammonti meqjusa neċessarji għall-assistenza skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 fis-sena meta jkun seħħ diżastru, kif imsemmi f'dak il-punt, il-Kummissjoni tista' tipproponi li d-differenza tiġi ffinanzjata permezz tal-ammonti annwali disponibbli għar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza fis-sena ta' wara, sa ammont massimu ta' EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
Artikolu 10
Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit
1. Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandha tipprovdi assistenza biex jingħelbu konsegwenzi mhux previsti u avversi fl-Istati Membri u fis-setturi li huma l-aktar affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-istrument rilevanti u f'konformità magħhom.
2. Ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit ma għandhiex taqbeż ammont ta' EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
3. L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.
TAQSIMA 2
Strumenti speċjali mhux tematiċi
Artikolu 11
Strument ta' Marġini Uniku
1. L-Istrument ta' Marġini Uniku għandu jinkludi:
(a) |
mill-2022, ammonti li jikkorrispondu għal marġnijiet li jkunu għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn tas-sena n-1, li għandhom isiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2022 sa 2027; |
(b) |
mill-2022, ammonti ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1 biex jiġi aġġustat 'il fuq il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin 2022 sa 2027; u |
(c) |
ammonti addizzjonali li jistgħu jsiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP f'sena partikolari għal approprjazzjonijiet ta' impenn jew ta' pagament, jew it-tnejn li huma, skont il-każ, dment li jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet f'intestatura waħda jew aktar tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew is-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet taħt il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' pagament. |
L-ammonti jistgħu jiġu mobilizzati biss taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu jekk l-ammonti disponibbli skont il-punti (a) u (b) ta' dak is-subparagrafu, skont kif ikun applikabbli, ma jkunux suffiċjenti, u fi kwalunkwe każ bħala l-aħħar soluzzjoni bħala rispons għal ċirkostanzi mhux previsti.
Rikors għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jirriżulta f'sitwazzjoni fejn jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għas-sena finanzjarja attwali u s-snin finanzjarji futuri. Għalhekk, kwalunkwe ammont ikkumpensat f'konformità ma' dak il-punt ma għandux jiġi mobbilizzat aktar fil-kuntest tal-QFP.
2. Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku skont il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, total ta':
(a) |
0,04 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' impenn, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4; |
(b) |
0,03 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' pagament, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4. |
Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku fi kwalunkwe sena partikolari għandu jkun konsistenti mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.
3. L-aġġustamenti annwali msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2018) għas-snin 2025 sa 2027 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-snin rilevanti:
— |
2025 - EUR 8 000 miljun; |
— |
2026 - EUR 13 000 miljun; |
— |
2027 - EUR 15 000 miljun. |
L-ammonti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandhom ikunu flimkien mal-ammonti massimi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.
Kwalunkwe aġġustament 'il fuq għandu jiġi kkumpensat kollu bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagamenti għas-sena n-1.
4. L-ammonti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu mobilizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE biex jippermettu l-finanzjament ta' nefqa li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi rilevanti tal-QFP disponibbli f'sena partikolari.
L-aġġustament 'il fuq imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jitwettaq mill-Kummissjoni, li jibda fl-2022, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 4.
Artikolu 12
Strument ta' Flessibbiltà
1. L-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jintuża għall-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta' nefqa speċifika mhux prevista f'approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda oħra jew aktar. Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jkun ta' EUR 915-il miljun (fi prezzijiet tal-2018).
2. Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jiġi użat sas-sena n+2. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin ta' qabel għandu jintuża l-ewwel, skont l-età tiegħu. Kwalnukwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax sas-sena n+2 għandu jiskadi.
KAPITOLU 4
REVIŻJONI TAL-QFP
Artikolu 13
Reviżjoni tal-QFP
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 14 sa 17, f'każ ta' ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista' jiġi rivedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.
2. Bħala regola ġenerali, kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.
3. Kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b'referenza partikolari għal kwalunkwe nuqqas ta' utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet.
4. Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis il-possibbiltà ta' tpaċija għal kwalunkwe żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.
5. Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament.
Artikolu 14
Reviżjoni relatata mal-implimentazzjoni
Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi għall-QFP, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet ta' pagament totali li din tkun tqis neċessarja, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tiżgura ġestjoni tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali, u b'mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn.
Artikolu 15
Reviżjoni fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati
Fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet baġitarji, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.
Artikolu 16
Reviżjoni fil-każ ta' tkabbir tal-Unjoni
Fil-każ ta' adeżjoni jew adeżjonijiet mal-Unjoni, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.
Artikolu 17
Reviżjoni fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru
Fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jitqies il-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.
KAPITOLU 5
KONTRIBUZZJONI GĦALL-FINANZJAMENT TA' PROĠETTI FUQ SKALA KBIRA
Artikolu 18
Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira
1. Ammont massimu ta' EUR 13 202 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għal proġetti fuq skala kbira skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi il-Programm Spażjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.
2. Ammont massimu ta' EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għall-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).
KAPITOLU 6
KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FIL-PROĊEDURA BAĠITARJA
Artikolu 19
Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja
1. L-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.
2. L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta' kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta' konverġenza.
3. L-Istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
4. Jistgħu jiġu organizzati trilogi f'kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tagħha stess, għandha tiddeżinja l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.
Artikolu 20
Unità tal-Baġit
In-nefqa kollha u d-dħul kollu tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju, inkluż in-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.
KAPITOLU 7
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 21
Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss
Qabel l-1 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
S. SCHULZE
(1) L-approvazzjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġunrnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1 ).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p.1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p.1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).
ANNESS I
IL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (UE-27)
(EUR miljun - prezzijiet tal-2018) |
||||||||||
Approprjazzjonijiet ta' impenn |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Total 2021-2027 |
||
|
19 712 |
19 666 |
19 133 |
18 633 |
18 518 |
18 646 |
18 473 |
132 781 |
||
|
49 741 |
51 101 |
52 194 |
53 954 |
55 182 |
56 787 |
58 809 |
377 768 |
||
|
45 411 |
45 951 |
46 493 |
47 130 |
47 770 |
48 414 |
49 066 |
330 235 |
||
|
4 330 |
5 150 |
5 701 |
6 824 |
7 412 |
8 373 |
9 743 |
47 533 |
||
|
55 242 |
52 214 |
51 489 |
50 617 |
49 719 |
48 932 |
48 161 |
356 374 |
||
li minnhom: Nefqa marbuta mas-suq u pagamenti diretti |
38 564 |
38 115 |
37 604 |
36 983 |
36 373 |
35 772 |
35 183 |
258 594 |
||
|
2 324 |
2 811 |
3 164 |
3 282 |
3 672 |
3 682 |
3 736 |
22 671 |
||
|
1 700 |
1 725 |
1 737 |
1 754 |
1 928 |
2 078 |
2 263 |
13 185 |
||
|
15 309 |
15 522 |
14 789 |
14 056 |
13 323 |
12 592 |
12 828 |
98 419 |
||
|
10 021 |
10 215 |
10 342 |
10 454 |
10 554 |
10 673 |
10 843 |
73 102 |
||
li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet |
7 742 |
7 878 |
7 945 |
7 997 |
8 025 |
8 077 |
8 188 |
55 852 |
||
TOTAL TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN |
154 049 |
153 254 |
152 848 |
152 750 |
152 896 |
153 390 |
155 113 |
1 074 300 |
||
TOTAL TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' PAGAMENT |
156 557 |
154 822 |
149 936 |
149 936 |
149 936 |
149 936 |
149 936 |
1 061 058 |
ANNESS II
AĠĠUSTAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-PROGRAMM – LISTA TA' PROGRAMMI, KOEFFIĊJENT TAD-DISTRIBUZZJONI U ALLOKAZZJONI ADDIZZJONALI TOTALI TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN
(f'EUR miljuni, prezzijiet tal-2018) |
||||
|
Koeffiċjent tad-distribuzzjoni |
Allokazzjoni addizzjonali totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn skont l-Artikolu 5 |
||
|
36,36 % |
4 000 |
||
Orizzont Ewropa |
27,27 % |
3 000 |
||
Fond InvestEU |
9,09 % |
1 000 |
||
|
54,55 % |
6 000 |
||
Programm l-UE għas-Saħħa |
26,37 % |
2 900 |
||
Erasmus+ |
15,46 % |
1 700 |
||
Ewropa Kreattiva |
5,45 % |
600 |
||
Drittijiet u Valuri |
7,27 % |
800 |
||
|
9,09 % |
1 000 |
||
Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri |
9,09 % |
1 000 |
||
TOTAL |
100,00 % |
11 000 |