22.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/1311

tal-21 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014 (2), sabiex ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK isiru effettivi.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2536 (2020). Dik ir-Riżoluzzjoni testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi.

(3)

Fil-21 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1312 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2536 (2020).

(4)

Xi wħud minn dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex jiġu implimentati flimkien mal-aġġustamenti tekniċi fid-dawl tar-Riżoluzzjonijiet reċedenti tal-KSNU, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 224/2014, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

relatati ma’ armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas u munizzjon u komponenti mfassla speċjalment għal tali armi, u ma’ vetturi militari tal-art mhux armati u vetturi militari tal-art armati b’armi ta’ kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas, u l-partijiet ta’ rikambju tagħhom, u ma’ granati bi propulsjoni ta’ rokit, u munizzjon imfassal apposta għal tali armi, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inklużi istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi ċivili, fejn tali armi, munizzjoni, komponenti u vetturi jkunu maħsuba biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA tar-RSS jew għal użu fih, dment li l-provvediment ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat mill-inqas 20 jum minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(f)

relatati ma’ armi u tagħmir letali relatat ieħor li mhumiex elenkati fil-punt (e) tal-Artikolu 3, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inkluż l-istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, meta tali armi u tagħmir ikunu intenzjonati biss għall-appoġġ jew l-użu fil-proċess tar-RĊA tar-RSS, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal- 10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1312 tal-21 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).