23.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 393/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1744

tal-20 ta’ Novembru 2020

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/796 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/796 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/796.

(2)

Fit-30 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1125 (2), li żied sitt persuni fiżiċi u tliet entitajiet jew korpi mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/796.

(3)

Waslet informazzjoni aġġornata għal żewġ żidiet fil-lista ta’ persuni fiżiċi.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/796 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/796 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 129I, 17.5.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1125 tat-30 ta’ Lulju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/796 dwar attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 246, 30.7.2020, p. 4).


ANNESS

Fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/796, taħt is-subintestatura “A. Persuni Fiżiċi”, l-entrati 1 u 2 huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

GAO Qiang

Data tat-twelid: 4 ta’ Ottubru 1983

Post tat-twelid: Provinċja ta’ Shandong, iċ-Ċina

Indirizz: Room 1102, Guanfu Mansion, 46 Xinkai Road, Hedong District, Tianjin, iċ-Ċina

Nazzjonalità: Ċiniż

Sess: raġel

Gao Qianq huwa involut fl-“Operazzjoni Cloud Hopper”, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

L-“Operazzjoni Cloud Hopper” kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl-Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

L-attur magħruf pubblikament bħala “APT10” (“Advanced Persistent Threat 10”) (magħruf ukoll bħala “Red Apollo”, “CVNX”, “Stone Panda”, “MenuPass” u “Potassium”) wettaq l-“Operazzjoni Cloud Hopper”.

Gao Qianq jista’ jkollu rabtiet ma’ APT10, inkluż permezz tal-assoċjazzjoni tiegħu mal-infrastruttura ta’ kmand u kontroll ta’ APT10. Barra minn hekk, Huaying Haitai, entità deżinjata li tipprovdi appoġġ u li tiffaċilita l-“Operazzjoni Cloud Hopper”, impjegat lil Gao Qiang. Huwa għandu rabtiet ma’ Zhang Shilong, li huwa wkoll iddeżinjat b’konnessjoni mal-“Operazzjoni Cloud Hopper”. Gao Qiang huwa għalhekk assoċjat kemm ma’ Huaying Haitai kif ukoll ma’ Zhang Shilong.

30.7.2020

2.

ZHANG Shilong

Data tat-twelid: 10 ta’ Settembru 1981

Post tat-twelid: Iċ-Ċina

Indirizz: Hedong, Yuyang Road No 121, Tianjin, iċ-Ċina

Nazzjonalità: Ċiniż

Sess: raġel

Zhang Shilong huwa involut fl-“Operazzjoni Cloud Hopper”, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

L-“Operazzjoni Cloud Hopper” kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl-Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

L-attur magħruf pubblikament bħala “APT10” (“Advanced Persistent Threat 10”) (magħruf ukoll bħala “Red Apollo”, “CVNX”, “Stone Panda”, “MenuPass” u “Potassium”) wettaq l-“Operazzjoni Cloud Hopper”.

Zhang Shilong jista’ jkollu rabtiet ma’ APT10, inkluż permezz tal-malware li żviluppa u ttestja b’konnessjoni mal-attakki ċibernetiċi mwettqa minn APT10. Barra minn hekk, Huaying Haitai, entità ddeżinjata li tipprovdi appoġġ u tiffaċilita l-“Operazzjoni Cloud Hopper”, impjegat lil Zhang Shilong. Huwa għandu rabtiet ma’ Gao Qiang, li huwa wkoll iddeżinjat b’konnessjoni mal-“Operazzjoni Cloud Hopper”. Għalhekk Zhang Shilong huwa assoċjat kemm ma’ Huaying Haitai kif ukoll ma’ Gao Qiang.

30.7.2020”.