20.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/1


REGOLAMENT (UE) 2020/1503 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Ottubru 2020

dwar fornituri Ewropej ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-finanzjament kollettiv qed isir dejjem aktar forma stabbilita ta' finanzjament alternattiv għal negozji ġodda u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li tipikament jiddependu fuq investimenti żgħar. Il-finanzjament kollettiv jirrappreżenta tip dejjem aktar importanti ta' intermedjazzjoni fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, mingħajr ma jieħu riskju hu stess, jopera pjattaforma diġitali miftuħa għall-pubbliku sabiex ilaqqa' jew jiffaċilita t-tlaqqigħ ta' investituri jew selliefa prospettivi ma' negozji li jfittxu finanzjament. Tali finanzjament jista' jieħu l-forma ta' self jew l-akkwist ta' titoli trasferibbli jew ta' strumenti ammessi oħra għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv. Għalhekk, huwa xieraq li fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġu inklużi kemm il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self kif ukoll il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment, peress li dawk it-tipi ta' finanzjament kollettiv jistgħu jiġu strutturati bħala alternattivi ta' finanzjament komparabbli.

(2)

Il-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ġeneralment jinvolvi tliet tipi ta' atturi: sid il-proġett li jipproponi l-proġett li għandu jiġi ffinanzjat, l-investituri li jiffinanzjaw il-proġett propost, u organizzazzjoni intermedjarja fil-forma ta' fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li tlaqqa' flimkien sidien il-proġett u l-investituri permezz ta' pjattaforma online.

(3)

Il-finanzjament kollettiv jista' jikkontribwixxi biex jingħata aċċess għall-finanzjament lil SMEs u biex tiġi kkompletata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). In-nuqqas ta' aċċess għall-finanzjament għall-SMEs jikkostitwixxi problema saħansitra f'dawk l-Istati Membri fejn l-aċċess għall-finanzjament bankarju baqa' stabbli matul il-kriżi finanzjarja. Il-finanzjament kollettiv żviluppa u sar prattika stabbilita ta' finanzjament ta' attivitajiet kummerċjali ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi. Tali finanzjament iseħħ permezz ta' pjattaformi online; l-attivitajiet kummerċjali tipikament jiġu ffinanzjati minn għadd kbir ta' nies jew organizzazzjonijiet; u n-negozji, inkluż in-negozji ġodda, jiġġeneraw ammonti relattivament żgħar ta' flus.

(4)

Barra milli jipprovdi sors alternattiv ta' finanzjament, inkluż il-kapital ta' riskju, il-finanzjament kollettiv jista' joffri benefiċċji oħra lin-negozji. Huwa jista' jivvalida idea kummerċjali, jagħti lill-imprendituri aċċess għal għadd kbir ta' persuni li jipprovdu għarfien u informazzjoni, u jkun għodda ta' kummerċjalizzazzjoni.

(5)

Diversi Stati Membri diġà introduċew reġimi nazzjonali apposta dwar il-finanzjament kollettiv. Dawk ir-reġimi huma mfassla apposta għall-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tas-swieq u l-investituri lokali. B'riżultat ta' dan, ir-regoli nazzjonali eżistenti jvarjaw madwar l-Unjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet tat-tħaddim ta' pjattaformi tal-finanzjament kollettiv, l-ambitu tal-attivitajiet permessi u r-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni.

(6)

Id-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali eżistenti huma tali li jostakolaw il-forniment transfruntier ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u b'hekk għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern f'tali servizzi. B'mod partikolari, il-fatt li l-qafas legali huwa frammentat tul il-fruntieri nazzjonali joħloq spejjeż legali sostanzjali għall-investituri fil-livell tal-konsumatur li ħafna drabi jiffaċċjaw diffikultajiet fid-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għal servizzi transfruntiera ta' finanzjament kollettiv. Għaldaqstant, ħafna drabi tali investituri jaqtgħu qalbhom milli jinvestu b'mod transfruntier permezz ta' pjattaformi tal-finanzjament kollettiv. Għall-istess raġunijiet, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li joperaw tali pjattaformi jaqtgħu qalbhom milli joffru s-servizzi tagħhom fi Stati Membri minbarra dawk li huma stabbiliti fihom. B'riżultat ta' dan, is-servizzi ta' finanzjament kollettiv s'issa baqgħu fil-parti l-kbira tagħhom ta' natura nazzjonali, għad-detriment ta' suq ta' finanzjament kollettiv fl-Unjoni kollha, u b'hekk in-negozji qed jiġu mċaħħda mill-aċċess għal servizzi ta' finanzjament kollettiv, speċjalment f'każijiet fejn dawk in-negozji joperaw fi swieq nazzjonali iżgħar.

(7)

Sabiex jitrawmu servizzi transfruntiera ta' finanzjament kollettiv u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà tal-forniment u t-tgawdija ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv fis-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-servizzi ta' finanzjament kollettiv, u li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri billi jiġi stabbilit qafas regolatorju fil-livell tal-Unjoni.

(8)

Billi jindirizza l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern fis-servizzi ta' finanzjament kollettiv, dan ir-Regolament għandu l-għan li jrawwem il-finanzjament transfruntier ta' negozji. Is-servizzi ta' finanzjament kollettiv fir-rigward tas-self lill-konsumaturi, kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jenħtieġ għalhekk li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(9)

Sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju u biex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tagħhom, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikunu pprojbiti milli jieħdu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku, sakemm ma jkunux awtorizzati wkoll bħala istituzzjoni ta' kreditu f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-liġi nazzjonali ma tirrikjedix awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta' kreditu jew kwalunkwe awtorizzazzjoni, eżenzjoni jew dispensa individwali oħra għal sidien il-proġett jew għall-investituri fejn huma jaċċettaw fondi jew jagħtu self għall-finijiet li joffru proġetti ta' finanzjament kollettiv jew li jinvestu fihom.

(10)

Il-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu l-għan li jiffaċilita l-finanzjament ta' proġett billi jiġġenera kapital minn għadd kbir ta' persuni li kull waħda minnhom tikkontribwixxi ammonti relattivament żgħar ta' investiment permezz ta' sistema ta' informazzjoni bbażata fuq l-internet aċċessibbli pubblikament. Is-servizzi ta' finanzjament kollettiv huma b'hekk miftuħa għal aggregazzjoni bla restrizzjonijiet ta' investituri li jirċievu propożizzjonijiet ta' investiment fl-istess ħin u jinvolvu l-ġenerazzjoni ta' fondi prinċipalment minn persuni fiżiċi, inkluż dawk li mhumiex individwi b'valur nett għoli. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal servizzi ta' finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-forniment konġunt ta' akkoljenza u trażmissjoni ta' ordnijiet ta' klijenti u t-tqegħid ta' titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għal finijiet ta' investiment kollettiv mingħajr bażi ta' impenn sod fuq pjattaforma pubblika li tipprovdi aċċess bla restrizzjonijiet għall-investituri. Il-forniment konġunt ta' dawk is-servizzi huwa l-karatteristika ewlenija tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv meta mqabbla ma' ċerti servizzi ta' investiment previsti skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), anki jekk individwalment, dawk is-servizzi jaqblu ma' dawk koperti minn dik id-Direttiva.

(11)

Fir-rigward tal-finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal servizzi ta' finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-għoti ta' self, inkluż servizzi bħall-preżentazzjoni ta' offerti ta' finanzjament kollettiv lil klijenti u l-ipprezzar jew il-valutazzjoni tar-riskju ta' kreditu ta' proġetti ta' finanzjament kollettiv jew ta' sidien il-proġetti. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv takkomoda mudelli ta' negozju differenti li jippermettu l-konklużjoni ta' ftehim ta' self bejn investitur wieħed jew aktar u sid il-proġett wieħed jew aktar permezz ta' pjattaforma ta' finanzjament kollettiv. Is-self inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun self b'obbligi inkondizzjonati li jitħallas ammont maqbul ta' flus lura lill-investitur, fejn pjattaformi tal-finanzjament kollettiv ibbażati fuq is-self sempliċiment jiffaċilitaw il-konklużjoni mill-investituri u sidien il-proġett ta' ftehimiet ta' self mingħajr ma fl-ebda mument il-fornitur tas-servizz ta' finanzjament kollettiv jaġixxi bħala kreditur ta' sid il-proġett. Il-faċilitazzjoni tal-għoti ta' self li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tkun distinta mill-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu, li tagħti krediti hija stess u li tieħu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku.

(12)

Sabiex iwasslu s-servizzi tagħhom, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv joperaw sistemi ta' informazzjoni bbażati fuq l-internet pubblikament aċċessibbli, inkluż dawk is-sistemi li jeħtieġu r-reġistrazzjoni tal-utent.

(13)

Għall-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment, it-trasferibbiltà hija salvagwardja importanti sabiex l-investituri jkunu jistgħu joħorġu mill-investiment tagħhom peress li tipprovdilhom il-possibbiltà li jiddisponu mill-interess tagħhom fis-swieq kapitali. Għalhekk, dan ir-Regolament ikopri u jippermetti servizzi ta' finanzjament kollettiv relatati ma' titoli trasferibbli. L-ishma ta' ċerti kumpanniji privati b'responsabbiltà limitata inkorporati skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri huma trasferibbli b'mod liberali wkoll fis-swieq kapitali u għalhekk jenħtieġ li ma jitwaqqfux milli jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)

Ċerti strumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv f'xi Stati Membri huma soġġetti għal-liġi nazzjonali li tirregola t-trasferibbiltà tagħhom, bħar-rekwiżit li t-trasferiment jiġi awtentikat minn nutar. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tirregola t-trasferiment ta' tali strumenti.

(15)

Filwaqt li l-offerti inizjali tal-muniti għandhom il-potenzjal li jiffinanzjaw l-SMEs, in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu, u jistgħu jaċċelleraw it-trasferiment tat-teknoloġija, il-karatteristiċi tagħhom jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli mis-servizzi ta' finanzjament kollettiv irregolati skont dan ir-Regolament.

(16)

Minħabba r-riskji assoċjati ma' investimenti ta' finanzjament kollettiv, huwa xieraq, fl-interess tal-protezzjoni effettiva tal-investituri u tal-forniment ta' mekkaniżmu ta' dixxiplina fis-suq, li jiġi impost livell limitu li jistipula kunsiderazzjoni totali għall-offerti ta' finanzjament kollettiv magħmula minn sid ta' proġett partikolari. Għaldaqstant, jenħtieġ li dak il-livell limitu jkun stabbilit għal EUR 5 000 000, li huwa l-livell limitu użat mill-parti l-kbira tal-Istati Membri biex jeżentaw l-offerti ta' titoli lill-pubbliku mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(17)

L-oqfsa regolatorji li jikkoinċidu stabbiliti skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2017/1129, minħabba livell limitu ta' EUR 5 000 000, jistgħu jżidu r-riskju ta' arbitraġġ regolatorju u jkollhom effett ta' tfixkil fuq l-aċċess għall-finanzi u l-iżvilupp tas-swieq kapitali f'ċerti Stati Membri. Barra minn hekk, s'issa, għadd limitat biss ta' Stati Membri stabbilixxew qafas legali speċifiku li jirregola l-pjattaformi u s-servizzi ta' finanzjament kollettiv. Filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li, fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1129, xi Stati Membri stabbilixxew il-livell limitu biex jeżentaw offerti ta' titoli lill-pubbliku mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett għal inqas minn EUR 5 000 000 u filwaqt li jittieħed kont tal-isforz speċjali li jista' jkun sostnut minn dawk l-Istati Membri f'termini ta' aġġustament tal-liġi nazzjonali tagħhom u l-iżgurar tal-applikazzjoni tal-livell limitu uniku skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi deroga temporanja li ma tiġġeddidx sabiex tippermetti lil dawk l-Istati Membri biex jagħmlu dak l-isforz sinifikanti. Jenħtieġ li dik id-deroga temporanja tapplika għall-iqsar perijodu ta' żmien possibbli, sabiex tikkawża l-inqas tfixkil possibbli għall-funzjonament tas-suq intern.

(18)

Sabiex jinżamm standard għoli ta' protezzjoni tal-investitur, biex jitnaqqsu r-riskji assoċjati mal-finanzjament kollettiv u biex jiġi żgurat trattament ġust tal-klijenti kollha, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikollhom fis-seħħ politika mfassla biex jiġi żgurat li l-proġetti fuq il-pjattaformi tagħhom jintgħażlu b'mod professjonali, ġust u trasparenti, u li s-servizzi ta' finanzjament kollettiv jiġu fornuti bl-istess mod.

(19)

Sabiex itejbu s-servizz lill-klijenti tagħhom, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikunu jistgħu jipproponu proġetti ta' finanzjament kollettiv lil investituri individwali abbażi ta' wieħed jew aktar mill-parametri speċifiċi jew mill-indikaturi tar-riskju, bħat-tip jew is-settur tal-attività tan-negozju jew klassifikazzjoni tal-kreditu, li jkunu ġew ikkomunikata minn qabel lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv mill-investitur. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament ma tagħtix id-dritt lill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta' mmaniġġjar ta' assi individwali jew kollettivi. Sabiex jiġi żgurat li investituri prospettivi jiġu offruti opportunitajiet ta' investiment fuq bażi newtrali, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma jħallsu jew jaċċettaw l-ebda remunerazzjoni, skont jew benefiċċju mhux monetarju biex jidderieġu l-ordnijiet tal-investituri lejn offerta partikolari fornuta fuq il-pjattaforma tagħhom jew fuq pjattaforma ta' parti terza.

(20)

Il-mudelli ta' negozju li jużaw proċessi awtomatizzati li permezz tagħhom il-fondi jiġu allokati b'mod awtomatiku mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv lill-proġetti ta' finanzjament kollettiv f'konformità mal-parametri u l-indikaturi tar-riskju predeterminati mill-investitur, l-hekk imsejħa awtoinvestiment, jenħtieġ li jitqiesu bħala ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self.

(21)

L-eżistenza ta' għodod ta' filtrazzjoni fuq pjattaforma tal-finanzjament kollettiv skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma titqiesx bħala parir dwar l-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE sakemm dawk l-għodod ma jipprovdux informazzjoni lill-klijenti b'mod newtrali li ma tikkostitwixxix rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li tali għodod jinkludu dawk li juru riżultati bbażati fuq kriterji relatati ma' karatteristiċi purament oġġettivi tal-prodott. Karatteristiċi oġġettivi tal-prodott fil-kuntest ta' pjattaforma tal-finanzjament kollettiv jistgħu jkunu kriterji predefiniti tal-proġett bħas-settur ekonomiku, l-istrument użat u r-rata tal-imgħax, jew il-kategorija ta' riskju fejn tiġi divulgata informazzjoni suffiċjenti dwar il-metodu ta' kalkolu. Bl-istess mod, iċ-ċifri finanzjarji ewlenin ikkalkulati mingħajr l-ebda marġini ta' diskrezzjoni jenħtieġ li jitqiesu wkoll li huma kriterji oġġettivi.

(22)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-investiment dirett u li jevita l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' arbitraġġ regolatorju għal intermedjarji finanzjarji rregolati skont atti legali oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari atti legali tal-Unjoni li jirregolaw il-maniġers tal-assi. L-użu ta' strutturi legali, inkluż veikoli bi skop speċjali, li jinterponu bejn il-proġett ta' finanzjament kollettiv u l-investituri jenħtieġ li għalhekk jiġi rregolat b'mod strett u permess biss fejn ikun iġġustifikat billi investitur ikun jista' jakkwista interess f'pereżempju assi illikwidu jew indiviżibbli, permezz ta' ħruġ ta' titoli trasferibbli permezz ta' veikolu bi skop speċjali.

(23)

L-iżgurar ta' sistema ta' governanza effettiva huwa essenzjali għall-ġestjoni tar-riskju tajba u għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe konflitt ta' interess. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikollhom fis-seħħ arranġamenti ta' governanza li jiżguraw il-ġestjoni effettiva u prudenti tagħhom. Jenħtieġ li l-persuni fiżiċi responsabbli għall-ġestjoni tagħhom ikunu ta' reputazzjoni tajba u jkollhom biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza. Jenħtieġ ukoll li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jistabbilixxu proċeduri biex jirċievu u jittrattaw ilmenti mill-klijenti.

(24)

Il-klijenti huma esposti għal riskji potenzjali relatati mal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, b'mod partikolari riskji operazzjonali. Sabiex jiġu protetti l-klijenti minn tali riskji, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikunu soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali.

(25)

Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikunu meħtieġa jiżviluppaw pjanijiet ta' kontinwità tan-negozju li jindirizzaw ir-riskji assoċjati ma' falliment ta' fornitur ta' finanzjament kollettiv. Jenħtieġ li tali pjanijiet tal-kontinwità tan-negozju jinkludu dispożizzjonijiet għat-trattament ta' funzjonijiet kritiċi, li, skont il-mudell ta' negozju tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet għall-manutenzjoni kontinwa ta' self pendenti, notifika tal-klijenti u trasferiment tal-arranġamenti ta' kustodja tal-assi.

(26)

Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv joperaw bħala intermedjarji newtrali bejn il-klijenti fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tagħhom. Sabiex jiġu evitati konflitti ta' interess, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, l-azzjonisti, il-maniġers u l-impjegati tagħhom, u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika marbuta mill-qrib magħhom permezz ta' relazzjoni ta' kontroll. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jitwaqqfu milli jipparteċipaw fl-offerti ta' finanzjament kollettiv fuq il-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv tagħhom. Jenħtieġ li l-azzjonisti maġġoritarji, il-maniġers u l-impjegati, u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika marbuta mill-qrib magħhom permezz ta' relazzjoni ta' kontroll, ma jaġixxux bħala sidien il-proġett fir-rigward tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv offruti fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li dawk l-azzjonisti maġġoritarji, il-maniġers, l-impjegati, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jkunux ipprojbiti milli jaġixxu bħala investituri fil-proġetti offruti fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tagħhom, dment li jkunu fis-seħħ salvagwardji xierqa kontra l-konflitti ta' interess.

(27)

Fl-interess tal-forniment effiċjenti u bla xkiel ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jitħallew jafdaw kwalunkwe funzjoni operazzjonali, b'mod sħiħ jew parzjali, lil parti terza, dment li tali esternalizzazzjoni ma tindebbolixxix il-kwalità tal-kontrolli interni tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew is-superviżjoni effettiva tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv. Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jibqgħu responsabbli b'mod sħiħ għall-konformità ma' dan ir-Regolament fir-rigward tal-attivitajiet esternalizzati.

(28)

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kustodja tal-assi huma kruċjali għall-protezzjoni tal-investituri li jirċievu servizzi ta' finanzjament kollettiv. It-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont ta' strumenti finanzjarji jew li jistgħu jiġu ikkonsenjati b'mod fiżiku lill-kustodju jenħtieġ li jkunu salvagwardati minn kustodju kwalifikat, li jkun awtorizzat f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE jew 2014/65/UE. Skont it-tip ta' assi li għandhom jiġu salvagwardati, l-assi għandhom jew jinżammu f'kustodja, bħal fil-każ ta' titoli trasferibbli li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont ta' strumenti finanzjarji jew li jistgħu jiġu fiżikament ikkonsenjati, inkella jkunu soġġetti għal verifika tas-sjieda u żamma tar-rekords. Il-kustodja ta' titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv li f'konformità mal-liġi nazzjonali jkunu rreġistrati biss ma' sid il-proġett jew l-aġent tiegħu, bħall-investimenti f'kumpanniji mhux kwotati, jew li jinżammu f'kont segregat individwalment li klijent jista' jiftaħ direttament b'depożitorju ċentrali tat-titoli, titqies ekwivalenti għal kustodja tal-assi minn kustodji kwalifikati.

(29)

Peress li fornituri ta' servizzi ta' pagament biss huma permessi li jipprovdu servizzi ta' pagament kif definiti fid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), awtorizzazzjoni biex jiġu fornuti servizzi ta' finanzjament kollettiv mhijiex ekwivalenti għal awtorizzazzjoni biex jiġu fornuti wkoll servizzi ta' pagament. Huwa għalhekk xieraq li jiġi ċċarat li, fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jipprovdi tali servizzi ta' pagament b'rabta mas-servizzi ta' finanzjament kollettiv tiegħu, huwa jeħtieġ ukoll li jkun fornitur ta' servizzi ta' pagament kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/2366. Dak ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-entitajiet awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE li jwettqu attività msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u li huma soġġetti wkoll għar-rekwiżit ta' notifika stabbilit fl-Artikolu 37 tad-Direttiva (UE) 2015/2366. Sabiex tkun tista' ssir superviżjoni xierqa ta' tali attivitajiet, jenħtieġ li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jinforma lill-awtoritajiet kompetenti jekk huwiex biħsiebu jipprovdi servizzi ta' pagament huwa stess bl-awtorizzazzjoni xierqa jew jekk tali servizzi humiex ser jiġu esternalizzati lil parti terza awtorizzata.

(30)

It-tkabbir u l-funzjonament bla xkiel ta' servizzi transfruntiera ta' finanzjament kollettiv jeħtieġu skala suffiċjenti u l-fiduċja pubblika f'dawk is-servizzi. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi, proporzjonati u direttament applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti għal servizzi ta' finanzjament kollettiv jenħtieġ li jiffaċilitaw il-forniment transfruntier ta' dawk is-servizzi, inaqqsu r-riskji operazzjonali, u jiżguraw grad għoli ta' trasparenza u protezzjoni tal-investitur.

(31)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi biss li jkollhom stabbiliment effettiv u stabbli fl-Unjoni, inkluż ir-riżorsi meħtieġa, ikunu jistgħu japplikaw għall-awtorizzazzjoni bħala fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv skont dan ir-Regolament.

(32)

Is-servizzi ta' finanzjament kollettiv jistgħu jiġu esposti għar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif issottolinjat fir-Rapport tas-26 ta' Ġunju 2017 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġu pprovduti salvagwardji meta jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni tajba tal-persuni fiżiċi responsabbli mill-ġestjoni tagħhom kif ukoll billi jiġi ristrett il-forniment ta' servizzi ta' pagament għal entitajiet liċenzjati soġġetti għal rekwiżiti ta' kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Bil-ħsieb li tiġi żgurata ulterjorment l-integrità tas-suq bil-prevenzjoni ta' riskji ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu, u filwaqt li jitqies l-ammont ta' fondi li jista' jiġi ġġenerat minn offerta ta' finanzjament kollettiv f'konformità ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiġu soġġetti għal obbligi li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) fir-rigward tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu u li tali fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiżdiedu mal-lista ta' entitajiet marbuta b'obbligu għall-finijiet ta' dik id-Direttiva.

(33)

Sabiex il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikunu jistgħu joperaw b'mod transfruntier mingħajr ma jiffaċċjaw regoli diverġenti u biex b'hekk jiġi ffaċilitat il-finanzjament ta' proġetti fl-Unjoni kollha minn investituri minn Stati Membri differenti, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jitħallewx jimponu rekwiżiti addizzjonali fuq dawk il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li huma awtorizzati skont dan ir-Regolament.

(34)

Jenħtieġ li l-proċess ta' awtorizzazzjoni jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jiġu infurmati bis-servizzi li l-fornituri prospettivi ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv biħsiebhom jipprovdu inkluż il-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv li biħsiebhom joperaw, li jivvalutaw il-kwalità tal-ġestjoni tagħhom, u li jivvalutaw l-organizzazzjoni u l-proċeduri interni tagħhom stabbiliti biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

(35)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni xierqa u biex jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati, jenħtieġ li jkun possibbli għall-entitajiet li jkunu ġew awtorizzati skont id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jew id-Direttiva 2013/36/UE, 2014/65/UE jew (UE) 2015/2366, u li għandhom l-intenzjoni li jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv, li jkollhom awtorizzazzjoni kemm skont waħda minn dawk id-Direttivi kif ukoll skont dan ir-Regolament. F'tali każijiet, jenħtieġ li tapplika proċedura ta' awtorizzazzjoni simplifikata u jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ma jirrikjedux sottomissjoni ta' dokumenti jew ta' provi li huma diġà għad-dispożizzjoni tagħhom.

(36)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-trasparenza għall-investituri fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (ESMA) tistabbilixxi reġistru pubbliku u aġġornat tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv kollha awtorizzati f'konformità ma' dan ir-Regolament. Dak ir-reġistru jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar il-pjattaformi ta' finanzjament kollettiv kollha li joperaw fl-Unjoni.

(37)

Jenħtieġ li awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament tiġi rtirata fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet li skonthom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ukoll is-setgħa li jirtiraw awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament kull meta fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jew parti terza li taġixxi f'ismu, ikun tilef l-awtorizzazzjoni tiegħu li tippermetti l-forniment ta' servizzi ta' pagament skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 jew servizzi ta' investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE, jew kull meta fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jkun ukoll fornitur ta' servizzi ta' pagament, jew il-maniġers jew l-impjegati tiegħu, jew parti terza li taġixxi f'ismu, ikun kiser il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849.

(38)

Sabiex jipprovdi firxa wiesgħa ta' servizzi lill-klijenti tiegħu, jenħtieġ li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzat skont dan ir-Regolament ikun jista' jinvolvi ruħu f'attivitajiet minbarra l-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv koperti minn awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament.

(39)

Sabiex jiġi żgurat fehim ċar tan-natura tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv u r-riskji, l-ispejjeż u t-tariffi relatati ma' tali servizzi, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jipprovdu lill-klijenti tagħhom informazzjoni li tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa.

(40)

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-għoti ta' self jenħtieġ li jagħmlu disponibbli għall-klijenti kollha ċerta informazzjoni rilevanti, bħar-rati ta' inadempjenza tas-self.

(41)

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li japplikaw sistemi ta' evalwazzjoni ta' kreditu lil proġetti ta' finanzjament kollettiv jew li jissuġġerixxu l-ipprezzar tal-offerti ta' finanzjament kollettiv jenħtieġ li jiddivulgaw l-elementi ewlenin tal-metodoloġija tagħhom. Ir-rekwiżit li jikkonċerna d-divulgazzjoni tal-metodi biex jiġu kkalkulati s-sistemi ta' evalwazzjoni ta' kreditu, jew biex jiġi determinat il-prezz jew ir-rata tal-imgħax, jenħtieġ li ma jiġix interpretat li jirrikjedi d-divulgazzjoni ta' informazzjoni sensittiva dwar in-negozju jew b'mod li jimpedixxi l-innovazzjoni.

(42)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni tal-investituri adegwata tal-kategoriji differenti ta' investituri li jipparteċipaw fi proġetti ta' finanzjament kollettiv filwaqt li jiġi ffaċilitat il-fluss tal-investiment, dan ir-Regolament jiddistingwi bejn investituri sofistikati u dawk mhux sofistikati, u jintroduċi livelli differenti ta' salvagwardji għall-protezzjoni tal-investituri xierqa għal kull waħda minn dawk il-kategoriji. Id-distinzjoni bejn investituri sofistikati u dawk mhux sofistikati jenħtieġ li tibni fuq id-distinzjoni bejn klijenti professjonali u klijenti mhux professjonali stabbilita fid-Direttiva 2014/65/UE. Madankollu, jenħtieġ li dik id-distinzjoni tieħu kont ukoll tal-karatteristiċi tas-suq tal-finanzjament kollettiv. B'mod partikolari, id-distinzjoni bejn investituri sofistikati u dawk mhux sofistikati f'dan ir-Regolament jenħtieġ li tqis ukoll l-esperjenza tal-investituri prospettivi fil-finanzjament kollettiv u l-għarfien tagħhom dwaru, li għandhom jiġu valutati mill-ġdid kull sentejn.

(43)

Il-prodotti finanzjarji kummerċjalizzati fuq pjattaformi tal-finanzjament kollettiv mhumiex l-istess bħal prodotti ta' investimenti tradizzjonali jew prodotti tat-tfaddil, u jenħtieġ li ma jiġux ikkummerċjalizzati bħala tali. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-investituri prospettivi mhux sofistikati jifhmu l-livell ta' riskju assoċjat mal-investimenti ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikunu meħtieġa jagħmlu test inizjali tal-għarfien tal-investituri prospettivi mhux sofistikati sabiex jaċċertaw il-fehim tagħhom ta' tali investimenti. Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv javżaw b'mod espliċitu lill-investituri prospettivi mhux sofistikati li jkollhom għarfien, ħiliet jew esperjenza insuffiċjenti li s-servizzi ta' finanzjament kollettiv ipprovduti jistgħu ma jkunux xierqa għalihom.

(44)

Peress li l-investituri sofistikati, skont id-definizzjoni tagħhom, huma konxji tar-riskji assoċjati mal-investimenti fi proġetti ta' finanzjament kollettiv, ma hemm l-ebda mertu li jiġi applikat test inizjali tal-għarfien għalihom. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma jkunux meħtieġa li joħorġu twissijiet ta' riskju lil investituri sofistikati.

(45)

Sabiex jiġi żgurat li l-investituri mhux sofistikati jkunu qraw u fehmu t-twissijiet ta' riskju espliċiti maħruġa lilhom mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li jirrikonoxxu espressament ir-riskji li jkunu qed jieħdu meta huma jinvestu fi proġett ta' finanzjament kollettiv. Sabiex jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri u minħabba li n-nuqqas ta' tali rikonoxximent jindika nuqqas potenzjali ta' fehim tar-riskji involuti, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jaċċettaw biss investimenti minn investituri mhux sofistikati li jkunu rrikonoxxew espressament li huma rċevew u fehmu dawk it-twissijiet.

(46)

Minħabba r-riskju assoċjat ma' proġetti ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-investituri mhux sofistikati jevitaw skopertura żejda għalihom. Hemm riskju sinifikanti li jitilfu ammonti kbar tas-somom investiti inizjalment jew saħansitra li jesperjenzaw telf totali. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit ammont massimu li l-investituri mhux sofistikati jistgħu, mingħajr salvagwardji ulterjuri, jinvestu fi proġett individwali. B'kuntrast ma' dan, l-investituri sofistikati li jkollhom l-esperjenza, l-għarfien jew il-kapaċità finanzjarja meħtieġa, jew taħlita tagħhom, jenħtieġ li ma jkunux limitati minn tali ammont massimu.

(47)

Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni għall-investituri mhux sofistikati, jeħtieġ li jiġu previsti dispożizzjonijiet għal perijodu ta' riflessjoni li matulu investitur prospettiv mhux sofistikat ikun jista' jirrevoka offerta li jinvesti jew espressjoni ta' interess f'offerta ta' finanzjament kollettiv partikolari mingħajr ma jagħti raġuni u mingħajr ma jġarrab penali. Dan huwa meħtieġ biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn, billi jaċċetta offerta ta' finanzjament kollettiv, investitur prospettiv mhux sofistikat b'hekk jaċċetta wkoll offerta li jidħol f'kuntratt legalment vinkolanti mingħajr ebda possibbiltà ta' ritrazzjoni f'perijodu ta' żmien adegwat. Il-perijodu ta' riflessjoni mhuwiex meħtieġ meta investitur prospettiv mhux sofistikat ikun jista' jesprimi interess f'offerta ta' finanzjament kollettiv partikolari mingħajr b'hekk ukoll ma jorbot lilu nnifsu b'kuntratt, ħlief fis-sitwazzjoni meta tali offerta ta' investiment issir ,jew tali espressjoni ta' interess tiġi espressa, f'mument qrib id-data ta' skadenza skedata tal-offerta jew id-data meta jintlaħaq l-għan ta' finanzjament fil-mira. Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiżguraw li ma jinġabrux flus mingħand l-investitur jew li ma jiġux ittrasferiti lil sid il-proġett qabel ma jiskadi il-perijodu ta' riflessjoni.

(48)

Filwaqt li jitqiesu l-effetti potenzjali tad-dritt ta' revoka ta' offerta ta' investiment jew espressjoni ta' interess matul perijodu ta' riflessjoni fuq l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-kapital permezz ta' pjattaformi tal-finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, bħala parti mir-rapport tagħha skont dan ir-Regolament, jekk il-perijodu ta' riflessjoni għandux jitqassar biex jippermetti proċess aktar effiċjenti ta' ġenerazzjoni tal-kapital mingħajr ma ssir ħsara lill-protezzjoni tal-investituri.

(49)

Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) tkopri pretensjonijiet li jirriżultaw min-nuqqas ta' kapaċità ta' ditta tal-investiment li tħallas lura flus dovuti minnha jew li jappartjenu lill-investituri u miżmuma f'isimhom b'konnessjoni man-negozju tal-investiment, jew in-nuqqas ta' kapaċità tagħha li treġġa' lura lill-investituri kwalunkwe strument li jappartjeni lilhom u miżmum, amministrat jew immaniġġjat f'isimhom b'konnessjoni man-negozju tal-investiment. Filwaqt li jitqies li l-kustodja ta' assi b'konnessjoni ma' servizzi ta' finanzjament kollettiv fornuti minn ditta tal-investiment li tkun ukoll awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE ma tinvolvix il-forniment ta' servizzi ta' investiment skont it-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 41 ta' dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-investituri mhux sofistikati jiġu infurmati fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment li l-protezzjoni tal-iskema ta' kumpens għall-investituri ma tapplikax għal titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv akkwistati permezz tal-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv minn tali fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma jitqiesx li huwa t-teħid ta' depożiti skont it-tifsira tal-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(50)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontenut ta' skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment li għandu jiġi pprovdut mill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv lil investituri prospettivi għal kull offerta ta' finanzjament kollettiv sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-investiment. Jenħtieġ li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment twissi lill-investituri prospettivi li l-ambjent ta' investiment li jkunu daħlu fih jinvolvi riskji li la huma koperti minn skemi ta' garanzija tad-depożiti stabbiliti f'konformità mad-Direttiva 2014/49/UE u lanqas minn skemi ta' kumpens għall-investituri stabbiliti f'konformità mad-Direttiva 97/9/KE.

(51)

Jenħtieġ li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tal-finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self u fuq l-investiment. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkunu meħtieġa indikaturi speċifiċi u rilevanti. Jenħtieġ li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tqis ukoll, fejn disponibbli, il-karatteristiċi u r-riskji speċifiċi assoċjati ma' sidien il-proġett, u jenħtieġ li tiffoka fuq informazzjoni materjali dwar sidien il-proġett, id-drittijiet u t-tariffi tal-investituri, u t-tip ta' titoli trasferibbli, strumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv u s-self offruti. L-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment jenħtieġ li titfassal minn sidien il-proġett għaliex sidien il-proġett jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi inkluża fiha. Madankollu, peress li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv huma responsabbli biex jipprovdu l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment lill-investituri prospettivi, il-fornituri ta' servizzi tal-finanzjament kollettiv huma dawk li jenħtieġ li jiżguraw li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tkun ċara, korretta u kompluta.

(52)

Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jitħallew jippreżentaw aktar informazzjoni minn dik meħtieġa fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment imfassla minn sid il-proġett. Madankollu, jenħtieġ li tali informazzjoni tkun ta' natura komplementarja u tkun konsistenti mal-informazzjoni l-oħra pprovduta fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.

(53)

Jekk fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jidentifika ommissjoni, żball jew ineżattezza fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment li jista' jkollha impatt materjali fuq ir-ritorn mistenni tal-investiment, jenħtieġ li dak il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jissenjala tali ommissjoni, żball jew ineżattezza fil-pront lil sid il-proġett, li jenħtieġ li jikkompleta jew jikkoreġi dik l-informazzjoni. Fejn tali kkompletar jew korrezzjoni ma ssirx, jenħtieġ li, taħt ċerti kondizzjonijiet, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jissospendu jew saħansitra jikkanċellaw l-offerta ta' finanzjament kollettiv.

(54)

Sabiex jiġi żgurat aċċess assjem u rapidu għas-swieq kapitali għal negozji ġodda u SMEs, biex jitnaqqsu l-ispejjeż tagħhom tal-finanzjament u biex jiġu evitati d-dewmien u l-ispejjeż għall-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda rekwiżit li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tiġi approvata minn awtorità kompetenti.

(55)

Fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun jista' jittrasferixxi s-sjieda tal-ishma fi proġett ta' finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment billi jaġġorna s-sistema ta' informazzjoni tiegħu. Jenħtieġ ukoll li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, fl-interess tat-trasparenza u l-fluss tal-informazzjoni, ikun jista' jippermetti lill-klijenti li jkunu għamlu investimenti permezz tal-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tiegħu biex jirreklamaw fuq bord tal-bullettini fil-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tiegħu l-interess tagħhom li jixtru jew ibiegħu self, titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv li kienu oriġinarjament offruti fuq dik il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv dment li l-bord tal-bullettini ma jiġborx flimkien interessi ta' bejgħ u xiri multipli minn partijiet terzi b'mod li jirriżulta f'kuntratt fir-rigward ta' tali reklami. Għalhekk, jenħtieġ li l-bord tal-bullettini pprovdut minn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma jikkonsistix f'sistema ta' tqabbil intern li teżegwixxi l-ordnijiet tal-klijenti fuq bażi multilaterali sakemm, fir-rigward ta' titoli trasferibbli, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikollu wkoll awtorizzazzjoni separata bħala ditta tal-investiment f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/65/UE, jew bħala suq regolat f'konformità mal-Artikolu 44 ta' dik id-Direttiva. Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li ma jkollhomx tali awtorizzazzjoni fir-rigward ta' titoli trasferibbli, jinfurmaw b'mod ċar lill-investituri li huma ma jaċċettawx li jirċievu ordnijiet għall-finijiet ta' xiri jew bejgħ ta' kuntratti fir-rigward ta' investimenti oriġinarjament magħmula fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv, li kwalunkwe attività ta' xiri u bejgħ fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tagħhom hija fid-diskrezzjoni u r-responsabbiltà tal-investitur, u li ma joperawx ċentru tan-negozjar f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE.

(56)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-trasparenza u tiġi żgurata dokumentazzjoni tajba tal-komunikazzjonijiet mal-klijenti, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv iżommu r-rekords xierqa kollha relatati mas-servizzi u t-tranżazzjonijiet tagħhom.

(57)

Sabiex jiġi żgurat trattament ġust u nondiskriminatorju tal-klijenti, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li qed jippromwovu s-servizzi tagħhom permezz ta' komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jipprovdu informazzjoni li tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa.

(58)

Sabiex tingħata aktar ċertezza legali lill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li joperaw madwar l-Unjoni u biex jiġi żgurat aċċess aktar faċli għas-suq, jenħtieġ li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li speċifikament jirregolaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u li huma applikabbli fl-Istati Membri jiġu ppubblikati elettronikament, kif ukoll is-sommarji tagħhom b'lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzjament internazzjonali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti jżommu s-siti web tagħhom aġġornati.

(59)

Sabiex jippermettu fehim aħjar tal-firxa ta' diverġenzi regolatorji bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu, kull sena, lill-ESMA, rapport dettaljat dwar l-azzjonijiet ta' infurzar tagħhom f'dak il-qasam.

(60)

Sabiex jiġu evitati spejjeż u piż amministrattiv bla bżonn fuq il-forniment transfruntier ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta' traduzzjoni fejn dawn jiġu pprovduti f'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih jiġu disseminati komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew f'lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

(61)

Sabiex tiġi żgurata proċedura effiċjenti ta' superviżjoni u ta' awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddelinjaw id-dmirijiet u l-funzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament. Sabiex jiffaċilitaw kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera effettiva, jenħtieġ li kull Stat Membru jiddeżinja punt uniku ta' kuntatt biex tiġi ġestita l-komunikazzjoni mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni kollha

(62)

Peress li l-għodod, is-setgħat u r-riżorsi effettivi tal-awtoritajiet kompetenti jiggarantixxu l-effettività superviżorja, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi sett minimu ta' setgħat superviżorji u investigattivi li għandhom jiġu fdati lill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati, fejn il-liġi nazzjonali tirrikjedi dan, permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti jaġixxu b'mod oġġettiv u imparzjali u jibqgħu awtonomi fit-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom.

(63)

Għall-fini ta' detezzjoni ta' ksur ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaċċessaw bini ieħor minbarra r-residenzi privati ta' persuni fiżiċi sabiex jikkonfiskaw dokumenti. L-aċċess għal tali bini huwa meħtieġ meta jkun hemm suspett raġonevoli li jeżistu dokumenti u data oħra relatata mas-suġġett ta' spezzjoni jew investigazzjoni u li jistgħu jkunu rilevanti biex jagħtu prova li hemm ksur ta' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-aċċess għal tali bini huwa meħtieġ fejn il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha tkun diġà saret talba għal informazzjoni tonqos milli tikkonforma magħha, jew fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li, kieku kellha ssir talba, ma tiġix milqugħa, jew jitneħħew, jiġu manipulati jew jinqerdu d-dokumenti jew l-informazzjoni li għalihom jirrelata r-rekwiżit ta' informazzjoni.

(64)

Sabiex jiġi żgurat li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ksur ta' dan ir-Regolament ikun soġġett għal penali amministrattivi xierqa u miżuri amministrattivi oħra. Jenħtieġ li dawk il-penali u miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u disważivi u li jiżguraw approċċ komuni fl-Istati Membri u effett deterrenti. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jillimitax l-kapaċità tal-Istati Membri li jipprevedu livelli ogħla ta' penali amministrattivi.

(65)

Sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet li jimponu penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jkollhom effett ta' deterrent fuq il-pubbliku inġenerali, jenħtieġ li jiġu ppubblikati sakemm l-awtorità kompetenti ma tqisx li jkun meħtieġ li tagħżel pubblikazzjoni fuq bażi anonima, li ddewwem il-pubblikazzjoni jew li ma tippubblika xejn.

(66)

Għalkemm l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għal penali amministrattivi u kriminali għall-istess ksur, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jistabbilixxu regoli għal penali amministrattivi għall-ksur ta' dan ir-Regolament li jkun soġġett għal-liġi kriminali nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li ż-żamma ta' penali kriminali minflok penali amministrattivi għall-ksur ta' dan ir-Regolament ma tnaqqasx jew taffettwa mod ieħor il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw, jaċċessaw u jiskambjaw informazzjoni fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, inkluż wara kwalunkwe riferiment tal-ksur rilevanti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għal prosekuzzjoni kriminali.

(67)

Peress li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment titfassal skont il-karatteristiċi speċifiċi ta' offerta ta' finanzjament kollettiv u l-ħtiġijiet ta' informazzjoni tal-investituri, jenħtieġ li l-offerti ta' finanzjament kollettiv skont dan ir-Regolament jiġu eżentati mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 u dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(68)

L-informaturi jistgħu jġibu informazzjoni ġdida għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li tgħinhom jidentifikaw ksur ta' dan ir-Regolament u jimponu penali fuqu. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura li jkunu fis-seħħ arranġamenti adegwati li jippermettu lill-informaturi jwissu lill-awtoritajiet kompetenti dwar ksur reali jew potenzjali ta' dan ir-Regolament u li jipproteġuhom minn ritaljazzjoni. Jenħtieġ li dan isir billi tiġi emendata d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) sabiex issir applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament.

(69)

Sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta' tranżizzjoni fir-rigward ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ipprovduti f'konformità mal-liġi nazzjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (14). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(70)

Sabiex tiġi promossa l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament, inkluż il-protezzjoni adegwata ta' investituri u konsumaturi fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li jiġu żviluppati standards tekniċi. Bħala korpi b'kompetenza speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-ESMA u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) (l-EBA) jiġu fdati bl-iżvilupp ta' abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li ma jkunux jinvolvu għażliet dwar politika, għal preżentazzjoni lill-Kummissjoni.

(71)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-ESMA u l-EBA fir-rigward tal-ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self, it-trattament tal-ilmenti, il-konflitti ta' interess, l-awtorizzazzjoni bħala fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, l-informazzjoni lill-klijenti, id-divulgazzjoni tar-rata ta' inadempjenza, it-test inizjali tal-għarfien u s-simulazzjoni tal-kapaċità li jġarrbu t-telf, l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

(72)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li tadotta standards tekniċi ta' implimentazzjoni żviluppati mill-ESMA fir-rigward tar-rappurtar minn fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, il-pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u mal-ESMA. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(73)

Kwalunkwe pproċessar ta' data personali mwettaq fil-qafas ta' dan ir-Regolament, bħall-iskambju jew it-trażmissjoni ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni mill-ESMA jenħtieġ li jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(74)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tal-qafas legali applikabbli għas-servizzi ta' finanzjament kollettiv sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern f'tali servizzi filwaqt li tittejjeb il-protezzjoni tal-investitur kif ukoll l-effiċjenza tas-suq u l-kontribut għall-istabbiliment tas-CMU, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(75)

Jenħtieġ li d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tiġi differita biex tiġi allinjata mad-data ta' applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2020/1504 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18)), li teżenta lill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

(76)

Fl-interess taċ-ċertezza legali u bil-ħsieb tas-sostituzzjoni tar-regoli nazzjonali bir-regoli stabbiliti f' dan ir-Regolament sa fejn huma kkonċernati t-tipi ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li issa huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq li jsiru arranġamenti tranżizzjonali li jippermettu lill-persuni li jipprovdu tali servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' qabel dan ir-Regolament jadattaw l-attivitajiet tan-negozju tagħhom għal dan ir-Regolament u li jkollhom biżżejjed żmien biex japplikaw għal awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li tali persuni jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi ta' finanzjament kollettiv li huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli sal-10 ta’ Novembru 2022. Matul dak il-perijodu ta' ta' tranżizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri speċjali biex jippermettu li l-persuni ġuridiċi, li kienu ġew awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jipprovdu s-servizzi ta' finanzjament kollettiv inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, idawru l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali tagħhom f'awtorizzazzjonijiet skont dan ir-Regolament, dment li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(77)

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jkunu naqsu milli jiksbu awtorizzazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament sal-10 ta’ Novembru 2022 jenħtieġ li ma joħorġu l-ebda offerta ġdida ta' finanzjament kollettiv wara dik id-data. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-ġenerazzjoni tal-kapital fil-mira fir-rigward ta' proġett ta' finanzjament kollettiv partikolari ma tkunx kompluta sal-10 ta’ Novembru 2022, jenħtieġ li s-sejħiet għall-finanzjament jingħalqu sa dik id-data. Madankollu, wara l-10 ta’ Novembru 2022, is-servizzjar tal-kuntratti eżistenti, inkluż il-ġbir u t-trasferiment ta' riċevibbli, il-forniment ta' servizzi ta' kustodja tal-assi jew l-ipproċessar ta' azzjonijiet korporattivi, jistgħu jkomplu għaddejjin f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

(78)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(79)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u eżenzjonijiet

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, għall-organizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, għall-operat ta' pjattaformi ta' finanzjament kollettiv kif ukoll għat-trasparenza u l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

servizzi ta' finanzjament kollettiv li jiġu pprovduti lil sidien il-proġett li jkunu konsumaturi, kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE;

(b)

servizzi oħra relatati ma' dawk definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) u li jiġu fornuti f'konformità mal-liġi nazzjonali;

(c)

offerti ta' finanzjament kollettiv b'kunsiderazzjoni ta' aktar minn EUR 5 000 000, li jridu jiġu kkalkulati fuq perijodu ta' 12-il xahar bħala s-somma ta':

(i)

il-kunsiderazzjoni totali ta' offerti tat-titoli trasferibbli u l-istrumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv kif definit fil-punti (m) u (n) tal-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament u l-ammonti ġġenerati permezz ta' self minn pjattaforma tal-finanzjament kollettiv minn sid proġett partikolari; u

(ii)

il-kunsiderazzjoni totali ta' offerti lill-pubbliku ta' titoli trasferibbli magħmula minn sid il-proġett imsemmi fil-punt (i) ta' dan il-punt fil-kapaċità tiegħu ta' offerent taħt l-eżenzjoni skont l-Artikolu 1(3), jew l-Artikolu 3(2), tar-Regolament (UE) 2017/1129.

3.   Sakemm fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, sid il-proġett jew investitur ma jkunx awtorizzat bħala istituzzjoni ta' kreditu f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-Istati Membri ma għandhomx japplikaw rekwiżiti nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 9(1) ta' dik id-Direttiva u għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali ma teħtieġx awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta' kreditu jew kwalunkwe awtorizzazzjoni, eżenzjoni jew dispensa individwali oħra b'rabta mal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

għal sidien il-proġett li fir-rigward ta' self iffaċilitat mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jaċċettaw fondi mill-investituri; jew

(b)

għall-investituri li jagħtu self lil sidien il-proġett iffaċilitat mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“servizz ta' finanzjament kollettiv” tfisser it-tlaqqigħ ta' interessi ta' finanzjament tan-negozju ta' investituri ma' sidien il-proġett permezz tal-użu ta' pjattaforma tal-finanzjament kollettiv u li jikkonsisti minn kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(i)

il-faċilitazzjoni tal-għoti ta' self;

(ii)

it-tqegħid mingħajr bażi ta' impenn sod, kif imsemmi fil-punt (7) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, tat-titoli trasferibbli u l-istrumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv maħruġa minn sidien il-proġett jew veikolu bi skop speċjali, u l-wasla u t-trażmissjoni ta' ordnijiet tal-klijenti, kif imsemmi fil-punt (1) ta' dik it-Taqsima, b'rabta ma' dawk it-titoli trasferibbli u l-istrumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv;

(b)

“self” tfisser ftehim li bih investitur jagħmel disponibbli lil sid il-proġett ammont miftiehem ta' flus għal perijodu ta' żmien miftiehem u li bih sid il-proġett jassumi obbligu inkondizzjonat li jħallas lura dak l-ammont lill-investitur, flimkien mal-imgħax dovut, f'konformità mal-iskeda ta' pagament parzjali;

(c)

“ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self” tfisser l-allokazzjoni mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ta' ammont determinat minn qabel ta' fondi ta' investitur, li jkun sellief oriġinali, għal proġett ta' finanzjament kollettiv wieħed jew aktar fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tiegħu f'konformità ma' mandat individwali mogħti mill-investitur fuq bażi diskrezzjonali ta' investitur b'investitur;

(d)

“pjattaforma tal-finanzjament kollettiv” tfisser sistema ta' informazzjoni bbażata fuq l-internet aċċessibbli pubblikament operata jew ġestita minn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(e)

“fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv” tfisser persuna ġuridika li jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(f)

“offerta ta' finanzjament kollettiv” tfisser kwalunkwe komunikazzjoni minn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, fi kwalunkwe forma u bi kwalunkwe mezz, li tippreżenta informazzjoni biżżejjed dwar it-termini tal-offerta u l-proġett ta' finanzjament kollettiv li jkun qed jiġi offrut, sabiex investitur ikun jista' jinvesti fil-proġett ta' finanzjament kollettiv;

(g)

“klijent” tfisser kwalunkwe investitur jew sid il-proġett prospettiv jew attwali li lilu fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jipprovdi, jew biħsiebu jipprovdi, servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(h)

“sid il-proġett” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tfittex finanzjament permezz ta' pjattaforma tal-finanzjament kollettiv;

(i)

“investitur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, permezz ta' pjattaforma tal-finanzjament kollettiv, tagħti self jew tikseb titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv;

(j)

“investitur sofistikat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun klijent professjonali bis-saħħa tal-punti (1), (2), (3) jew (4) tat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-approvazzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv biex tiġi trattata bħala investitur sofistikat f'konformità mal-kriterji u l-proċedura stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament;

(k)

“investitur mhux sofistikat” tfisser investitur li mhuwiex investitur sofistikat;

(l)

“proġett ta' finanzjament kollettiv” tfisser l-attività jew l-attivitajiet ta' negozju li għalihom sid il-proġett ifittex finanzjament permezz tal-offerta ta' finanzjament kollettiv;

(m)

“titoli trasferibbli” tfisser titoli trasferibbli kif definiti fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(n)

“strumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv” tfisser, fir-rigward ta' kull Stat Membru, ishma ta' kumpannija privata b'responsabbiltà limitata li ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet li effettivament jipprevenuhom milli jiġu trasferiti, inkluż restrizzjonijiet għall-mod kif dawk l-ishma jiġu offruti jew reklamati lill-pubbliku;

(o)

“komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni” tfisser kwalunkwe informazzjoni jew komunikazzjoni minn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv lil investitur prospettiv jew sid il-proġett prospettiv dwar is-servizzi tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, ħlief id-divulgazzjoni tal-investituri meħtieġ skont dan ir-Regolament;

(p)

“mezz li jservi għal żmien twil” tfisser strument li jippermetti l-ħżin ta' informazzjoni b'mod li tkun aċċessibbli għal riferiment fil-futur u għal perijodu ta' żmien li jkun adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

(q)

“veikolu bi skop speċjali” jew “SPV” tfisser entità maħluqa biss għal, jew li sservi biss l-għan ta', titolizzazzjoni skont it-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (19).

(r)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità, jew l-awtoritajiet, iddeżinjati minn Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 29.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-ishma ta' kumpannija privata b'responsabbiltà limitata jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' titoli trasferibbli skont il-punt (m) tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti li taw l-awtorizzazzjoni lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jistgħu jippermettu l-użu ta' tali ishma għall-finijiet ta' dan ir-Regolament dment li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal strumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv skont il-punt (n) tal-paragrafu 1.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq bażi annwali, jinfurmaw lill-ESMA dwar it-tipi ta' kumpanniji privati b'responsabbiltà limitata u l-ishma tagħhom li huma offruti u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'referenza għal-liġi nazzjonali applikabbli.

L-ESMA għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu pubblikament aċċessibbli fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien żejjed.

4.   Fuq bażi annwali, għall-ewwel sentejn tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-ESMA għandha tiġbor l-iskedi bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment imfassla minn sidien il-proġett li jkunu ħarġu strumenti ammessi għall-finijiet ta' finanzjament kollettiv. L-ESMA għandha tqabbel l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) tal-parti F tal-Anness I kif ipprovduta fl-iskedi bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment mal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. L-ESMA għandha tippreżenta dak il-paragun lill-Kummissjoni, li għandha tinkludih fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 45.

KAPITOLU II

Il-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u r-rekwiżiti organizzazzjonali u operazzjonali tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

Artikolu 3

Il-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

1.   Is-servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jiġu fornuti biss minn persuni ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni u li jkunu ġew awtorizzati bħala fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità mal-Artikolu 12.

2.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jaġixxu b'mod onest, ġust u professjonali f'konformità mal-aqwa interessi tal-klijenti tagħhom.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma għandhom iħallsu jew jaċċettaw l-ebda remunerazzjoni, skont jew benefiċċju mhux monetarju biex jidderieġu l-ordnijiet tal-investituri lejn offerta ta' finanzjament kollettiv partikolari magħmula fuq il-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tagħhom jew lejn offerta ta' finanzjament kollettiv partikolari magħmula fuq pjattaforma ta' finanzjament kollettiv ta' parti terza.

4.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jistgħu jipproponu lil investituri individwali proġetti ta' finanzjament kollettiv speċifiċi li jikkorrispondu ma' wieħed jew aktar mill-parametri speċifiċi jew mill-indikaturi tar-riskju magħżula mill-investitur. Fejn l-investitur jixtieq jagħmel investiment fil-proġetti ta' finanzjament kollettiv suġġeriti, l-investitur għandu jirrieżamina u espressament jieħu deċiżjoni ta' investiment fir-rigward ta' kull offerta individwali ta' finanzjament kollettiv.

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self għandhom jagħmlu dan f'konformità mal-parametri pprovduti mill-investituri u għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għal dawn l-investituri. Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jiddivulgaw lill-investituri l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-mandat diskrezzjonali riċevut.

5.   B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self jistgħu jeżerċitaw diskrezzjoni f'isem l-investituri tagħhom fil-parametri miftiehma mingħajr il-ħtieġa li l-investituri jirrieżaminaw u jieħdu deċiżjoni ta' investiment fir-rigward ta' kull offerta ta' finanzjament kollettiv individwali.

6.   Fejn jintuża veikolu bi skop speċjali għall-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, għandu jiġi offrut biss assi wieħed illikwidu jew indiviżibbli permezz ta' tali veikolu bi skop speċjali. Dak ir-rekwiżit għandu japplika fuq bażi ta' trasparenza għall-assi illikwidu jew indiviżibbli sottostanti miżmum minn strutturi finanzjarji jew legali li jkunu kompletament jew parzjalment proprjetà tal-veikolu bi skop speċjali jew ikkontrollati minnu. Id-deċiżjoni li tittieħed skopertura għal dak l-assi sottostanti għandha tkun esklużivament tal-investituri.

Artikolu 4

Ġestjoni effettiva u prudenti

1.   Il-korp ta’ ġestjoni ta' fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jistabbilixxi, u jissorvelja l-implimentazzjoni ta', politiki u proċeduri adegwati biex tiġi żgurata ġestjoni effettiva u prudenti, inkluż is-segregazzjoni tad-dmirijiet, il-kontinwità tan-negozju u l-prevenzjoni ta' konflitti ta' interess, b'mod li jippromwovi l-integrità tas-suq u l-interessi tal-klijenti tiegħu.

2.   Il-korp ta’ ġestjoni ta' fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jistabbilixxi, u jissorvelja l-implimentazzjoni ta', sistemi u kontrolli xierqa biex jiġu valutati r-riskji relatati mas-self intermedjat fuq il-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv.

Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdi ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ sistemi u kontrolli adegwati għall-ġestjoni tar-riskju u l-immudellar finanzjarju għal dak il-forniment ta' ta' servizzi u li huwa jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) sa (3).

3.   Il-korp ta’ ġestjoni ta' fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jirrieżamina, mill-inqas darba kull sentejn, filwaqt li tieħu kont tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv ipprovduti, is-salvagwardji prudenzjali msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 12(2) u l-pjan ta' kontinwità tan-negozju msemmi fil-punt (j) tal-Artikolu 12(2).

4.   Fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiddetermina l-prezz ta' offerta ta' finanzjament kollettiv, dan għandu:

(a)

iwettaq valutazzjoni raġonevoli tar-riskju ta' kreditu tal-proġett ta' finanzjament kollettiv jew ta' sid il-proġett qabel ma ssir l-offerta ta' finanzjament kollettiv, inkluż billi jitqies ir-riskju li l-proġett ta' finanzjament kollettiv jew sid il-proġett ma jagħmilx, fil-każ ta' self, bond jew forma oħra ta' dejn titolizzat, ripagament wieħed jew aktar sad-data ta' maturità;

(b)

jibbaża l-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu msemmi fi-punt (a) fuq informazzjoni suffiċjenti, inkluż dan li ġej:

(i)

fejn disponibbli, kontijiet awditjati li jkopru l-aħħar sentejn finanzjarji;

(ii)

l-informazzjoni li jkun konxju minnha fil-mument li titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu;

(iii)

l-informazzjoni li tkun inkisbet, fejn xieraq, minn sid il-proġett; u

(iv)

l-informazzjoni li tippermetti lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv iwettaq valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu raġonevoli;

(c)

jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm politiki u proċeduri ċari u effettivi biex ikun jista' jwettaq valutazzjonijiet tar-riskju tal-kreditu, u jippubblika dawk il-politiki u l-proċeduri;

(d)

jiżgura li l-prezz ikun ġust u xieraq, inkluż f'sitwazzjonijiet fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jiddetermina l-prezz ta' self ikun qed jiffaċilita ħruġ għal sellief qabel id-data ta' maturità ta' self;

(e)

iwettaq valutazzjoni ta' kull self f'mill-inqas iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(i)

fil-mument meta jiġi oriġinat is-self;

(ii)

fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv iqis li sid il-proġett x'aktarx li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu li jħallas lura s-self b'mod sħiħ, mingħajr ma l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jinforza xi interess ta' sigurtà rilevanti jew jieħu passi oħra b'effett analogu;

(iii)

wara inadempjenza; u

(iv)

fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun qed jiffaċilita ħruġ għal sellief qabel id-data ta' maturità tas-self;

(f)

ikollu u juża qafas ta' ġestjoni tar-riskju li jkun imfassal biex tinkiseb konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (e) ta' dan il-paragrafu;

(g)

iżomm rekord ta' kull offerta ta' finanzjament kollettiv faċilitata li jkun biżżejjed biex juri li:

(i)

twettqet valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu meta meħtieġ u f'konformità mal-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu; u

(ii)

il-prezz tal-offerta ta' finanzjament kollettiv kien ġust u xieraq skont il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju.

Artikolu 5

Rekwiżiti tad-diliġenza dovuta

1.   Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jwettaq mill-inqas livell minimu ta' diliġenza dovuta fir-rigward ta' sidien il-proġetti li jipproponu li l-proġetti tagħhom jiġu ffinanzjati permezz tal-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

2.   Il-livell minimu ta' diliġenza dovuta msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi l-kisba tal-evidenza kollha li ġejja:

(a)

li sid il-proġett ma għandu l-ebda rekord kriminali fir-rigward ta' ksur ta' regoli nazzjonali fl-oqsma tal-liġi kummerċjali, il-liġi dwar l-insolvenza, il-liġi dwar is-servizzi finanzjarji, il-liġi kontra l-ħasil tal-flus, il-liġi dwar il-frodi jew l-obbligi ta' responsabbiltà professjonali;

(b)

li sid il-proġett ma jkunx stabbilit f'ġurisdizzjoni li ma tikkooperax, kif rikonoxxut mill-politika rilevanti tal-Unjoni, jew f'pajjiż terz b'riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

Artikolu 6

Ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self

1.   Fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv joffri ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self, investitur għandu jagħti l-mandat li jispeċifika il-parametri għall-forniment tas-servizz, li għandu jinkludi mill-inqas tnejn mill-kriterji li ġejjin li kull self fil-portafoll ikollu jikkonforma magħhom:

(a)

ir-rata tal-imgħax minima u massima pagabbli skont kwalunkwe self iffaċilitat għall-investitur;

(b)

id-data ta' maturità minima u massima ta' kwalunkwe self iffaċilitat għall-investitur;

(c)

il-firxa u d-distribuzzjoni ta' kwalunkwe kategorija ta' riskju applikabbli għas-self; u

(d)

jekk tiġi offruta rata ta' redditu fil-mira annwali fuq l-investiment, il-probabbiltà li s-self magħżul jippermetti li l-investitur jikseb ir-rata fil-mira b'ċertezza raġonevoli.

2.   Sabiex jikkonforma mal-paragrafu 1, fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jkollu fis-seħħ proċessi u metodoloġiji interni robusti u juża data xierqa. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jista' juża id-data tiegħu stess, jew data miksuba minn partijiet terzi.

Fuq il-bażi ta' kriterji sodi u definiti tajjeb, u filwaqt li jittieħed kont tal-fatturi rilevanti kollha li jista' jkollhom effetti negattivi fuq il-prestazzjoni tas-self, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jivvaluta:

(a)

ir-riskju tal-kreditu ta' proġetti ta' finanzjament kollettiv individwali magħżula għall-portafoll tal-investitur;

(b)

ir-riskju tal-kreditu fil-livell ta' portafoll tal-investitur; u

(c)

ir-riskju ta' kreditu ta' sidien il-proġett magħżul għall-portafoll tal-investitur permezz tal-verifika tal-prospett li sidien il-proġett jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont is-self.

Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jipprovdi wkoll deskrizzjoni tal-metodu użat għall-valutazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu lill-investitur.

3.   Fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv joffri ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self, huwa għandu jżomm rekords tal-mandat mogħti u ta' kull self f'portafoll individwali. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jżomm rekords tal-mandat u ta' kull self għal mill-inqas tliet snin wara d-data tal-maturità tiegħu fuq mezz li jservi għal żmien twil.

4.   Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu, fuq bażi kontinwa u fuq it-talba ta' investitur, jipprovdi permezz ta' mezzi elettroniċi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja fuq kull portafoll individwali:

(a)

il-lista ta' self individwali li portafoll huwa magħmul minnu;

(b)

ir-rata tal-imgħax medja annwali ppeżata fuq is-self f'portafoll;

(c)

id-distribuzzjoni ta' self skont il-kategorija tar-riskju, f'perċentwali u numri assoluti;

(d)

għal kull self li jkun magħmul minnu portafoll, informazzjoni ewlenija, inkluż mill-inqas rata tal-imgħax jew kumpens ieħor lill-investitur, id-data ta' maturità, il-kategorija ta' riskju, l-iskeda għar-ripagament tal-kapital -u l-ħlas tal-imgħax, il-konformità ta' sid il-proġett ma' dik l-iskeda ta' pagament parzjali;

(e)

għal kull self li minnu jkun magħmul portafoll, miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju inkluż fornituri ta' kollateral jew garanti jew tipi oħra ta' garanziji;

(f)

kwalunkwe inadempjenza fuq ftehimiet ta' kreditu minn sid il-proġett fl-aħħar ħames snin;

(g)

kwalunkwe tariffa mħallsa fir-rigward tas-self mill-investitur, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew sid il-proġett;

(h)

jekk il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun wettaq valutazzjoni tas-self:

(i)

il-valutazzjoni l-aktar reċenti;

(ii)

id-data tal-valutazzjoni;

(iii)

spjegazzjoni għaliex il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv wettaq il-valutazzjoni; u

(iv)

deskrizzjoni ġusta tar-ritorn reali probabbli, filwaqt li jittieħed kont tat-tariffi u r-rati ta' inadempjenza.

5.   Fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun stabbilixxa u jopera fond ta' kontinġenza għall-attività tiegħu relatata mal-ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self, għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-investituri:

(a)

twissija ta' riskju li tispeċifika: ‘Il-fond ta' kontinġenza li noffru ma jagħtikx dritt għal pagament u għaldaqstant jista' jiġri li inti ma tirċevix pagament anki jekk iġġarrab telf. L-operatur tal-fond ta' kontinġenza għandu diskrezzjoni assoluta fir-rigward tal-ammont li jista' jitħallas, inkluż li ma jsir l-ebda pagament. Għalhekk, l-investituri ma għandhomx jiddependu fuq pagamenti possibbli mill-fond ta' kontinġenza meta jqisu jekk jinvestux jew kemm jinvestu.’;

(b)

deskrizzjoni tal-politika tal-fond ta' kontinġenza, inkluż:

(i)

spjegazzjoni dwar is-sors tal-flus imħallsa fil-fond;

(ii)

spjegazzjoni dwar kif huwa rregolat il-fond;

(iii)

spjegazzjoni dwar lil min jappartjenu l-flus;

(iv)

il-kunsiderazzjonijiet li l-operatur ta' fond ta' kontinġenza jieħu kont tagħhom meta jiddeċiedi jekk jew kif jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu li jħallas mill-fond, inkluż:

jekk il-fond għandux flus biżżejjed biex iħallas jew le; u

li l-operatur tal-fond ta' kontinġenza għandu fi kwalunkwe każ diskrezzjoni assoluta li ma jħallasx jew li jiddeċiedi l-ammont tal-pagament;

(v)

spjegazzjoni tal-proċess biex jitqies jekk għandux isir pagament diskrezzjonali mill-fond; u

(vi)

deskrizzjoni ta' kif il-flus imħallsa fil-fond jiġu ttrattati fil-każ ta' insolvenza tal-operatur tal-fond ta' kontinġenza.

6.   Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li stabbilixxa u jopera fond ta' kontinġenza kif imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja dwar il-prestazzjoni tal-fond lill-pubbliku fuq bażi trimestrali:

(a)

id-daqs tal-fond ta' kontinġenza mqabbel mal-ammonti totali pendenti fuq is-self rilevanti għall-fond ta' kontinġenza; u

(b)

il-proporzjon bejn il-pagamenti magħmula mill-fond ta' kontinġenza għall-ammonti totali pendenti fuq self rilevanti għall-fond ta' kontinġenza.

7.   L-EBA għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

l-elementi, inkluż il-format, li jridu jiġu inklużi fid-deskrizzjoni tal-metodu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2;

(b)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4; u

(c)

il-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti organizzattivi li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv irid ikollhom fis-seħħ fir-rigward ta' kwalunkwe fond ta' kontinġenza li jistgħu joffru kif imsemmi fil-paragrafi 5 u 6.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 7

Trattament tal-ilmenti

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri effettivi u trasparenti għat-trattament f’waqtu, ġust, konsistenti ta' lmenti li jaslu mill-klijenti u għandhom jippubblikaw deskrizzjonijiet ta' dawk il-proċeduri.

2.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-klijenti jkunu jistgħu jressqu lmenti kontrihom mingħajr ħlas.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jiżviluppaw u jagħmlu disponibbli lill-klijenti formola għall-ilmenti standardizzata u għandhom iżommu rekord tal-ilmenti kollha li jaslulhom u l-miżuri meħuda.

4.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jinvestigaw l-ilmenti kollha b'mod ġust u f'waqtu, u jikkomunikaw l-eżitu lill-ilmentatur f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika r-rekwiżiti, il-formati standard u l-proċeduri għat-trattament tal-ilmenti.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Konflitti ta' interess

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma għandu jkollhom l-ebda parteċipazzjoni finanzjarja fl-ebda offerta ta' finanzjament kollettiv fuq il-pjattaformi ta' finanzjament kollettiv tagħhom.

2.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma għandhom jaċċettaw bħala sidien il-proġett fir-rigward tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv offruti fuq il-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tagħhom l-ebda waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

li l-azzjonisti tagħhom jkollhom 20 %, jew aktar, ta' kapital azzjonarju jew drittijiet tal-vot;

(b)

il-maniġers jew l-impjegati tagħhom;

(c)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun relatata ma' dawk l-azzjonisti, il-maniġers jew l-impjegati permezz ta' kontroll kif definit fil-punt (35)(b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jaċċettaw bħala investituri fil-proġetti ta' finanzjament kollettiv offruti fuq il-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tagħhom kwalunkwe persuna msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiddivulgaw bis-sħiħ fis-sit web tagħhom il-fatt li huma jaċċettaw tali persuni bħala investituri, inkluż informazzjoni dwar il-proġetti speċifiċi ta' finanzjament kollettiv investiti fihom, u għandhom jiżguraw li tali investimenti jsiru taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk ta' investituri oħra u li dawk il-persuni ma jgawdu minn ebda trattament preferenzjali jew aċċess privileġġat għall-informazzjoni.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom iżommu u joperaw regoli interni effettivi biex jimpedixxu l-konflitti ta' interess.

4.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha biex jipprevjenu, jidentifikaw, jimmaniġġjaw u jiddivulgaw konflitti ta' interess bejn il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv infushom, l-azzjonisti tagħhom, il-maniġers jew l-impjegati tagħhom, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika relatata magħhom permezz ta' kontroll, kif definit fil-punt (35)(b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, u tal-klijenti tagħhom, jew bejn klijent wieħed u klijent ieħor.

5.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jiddivulgaw lill-klijenti tagħhom in-natura ġenerali u s-sorsi tal-konflitti ta' interess u l-passi meħuda għall-mitigazzjoni tagħhom.

Divulgazzjoni bħal din għandha ssir fuq is-sit web tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv f'post prominenti.

6.   Id-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 għandha:

(a)

isir b'mezz li jservi għal żmien twil;

(b)

jinkludi biżżejjed dettall, filwaqt li titqies in-natura ta' kull klijent, sabiex kull klijent ikun jista' jieħu deċiżjoni infurmata dwar is-servizz li fil-kuntest tiegħu jinħoloq konflitt ta' interess.

7.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex jiġi speċifikat:

(a)

ir-rekwiżiti għall-manutenzjoni jew għat-tħaddim tar-regoli interni msemmija fil-paragrafu 3;

(b)

il-passi msemmija fil-paragrafu 4;

(c)

l-arranġamenti għad-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 5 u 6.

Meta tiżviluppa dak l-abbozz ta'standards tekniċi regolatorji, l-ESMA għandha tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv ipprovduti mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 9

Esternalizzazzjoni

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, meta jkunu qed jiddependu fuq parti terza għall-prestazzjoni ta' funzjonijiet operazzjonali, għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jevitaw riskju operazzjonali addizzjonali.

2.   L-esternalizzazzjoni ta' funzjonijiet operazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tfixkel il-kwalità tal-kontroll intern tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u l-kapaċità tal-awtorità kompetenti li tissorvelja l-konformità tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma' dan ir-Regolament.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jibqgħu responsabbli b'mod sħiħ għall-konformità ma' dan ir-Regolament fir-rigward tal-attivitajiet esternalizzati.

Artikolu 10

Il-forniment ta' servizzi ta' kustodja tal-assi u servizzi ta' pagament

1.   Fejn jiġu pprovduti servizzi ta' kustodja tal-assi u servizzi ta' pagament, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom b'dan kollu li ġej:

(a)

in-natura u t-termini u kundizzjonijiet ta' dawk is-servizzi, inkluż referenzi għal-liġi nazzjonali applikabbli;

(b)

jekk dawk is-servizzi jiġux fornuti minnhom direttament jew minn parti terza.

2.   Fejn il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv iwettqu tranżazzjonijiet ta' pagament relatati ma' titoli trasferibbli u strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv, huma għandhom jiddepożitaw il-fondi għand waħda mill-entitajiet li ġejjin:

(a)

bank ċentrali; jew

(b)

istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE.

3.   It-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv offruti fuq pjattaforma ta' finanzjament kollettiv, u li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont ta' strumenti finanzjarji miftuħ f'isem investitur jew li jistgħu jiġu konsenjati fiżikament lil kustodju, għandhom jinżammu f'kustodja mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew minn parti terza. Entità li tipprovdi servizzi ta' kustodja għandu jkollha awtorizzazzjoni f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE jew 2014/65/UE.

4.   Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jista' jipprovdi servizzi ta' pagament huwa stess jew permezz ta'parti terza dment li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv innifsu, jew il-parti terza, tkun fornitur ta' servizzi ta' pagament f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/2366.

5.   Fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma jipprovdix, huwa stess jew permezz ta' parti terza, servizzi ta' pagament b'rabta mas-servizzi ta' finanzjament kollettiv, dan il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jimplimenta u jżomm arranġamenti biex jiżgura li sidien il-proġett jaċċettaw il-finanzjament tal-proġetti ta' finanzjament kollettiv, jew kwalunkwe pagament ieħor, permezz biss ta' fornitur ta' servizzi ta' pagament f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/2366.

Artikolu 11

Rekwiżiti prudenzjali

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu, dejjem, ikollhom fis-seħħ salvagwardji prudenzjali ugwali għal ammont ta' mill-inqas l-ogħla minn dawn li ġejjin:

(a)

EUR 25 000; u

(b)

kwart tal-ispejjeż ġenerali fissi tas-sena preċedenti, riveduti kull sena, li jridu jinkludu l-ispiża tas-servizzjar tas-self għal tliet xhur fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiffaċilita wkoll l-għoti ta' self.

2.   Is-salvagwardji prudenzjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

fondi proprji, li jikkonsistu f'elementi ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 imsemmija fl-Artikoli 26 sa 30 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) wara t-tnaqqis b'mod sħiħ, skont l-Artikolu 36 ta' dak ir-Regolament, mingħajr l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-limitu skont l-Artikoli 46 u 48 ta' dak ir-Regolament;

(b)

polza tal-assigurazzjoni li tkopri t-territorji tal-Unjoni fejn l-offerti ta' finanzjament kollettiv ikunu kummerċjalizzati b'mod attiv jew garanzija komparabbli; jew

(c)

taħlita tal-punti (a) u (b).

3.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għal fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li huma intrapriżi soġġetti, fuq bażi individwali jew abbażi tas-sitwazzjoni konsolidata tagħhom, għat-Titolu III tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew għar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

4.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għal fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jkunu intrapriżi soġġetti għall-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/110/KE jew l-Artikoli 7 sa 9 tad-Direttiva (UE) 2015/2366.

5.   Meta fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun ilu jopera għal inqas minn 12-il xahar, huwa jista' juża stimi ta' negozju prospettivi fil-kalkolu tal-ispejjeż ġenerali fissi, sakemm jibda juża data storika minn meta din issir disponibbli.

6.   Il-polza tal-assigurazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jkollha, mill-anqas, il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

ikollha terminu inizjali ta' mhux inqas minn sena;

(b)

il-perijodu ta' avviż għall-kanċellazzjoni tagħha huwa ta' mill-inqas 90 jum;

(c)

tinħareġ minn intrapriża awtorizzata biex tipprovdi assigurazzjoni, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali;

(d)

tiġi pprovduta minn entità terza.

7.   Il-polza tal-assigurazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandha tinkludi, mingħajr ma tkun limitata għaliha, kopertura kontra r-riskju ta':

(a)

telf ta' dokumenti;

(b)

dikjarazzjonijiet foloz jew qarrieqa li jsiru;

(c)

atti, żbalji jew ommissjonijiet li jirriżultaw fi ksur ta':

(i)

obbligi legali u regolatorji;

(ii)

id-dmir ta' ħila u attenzjoni fir-rigward tal-klijenti;

(iii)

obbligi ta' kunfidenzjalità;

(d)

in-nuqqas li jiġu stabbiliti, implimentati u miżmuma proċeduri xierqa biex jiġu evitati konflitti ta' interess;

(e)

telf li jirriżulta minn tfixkil fin-negozju, fallimenti tas-sistema jew ġestjoni tal-proċess;

(f)

fejn applikabbli għall-mudell ta' negozju, negliġenza kbira fit-twettiq tal-valutazzjoni tal-assi jew l-ipprezzar u l-punteġġ tal-kreditu.

8.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jikkalkulaw l-ispejjeż ġenerali fissi tagħhom għas-sena preċedenti, billi jużaw ċifri li jirriżultaw mill-qafas tal-kontabbiltà applikabbli, billi jitnaqqsu l-elementi li ġejjin mill-ispejjeż totali wara d-distribuzzjoni tal-profitti lill-azzjonisti fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali awditjati l-aktar reċenti tagħhom jew, fejn id-dikjarazzjonijiet awditjati ma jkunux disponibbli, fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali vvalidati minn superviżuri nazzjonali:

(a)

bonuses tal-persunal u remunerazzjoni oħra, sa fejn jiddependu fuq profitt nett tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv fis-sena rilevanti;

(b)

l-ishma tal-impjegati, tad-diretturi u tas-sħab fil-profitti;

(c)

approprjazzjonijiet oħra ta' profitti u remunerazzjoni varjabbli oħra, sal-punt li jkunu kompletament diskrezzjonali;

(d)

kummissjoni u tariffi kondiviżi pagabbli li jkunu direttament relatati ma' kummissjoni u tariffi riċevibbli, li jkunu inklużi fid-dħul totali, u fejn il-ħlas tal-kummissjoni u t-tariffi pagabbli jkun kontinġenti fuq ir-riċevuta nnifisha tal-kummissjoni u t-tariffi riċevibbli; u

(e)

spejjeż mhux rikorrenti minn attivitajiet mhux ordinarji.

9.   Meta jkunu nġarrbu spejjeż fissi f'isem il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv minn partijiet terzi, u dawk l-ispejjeż fissi ma jkunux diġà inklużi fl-ispejjeż totali msemmija fil-paragrafu 8, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jieħdu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta jkun disponibbli rendikont tal-ispejjeż ta' dawk il-partijiet terzi, jiddeterminaw l-ammont ta' spejjeż fissi li dawk il-partijiet terzi jkunu ġarrbu f'isimhom u jżidu dak l-ammont maċ-ċifra li tirriżulta mill-paragrafu 8;

(b)

meta r-rendikont tal-ispejjeż ta' dawk il-partijiet terzi ma jkunx disponibbli, jiddeterminaw l-ammont ta' spejjeż imġarrba f'isimhom minn dawk il-partijiet terzi skont il-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u jżidu dak l-ammont maċ-ċifra li tirriżulta mill-paragrafu 8.

KAPITOLU III

Awtorizzazzjoni u superviżjoni tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

Artikolu 12

Awtorizzazzjoni bħala fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

1.   Persuna ġuridika li jkollha l-ħsieb li tipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv għandha tapplika, mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita għall-awtorizzazzjoni bħala fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

2.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi dan kollu li ġej:

(a)

l-isem (inkluż l-isem ġuridiku u kwalunkwe isem kummerċjali ieħor li għandu jintuża) tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv, l-indirizz tal-internet tas-sit web li jitħaddem minn dak il-fornitur, u l-indirizz fiżiku tiegħu;

(b)

il-forma ġuridika tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv;

(c)

l-istatut ta' assoċjazzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv;

(d)

programm ta' operazzjonijiet li jistabbilixxi t-tipi ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv għandu l-intenzjoni li jipprovdi u l-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv li biħsiebu jopera, inkluż fejn u kif l-offerti ta' finanzjament kollettiv ser jiġu kkummerċjalizzati;

(e)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ta' governanza u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju u ta' kontabbiltà;

(f)

deskrizzjoni tas-sistemi, ir-riżorsi u l-proċeduri tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv għall-kontroll u s-salvagwardja tas-sistemi ta' proċessar tad-data;

(g)

deskrizzjoni tar-riskji operazzjonali tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv;

(h)

deskrizzjoni tas-salvagwardji prudenzjali tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv f'konformità mal-Artikolu 11;

(i)

prova li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv jissodisfa s-salvagwardji prudenzjali f'konformità mal-Artikolu 11;

(j)

deskrizzjoni tal-pjan ta' kontinwità tan-negozju tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv li, b'kont meħud tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv għandu l-intenzjoni li jipprovdi, jistabbilixxi miżuri u proċeduri li jiżguraw, fil-każ ta' falliment tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv, il-kontinwità tal-forniment ta' servizzi kritiċi relatati mal-investimenti eżistenti u l-amministrazzjoni tajba tal-ftehimiet bejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv u l-klijenti tiegħu;

(k)

l-identità tal-persuni fiżiċi responsabbli għall-ġestjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv;

(l)

prova li l-persuni fiżiċi msemmija fil-punt (k) huma ta' reputazzjoni tajba u jħaddnu għarfien, ħiliet u l-esperjenza suffiċjenti biex jimmaniġġjaw il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv;

(m)

deskrizzjoni tar-regoli interni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv biex jipprevjenu lill-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) milli jinvolvu ruħhom, bħala sidien il-proġett, fis-servizzi ta' finanzjament kollettiv offruti mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv;

(n)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ta' esternalizzazzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv;

(o)

deskrizzjoni tal-proċeduri tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv biex jittratta l-ilmenti mingħand il-klijenti;

(p)

konferma dwar jekk il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv għandux l-intenzjoni li jipprovdi servizzi ta' pagament huwa stess jew permezz ta' parti terza, skont id-Direttiva (UE) 2015/2366, jew permezz ta' arranġament f'konformità mal-Artikolu 10(5) ta' dan ir-Regolament;

(q)

deskrizzjoni tal-proċeduri tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv biex jivverifikaw il-kompletezza, il-korrettezza u ċ-ċarezza tal-informazzjoni fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment;

(r)

deskrizzjoni tal-proċeduri tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv fir-rigward tal-limiti ta' investiment għall-investituri mhux sofistikati msemmija fl-Artikolu 21(7).

3.   Għall-finijiet tal-punt (l) tal-paragrafu 2, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettivi għandhom jipprovdu prova ta' dawn li ġejjin:

(a)

in-nuqqas ta' preżenza ta' rekord kriminali fir-rigward ta' ksur ta' regoli nazzjonali fl-oqsma tal-liġi kummerċjali, il-liġi dwar l-insolvenza, il-liġi dwar is-servizzi finanzjarji, il-liġi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-liġi dwar il-frodi jew l-obbligi ta' responsabbiltà professjonali għall-persuni fiżiċi kollha involuti fl-immaniġġar tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv u għall-azzjonisti li jkollhom 20 % jew aktar tal-kapital azzjonarju jew tad-drittijiet tal-vot;

(b)

prova li l-persuni fiżiċi involuti fil-ġestjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv kollha flimkien iħaddnu biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza sabiex jimmaniġġjaw il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv u li dawk il-persuni fiżiċi huma meħtieġa li jimpenjaw biżżejjed ħin għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

4.   L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien 25 jum ta' xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, tivvaluta jekk dik l-applikazzjoni tkunx kompluta billi tivverifika li l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 tkun ġiet sottomessa. Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien sa meta l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv irid jipprovdi l-informazzjoni nieqsa.

5.   Meta applikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 tibqa' inkompleta wara l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti tista' tirrifjuta li teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni u, fil-każ ta' tali rifjut, għandha tirritorna d-dokumenti ppreżentati lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv.

6.   Meta applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika minnufih b'dan lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv.

7.   Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta li tingħata awtorizzazzjoni bħala fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor fil-każijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur ta' servizz ta' finanzjament kollettiv prospettiv ikun sussidjarju ta' fornitur ta' servizz ta' finanzjament kollettiv awtorizzat f'dak l-Istat Membru l-ieħor;

(b)

il-fornitur ta' servizz ta' finanzjament kollettiv prospettiv ikun sussidjarju tal-intrapriża prinċipali ta' fornitur ta' servizz ta' finanzjament kollettiv awtorizzat f' dak l-Istat Membru l-ieħor; jew

(c)

il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv ikun ikkontrollat mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollaw fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzat f'dak l-Istat Membru l-ieħor.

8.   L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien tliet xhur mid-data minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta, tivvaluta jekk il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u għandha tadotta deċiżjoni kompletament motivata li tagħti jew tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjoni bħala fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv. Dik il-valutazzjoni għandha tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv għandu l-intenzjoni li jipprovdi. L-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta l-awtorizzazzjoni jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jintwerew għaliex wieħed għandu jemmen li l-korp ta’ ġestjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv jista' jkun ta' riskju għall-ġestjoni effettiva, tajba u prudenti tagħha u għall-kontinwità tan-negozju u għall-kunsiderazzjoni adegwata tal-interess tal-klijenti tiegħu u l-integrità tas-suq.

9.   L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-ESMA dwar l-awtorizzazzjonijiet kollha li jingħataw taħt dan l-Artikolu. L-ESMA għandha żżid informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet ta' suċċess fir-reġistru tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzati f'konformità mal-Artikolu 14. L-ESMA tista' titlob informazzjoni sabiex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jagħtu awtorizzazzjonijiet taħt dan l-Artikolu b'mod konsistenti.

10.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv bid-deċiżjoni tagħha fi żmien tlett ijiem ta' xogħol mid-data ta' dik id-deċiżjoni.

11.   Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzat f'konformità ma' dan l-Artikolu għandu, f’kull ħin, jissodisfa, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tiegħu.

12.   L-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv fuq bażi transfruntiera jkollhom preżenza fiżika fit-territorju ta' Stat Membru għajr l-Istat Membru li fih dawk il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikunu awtorizzati.

13.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzati skont dan ir-Regolament jistgħu jinvolvu ruħhom ukoll f'attivitajiet għajr dawk koperti mill-awtorizzazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu f'konformità mal-liġi applikabbli rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

14.   Meta entità awtorizzata skont id-Direttiva 2009/110/KE, 2013/36/UE, 2014/65/UE jew (UE) 2015/2366, jew il-liġi nazzjonali applikabbli għal servizzi ta' finanzjament kollettiv qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, tapplika għal awtorizzazzjoni bħala fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv skont dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti ma għandhiex teħtieġ lil dik l-entità tipprovdi informazzjoni jew dokumenti li tkun diġà ppreżentat meta applikat għal awtorizzazzjoni skont dawk id-Direttivi jew il-liġi nazzjonali, dment li tali informazzjoni jew dokumenti jibqgħu aġġornati u jkunu aċċessibbli għall-awtorità kompetenti.

15.   Meta fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv prospettiv ifittex ukoll li japplika għal awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' pagament biss b'rabta mal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, u sal-punt li l-awtoritajiet kompetenti jkunu responsabbli wkoll għall-awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva (UE) 2015/2366, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni u d-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati taħt kull applikazzjoni jiġu ppreżentati darba biss.

16.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar:

(a)

ir-rekwiżiti u l-arranġamenti għall-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż il-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni; u

(b)

il-miżuri u l-proċeduri għall-pjan tal-kontinwità ta' negozju msemmi fil-punt (j) tal-paragrafu 2.

Meta tiżviluppa dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, l-ESMA għandha tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv fornuti mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal- Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti li jkunu taw awtorizzazzjoni nnotifikata skont l-Artikolu 12(10) għandhom jiżguraw li tali awtorizzazzjoni tispeċifika s-servizzi ta' finanzjament kollettiv li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv huwa awtorizzat li jipprovdi.

2.   Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jfittex awtorizzazzjoni biex jestendi n-negozju tiegħu għal servizzi addizzjonali ta' finanzjament kollettiv li ma kinux previsti fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni li ngħatat taħt l-Artikolu 12, għandu jissottometti talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti li kienu taw lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv l-awtorizzazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 12 billi jżid u jaġġorna l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(2). It-talba għal estensjoni għandha tiġi pproċessata f'konformità mal-Artikolu 12(4) sa (11).

Artikolu 14

Ir-reġistru tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

1.   L-ESMA għandha tistabbilixxi reġistru tal-fornituri kollha ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv. Dan ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha u għandu jiġi aġġornat regolarment.

2.   Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih id-data li ġejja:

(a)

l-isem, il-forma ġuridika u, fejn applikabbli, l-identifikatur ta' entità ġuridika tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(b)

l-isem kummerċjali, l-indirizz fiżiku u l-indirizz tal-internet tal-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv operata mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti li tkun tat l-awtorizzazzjoni u d-dettalji ta' kuntatt tagħha;

(d)

informazzjoni dwar is-servizz ta' finanzjament kollettiv li għalih huwa awtorizzat il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(e)

lista tal-Istati Membri li fihom il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità mal-Artikolu 18;

(f)

kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv mhux kopert minn dan ir-Regolament b'referenza għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali rilevanti;

(g)

kwalunkwe penali imposta fuq il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew il-maniġers tiegħu.

3.   Kwalunkwe irtirar ta' awtorizzazzjoni ta' fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità mal-Artikolu 17 għandu jiġi ppubblikat, u jibqa' ppubblikat fir-reġistru għal ħames snin.

Artikolu 15

Superviżjoni

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni.

2.   L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tivvaluta l-konformità tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv mal-obbligazzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament. Hija għandha tiddetermina l-frekwenza u l-profondità ta' dik il-valutazzjoni filwaqt li tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-fornitur tas-servizz ta' finanzjament kollettiv. Għall-fini ta' dik il-valutazzjoni, l-awtorità kompetenti rilevanti tista' twettaq spezzjoni fuq il-post fir-rigward tal-fornitur ta' servizz ta' finanzjament kollettiv.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe bidla materjali fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni mingħajr dewmien żejjed u għandhom, fuq talba, jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Ir-rapportar mill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

1.   Fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jipprovdi, kull sena u fuq bażi kunfidenzjali, lista ta' proġetti ffinanzjati permezz tal-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tiegħu, lill-awtorità kompetenti li tkun tat l-awtorizzazzjoni, filwaqt li jispeċifika għal kull proġett:

(a)

sid il-proġett u l-ammont miġbur;

(b)

l-istrument maħruġ, kif definit fil-punti (b), (m) u (n) tal-Artikolu 2(1);

(c)

informazzjoni aggregata dwar l-investituri u l-ammont investit imqassam skont ir-residenza fiskali tal-investituri, filwaqt li ssir distinzjoni bejn investituri sofistikati u investituri mhux sofistikati.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-ESMA f'format anonimu fi żmien xahar mid-data li jkunu rċevew dik l-informazzjoni. L-ESMA għandha tiżviluppa u tippubblika statistika annwali aggregata relatata mas-suq tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni fuq is-sit web tagħha.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi standards u formati, mudelli u proċeduri ta' data għall-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata f'konformità ma' dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta' dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 17

L-irtirar ta' awtorizzazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti li jkun taw l-awtorizzazzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jirtiraw l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv:

(a)

ma jkunx uża l-awtorizzazzjoni tiegħu fi żmien 18-il xahar mid-data tal-għoti tal-awtorizzazzjoni;

(b)

ikun espressament irrinunzja għall-awtorizzazzjoni tiegħu;

(c)

ma jkunx ipprovda servizzi ta' finanzjament kollettiv għal disa' xhur suċċessivi u ma jkunx ukoll għadu involut fl-amministrazzjoni tal-kuntratti eżistenti li jkunu r-riżultat tat-tqabbil inizjali ta' interessi ta' finanzjament ta' negozji permezz tal-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tiegħu;

(d)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni b'mod irregolari, inkluż billi għamel dikjarazzjonijiet foloz fl-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni;

(e)

ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li skonthom ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(f)

ikun kiser serjament dan ir-Regolament.

L-awtoritajiet kompetenti li taw l-awtorizzazzjoni għandu ikollhom ukoll is-setgħa li jirtiraw l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun ukoll fornitur ta' servizzi ta' pagament f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/2366 u huwa, jew il-maniġers, l-impjegati jew il-partijiet terzi tiegħu li jaġixxu f'ismu, ikunu kisru l-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jew

(b)

fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew parti terza li taġixxi f'ismu jkun tilef l-awtorizzazzjoni li tippermetti l-forniment ta' servizzi ta' pagament f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/2366 jew servizzi ta' investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE, u dak il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew il-parti terza jkun naqas milli jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien 40 jum kalendarju.

2.   Fejn awtorità kompetenti fi Stat Membru tirtira awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti maħtura bħala l-punt ta' kuntatt uniku f'dak l-Istat Membru f'konformità mal-Artikolu 29(2) għandha tinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, lill-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra li fihom il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità mal-Artikolu 18. L-ESMA għandha tintroduċi l-informazzjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 14.

3.   Qabel ma tieħu deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti li tat l-awtorizzazzjoni għandha tikkonsulta mal-awtorità kompetenti ta'Stat Membru ieħor f'każijiet fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun:

(a)

sussidjarja ta' fornitur ta' servizz ta' finanzjament kollettiv awtorizzat f'dak l-Istat Membru l-ieħor;

(b)

sussidjarju tal-intrapriża prinċipali ta' fornitur ta' servizz ta' finanzjament kollettiv awtorizzata f'dak l-Istat Membru l-ieħor; jew

(c)

kkontrollat mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollaw fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzat f'dak l-Istat Membru l-ieħor.

Artikolu 18

Forniment transfruntier ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

1.   Fejn fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzat f'konformità mal-Artikolu 12 ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv fi Stat Membru għajr l-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tat l-awtorizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 12, huwa għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti maħtura bħala punt uniku ta' kuntatt f'konformità mal-Artikolu 29(2), mill-Istat Membru fejn tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

lista tal-Istati Membri li fihom il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv biħsiebu jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(b)

l-identità tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi responsabbli għall-forniment tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv f'dawk l-Istati Membri;

(c)

id-data tal-bidu tal-forniment maħsub tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(d)

lista ta' kull attività oħra pprovduta mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li mhijiex koperta minn dan ir-Regolament.

2.   Il-punt uniku ta' kuntatt tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għandu, fi żmien għaxart ijiem minn meta jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv biħsiebu jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u lill-ESMA. L-ESMA għandha tintroduċi dik l-informazzjoni fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 14.

3.   Il-punt uniku ta' kuntatt tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għandu minn hemm 'il quddiem jinforma mingħajr dewmien lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv bil-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jista' jibda jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv fi Stat Membru għajr dak li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tat l-awtorizzazzjoni mid-data tal-wasla tal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jew mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju wara l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

KAPITOLU IV

Il-protezzjoni tal-investitur

Artikolu 19

Informazzjoni lill-klijenti

1.   L-informazzjoni kollha, inkluż il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 27, minn fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv lill-klijenti dwarhom infushom, dwar l-ispejjeż, ir-riskji finanzjarji u l-imposti relatati ma' servizzi jew investimenti ta' finanzjament kollettiv, dwar il-kriterji tal-għażla tal-proġetti ta' finanzjament kollettiv, jew dwar in-natura tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv tagħhom u r-riskji assoċjati magħhom għandhom ikunu ġusti, ċari, u mhux qarrieqa.

2.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom li s-servizzi ta' finanzjament kollettiv tagħhom mhumiex koperti mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti stabbilita skont id-Direttiva 2014/49/UE u li t-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv miksuba permezz tal-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tagħhom mhumiex koperti mill-iskema ta' kumpens għall-investituri stabbilita skont id-Direttiva 97/9/KE.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar il-perijodu ta' riflessjoni għall-investituri mhux sofistikati msemmija fl-Artikolu 22. Kull meta ssir offerta ta' finanzjament kollettiv, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jipprovdi dik l-informazzjoni f'post prominenti tal-mezz, inkluż fuq kull applikazzjoni mobbli u paġna web fejn issir tali offerta.

4.   L-informazzjoni kollha li għandha tiġi pprovduta f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata lill-klijenti kull meta jkun xieraq, tal-inqas qabel id-dħul fi tranżazzjoni ta' finanzjament kollettiv.

5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 6 għandha tkun disponibbli għall-klijenti kollha f'taqsima identifikata b'mod ċar u faċilment aċċessibbli tas-sit web tal-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv u b'mod mhux diskriminatorju.

6.   Jekk il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv japplikaw punteġġi tal-kreditu għal proġetti ta' finanzjament kollettiv jew jissuġġerixxu l-ipprezzar ta' offerti ta' finanzjament kollettiv fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv tagħhom, huma għandhom jagħmlu disponibbli deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu ta' tali punteġġi jew ipprezzar tal-kreditu. Jekk il-kalkolu jkun ibbażat fuq kontijiet li ma jiġux ivverifikati, dan għandu jiġi divulgat b'mod ċar fid-deskrizzjoni tal-metodu.

7.   L-EBA għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

l-elementi, inkluż il-format, li jridu jiġu inklużi fid-deskrizzjoni tal-metodu msemmi fil-paragrafu 6;

(b)

l-informazzjoni u l-fatturi li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv iridu jikkunsidraw meta jwettqu valutazzjoni tar-riskju ta' kreditu msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(4) u meta jmexxu valutazzjoni ta' self imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 4(4);

(c)

il-fatturi li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv irid iqis meta jiżgura li l-prezz ta' self li huwa jiffaċilita jkun ġust u xieraq kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 4(4);

(d)

il-kontenut minimu u l-governanza tal-politiki u l-proċeduri meħtieġa skont dan l-Artikolu u tal-qafas ta' ġestjoni tar-riskju msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 4(4).

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Mejju 2022.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 20

Divulgazzjoni tar-rata ta' inadempjenza

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv li jikkonsistu fl-iffaċilitar tal-għoti ta' self għandhom:

(a)

jiddivulgaw kull sena ir-rati ta' inadempjenza tal-proġetti ta' finanzjament kollettiv offruti fil-pjattaforma tagħhom ta' finanzjament kollettiv matul għall-inqas l-aħħar 36 xahar; u

(b)

jippubblikaw dikjarazzjoni dwar ir-riżultati fi żmien erba' xhur mit-tmiem ta' kull sena finanzjarja li tindika, kif applikabbli:

(i)

ir-rata ta' inadempjenza mistennija u dik reali tas-self kollu li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun iffaċilita, skont il-kategorija tar-riskju u b'referenza għall-kategoriji ta' riskju stabbiliti fil-qafas ta' ġestjoni tar-riskju;

(ii)

sommarju tas-suppożizzjonijiet użati fid-determinazzjoni tar-rati ta' inadempjenza mistennija; u

(iii)

fejn il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikun offra rata ta' mira fir-rigward tal-ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self, ir-redditu attwali miksub.

2.   Ir-rati ta' inadempjenza msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati f'post prominenti fis-sit web tal-pjattaforma tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

3.   L-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta' inadempjenza msemmija fil-paragrafu 1 tal-proġetti offruti fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal- Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 21

Test inizjali tal-għarfien u simulazzjoni tal-kapaċità li ġġorr il-piż ta' telf

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom, qabel ma jagħtu lill-investituri prospettivi mhux sofistikati, aċċess sħiħ biex jinvestu fi proġetti ta' finanzjament kollettiv fuq il-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tagħhom, jivvalutaw jekk u liema servizzi ta' finanzjament kollettiv offruti huma xierqa għall-investituri prospettivi mhux sofistikati.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jitolbu informazzjoni dwar l-esperjenza, l-objettivi tal-investiment, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-investitur mhux sofistikat prospettiv u l-komprensjoni bażika tiegħu tar-riskji involuti fl-investiment b'mod ġenerali u fl-investiment fit-tipi ta' investimenti offruti fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv, inkluż informazzjoni dwar:

(a)

l-investimenti fil-passat tal-investitur mhux sofistikat prospettiv f'titoli trasferibbli, jew l-akkwist fil-passat ta' strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv jew ta' self, inkluż fi stadju bikri jew ta' espansjoni ta' negozju;

(b)

il-fehim tal-investitur mhux sofistikat prospettiv tar-riskji involuti fl-għoti ta' self, l-investiment f' titoli trasferibbli, jew l-akkwist ta' strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv permezz ta' pjattaforma ta' finanzjament kollettiv, u l-esperjenza professjonali b'rabta mal-investimenti ta' finanzjament kollettiv.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, għal kull investitur mhux sofistikat, għandhom jagħmlu rieżami tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 kull sentejn wara l-valutazzjoni inizjali li tkun saret f'konformità ma dak il-paragrafu.

4.   Fejn l-investituri mhux sofistikati prospettivi ma jipprovdux l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 2, jew fejn il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jikkunsidraw, abbażi tal-informazzjoni riċevuta skont dak il-paragrafu, li l-investituri mhux sofistikati prospettivi ma għandhomx għarfien, ħiliet jew esperjenza suffiċjenti, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jinfurmaw lil dawk l-investituri mhux sofistikati prospettivi li s-servizzi offruti fuq il-pjattaformi ta' finanzjament kollettiv tagħhom jistgħu ma jkunux xierqa għalihom u joħorġulhom twissija ta' riskju. Dik it-twissija ta' riskju għandha tiddikjara b'mod ċar ir-riskju tat-telf tal-flus kollha investiti. L-investituri mhux sofistikati prospettivi għandhom espressament jirrikonoxxu li jkunu rċevew u fehmu t-twissija maħruġa mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

5.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jirrikjedu wkoll li l-investituri mhux sofistikati prospettivi jissimulaw il-kapaċità tagħhom li jġorru t-telf, ikkalkulat bħala 10 % tal-valur nett tagħhom, abbażi tal-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-introjtu regolari u l-introjtu totali, u jekk l-introjtu jinkisibx fuq bażi permanenti jew temporanja;

(b)

assi, inkluż investimenti finanzjarji u kwalunkwe depożiti ta' flus, iżda eskluż fondi ta' proprjetà personali u ta' investiment u ta' pensjonijiet;

(c)

l-impenji finanzjarji, inkluż l-impenji regolari, eżistenti jew futuri.

6.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, għal kull investitur mhux sofistikat, għandhom jagħmlu rieżami tas-simulazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 kull sena wara s-simulazzjoni inizjali li tkun saret f'konformità ma' dak il-paragrafu.

Investituri mhux sofistikati prospettivi u investituri mhux sofistikati m'għandhomx jinżammu milli jinvestu fi proġetti ta' finanzjament kollettiv. L-investituri mhux sofistikati għandhom jirrikonoxxu li rċevew ir-riżultati tas-simulazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

7.   Kull darba u qabel ma investitur mhux sofistikat prospettiv jew investitur mhux sofistikat jaċċetta offerta ta’ finanzjament kollettiv individwali u b’hekk jinvesti ammont li jaqbeż l-ogħla minn EUR 1 000 jew 5 % tal-valur nett ta' dak l-investitur kif ikkalkulat f'konformità mal-paragrafu 5, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jiżgura li tali investitur:

(a)

jirċievi twissija ta' riskju;

(b)

jipprovdi kunsens espliċitu lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv; u

(c)

jagħti prova lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li l-investitur jifhem l-investiment u r-riskji tiegħu.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tintuża bħala prova li l-investitur mhux sofistikat prospettiv jew l-investitur mhux sofistikat jifhem l-investiment u r-riskji tiegħu.

8.   L-ESMA għandha, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-arranġamenti meħtieġa biex:

(a)

titwettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

titwettaq is-simulazzjoni msemmija fil-paragrafu 5;

(c)

tingħata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 4.

Meta tiżviluppa dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, l-ESMA għandha tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv ipprovduti mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal- Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 22

Perijodu ta' riflessjoni prekuntrattwali

1.   It-termini u l-kundizzjonijiet tal-offerta ta' finanzjament kollettiv għandhom jibqgħu vinkolanti għal sid il-proġett mill-mument meta l-offerta ta' finanzjament kollettiv tkun elenkata fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv sa l-aktar kmieni minn dawn id-dati:

(a)

id-data ta' skadenza tal-offerta ta' finanzjament kollettiv imħabbra mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv fil-mument tal-elenkar tal-offerta ta' finanzjament kollettiv fuq il-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tiegħu; jew

(b)

id-data li fiha jintlaħaq l-għan ta' finanzjament fil-mira jew, fil-każ ta' firxa ta' finanzjament, meta jintlaħaq l-għan massimu ta' finanzjament fil-mira.

2.   Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jipprevedi perijodu ta' riflessjoni prekuntrattwali li matulu l-investitur mhux sofistikat prospettiv jista', fi kwalunkwe ħin, jirrevoka l-offerta tiegħu li jinvesti jew l-espressjoni ta' interess tiegħu fl-offerta ta' finanzjament kollettiv mingħajr ma jagħti raġuni u mingħajr ma jġarrab penali.

3.   Il-perijodu ta' riflessjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jibda fil-mument tal-offerta ta' investiment jew tal-espressjoni ta' interess mill-investitur mhux sofistikat prospettiv, u għandu jiskadi wara erbat ijiem kalendarji.

4.   Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jżomm rekord tal-offerti ta' investiment u tal-espressjonijiet ta' interess li jirċievi, u tal-punt fiż-żmien meta jirċevihom.

5.   Il-modalitajiet biex tiġi revokata offerta ta' investiment jew espressjoni ta' interess għandhom jinkludu mill-inqas l-istess modalitajiet li bihom l-investitur mhux sofistikat prospettiv jista' jagħmel offerta biex jinvesti jew espressjoni ta' interess f'offerta ta' finanzjament kollettiv

6.   Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jipprovdi informazzjoni preċiża, ċara u f'waqtha lill-investitur mhux sofistikat prospettiv dwar il-perijodu ta' riflessjoni u l-modalitajiet biex tiġi revokata offerta ta' investiment jew espressjoni ta' interess, inkluż mill-inqas dan li ġej:

(a)

immedjatament qabel ma l-investitur mhux sofistikat prospettiv ikun jista' jikkomunika l-offerta tiegħu ta' investiment jew ta' espressjoni ta' interess, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv irid jinforma lill-investitur mhux sofistikat prospettiv bi:

(i)

il-fatt li l-offerta ta' investiment jew l-espressjoni ta' interess hija soġġetta għal perijodu ta' riflessjoni;

(ii)

it-tul ta' żmien tal-perijodu ta' riflessjoni;

(iii)

il-modalitajiet biex tiġi revokata l-offerta ta' investiment jew l-espressjoni ta' interess;

(b)

immedjatament wara li jkun irċieva l-offerta ta' investiment jew l-espressjoni ta' interess, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, permezz tal-pjattaforma ta' finanzjament kollettiv tiegħu, irid jinforma lill-investitur mhux sofistikat prospettiv li jkun beda l-perijodu ta' riflessjoni.

7.   Fil-każ ta' ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self, dan l-Artikolu għandu japplika biss għall-mandat ta' investiment inizjali mogħti mill-investitur mhux sofistikat u mhux għall-investimenti f'self speċifiku magħmul taħt dak il-mandat.

Artikolu 23

Skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jipprovdu lill-investituri prospettivi bl-informazzjoni kollha msemmija f'dan l-Artikolu.

2.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jipprovdu lil investituri prospettivi bi skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment imfassla minn sid il-proġett għal kull offerta ta' finanzjament kollettiv. L-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandha titfassal f'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu taw l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 12 jew f'lingwa oħra aċċettata minn dawk l-awtoritajiet.

3.   Meta fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jippromwovi offerta ta' finanzjament kollettiv permezz ta' komunikazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ieħor, l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandha ssir disponibbli f'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali ta' dak l-Istat Membru jew f'lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

4.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma għandhomx jinżammu milli jagħmlu arranġamenti għal traduzzjoni tal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għal kwalunkwe lingwa jew lingwi għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2 jew 3. Dawk it-traduzzjonijiet għandhom jirriflettu b'mod preċiż il-kontenut tal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment oriġinali.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ESMA dwar il-lingwa jew il-lingwi li jaċċettaw għall-finijiet ta' dan ir-Regolament kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3. L-ESMA għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit web tagħha.

6.   L-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-informazzjoni stipulata fl-Anness I;

(b)

id-dikjarazzjoni ta' ċaħda li ġejja, li tidher direttament taħt it-titlu tal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment:

“Din l-offerta ta' finanzjament kollettiv la ġiet ivverifikata u lanqas ma ġiet approvata mill-awtoritajiet kompetenti jew l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

L-adegwatezza tal-esperjenza u l-għarfien tiegħek ma ġewx neċessarjament ivvalutati qabel ma inti ngħatajt aċċess għal dan l-investiment. Billi tagħmel dan l-investiment, qed tassumi r-riskju sħiħ li tieħu dan l-investiment, inkluż ir-riskju ta' telf parzjali jew sħiħ tal-flus investiti.”;

(c)

it-twissija ta' riskju li ġejja:

“L-investiment f'din l-offerta ta' finanzjament kollettiv jinvolvi riskji, inkluż ir-riskju ta' telf parzjali jew sħiħ tal-flus investiti. L-investiment tiegħek mhuwiex kopert mill-iskemi ta' garanzija ta' depożitu stabbiliti f'konformità mad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). L-investiment tiegħek lanqas ma huwa kopert mill-iskemi ta' kumpens tal-investitur stabbiliti f'konformità mad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Inti tista' ma tirċievi l-ebda redditu fuq l-investiment tiegħek.

Dan mhuwiex prodott tat-tfaddil u r-rakkomandazzjoni tagħna hija li ma tinvestix aktar minn 10 % tal-valur nett tiegħek fi proġetti ta' finanzjament kollettiv.

Jaf ma tkunx tista' tbigħ l-istrumenti tal-investiment meta tkun tixtieq. Jekk inti tkun kapaċi tbiegħhom, tista' madankollu ġġarrab telf.

(*1)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149)."

(*2)  Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).”."

7.   L-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandha tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa, u ma għandux ikun fiha kwalunkwe noti f'qiegħ il-paġna, għajr dawk b' referenzi, inkluż kwotazzjonijiet fejn ikun xieraq, għal-liġi applikabbli. Din għandha tiġi ppreżentata f'mezz awtonomu li jservi għal żmien twil li jkun jista' jingħaraf b'mod ċar minn komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u li jekk tiġi stampata tkun tikkonsisti f'massimu ta' sitt naħat ta' format ta' karta ta' daqs A4. Fil-każ ta' strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv, fejn l-informazzjoni meħtieġa skont il-Parti F tal-Anness I taqbeż naħa waħda ta' daqs ta' karta A4 meta tiġi stampata, il-bqija għandha tiġi ppreżentata f'anness mehmuż mal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.

8.   Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jitlob lil sid il-proġett biex jinnotifikah bi kwalunkwe bidla ta' informazzjoni sabiex l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tinżamm aġġornata f'kull ħin u għat-tul ta' żmien tal-offerta ta' finanzjament kollettiv. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jinforma immedjatament lill-investituri li jkunu għamlu offerta biex jinvestu jew ikunu esprimew interess fl-offerta ta' finanzjament kollettiv dwar kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment li tkun ġiet notifikata lilu.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-responsabbiltà ta' mill-inqas sid il-proġett jew il-korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew superviżorji tiegħu għall-informazzjoni mogħtija fi skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment. Dawk responsabbli għall-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandhom, fil-każ ta' persuni fiżiċi, ikunu identifikati b'mod ċar fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment b'isimhom u l-funzjonijiet tagħhom jew, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, b'isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tagħhom li, sa fejn ikunu jafu, l-informazzjoni li tkun tinsab fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tkun f'konformità mal-fatti u li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment ma tħalli xejn barra li x'aktarx jaffettwa l-importanza tagħha.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal persuni fiżiċi u ġuridiċi responsabbli għall-informazzjoni mogħtija fi skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment, inkluż kwalunkwe traduzzjoni tagħha, f'mill-inqas is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni tkun qarrieqa u mhix preċiża; jew

(b)

l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tħalli barra informazzjoni ewlenija meħtieġa biex tgħin lill-investituri meta jiġu biex jikkunsidraw jekk jiffinanzjawx il-proġett ta' finanzjament kollettiv.

11.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ u japplikaw proċeduri adegwati biex jivverifikaw il-kompletezza, il-korrettezza u ċ-ċarezza tal-informazzjoni fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.

12.   Meta l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jidentifika ommissjoni, żball jew ineżattezza fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment li jista' jkollha impatt materjali fuq ir-redditu mistenni tal-investiment, dak il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jissenjala tali ommissjoni, żball jew ineżattezza fil-pront lil sid il-proġett, li għandu jikkompleta jew jikkoreġi dik l-informazzjoni minnufih.

Meta tali kompletezza jew korrezzjoni ma jsirux minnufih, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jissospendi l-offerta ta' finanzjament kollettiv sakemm l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tkun ġiet ikkompletata jew ikkorreġuta, iżda għal perijodu mhux itwal minn 30 jum kalendarju.

Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jinforma immedjatament lill-investituri li jkunu għamlu offerta li jinvestu jew li jkunu esprimew interess fl-offerta ta' finanzjament kollettiv dwar tali irregolaritajiet identifikati, il-passi meħuda u li ser jittieħdu mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u l-għażla li jirrevokaw l-offerta tagħhom li jinvestu jew l-espressjoni ta’ interess tagħhom fl-offerta ta' finanzjament kollettiv.

Jekk, wara 30 jum kalendarju, l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment ma tkunx ġiet ikkompletata jew ikkorreġuta biex jiġu rettifikati l-irregolaritajiet identifikati kollha, l-offerta ta' finanzjament kollettiv għandha tiġi kkanċellata.

13.   Investitur prospettiv jista' jitlob lil fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv biex iħejji traduzzjoni tal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment f'lingwa tal-għażla tal-investitur. It-traduzzjoni għandha tirrifletti fedelment u b'mod preċiż il-kontenut tal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment oriġinali.

Jekk il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ma jipprovdix it-traduzzjoni mitluba tal-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jagħti parir biċ-ċar lill-investitur biex iżomm lura milli jagħmel l-investiment.

14.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jista' jitlob notifika ex ante ta' skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment mill-inqas sebat ijiem ta' xogħol qabel ma ssir disponibbli għall-investituri prospettivi. L-iskedi bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment ma għandhomx ikunu soġġetti għal approvazzjoni ex ante mill-awtoritajiet kompetenti.

15.   Meta l-investituri prospettivi jingħataw skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment imfassla f'konformità ma' dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u sidien il-proġett għandhom jitqiesu li ssodisfaw l-obbligu li jitfassal dokument bl-informazzjoni ewlenija f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mutatis mutandis għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtu pariri dwar offerta ta' finanzjament kollettiv jew li jikkummerċjalizzawha.

16.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti għall-mudell u l-kontenut tiegħu għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 u Anness I;

(b)

it-tipi ta' riskji ewlenin li huma assoċjati mal-offerta ta' finanzjament kollettiv u li għalhekk iridu jiġu divulgati f'konformità mal-Parti C ta' Anness I;

(c)

l-użu ta' ċerti proporzjonijiet finanzjarji biex tittejjeb iċ-ċarezza tal-informazzjoni finanzjarja ewlenija, inkluż għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-Parti A ta' Anness I;

(d)

il-kummissjonijiet u t-tariffi u l-ispejjeż ta' tranżazzjoni koperti mill-punt (a) tal-Parti H tal-Anness I, inkluż qsim dettaljat tal-ispejjeż diretti u indiretti li għandu jġarrab l-investitur.

Meta tiżviluppa dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, l-ESMA għandha tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv ipprovduti mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Mejju 2022.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal- Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 24

Skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell ta' pjattaforma

1.   B'deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(2) u mill-punt (a) tal-Artikolu 23(6), il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self għandhom ifasslu f'konformità ma' dan l-Artikolu, u jagħmlu disponibbli għall-investituri prospettivi, skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell tal-pjattaforma li jkun fiha l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-informazzjoni pprovduta fil-Partijiet H u I tal-Anness I;

(b)

informazzjoni dwar il-persuni fiżiċi jew ġudizzjarji responsabbli għall-informazzjoni mogħtija fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment; fil-każ ta' persuni fiżiċi, inkluż membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta' superviżjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, l-isem u l-funzjoni tal-persuna fiżika; fil-każ ta' persuni ġuridiċi, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat;

(c)

id-dikjarazzjoni ta' responsabbiltà li ġejja:

“Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiddikjara li, sa fejn jaf hu, l-ebda informazzjoni ma tħalliet barra jew hija materjalment qarrieqa jew ineżatta. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv huwa responsabbli għat-tħejjija ta' din l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.”.

2.   Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jżomm l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell tal-pjattaforma aġġornata f'kull ħin u għat-tul taż-żmien tal-offerta ta' finanzjament kollettiv. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jinforma immedjatament lill–investituri li jkunu għamlu offerta li jinvestu jew li jkunu esprimew interess fl-offerta ta' finanzjament kollettiv dwar kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.

3.   L-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell ta' pjattaforma għandha tkun ġusta, ċara, u mhux qarrieqa, u ma għandux ikun fiha noti f'qiegħ il-paġna, għajr dawk b'referenzi, inkluż kwotazzjonijiet fejn ikun xieraq, għal-liġi applikabbli. Din għandha tiġi ppreżentata f'mezz awtonomu li jservi għal żmien twil li jkun jista' jingħaraf b'mod ċar minn komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u li jekk jiġi stampat ikun jikkonsisti f'massimu ta' sitt naħat ta' format ta' karta ta' daqs A4.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw tal-inqas li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ikollu r-responsabbiltà għall-informazzjoni mogħtija fi skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell ta' pjattaforma.. Dawk responsabbli għall-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandhom ikunu identifikati b'mod ċar fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell ta' pjattaforma, fil-każ ta' persuni fiżiċi, b'isimhom u l-funzjonijiet tagħhom jew, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom, kif ukoll dikjarazzjonijiet tagħhom li, sa fejn ikunu jafu, l-informazzjoni li tkun tinsab fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment hija f'konformità mal-fatti u li l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment ma tħalli xejn barra li x'aktarx jaffettwa l-importanza tagħha.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal persuni fiżiċi u ġuridiċi responsabbli għall-informazzjoni mogħtija f'dokument bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell ta' pjattaforma, inkluż kwalunkwe traduzzjoni tagħha, tal-inqas fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni tkun qarrieqa u mhux preċiża; jew

(b)

l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell ta' pjattaforma tħalli barra informazzjoni ewlenija meħtieġa biex tgħin lill-investituri meta jkunu qed jikkunsidraw jekk jinvestux permezz ta' ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self..

6.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ u japplikaw proċeduri adegwati biex jivverifikaw il-kompletezza, il-korrettezza u ċ-ċarezza tal-informazzjoni fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell ta' pjattaforma.

7.   Meta fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jidentifika ommissjoni, żball jew ineżattezza fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell tal-pjattaforma li jista' jkollha impatt materjali fuq ir-redditu mistenni tal-ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self, dak il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu huwa stess jirrettifika l-ommissjoni, l-iżball jew l-ineżattezza fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.

8.   Meta l-investituri prospettivi jingħataw skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment fil-livell tal-pjattaforma mfassla f'konformità ma' dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jitqiesu li ssodisfaw l-obbligu li jitfassal dokument bl-informazzjoni ewlenija f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mutatis mutandis għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtu pariri dwar offerta ta' finanzjament kollettiv jew li jikkummerċjalizzawha.

Artikolu 25

Bord tal-avviżi

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jistgħu joperaw bord tal-avviżi li fih jippermettu lill-klijenti tagħhom jirreklamaw interess biex jixtru u jbiegħu self, titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv li oriġinarjament kienu offruti fuq il-pjattaformi ta' finanzjament kollettiv tagħhom.

2.   Il-bord tal-avviżi msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jintuża biex jinġabru flimkien l-interessi tax-xiri u l-bejgħ permezz tal-protokolli tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew tal-proċeduri operattivi interni b'mod li jirriżulta f'kuntratt. Għalhekk, il-bord tal-avviżi ma għandux jikkonsisti minn sistema interna ta' tqabbil li teżegwixxi l-ordnijiet tal-klijenti fuq bażi multilaterali.

3.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jippermettu r-reklam ta' interess imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

huma jridu jinformaw lill-klijenti tagħhom dwar in-natura tal-bord tal-avviżi f'konformità mal-paragrafi 1 u 2;

(b)

huma jridu jesiġu li l-klijenti tagħhom li jirreklamaw bejgħ ta' self, titolu jew strument imsemmi fil-paragrafu 1 li jagħmlu disponibbli l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment;

(c)

huma jridu jipprovdu lill-klijenti bl-intenzjoni li jixtru self irreklamat fuq il-bord tal-avviżi bl-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-self iffaċilitat mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(d)

huma jridu jiżguraw li l-klijenti tagħhom li jirreklamaw interess biex jixtru self, titolu jew strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li jikkwalifikaw bħala investituri mhux sofistikati jirċievu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) u t-twissija ta' riskju msemmija fl-Artikolu 21(4).

4.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jippermettu r-reklam tal-interess imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li jipprovdu servizzi ta' kustodja tal-assi skont l-Artikolu 10(1) għandhom jirrikjedu li l-investituri tagħhom li jirreklamaw tali interess jinnotifikawhom bi kwalunkwe bidla fis-sjieda għall-finijiet tat-twettiq tal-verifika tas-sjieda u ż-żamma tar-rekords.

5.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jissuġġerixxu prezz ta' referenza għax-xiri u l-bejgħ imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom li l-prezz ta' referenza ssuġġerit mhuwiex vinkolanti u għandhom jissostanzjaw il-prezz ta' referenza ssuġġerit, u għandhom jiddivulgaw l-elementi ewlenin tal-metodoloġija skont l-Artikolu 19(6).

Artikolu 26

Aċċess għar-rekords

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom:

(a)

iżommu r-rekords kollha relatati mas-servizzi u t-tranżazzjonijiet tagħhom għal perijodu ta' mill-inqas ħames snin fuq mezz li jservi għal żmien twil;

(b)

jiżguraw li l-klijenti tagħhom dejjem ikollhom aċċess immedjat għar-rekords tas-servizzi pprovduti lilhom;

(c)

iżommu għal perijodu ta' mill-inqas ħames snin il-ftehimiet kollha bejn il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u l-klijenti tagħhom.

KAPITOLU V

Komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

Artikolu 27

Rekwiżiti rigward il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kollha dwar is-servizzi tagħhom, inkluż dawk esternalizzati lil partijiet terzi, ikunu identifikabbli b'mod ċar bħala tali.

2.   Qabel l-għeluq tal-ġbir ta' fondi għal proġett, l-ebda komunikazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ma għandha tkun immirata b'mod sproporzjonat lejn proġetti jew offerti ta' finanzjament kollettiv individwali ppjanati, pendenti jew kurrenti.

L-informazzjoni f'komunikazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni għandha tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa, u għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni inkluża fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment, jekk l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment diġà tkun disponibbli, jew mal-informazzjoni meħtieġa li tkun fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment, jekk l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment tkun għadha mhijiex disponibbli.

3.   Għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom, il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jużaw waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li bihom jiġu mxerrda l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jiġu mxerrda l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni huma responsabbli għas-sorveljanza tal-konformità mal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u l-infurzar tagħhom, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

5.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jeħtieġu notifika u approvazzjoni ex ante għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

Artikolu 28

Pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u jżommu aġġornati fuq is-siti web tagħhom dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli li jissorveljaw il-konformità magħhom u l-infurzar tagħhom fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 u jipprovdu lill-ESMA b'sommarju ta' dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi b'lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzjament internazzjonali.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 2 u jipprovdu lill-ESMA mingħajr dewmien sommarju aġġornat tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux responsabbli għas-sorveljanza tal-konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 u għall-infurzar tagħhom, huma għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom l-informazzjoni ta' kuntatt rigward fejn tista' tinkiseb informazzjoni dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1.

5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għan-notifiki skont dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   L-ESMA, fuq is-sit web tagħha, għandha tippubblika u żżomm is-sommarju msemmi fil-paragrafu 2 u l-iperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1. L-ESMA ma għandhiex tinżamm responsabbli għall-informazzjoni ppreżentata fis-sommarju.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu l-punti uniċi ta' kuntatt responsabbli li jipprovdu informazzjoni dwar regoli ta' kummerċjalizzazzjoni fl-Istati Membri rispettivi tagħhom.

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, regolarment, u tal-anqas fuq bażi annwali, jirrapportaw lill-ESMA dwar l-azzjonijiet ta' infurzar tagħhom li jkunu ħadu matul is-sena preċedenti abbażi tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv. B'mod partikolari, ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

fejn applikabbli, l-għadd totali ta' azzjonijiet ta' infurzar meħuda skont it-tip ta' mġieba ħażina;

(b)

fejn disponibbli, l-eżiti tal-azzjonijiet ta' infurzar, inkluż it-tipi ta' penali imposti jew ir-rimedji pprovduti mill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv; u

(c)

fejn disponibbli, eżempji ta' kif l-awtoritajiet kompetenti ttrattaw in-nuqqas tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jikkonformaw mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali.

KAPITOLU VI

Awtoritajiet kompetenti u l-esma

Artikolu 29

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-funzjonijiet u l-kompiti previsti f'dan ir-Regolament u għandhom jinfurmaw lill-ESMA b'dan.

2.   Fejn l-Istati Membri jiddeżinjaw aktar minn awtorità kompetenti waħda skont il-paragrafu 1, dawn għandhom jiddeterminaw il-kompiti rispettivi tagħhom u jiddeżinjaw waħda minnhom bħala punt ta' kuntatt uniku għall-kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mal-ESMA.

3.   L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-awtoritajiet kompetenti deżinjati f'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 30

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex jaqdu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat investigattivi li ġejjin:

(a)

li jeħtieġu li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u l-partijiet terzi deżinjati biex iwettqu funzjonijiet fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jikkontrollawhom jew li huma kkontrollati minnhom, biex jipprovdu informazzjoni u dokumenti;

(b)

li jeħtieġu li l-awdituri u l-maniġers tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, u tal-partijiet terzi deżinjati biex iwettqu funzjonijiet fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv, jipprovdu informazzjoni;

(c)

li jwettqu spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post f'siti minbarra dawk tar-residenzi privati ta' persuni fiżiċi, u għal dak il-għan li jidħlu fil-proprjetà sabiex jaċċessaw dokumenti u data oħra fi kwalunkwe forma, fejn ikun hemm suspett raġonevoli li jeżistu dokumenti u data oħra relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jew l-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi pruvat ksur ta' dan ir-Regolament.

2.   Sabiex jaqdu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji li ġejjin:

(a)

li jissospendu offerta ta' finanzjament kollettiv għal massimu ta' għaxart ijiem tax-xogħol konsekuttivi fi kwalunkwe okkażjoni meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li kien hemm ksur ta' dan ir-Regolament;

(b)

li jipprojbixxu jew jissospendu l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew li jeħtieġu li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew parti terza deżinjata biex twettaq funzjonijiet b'rabta mal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv twaqqaf jew tissospendi l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, għal massimu ta' għaxart ijiem tax-xogħol konsekuttivi fi kwalunkwe okkażjoni unika meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li kien hemm ksur ta' dan ir-Regolament;

(c)

li jipprojbixxu offerta ta' finanzjament kollettiv fejn jinstab illi sar ksur ta' dan ir-Regolament jew fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jissuspetta li jkun ser isir ksur tiegħu;

(d)

li jissospendu jew li jirrikjedu li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv rilevanti jissospendi, il-forniment servizzi ta' finanzjament kollettiv għal massimu ta' għaxart ijiem tax-xogħol konsekuttivi fi kwalunkwe okkażjoni unika meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li kien hemm ksur ta' dan ir-Regolament;

(e)

li jipprojbixxu l-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv meta jsibu li dan ir-Regolament ikun ġie miksur;

(f)

li jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-fatt li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew parti terza deżinjata biex twettaq funzjonijiet fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv qed jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

(g)

li jiddivulgaw, jew li jirrikjedu li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew parti terza deżinjata biex twettaq funzjonijiet fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv tiddivulga, l-informazzjoni materjali kollha li jista' jkollha effett fuq il-forniment tas-servizz ta' finanzjament kollettiv sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur jew l-operazzjoni bla xkiel tas-suq;

(h)

li jissospendu, jew li jirrikjedu li fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew parti terza deżinjata biex twettaq funzjonijiet b'rabta mal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv tissospendi, il-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv fejn l-awtoritajiet kompetenti jqisu li s-sitwazzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv tkun tali li l-forniment tas-servizz ta' finanzjament kollettiv ikun ta' detriment għall-interessi tal-investituri;

(i)

li jittrasferixxu kuntratti eżistenti lil fornitur ieħor ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv f'każijiet fejn l-awtorizzazzjoni ta' fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv tiġi rtirata f'konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1), soġġett għall-qbil tal-klijenti u tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv riċeventi.

Kwalunkwe miżura adottata fl-eżerċizzju tas-setgħat skont dan il-paragrafu għandha tkun proporzjonata, debitament ġustifikata u meħuda f'konformità mal-Artikolu 40.

3.   Fejn meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' titlob lill-awtorità ġudizzjarja rilevanti biex tiddeċiedi dwar l-użu tas-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li lilu jiġu ttrasferiti l-kuntratti eżistenti kif imsemmi fil-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jkun awtorizzat li jipprovdi servizzi ta' finanzjament kollettiv fl-istess Stat Membru fejn kien awtorizzat il-fornitur oriġinali ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 fi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

direttament;

(b)

f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħrajn;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b'delega lil tali awtoritajiet;

(d)

permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li jkunu jeħtieġu biex iwettqu dmirijiethom.

7.   Persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel l-informazzjoni disponibbli lill-awtorità kompetenti f'konformità ma' dan ir-Regolament m'għandhiex tkun ikkunsidrata li qed tikser kwalunkwe restrizzjoni fuq id-divulgazzjoni ta' informazzjoni imposta b'kuntratt jew b'xi dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandha tkun soġġetta għal ebda tip ta' responsabbiltà relatata ma' tali notifika.

Artikolu 31

Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed u jikkooperaw f'attivitajiet ta' investigazzjoni, superviżjoni u ta' infurzar.

Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, f'konformità mal-Artikolu 39(1), li jistipulaw penali kriminali għall-ksur ta' dan ir-Regolament, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri xierqa fis-seħħ sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat meħtieġa kollha biex ikollhom kuntatt mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-prosekuzzjoni jew tal-ġustizzja kriminali fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika marbuta ma' investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija fir-rigward tal-ksur ta' dan ir-Regolament, u biex jipprovdu l-istess informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħrajn kif ukoll lill-ESMA, sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta' kooperazzjoni għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   Awtorità kompetenti tista' tirrifjuta li taġixxi fuq talba għal informazzjoni jew talba sabiex tikkoopera f'investigazzjoni biss fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ġejjin:

(a)

meta l-konformità mat-talba x'aktarx li taffettwa ħażin l-investigazzjoni, l-attivitajiet ta' infurzar tagħha stess jew investigazzjoni kriminali;

(b)

meta proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat;

(c)

meta sentenza finali tkun diġà ngħatat fir-rigward ta' dawn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għall-istess azzjonijiet fl-Istat Membru indirizzat.

3.   L-Awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

4.   Awtorità kompetenti tista' titlob l-għajnuna mingħand l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor fir-rigward ta' spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post.

Awtorità kompetenti rikjedenti għandha tinforma lill-ESMA bi kwalunkwe talba msemmija fl-ewwel subparagrafu. Meta awtorità kompetenti tirċievi talba mingħand awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor biex twettaq spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post, din tista' tieħu kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

twettaq l-ispezzjoni jew l-investigazzjoni fuq il-post hi stess;

(b)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li bagħtet it-talba tipparteċipa fl-ispezzjoni jew l-investigazzjoni fuq il-post;

(c)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li bagħtet it-talba twettaq l-ispezzjoni jew l-investigazzjoni fuq il-post hi stess;

(d)

taħtar awdituri jew esperti biex iwettqu l-ispezzjoni jew l-investigazzjoni fuq il-post;

(e)

taqsam kompiti speċifiċi relatati ma' attivitajiet superviżorji mal-awtoritajiet kompetenti l-oħra.

5.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu lill-ESMA f'sitwazzjonijiet fejn tkun ġiet rifjutata talba għall-kollaborazzjoni, b'mod partikolari għal skambju ta' informazzjoni, jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 258 TFUE, f'tali każijiet l-ESMA tista' taġixxi f'konformità mas-setgħa mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw mill-qrib is-superviżjoni tagħhom sabiex jidentifikaw u jirrimedjaw il-ksur ta' dan ir-Regolament, jiżviluppaw u jippromwovu l-aħjar prattiki, jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni, irawmu l-konsistenza fl-interpretazzjoni u jipprovdu valutazzjonijiet transġurisdizzjonali f'każ ta' kwalunkwe nuqqas ta' qbil.

7.   Meta awtorità kompetenti ssib li ma jkunx ġie sodisfatt kwalunkwe rekwiżit skont dan ir-Regolament jew ikollha raġuni biex temmen li dan huwa l-każ, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-entità jew tal-entitajiet issuspettati bit-tali ksur bis-sejbiet tagħha b'mod dettaljat biżżejjed.

8.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Mejju 2022.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

9.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Mejju 2022.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 32

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni sabiex iwettqu dmirijiethom skont dan il-Kapitolu.

2.   Fil-każ ta' spezzjoni fuq il-post jew investigazzjoni b'effett transkonfinali, l-ESMA għandha, fejn tintalab tagħmel hekk minn waħda mill-awtoritajiet kompetenti, tikkoordina l-ispezzjoni jew l-investigazzjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ESMA, mingħajr dewmien, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha, f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi forom, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Mejju 2022.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 33

Kooperazzjoni ma' awtoritajiet oħra

Meta fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jinvolvi ruħu f'attivitajiet għajr dawk koperti mill-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza ta' attivitajiet oħra bħal dawn kif previst fil-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Artikolu 34

Obbligi ta' notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jimplimentaw dan il-Kapitolu, inkluż kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tal-liġi kriminali, lill-Kummissjoni u lill-ESMA sal-10 ta’ Novembru 2021. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 35

Segretezza professjonali

1.   L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament li tikkonċerna n-negozju jew kondizzjonijiet operattivi u affarijiet oħra ekonomiċi jew personali għandha titqies kunfidenzjali u għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali, ħlief fejn l-awtorità kompetenti tiddikjara fil-ħin tal-komunikazzjoni li huwa permess li din l-informazzjoni tiġi divulgata jew tali divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti legali.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtorità kompetenti jew għal kwalunkwe parti terza li l-awtorità kompetenti tkun iddelegat is-setgħat tagħha lilha. L-informazzjoni koperta b'segretezza professjonali ma tistax tiġi divulgata ma' ebda persuna fiżika jew ġuridika jew awtorità oħra ħlief permezz tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Artikolu 36

Protezzjoni tad-data

Rigward l-ipproċessar tad-data personali fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta' dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-ESMA fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, din għandha tikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 37

Miżuri ta' prekawzjoni

1.   Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li fih jiġu pprovduti servizzi ta' finanzjament kollettiv ikollha raġunijiet ċari u li jistgħu jintwerew biex temmen li twettqu irregolaritajiet mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew minn partijiet terzi deżinjati biex iwettqu funzjonijiet fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew li l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew il-partijiet terzi jkunu kisru l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti li tkun tat l-awtorizzazzjoni u lill-ESMA b'dan.

2.   Meta, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti li tkun tat l-awtorizzazzjoni, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jew il-parti terza deżinjata biex twettaq funzjonijiet b'rabta mal-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv tippersisti fil-ksur ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jiġu pprovduti s-servizzi ta' finanzjament kollettiv, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti li tkun tat l-awtorizzazzjoni u lill-ESMA, għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex tipproteġi lill-investituri u għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-ESMA b'dan mingħajr dewmien żejjed.

3.   Meta awtorità kompetenti ma taqbilx ma' kwalunkwe waħda mill-miżuri meħuda minn awtorità kompetenti oħra skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, hija tista' ġġib il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-ESMA. L-ESMA tista' taġixxi f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38

Trattament ta' lmenti minn awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċeduri li jippermettu li l-klijenti u partijiet ikkonċernati oħra, inkluż l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, jissottomettu lmenti lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ksur allegat ta' dan ir-Regolament minn fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv. Fil-każijiet kollha, l-ilmenti jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-miktub jew f'forma elettronika u b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih jiġi ppreżentat l-ilment jew b'lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

2.   L-informazzjoni dwar il-proċeduri tal-ilmenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli fuq is-sit web ta' kull awtorità kompetenti u kkomunikata lill-ESMA. L-ESMA għandha tippubblika r-referenzi għat-taqsimiet relatati mal-proċeduri tal-ilmenti tas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fuq is-sit web tagħha.

KAPITOLU VII

Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

Artikolu 39

Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 30, u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu penali kriminali, l-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu penali amministrattivi u li jieħdu miżuri amministrattivi oħra xierqa li għandhom jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra għandhom japplikaw tal-inqas għal:

(a)

il-ksur tal-Artikoli 3, 4 u 5, l-Artikolu 6(1) sa (6), l-Artikolu 7(1) sa (4), l-Artikolu 8(1) sa (6), l-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 10, l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(1), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 15(2) u (3), l-Artikolu 16(1), l-Artikolu 18(1) u (4), l-Artikolu 19(1) sa (6), l-Artikolu 20(1) u (2), l-Artikolu 21(1) sa (7), l-Artikolu 22, l-Artikolu 23(2) sa (13), l-Artikoli 24, 25, 26 u l-Artikolu 27(1) sa (3);

(b)

nuqqas ta' kooperazzjoni jew konformità f'investigazzjoni jew ma' spezzjoni jew talba koperta mill-Artikolu 30(1).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistipulawx regoli għal penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra għal ksur li jkun soġġetti għal penali kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

Sal-10 ta’ Novembru 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fid-dettall, ir-regoli msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi lill-Kummissjoni u lill-ESMA. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawn.

2.   L-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu mill-inqas dawn il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li ġejjin fir-rigward tal-ksur elenkat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1:

(a)

stqarrija pubblika li tindika l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur u n-natura tal-ksur;

(b)

ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika biex twaqqaf il-kondotta li tikkostitwixxi ksur u li ma tirrepetix dik il-kondotta;

(c)

projbizzjoni li tipprevjeni lil kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-persuna ġuridika responsabbli għall-ksur, jew lil kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet ta' ġestjoni f'fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;;

(d)

multi amministrattivi massimi ta' mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-benefiċċju miksub permezz tal-ksur fejn dak il-benefiċċju jista' jiġi determinat, anki jekk jaqbeż l-ammonti massimi stabbiliti fil-punt (e);

(e)

fil-każ ta' persuna ġuridika, multi amministrattivi massimi ta' mill-inqas EUR 500 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-9 ta’ Novembru 2020 jew sa 5 % tal-fatturat annwali totali ta' dik il-persuna ġuridika skont l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali. Fejn il-persuna ġuridika tkun intrapriża prinċipali jew sussidjarja ta' intrapriża prinċipali li hi meħtieġa tipprepara d-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati f'konformità mad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta' dħul f'konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-intrapriża prinċipali aħħarija;

(f)

fil-każ ta' persuna fiżika, multi amministrattivi massimi ta' mill-anqas ta' EUR 500 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-9 ta’ Novembru 2020.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu penali jew miżuri addizzjonali u livelli ogħla ta' multi amministrattivi minn dawk previsti f'dan ir-Regolament, fir-rigward kemm ta' persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi responsabbli għall-ksur.

Artikolu 40

Eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u s-setgħat li jiġu imposti penali

1.   Meta jistabbilixxu t-tip u l-livell ta' penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra li għandhom jiġu imposti f'konformità mal-Artikolu 39, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu sa fejn il-ksur huwiex intenzjonat jew jirriżultax minn negliġenza u ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, inkluż, fejn xieraq:

(a)

il-gravità u t-tul tal-ksur;

(b)

il-grad ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(d)

l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, sa fejn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(e)

it-telf għall-partijiet terzi kkawżat mill-ksur, sakemm dak ikun jista' jiġi determinat;

(f)

il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġi żgurat ċediment (“disgorgement”) tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(g)

il-ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(h)

l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom imsemmija fl-Artikolu 39 f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2).

3.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom biex jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra skont l-Artikolu 39, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigattivi tagħhom, u l-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li jimponu, ikunu effettivi u xierqa skont dan ir-Regolament. Huma għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom sabiex jevitaw id-duplikazzjoni u s-sovrappożizzjoni meta jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigattivi tagħhom u meta jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra f'każijiet transfruntiera.

Artikolu 41

Dritt ta' appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont dan ir-Regolament tkun motivata kif xieraq u soġġetta għad-dritt ta' appell quddiem tribunal. Id-dritt ta' appell quddiem tribunal għandu japplika wkoll meta, fir-rigward ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tagħha.

Artikolu 42

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   Deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżuri amministrattivi oħra għal ksur ta' dan ir-Regolament għandha tkun ippubblikata mill-awtoritajiet kompetenti fuq is-siti web uffiċjali tagħhom immedjatament wara li l-persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għal dik id-deċiżjoni tkun ġiet infurmata b'dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi għallinqas l-informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli. Dak l-obbligu ma japplikax għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta' natura investigatorja.

2.   Meta l-pubblikazzjoni tal-identità tal-entitajiet legali jew id-data tal-identità jew personali ta' persuni fiżiċi, tkun meqjusa mill-awtorità kompetenti li tkun sproporzjonata wara valutazzjoni każ b'każ mwettqa fuq il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' tali data, jew fejn din il-pubblikazzjoni tipperikola l-investigazzjoni li tkun għaddejja, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jiddiferixxu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura sal-mument meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta' pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li timponi penali jew miżura fuq bażi anonima b'mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali, fejn il-pubblikazzjoni anonima tista' tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata;

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li timponi penali jew miżura fil-każ li l-opzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) jitqiesu bħala insuffiċjenti biex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' tali deċiżjonijiet fir-rigward tal-miżuri li jitqiesu ta' natura minuri.

Fil-każ ta' deċiżjoni li tippubblika penali jew miżura fuq bażi anonima, kif imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista' tiġi differita għal perijodu raġonevoli ta' żmien fejn huwa previst li f'dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima m'għandhomx jibqgħu jeżistu.

3.   Meta d-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet rilevanti oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw, immedjatament, fuq is-sit web uffiċjali tagħhom tali informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta' tali appell. Barra minn dan, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li timponi penali jew miżura.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni bi qbil ma' dan l-Artikolu għandha tibqa' fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal perijodu ta' mill-inqas ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti għal perijodu li jkun meħtieġ f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 43

Ir-rappurtar tal-penali u l-miżuri amministrattivi lill-ESMA

1.   L-awtorità kompetenti għandha, fuq bażi annwali, tipprovdi lill-ESMA bl-informazzjoni aggregata rigward il-penali amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħra imposti f'konformità mal-Artikolu 39. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f'rapport annwali.

Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, f'konformità mal-Artikolu 39(1), li jiġu stabbiliti penali kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f'dak il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jipprovdu lill-ESMA kull sena b'informazzjoni anonimizzata u aggregata dwar l-investigazzjonijiet kriminali kollha mwettqa u l-penali kriminali imposti. L-ESMA għandha tippubblika d-data dwar il-penali kriminali imposti f'rapport annwali.

2.   Meta l-awtorità kompetenti tkun iddivulgat penali amministrattivi, miżuri amministrattivi oħra jew penali kriminali mal-pubbliku, hija għandha fl-istess ħin tirrappurtahom lill-ESMA.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ESMA dwar il-penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra kollha imposti iżda mhux pubblikati, inkluż kwalunkwe appell b'rabta magħhom u l-eżitu ta' dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u s-sentenza finali b'rabta ma' kwalunkwe penali kriminali imposta u jippreżentawha lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm bażi ta' data ċentrali tal-penali u miżuri amministrattivi kkomunikati lilha għall-finijiet biss tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dik il-bażi ta' data għandha tkun aċċessibbli biss għall-ESMA, l-EBA, u l-awtoritajiet kompetenti u għandha tkun aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.

KAPITOLU VIII

Atti delegati

Artikolu 44

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 48(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' 36 xahar mid-9 ta’ Novembru 2020.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 48(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġa’ fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 48(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU IX

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 45

Rapport

1.   Qabel l-10 ta’ Novembru 2023 il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-ESMA u l-EBA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jkun akkumpanjat fejn xieraq bi proposta leġislattiva.

2.   Ir-rapport għandu jivvaluta dan li ġej:

(a)

il-funzjonament tas-suq għall-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv fl-Unjoni, inkluż l-iżvilupp u x-xejriet tas-suq, filwaqt li titqies l-esperjenza superviżorja, l-għadd ta' fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzati u s-sehem tagħhom tas-suq, kif ukoll l-impatt ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva 97/9/KE, id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) 2017/1129;

(b)

jekk il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament jibqax xieraq, b'rabta mal-ammont tal-limitu stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2);

(c)

l-użu ta' strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv fil-forniment ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv transfruntier;

(d)

jekk il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament jibqax xieraq, filwaqt li jitqies l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju li jinvolvu l-intermedjazzjoni ta' pretensjonijiet finanzjarji, inkluż iċ-ċessjoni jew il-bejgħ lil investituri terzi ta' pretensjonijiet ta' self permezz tal-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv;

(e)

jekk humiex meħtieġa xi aġġustamenti għad-definizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, inkluż id-definizzjoni ta' investitur sofistikat stabbilita fil-punt (j) tal-Artikolu 2(1) u l-kriterji fl-Anness II fid-dawl tal-effettività tagħhom fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-investitur;

(f)

jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6 u l-Artikolu 24 jibqgħux xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-governanza, il-konformità u d-divulgazzjonijiet tal-informazzjoni għall-ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self u fid-dawl ta' servizzi simili pprovduti għal titoli trasferibbli f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE;

(g)

l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-Unjoni tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv, inkluż l-impatt fuq l-aċċess għal finanzjament mill-SMEs u fuq l-investituri u kategoriji oħra ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi affettwati minn dawk is-servizzi;

(h)

l-implimentazzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika fis-settur tal-finanzjament kollettiv, inkluż l-applikazzjoni ta' mudelli ta' negozju u teknoloġiji innovattivi ġodda;

(i)

jekk ir-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fl-Artikolu 11 jibqgħux xierqa biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta' rekwiżiti ta' fondi proprji minimi, id-definizzjoni ta' fondi proprji, l-użu tal-assigurazzjoni u l-kombinament bejn il-fondi proprji u l-assigurazzjoni;

(j)

jekk ikunux meħtieġa xi bidliet għar-rekwiżiti dwar l-informazzjoni lill-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 19 jew għas-salvagwardji tal-protezzjoni tal-investitur stabbiliti fl-Artikolu 21;

(k)

jekk l-ammont stabbilit fl-Artikolu 21(7) jibqax xieraq sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti ta' dan ir-Regolament;

(l)

l-effett tal-lingwi aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 23(2) u (3);

(m)

l-użu ta' bordijiet tal-avviżi msemmija fl-Artikolu 25, inkluż l-impatt fuq is-suq sekondarju għal self, titoli trasferibbli u strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv;

(n)

l-effetti li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-investituri;

(o)

l-applikazzjoni ta' penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra u, b'mod partikolari, kwalunkwe ħtieġa biex ikomplu jiġu armonizzati l-penali amministrattivi previsti għall-ksur ta' dan ir-Regolament;

(p)

il-ħtieġa u l-proporzjonalità li l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiġu soġġetti għal obbligi ta' konformità mal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u li dawn il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jiġu miżjuda mal-lista ta' entitajiet marbuta b'obbligu għall-finijiet ta dik id-Direttiva;

(q)

l-adegwatezza li entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi jiġu awtorizzati bħala fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv skont dan ir-Regolament;

(r)

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA, u l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti bħala s-superviżuri ta' dan ir-Regolament;

(s)

il-possibbiltà li jiġu introdotti miżuri speċifiċi f'dan ir-Regolament għall-promozzjoni ta' proġetti ta' finanzjament kollettiv sostenibbli u innovattivi, kif ukoll l-użu ta fondi tal-Unjoni.

(t)

l-għadd totali u s-sehem mis-suq tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzati skont dan ir-Regolament fil-perijodu mill-10 ta’ Novembru 2021 sal-10 ta’ Novembru 2022, klassifikat f'intrapriżi żgħar, ta' daqs medju u kbar;

(u)

il-volumi, l-għadd ta' proġetti u x-xejriet tal-forniment transfruntier ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għal kull Stat Membru;

(v)

is-sehem tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv ipprovduti skont dan ir-Regolament fis-suq globali tal-finanzjament kollettiv u fis-suq finanzjarju tal-Unjoni;

(w)

l-ispejjeż ta' konformità ma' dan ir-Regolament għall-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv bħala perċentwal tal-ispejjeż operazzjonali;

(x)

il-volum tal-investimenti rtirati mill-investituri matul il-perijodu ta' riflessjoni, is-sehem tiegħu mill-volum totali ta' investimenti u, abbażi ta' dik id-data, jiġi valutat jekk it-tul u n-natura tal-perijodu ta' riflessjoni stabbilit fl-Artikolu 22 humiex xierqa u ma jagħmlux ħsara lill-effiċjenza tal-proċess tal-ġenerazzjoni ta' kapital jew tal-protezzjoni tal-investituri;

(y)

l-għadd u l-ammont ta' multi amministrattivi u penali kriminali imposti f'konformità ma' dan ir-Regolament u b'rabta miegħu klassifikati għal kull Stat Membru;

(z)

it-tipi u x-xejriet ta' mġieba frawdolenti tal-investituri, tal-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv u ta' partijiet terzi li jseħħu fir-rigward ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Emenda għar-Regolament (UE) 2017/1129

Fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2017/1129, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(k)

offerta ta' titoli lill-pubbliku mingħand fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv awtorizzat skont ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), dment li din ma taqbiżx il-limitu stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 47

Emenda għad-Direttiva (UE) 2019/1937

Fil-Parti I B, tal-Anness għad-Direttiva (UE) 2019/1937,, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(xxi)

Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għan-negozji u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).”.

Artikolu 48

Perijodu ta' tranżizzjoni fir-rigward tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv pprovduti f'konformità mal-liġi nazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jistgħu jkomplu, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv li huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sal-10 ta’ Novembru 2022 jew sakemm jingħataw awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 12, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

2.   Għal tul il-perijodu ta' tranżizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jista' jkollhom fis-seħħ proċeduri ta' awtorizzazzjoni simplifikati għall-entitajiet li, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ikunu awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 12 jiġu osservati qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni skont dawn il-proċeduri simplifikati.

3.   Sal-10 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni, wara li tikkonsulta l-ESMA, dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv biss fuq bażi nazzjonali u l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq l-iżvilupp ta' swieq nazzjonali ta' finanzjament kollettiv u dwar l-aċċess għall-finanzjament. Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 44 biex testendi darba l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu b'perijodu ta' 12-il xahar.

Artikolu 49

Deroga temporanja fir-rigward tal-livell limitu stabbilit fil-punt(c) tal-Artikolu 1(2)

B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, għal perijodu ta' 24 xahar mill-10 ta’ Novembru 2021, fejn fi Stat Membru l-livell limitu tal-kunsiderazzjoni totali għall-pubblikazzjoni ta' prospett f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/1129 ikun anqas minn EUR 5 000 000, dan ir-Regolament għandu japplika f'dak l-Istat Membru biss għal offerti ta' finanzjament kollettiv b'kunsiderazzjoni totali sal-ammont ta' dak il-livell limitu.

Artikolu 50

Traspożizzjoni tal-emenda tad-Direttiva (UE) 2019/1937

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u japplikaw, sal-10 ta’ Novembru 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 47. Madanakollu, jekk dik id-data tkun qabel id-data tat-traspożizzjoni msemmija fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1937, l-adozzjoni, il-pubblikazzjoni u l-applikazzjoni ta' tali liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għandha tiġi posposta sad-data tat-traspożizzjoni msemmija fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1937.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert mill-Artikolu 47.

Artikolu 51

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-10 ta’ Novembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 65.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta' Lulju 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

(3)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(9)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(11)  Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).

(12)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(14)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(18)  Direttiva (UE) 2020/1504 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (ara paġna 50 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2013 dwar statistika fuq l-attiv u l-passiv ta' korporazzjonijiet finanzjarji vettura involuti fi tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 107).

(20)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)(ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

(23)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(24)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).


ANNESS I

SKEDA BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA DWAR L-INVESTIMENT

Parti A: Informazzjoni dwar sid(ien) il-proġett u l-proġett ta' finanzjament kollettiv

(a)

L-identità, il-forma ġuridika, is-sjieda, il-ġestjoni u d-dettalji ta' kuntatt;

(b)

Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha responsabbli għall-informazzjoni mogħtija fl-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.. Fil-każ ta' persuni fiżiċi, inkluż membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta' superviżjoni ta' sid il-proġett, indika l-isem u l-funzjoni tal-persuna fiżika; fil-każ ta' persuni ġuridiċi, indika l-isem u l-uffiċċju rreġistrat.

Id-dikjarazzjoni ta' responsabbiltà li ġejja:

"Sid il-proġett jiddikjara li, sa fejn jaf hu, l-ebda informazzjoni ma tħalliet barra jew hija materjalment qarrieqa jew ineżatta. Sid il-proġett huwa responsabbli għat-tħejjija ta' din l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment.";

(c)

L-attivitajiet prinċipali ta' sid il-proġett; il-prodotti jew is-servizzi offruti minn sid il-proġett;

(d)

Iperlink għall-aktar dikjarazzjonijiet finanzjarji reċenti ta' sid il-proġett, jekk disponibbli;

(e)

Ċifri u proporzjonijiet finanzjarji annwali ewlenin għal sid il-proġett għal dawn l-aħħar tliet snin, jekk disponibbli;

(f)

Deskrizzjoni tal-proġett ta' finanzjament kollettiv, inkluż l-iskop tiegħu u l-karatteristiċi prinċipali.

Parti B: Il-karatteristiċi prinċipali tal-proċess ta' finanzjament kollettiv u, kif applikabbli, il-kundizzjonijiet għall-ġenerazzjoni tal-kapital jew is-self ta' fondi

(a)

Il-kapital minimu fil-mira li għandu jiġi ġġenerat jew il-fondi fil-mira li għandhom jittieħdu b'self f'offerta unika ta' finanzjament kollettiv u l-għadd ta' offerti li jkunu ġew kompletati minn sid il-proġett jew mill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għall-proġett ta' finanzjament kollettiv;

(b)

L-iskadenza biex jintlaħaq il-kapital fil-mira jew il-fondi fil-mira li jridu jittieħdu b'self;

(c)

Informazzjoni dwar il-konsegwenzi jekk il-kapital fil-mira ma jiġix iġġenerat jew il-fondi fil-mira ma jittieħdux b'self sal-iskadenza;

(d)

L-ammont massimu ta' offerta meta jkun differenti mill-kapital fil-mira jew il-fondi fil-mira msemmija fil-punt (a);

(e)

L-ammont tal-fondi proprji impenjati għall-proġett ta' finanzjament kollettiv minn sid il-proġett;

(f)

Bidla fil-kompożizzjoni tal-kapital ta' sid il-proġett jew self relatat mal-offerta ta' finanzjament kollettiv;

(g)

L-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta' perijodu ta' riflessjoni prekuntrattwali għal investituri mhux sofistikati.

Parti C: Fatturi ta' riskju

Preżentazzjoni tar-riskji ewlenin assoċjati mal-finanzjament tal-proġett ta' finanzjament kollettiv, mas-settur, mal-proġett, ma' sid il-proġett u t-titoli trasferibbli, l-istrumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv jew self, inkluż, fejn rilevanti, ir-riskji ġeografiċi.

Parti D: Informazzjoni relatata mal-offerta ta' titoli trasferibbli u strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv

(a)

L-ammont totali u t-tip ta' titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv li jridu jiġu offruti;

(b)

Il-prezz tas-sottoskrizzjoni;

(c)

Jekk humiex aċċettati s-sottoskrizzjonijiet żejda u kif dawn jiġu allokati;

(d)

It-termini tas-sottoskrizzjoni u l-pagament;

(e)

Il-kustodja u l-konsenja ta' titoli trasferibbli jew strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv lill-investituri;

(f)

Fil-każijiet li fihom l-investiment ikun garantit permezz ta' garanzija jew kollateral:

(i)

jekk il-garanti jew il-fornitur tal-kollateral huwiex persuna ġuridika;

(ii)

l-identità, il-forma ġuridika u d-dettalji ta' kuntatt tal-garanti jew il-fornitur tal-kollateral;

(iii)

informazzjoni dwar in-natura u t-termini tal-garanzija jew il-kollateral;

(g)

Meta applikabbli, impenn sod għar-riakkwist tat-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv u l-perijodu ta' żmien għal riakkwist bħal dan;

(h)

Għal strumenti mhux ta' ekwità, ir-rata tal-imgħax nominali, id-data minn meta jrid jibda jitħallas l-imgħax, id-dati tal-pagamenti tal-imgħax, id-data ta' maturità u r-rendiment applikabbli.

Parti E: Informazzjoni dwar veikoli bi skop speċjali (SPV)

(a)

Jekk bejn sid il-proġett u l-investitur hemmx SPV interpost;

(b)

Id-dettalji ta' kuntatt tal-SPV.

Parti F: Id-drittijiet tal-investituri

(a)

Id-drittijiet ewlenin marbuta mat-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv;

(b)

Restrizzjonijiet li għalihom huma soġġetti t-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv, inkluż il-ftehimiet tal-azzjonisti jew arranġamenti oħra li jipprevjenu t-trasferibbiltà tagħhom;

(c)

Deskrizzjoni ta' kwalunkwe restrizzjoni fuq it-trasferiment tat-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv;

(d)

Opportunitajiet għall-investitur biex joħroġ mill-investiment;

(e)

Għall-istrumenti ta' ekwità, id-distribuzzjoni tal-kapital u d-drittijiet tal-vot qabel u wara iż-żieda ta' kapital li tirriżulta mill-offerta (jekk wieħed jassumi li t-titoli trasferibbli jew l-istrumenti ammessi kollha ser ikunu sottoskritti).

Parti G: Divulgazzjonijiet relatati ma' self

Fil-każijiet li fihom l-offerta ta' finanzjament kollettiv tinvolvi l-faċilitazzjoni tal-għoti ta' self, l-iskeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment għandu jkun fiha, minflok l-informazzjoni msemmija fil-Partijiet D, E u F ta' dan l-Anness, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

In-natura, it-tul u t-termini tas-self;

(b)

Ir-rati tal-imgħax applikabbli jew, meta applikabbli, kumpens ieħor lill-investitur;

(c)

Miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, inkluż l-eżistenza ta' fornituri ta' kollateral jew garanti jew tipi oħra ta' garanziji;

(d)

L-iskeda għar-ripagament tal-kapital u l-ħlas tal-imgħax;

(e)

Kwalunkwe inadempjenza fuq kuntratti ta' kreditu minn sid il-proġett fl-aħħar ħames snin;

(f)

Is-servizzjar tas-self, inkluż f'sitwazzjonijiet fejn sid il-proġett ma jissodisfax l-obbligi tiegħu.

Parti H: Tariffi, informazzjoni u rimedju ġuridiku

(a)

It-tariffi mitluba, u l-ispejjeż imġarrba minn, l-investitur fir-rigward tal-investiment, inkluż l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-bejgħ ta' strumenti ammessi għal finijiet ta' finanzjament kollettiv;

(b)

Minn fejn u kif tista' tinkiseb bla ħlas informazzjoni addizzjonali dwar il-proġett ta' finanzjament kollettiv, sid il-proġett u l-SPV;

(c)

Kif u lil min l-investitur jista' jindirizza lment dwar l-investiment jew dwar l-imġiba ta' sid il-proġett jew tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

Parti I: Informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self li għandu jiġi pprovdut mill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv

(a)

L-identità, il-forma ġuridika, is-sjieda, il-ġestjoni u d-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(b)

Ir-rata tal-imgħax minima u massima tas-self li tista' tkun disponibbli għall-portafolli individwali tal-investituri;

(c)

Id-data ta' maturità minima u massima tas-self li tista' tkun disponibbli għall-portafolli individwali tal-investituri;

(d)

Fejn tintuża, il-firxa u d-distribuzzjoni ta' kategoriji ta' riskju li fihom jaqa' s-self, kif ukoll ir-rati ta' inadempjenza u r-rata tal-imgħax medja ppeżata għal kull kategorija ta' riskju bi tqassim ulterjuri skont is-sena li fiha jkun ingħata s-self permezz tal-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv;

(e)

L-elementi ewlenin tal-metodoloġija interna għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-proġetti individwali ta' finanzjament kollettiv u għad-definizzjoni tal-kategoriji tar-riskji;

(f)

Jekk tiġi offruta rata fil-mira ta' redditu fuq l-investiment, rata fil-mira annwalizzata u l-intervall ta' kunfidenza ta' din ir-rata fil-mira annwalizzata matul il-perijodu ta' investiment, filwaqt li jitqiesu t-tariffi u r-rati ta' inadempjenza;

(g)

Proċeduri, metodoloġiji interni u kriterji għall-għażla tal-proġetti ta' finanzjament kollettiv għall-portafoll individwali ta' self għall-investitur;

(h)

Il-kopertura u l-kundizzjonijiet ta' kwalunkwe garanzija kapitali applikabbli;

(i)

Is-servizzjar ta' self fil-portafoll, inkluż f'sitwazzjonijiet fejn sid il-proġett ma jissodisfax l-obbligi tiegħu;

(j)

Strateġiji ta' diversifikazzjoni tar-riskji;

(k)

It-tariffi li jridu jitħallsu minn sid il-proġett jew l-investitur, inkluż kwalunkwe tnaqqis mill-imgħax li jrid jitħallas minn sid il-proġett.


ANNESS II

INVESTITURI SOFISTIKATI GĦALL-FINI TA' DAN IR-REGOLAMENT

I.   Kriterji ta' identifikazzjoni

Investitur sofistikat huwa investitur li għandu l-għarfien tar-riskji assoċjati ma' investiment fi swieq kapitali u riżorsi adegwati biex jidħol għal dawk ir-riskji mingħajr ma jesponi ruħu għal konsegwenzi finanzjarji eċċessivi. L-investituri sofistikati jistgħu jiġu kategorizzati bħala tali jekk jissodisfaw il-kriterji ta' identifikazzjoni stabbiliti f'din it-Taqsima u jekk tiġi segwita l-proċedura stabbilita fit-Taqsima II.

Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ġejjin għandhom jitqiesu bħala investituri sofistikati fis-servizzi kollha offruti mill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità ma' dan ir-Regolament:

(1)

Persuni ġuridiċi li jissodisfaw tal-anqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

għandhom fondi ta' mill-inqas EUR 100 000;

(b)

fatturat nett ta' mill-inqas EUR 2 000 000;

(c)

karta tal-bilanċ ta' mill-inqas EUR 1 000 000.

(2)

Persuni fiżiċi li jissodisfaw tal-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin:

(a)

dħul gross personali ta' mill-inqas EUR 60 000 għal kull sena fiskali, jew portafoll ta' strumenti finanzjarji, definit bħala li jinkludi depożiti ta' flus u assi finanzjarji, li jaqbeż EUR 100 000;

(b)

l-investitur jaħdem jew ikun ħadem fis-settur finanzjarju għal mill-inqas sena f'pożizzjoni professjonali, li teħtieġ għarfien tat-tranżazzjonijiet jew tas-servizzi previsti, jew l-investitur kellu pożizzjoni eżekuttiva għal tal-inqas 12-il xahar f'persuna ġuridika kif imsemmija fil-punt (1);

(c)

l-investitur ikun wettaq tranżazzjonijiet ta' daqs sinifikanti fis-swieq kapitali bi frekwenza medja ta' 10 kull trimestru, fuq l-erba' trimestri preċedenti.

II.   Talba biex wieħed jiġi ttrattat bħala investitur sofistikat

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-investituri tagħhom mudell li jistgħu jużaw biex jippreżentaw talba biex jiġu ttrattati bħala investituri sofistikati. Il-mudell għandu jkun fih il-kriterji ta' identifikazzjoni stabbiliti fit-Taqsima I u twissija ċara li tispeċifika l-protezzjoni tal-investituri li investitur sofistikat jitlef bħala konsegwenza li jiġi klassifikat bħala tali.

Talba biex wieħed jiġi trattat bħala investitur sofistikat għandu jkun fiha l-punti li ġejjin:

(1)

Attestazzjoni li tispeċifika l-kriterji ta' identifikazzjoni stabbiliti fit-Taqsima I li l-investitur li jkun qed jagħmel it-talba jissodisfa;

(2)

Dikjarazzjoni li l-investitur li jkun qed jagħmel it-talba huwa konxju tal-konsegwenzi tat-telf tal-protezzjoni tal-investituri marbuta mal-istatus ta' investituri mhux sofistikati;

(3)

Dikjarazzjoni li l-investitur li jkun qed jagħmel it-talba jibqa' responsabbli għall-veraċità tal-informazzjoni pprovduta fit-talba.

Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jieħu passi raġonevoli biex jiżgura li l-investitur jikkwalifika bħala investitur sofistikat u għandu jimplimenta politiki interni adegwati bil-miktub biex jikklassifika lill-investituri. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu japprova t-talba sakemm ma jkollux dubji raġonevoli li l-informazzjoni pprovduta fit-talba hija korretta. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jinnotifika b'mod espliċitu lill-investituri a meta l-istatus tagħhom jiġi kkonfermat.

L-approvazzjoni msemmija fit-tielet paragrafu għandu jkollha validità ta' sentejn. L-investituri li jixtiequ jżommu l-istatus tagħhom ta' investituri sofistikati wara l-iskadenza tal-perijodu ta' validità għandhom jippreżentaw talba ġdida lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

L-investituri sofistikati għandhom ikunu responsabbli biex iżommu lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv infurmat dwar kwalunkwe bidla li tista' taffettwa l-kategorizzazzjoni tagħhom. Meta l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jinduna li l-investitur m'għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet inizjali li jkunu għamlu lill-investitur eliġibbli għal trattament bħala investitur sofistikat, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jinforma lill-investitur li huwa ser jiġi ttrattat bħala investitur mhux sofistikat.

III.   Investituri sofistikati li huma klijenti professjonali

B'deroga mill-proċedura stabbilita fit-Taqsima II ta' dan l-Anness, l-entitajiet imsemmija fil-punti (1) sa (4) tat-Taqsima I tal-Anness II għad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jitqiesu bħala investituri sofistikati jekk jipprovdu prova tal-istatus tagħhom ta’ professjonisti lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.