15.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1279

tad-9 ta’ Settembru 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe suddiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett fil-forma ta’ midalja magħmula minn metall komuni, mhux maħsul b’metall prezzjuż, f’forom varji (ċirkolari, rettangolari, irregolari, eċċ.) u f’diversi daqsijiet (ġeneralment b’dijametru ta’ bejn 35 u 70 mm). L-oġġett jista’ jkun imżejjen b’diversi motifi (stampati fih) u jkollu kulur tad-deheb, tal-fidda jew tal-bronż. Jista’ jkollha ħolqa fin-naħa ta’ fuq biex tiddendel b’żigarella u li tintlibes madwar l-għonq.

L-oġġett huwa ppreżentat biex jintuża bħala midalja, biex iżejjen lil persuna wara li tikseb suċċess f’kompetizzjoni, b’żigarella jew mingħajrha.

Ara l-istampi (*1)

7117 19 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 11 tal-Kapitolu 71, kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet NM 7117, 7117 19 u 7117 19 00 .

L-oġġett huwa ddisinjat biex jintlibes fuq il-ġisem jew fuq il-ħwejjeġ. Jitqies bħala oġġett żgħir għat-tiżjin personali (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) tal-intestatura 7117, l-ewwel paragrafu).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8306 bħala “oġġetti ta’ metall komuni” hija eskluża peress li l-oġġett mhux ta’ tip iddisinjat essenzjalment għat-tiżjin, fid-djar, fl-uffiċċji, eċċ (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-SA tal-intestatura 8306, parti (B), l-ewwel paragrafu). Dik l-intestatura tkopri biss medaljuni oħra għajr dawk għat-tiżjin personali (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-SA tal-intestatura 8306, parti (B), it-tielet paragrafu, (1)).

B’konsegwenza, l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7117 19 00 bħala “ġojjellerija ta’ imitazzjoni oħra ta’ metall komuni”.

Image 1


(*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta’ informazzjoni.