23.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1318

tat-22 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/21 u (UE) 2020/194 fir-rigward tad-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID‐19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 47 l tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2012 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Skont il-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 79/2012, kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/21 (3), il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli portal web għall-Istati Membri li jagħżlu li jippubblikaw fost l-oħrajn ir-rati tat-taxxa applikabbli għall-provvisti ta’ oġġetti u servizzi msemmija fl-Artikolu 47 g, it-tieni paragrafu tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 (4) li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, dwar skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li jfornu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012 huwa mħassar u sostitwit b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/194 (5) biex jiġi rifless l-ambitu estiż tal-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza oġġetti u ċerti provvisti domestiċi ta’ oġġetti. Madankollu, fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-korrezzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti ta’ servizzi koperti mill-iskemi speċjali msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012 li twettqu qabel l-1 ta’ Jannar 2021, dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu jkompli japplika sal-10 ta’ Frar 2024. Dan biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni jibqa’ japplika għal provvisti li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2021. Il-korrezzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT jistgħu jsiru fi żmien tliet snin mid-data li fiha kellha tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni inizjali.

(3)

Dawk il-bidliet saru biex jirriflettu l-estensjoni tal-iskemi speċjali stabbiliti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (6) bid-Direttivi tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (7) u (UE) 2019/1995 (8) u l-emendi korrispondenti li saru fir-Regolament (UE) Nru 904/2010 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 (9).

(4)

Il-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, li qed taffettwa ħafna lill-Istati Membri kollha u ġġegħelhom jieħdu l-azzjoni minnufih fil-livell nazzjonali bi prijorità billi jirriallokaw ir-riżorsi lejn kwistjonijiet oħra, qed tikkawża diffikultajiet għal xi Stati Membri biex jimplimentaw u japplikaw dawk il-bidliet mill-1 ta’ Jannar 2021. Għaldaqstant, id-dati tal-applikazzjoni tal-emendi għat-Titolu XII, il-Kapitolu 6 tad-Direttiva 2006/112/KE u tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 ġew posposti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1109 (10) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1108 (11) b’sitt xhur sal-1 ta’ Lulju 2021.

(5)

Sabiex ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/21 u (UE) 2020/194 ikunu japplikaw mill-istess data tad-dispożizzjonijiet emendati tat-Titolu XII, il-Kapitolu 6 tad-Direttiva 2006/112/KE u tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, dawk ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2021.

(6)

Jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn intermedjarju mar-reġistrazzjoni fl-Anness I, il-Kaxxa 21, il-Kolonna E tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/194 tirreferi biss għal numri ta’ identifikazzjoni preċedenti possibbli li jippermettu lil dik il-persuna taġixxi bħala intermedjarju.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/21 u (UE) 2020/194 jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/21

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/21 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 79/2012, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

mill-1 ta’ Lulju 2021, ir-rati tat-taxxa applikabbli għal provvisti ta’ oġġetti u servizzi skont l-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 g tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.”;

(2)

fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.”;

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/194

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/194 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2021.

Madankollu, fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-korrezzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti ta’ servizzi koperti minn waħda mill-iskemi speċjali msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012 li twettqu qabel l-1 ta’ Lulju 2021, dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu jkompli japplika sal-10 ta’ Awwissu 2024.”;

(2)

fl-Artikolu 8, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.”

(3)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-Kaxxa 21, il-Kolonna E hija sostitwita b’dan li ġej:

“In-numru/i tal-intermedjarju allokat(i) mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 369q(2) tad-Direttiva 2006/112/KE jekk l-intermedjarju kien jaġixxi bħala tali qabel”;

(b)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(13)

Id-data tal-bidu tal-użu tal-iskema hija identika għad-data fil-kolonna D, fil-kaxxa 19 u, fil-każ ta’ prereġistrazzjoni f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2026, ma tistax tkun qabel l-1 ta’ Lulju 2021.”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2012 tal-31 ta’ Jannar 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 29, 1.2.2012, p. 13).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/21 tal-14 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 11, 15.1.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 tat-13 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, dwar skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li jfornu servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli (ĠU L 249, 14.9.2012, p. 3).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2020/194 tat-12 ta’ Frar 2020 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 fir-rigward ta’ skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza oġġetti u ċerti provvisti domestiċi ta’ oġġetti (ĠU L 40, 13.2.2020, p. 114).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1995 tal-21 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jirrelataw ma’ bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 310, 2.12.2019, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1109 tal-20 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f’dak li jirrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 3).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1108 tal-20 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 1).