14.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 420/9


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2042

tal-11 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ċerti dati oħra li huma rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6), l-Artikolu 14(3), l-Artikolu 15(3), l-Artikolu 16(3), l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 26(7)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika relatata, ir-Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ippospona b’sena d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848, flimkien ma’ dati relatati oħra msemmija fir-Regolament (UE) 2018/848.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 (3) stabbilixxa ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848, b’mod partikolari fir-rigward tad-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-finijiet tal-konverżjoni, il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri. Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dawk ir-regoli japplikaw mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848.

(3)

Għalhekk, jeħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 u d-dati konsegwenti l-oħra inklużi fih, jiġu allinjati mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 jiġi emendat skont dan.

(5)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata minnufih iċ-ċertezza tad-dritt għas-settur organiku dwar il-posponiment tad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 25, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta kull sena sat-30 ta’ Ġunju, u għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2023 rigward is-sena 2022.”;

(2)

fil-paragrafi 1, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 26, il-kliem “sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2029” huma sostitwiti bil-kliem “sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030”;

(3)

fil-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 26, il-kliem “sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024” huma sostitwiti bil-kliem “sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025”;

(4)

fl-Artikolu 27, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament, ĠU L 381, 13.11.2020, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 tas-26 ta’ Marzu 2020 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-konverżjoni, il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 2).