27.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 398/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1770

tas-26 ta’ Novembru 2020

dwar it-tipi u l-ispeċijiet ta’ pjanti għat-tħawwil li mhumiex eżentati mir-rekwiżit tal-kodiċi tat-traċċabbiltà għall-passaporti tal-pjanti skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 83(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi regoli dwar il-kontenut u l-format tal-passaport tal-pjanti meħtieġ għall-moviment fit-territorju tal-Unjoni, u lejn iż-żoni protetti u fihom, ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra.

(2)

Il-passaport tal-pjanti għall-moviment fit-territorju tal-Unjoni jinkludi kodiċi ta’ traċċabbiltà, ħlief għal ċerti pjanti għat-tħawwil li jkunu lesti għall-bejgħ lill-utenti finali. Dik l-eċċezzjoni ma tapplikax għal tipi u speċijiet ta’ pjanti għat-tħawwil li għandhom jiġu elenkati mill-Kummissjoni.

(3)

Ċerti pjanti għat-tħawwil huma soġġetti għall-miżuri tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 28 jew skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 għal pesti speċifiċi. Uħud minn dawn il-pjanti għat-tħawwil, b’mod partikolari dawk li huwa magħruf li hemm iżjed probabbiltà li jkunu aktar infestati jew infettati b’dawk il-pesti speċifiċi jew li ġew interċettati fis-suq intern minħabba l-infestazzjoni jew l-infezzjoni tagħhom b’dawk il-pesti speċifiċi, jistgħu jikkontribwixxu għat-tixrid ta’ dawk il-pesti fl-Unjoni, u b’hekk iżidu l-potenzjal ta’ dawk il-pesti li jikkawżaw impatt negattiv kbir u fit-tul fuq dawk il-pjanti għat-tħawwil.

(4)

Ċerti pjanti għat-tħawwil li joriġinaw fl-Unjoni huma soġġetti għal rekwiżiti speċjali speċifikati fir-rigward ta’ ċerti pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 u skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2). Dawk il-pjanti għat-tħawwil jistgħu jikkontribwixxu għat-tixrid ta’ dawk il-pesti fl-Unjoni, u b’hekk iżidu l-potenzjal ta’ dawk il-pesti li jikkawżaw impatt negattiv kbir u fit-tul fuq dawk il-pjanti għat-tħawwil.

(5)

Uħud minn dawk il-pjanti għat-tħawwil ġew interċettati, waqt li kienu qed jiċċaqalqu fl-Unjoni, minħabba li kienu qed jospitaw pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni.

(6)

Għalhekk jixraq li jintalab kodiċi ta’ traċċabbiltà għall-każijiet kollha ta’ passaporti tal-pjanti maħruġa għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, sabiex tittejjeb it-traċċabbiltà rapida ta’ dawk il-pjanti.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2313 (3) u dan ir-Regolament jistabbilixxu sett ta’ regoli ġodda dwar l-użu u l-kontenut tal-passaporti tal-pjanti. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (4) ma tibqax valida u għandha titħassar.

(8)

Sabiex l-operaturi professjonisti u l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għal dawk ir-rekwiżiti, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-31 ta’ Diċembru 2021.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tipi u speċijiet ta’ pjanti għat-tħawwil li mhumiex eżentati mir-rekwiżit tal-kodiċi tat-traċċabbiltà għall-passaporti tal-pjanti

L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-kodiċi tat-traċċabbiltà għall-passaporti tal-pjanti għall-moviment fit-territorju tal-Unjoni kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 ma għandhiex tapplika għat-tipi u għall-ispeċijiet ta’ pjanti għat-tħawwil elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Tħassir tad-Direttiva 92/105/KEE

Id-Direttiva 92/105/KEE titħassar.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2313 tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tal-format tal-passaport tal-pjanti għaċ-ċaqliq fit-territorju tal-Unjoni u tal-passaport tal-pjanti għall-introduzzjoni u għaċ-ċaqliq f’żona protetta (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 44).

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1992 li tistabbilixxi grad ta’ standardizzazzjoni għal passaporti ta’ pjanti biex jintużaw għaċ-ċaqliq ta’ ċerti pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra ġewwa l-Komunità, u li tistabbilixxi l-proċeduri dettaljati dwar il-ħruġ ta’ passaporti simili u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-bdil tagħhom (ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22).


ANNESS

Tipi u speċijiet ta’ pjanti għat-tħawwil li mhumiex eżentati mir-rekwiżit tal-kodiċi tat-traċċabbiltà għall-passaporti tal-pjanti

Pjanti għat-tħawwil, għajr iż-żrieragħ, ta’:

Ċitru

Coffea

Lavandula dentata L.

Nerium oleander L.

Olea europea L.

Polygala myrtifolia L.

Prunus dulcis (Mill.) D.A.Webb

Solanum tuberosum L.