11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 416/48


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2038

tal-10 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward tal-formoli għall-impenn mill-garanti u l-inklużjoni tal-kostijiet tat-trasport bl-ajru fil-valur doganali, biex jitqies il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 126 u 127(1) tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 5(3) u 13(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 8(1)(b), 76(a) u 100(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Skont l-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għar-Renju Unit u fih matul perjodu ta’ tranżizzjoni li għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-perjodu ta’ tranżizzjoni”).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u mal-Artikolu 5(3) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, il-leġiżlazzjoni doganali kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 hija applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq (mhux inklużi l-ibħra territorjali tar-Renju Unit) wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(4)

Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq, u d-dazji doganali jridu jiġu applikati għall-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni mir-Renju Unit. F’konformità mal-Artikolu 71(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, il-kost tat-trasport sal-post fejn jiddaħħlu l-oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni jrid jiġi inkluż fil-valur doganali tal-oġġetti importati. Il-perċentwali tal-kostijiet totali tat-trasport bl-ajru li għandhom jiġu inklużi fil-valur doganali huma stabbiliti fl-Anness 23-01 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3). Wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jenħtieġ li r-Renju Unit jiżdied mal-lista xierqa ta’ pajjiżi terzi f’dak l-Anness.

(5)

Il-formoli għall-impenji mill-garanti huma stabbiliti fl-Annessi 32-01, 32-02 u 32-03 u fil-Kapitoli VI u VII tal-Anness 72-04 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. Dawk il-formoli jelenkaw l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu (4), kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC dwar it-tranżitu komuni (5) (“il-Konvenzjoni”). Meta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq, jenħtieġ li r-Renju Unit ma jibqax elenkat fost l-Istati Membri f’dawk il-formoli. Madankollu, ir-Renju Unit ġie mistieden, u ddepożita l-istrument tal-adeżjoni tiegħu biex jaderixxi mal-Konvenzjoni bħala Parti Kontraenti separata minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Meta r-Renju Unit jaderixxi mal-Konvenzjoni, jenħtieġ li jitniżżel fost il-partijiet kontraenti l-oħrajn għall-Konvenzjoni fil-formoli għall-impenji mill-garanti. Barra minn hekk, bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, għall-operazzjonijiet ta’ tranżitu tal-Unjoni, l-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li tiġi elenkata b’tali mod li jindika li kwalunkwe garanzija li hija valida fl-Istati Membri trid tkun valida wkoll fl-Irlanda ta’ Fuq.

(6)

Filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tmiem imminenti tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza. Minħabba li l-perjodu ta’ tranżizzjoni jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-inklużjoni tal-kostijiet tat-trasport bl-ajru mir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq, fil-valur doganali u mat-tħassir tar-referenzi għar-Renju Unit mill-parti tal-formoli għall-impenji mill-garanti maħtura għall-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-inklużjoni tar-referenzi għar-Renju Unit fil-lista tal-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Konvenzjoni fil-formoli għall-impenji mill-garanti jenħtieġ li japplikaw minn dakinhar li r-Renju Unit jaderixxi mal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness 23-01, fit-tabella, fl-aħħar ringiela tal-ewwel kolonna (“Żona Q”), jiżdied it-test li ġej:

“,ir-Renju Unit bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq”;

(2)

fl-Anness 32–01, il-Parti I ( Impenn mill-garanti ), il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

wara t-test “ir-Renju tal-Iżvezja”, it-test li ġej jitħassar:

“ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.”;

(b)

wara t-test “ir-Repubblika tat-Turkija(56)”, jiddaħħal it-test li ġej:

“ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (*)

(*)  Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Irlanda ta’ Fuq titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija. Għalhekk, garanti stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea għandu jindika indirizz għan-notifika jew jaħtar aġent fl-Irlanda ta’ Fuq jekk il-garanzija tista’ tintuża hemmhekk. Madankollu, jekk garanzija, fil-kuntest ta’ tranżitu komuni, issir valida fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit, indirizz uniku għan-notifika jew aġent maħtur fir-Renju Unit jista’ jkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit, inkluża l-Irlanda ta’ Fuq.”;"

(3)

fl-Anness 32-02, il-Parti I ( Impenn mill-garanti ), il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

wara t-test “ir-Renju tal-Iżvezja”, it-test li ġej jitħassar:

“ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.”;

(b)

wara t-test “ir-Repubblika tat-Turkija”, jiddaħħal it-test li ġej:

“ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (**)

(**)  Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Irlanda ta’ Fuq titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija. Għalhekk, garanti stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea għandu jindika indirizz għan-notifika jew jaħtar aġent fl-Irlanda ta’ Fuq jekk il-garanzija tista’ tintuża hemmhekk. Madankollu, jekk garanzija, fil-kuntest ta’ tranżitu komuni, issir valida fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit, indirizz uniku għan-notifika jew aġent maħtur fir-Renju Unit jista’ jkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit, inkluża l-Irlanda ta’ Fuq.”;"

(4)

fl-Anness 32-03, il-Parti I ( Impenn mill-garanti ), il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

wara t-test “ir-Renju tal-Iżvezja”, it-test li ġej jitħassar:

“u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq”;

(b)

wara t-test “ir-Repubblika tat-Turkija(71)”, jiddaħħal it-test li ġej:

“ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (***)

(***)  Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Irlanda ta’ Fuq titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija. Għalhekk, garanti stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea għandu jindika indirizz għan-notifika jew jaħtar aġent fl-Irlanda ta’ Fuq jekk il-garanzija tista’ tintuża hemmhekk. Madankollu, jekk garanzija, fil-kuntest ta’ tranżitu komuni, issir valida fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit, indirizz uniku għan-notifika jew aġent maħtur fir-Renju Unit jista’ jkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit, inkluża l-Irlanda ta’ Fuq.”;"

(5)

fl-Anness 72-04, il-Parti II hija emendata kif ġej:

(a)

fil-Kapitolu VI, fir-ringiela 7 tat-tabella, wara t-test “it-Turkija —”, jiddaħħal it-test li ġej:

“Ir-Renju Unit (*) —”;

(*)  Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jenħtieġ li l-Irlanda ta’ Fuq titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija.”;"

(b)

fil-Kapitolu VII, fir-ringiela 6 tat-tabella, wara t-test “it-Turkija —”, jiddaħħal it-test li ġej:

“Ir-Renju Unit (*) —”;

(*)  Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jenħtieġ li l-Irlanda ta’ Fuq titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija.”;"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, l-Artikoli 1(2)(b), 1(3)(b), 1(4)(b) u 1(5) għandhom japplikaw minn dakinhar li r-Renju Unit jaderixxi għall-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(2)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(4)  ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2.

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat Konġunt EU-CTC tal-4 ta’ Diċembru 2019 dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu li temenda l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta' tranżitu (ĠU L 103, 03.4.2020, p. 47).